31999L0085



Official Journal L 277 , 28/10/1999 P. 0034 - 0036


Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/85/KE

tat-22 ta' Ottubru 1999

li temenda d-Direttiva 77/388/KEE rigward il-possibbilità li tiġi applikata fuq bażi sperimentali rata mnaqqsa tal-VAT fuq servizzi li jinvolvu xogħol intensiv

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) l-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq l-ammont tad-dħul min-negozju- sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [4] tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw biss jew waħda jew l-oħra miż-żewġ rati mnaqqsa għall-provvisti ta' l-oġġetti u tas-servizzi tal-kategoriji speċifikati fl-Anness H mad-Direttiva 77/388/KEE;

(2) madankollu, l-problema tal-qagħad hija serja b'mod illi dawk l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan għandhom jitħallew jesperimentaw b'metodi operattivi u impatt, f'termini ta' ħolqien tax-xogħol, ta' tnaqqis fir-rata tal-VAT fuq servizzi bażati li jinvolvu xogħol intensiv li ma humiex korrentment imniżżla fil-lista fl-Anness H;

(3) din ir-rata mnaqqsa ta' VAT x'aktarx li tnaqqas l-inċentiv għan-negozji interessati li jidħlu jew jibqgħu mdaħħlin fl-ekonomija s-sewda;

(4) madanakollu, d-dħul ta' tnaqqis mirat għalih fir-rata tal-VAT jista' jkollu impatt negattiv fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern u fuq in-newtralità tat-taxxa; għandhom għalhekk isiru disposizzjonijiet sabiex tiddaħħal proċedura ta' awtorizzazzjoni għal perjodu sħiħ u definit biċ-ċar taż-żmien ta' tliet snin u biex l-iskop ta' din il-miżura jsir bla ħsara għal kondizzjonijiet stretti biex l-iskop jibqa' jista' jiġi verifikat u limitat;

(5) minħabba n-natura sperimentali tal-miżura, għandha titwettaq stima dettaljata ta' l-impatt tagħha f'termini ta' ħolqien tax-xogħol u ta' l-effiċjenza ta' l-Istati Membri li jimplimentawha u mill-Kummissjoni;

(6) il-miżura għandha tkun strettament limitata fiż-żmien u għandha tintemm mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002;

(7) l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma tinvolvi l-ebda emenda għal-liġijiet ta' l-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 28:

"6. Il-Kunsill, huwa u jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kull Stat Membru li japplika għall perjodu massimu ta' żmien ta' tliet snin bejn l-1 ta' Jannar 2000 u l-31 ta' Diċembru 2002 ir-rati mnaqqsa provduti fit-tielet sottoparagrafu ta' l-Artikolu 12(3)(a) għas-servizzi mniżżla fil-lista għall-massimu ta' tnejn mill-kategoriji dikjarati fl-Anness K. F'każi eċċezzjonali, Stat Membru jista' jiġi awtorizzat li japplika r-rata mnaqqsa għas-servizzi għal tlieta mill-kategoriji msemmija hawn fuq.

Is-servizzi involuti jridu jissodisfaw il-ħtiġiet li ġejjin:

(a) iridu jinvolvu xogħol intensiv;

(b) iridu fil-biċċa l-kbira jiġu provduti direttament lill-konsumaturi aħħarin;

(ċ) iridu prinċipalment ikunu lokali u x'aktarx li ma joħolqux tagħwiġ fil-kompetizzjoni;

(d) irid ikun hemm rabta mill-qrib bejn il-prezzijiet iktar baxxi li jirriżultaw mit-tnaqqis tar-rata u ż-żieda prevista għad-domanda u għax-xogħol.

L-applikazzjoni ta' rata mnaqqsa ma tridx tippreġudika l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

Kull Stat Membru li jixtieq idaħħal il-miżura provduta fl-ewwel sottoparagrafu għandu jgħarraf lill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Novembru 1999 u għandu jipprovdiha minn qabel din id-data bil-partikolaritajiet rilevanti, u partikolarment b'dan li ġej:

(a) l-iskop tal-miżura u deskrizzjoni dettaljata tas-servizzi involuti;

(b) partikolaritajiet li juru illi jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet preskritti fit-tieni u t-tielet sottoparagrafi;

(ċ) partikolaritajiet li juru n-nefqa skond l-estimi tal-miżura prevista.

Dawk l-Istati Membri awtorizzati li japplikaw ir-rata mnaqqsa riferita fl-ewwel sottoparagrafu għandhom, qabel l-1 ta' Ottubru 2002, ifasslu rapport dettaljat li jkun fih stima ġenerali ta' l-effettività tal-miżura notabbilment f'termini dwar il-ħolqien tax-xogħol u dwar l-effiċjenza.

Qabel il-31 ta' Diċembru 2002 il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport ta' evalwazzjoni globali lill-Kunsill u lill-Parlament akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, bi proposta għal miżuri xierqa għal deċiżjoni finali dwar ir-rata tal-VAT applikabbli għas-servizzi bażati fuq servizzi li jinvolvu xogħol intensiv."

2. Għandu jiżdied l-Anness ġdid K kif dikjarat fl-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmulha fil-Lussemburgu, fit-22 ta' Ottubru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

S. Mönkäre

[1] ĠU C 102, tat-13.4.1999, p. 10.

[2] ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 105.

[3] ĠU C 209, tat-22.7.1999, p. 20.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/59/KE (ĠU L 162, tas-26.6.1999, p. 63).

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS K

Il-lista tal-provvisti tas-servizzi riferiti fl-Artikolu 28(6)

1. Servizzi żgħar ta' tiswija:

- roti (bicycles)

- żraben u oġġetti tal-ġilda,

- ilbies u għażel tad-dar (inklużi t-tiswija u l-alterazzjoni).

2. Ir-rinovazzjoni u t-tiswija ta' djar privati, għajr il-materjali li jiffurmaw parti sinifikattiva mill-valur tal-provvista.

3. Tindif ta' twieqi u tindif fi djar privati.

4. Servizzi ta' għajnuna domestika (e.g. għajnuna fid-dar u kura taż-żgħar, tax-xjuħ, tal-morda jew tad-diżabbli).

5. Qtugħ (u servizzi) tax-xagħar.

"

--------------------------------------------------