31999L0033



Official Journal L 199 , 30/07/1999 P. 0057 - 0058


Id-Direttiva 1999/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-10 ta' Mejju 1999

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE fir-rigward ta' l-ittikkettjar ta' ċerti sustanzi perikolużi fl-Awstrija u l-Isvezja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

(1) Billi l-Artikolu 30 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-disposizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta'sustanzi perikolużi [4], jipprovdi li l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid fis-suq ta' sustanzi li jikkonformaw ma' dik id-Direttiva;

(2) Billi l-Artikolu 23(2)(ċ) tad-Direttiva 67/548/KEE jeħtieġ li kull pakkett ta' sustanza juri simboli ta' perikolu, kif stabbilit fl-Anness II; billi l-Artikolu 23(2)(e) ta' l-imsemmija Direttiva jeħtieġ li kull pakkett ta' sustanza juri frażijiet-S speċifiċi (frażijiet ta' sigurtà) fir-rigward ta' l-użu sigur tas-sustanza, u billi l-kliem ta' dawk il-frażijiet-S huma stabbiliti fl-Anness IV ta' dik id-Direttiva;

(3) Billi l-Artikolu 69 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994 u l-Anness VIII tiegħu jipprovdu li l-Artikolu 30 flimkien ma' l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 67/548/KEE m'għandhomx japplikaw għall-Awstrija qabel l-1 ta' Jannar 1999, billi l-Awstrija tista' teħtieġ l-użu ta' tikketti b'simboli addizzjonali mhux inklużi fl-Anness II u tikketti b'frażijiet–S addizzjonali mhux elenkati fl-Anness IV ta' l-imsemmija Direttiva rigward kontro-miżuri f'każ ta' aċċident, u li dawk id-disposizzjonijiet għandhom ikunu riveduti skond il-proċeduri tal-KE qabel il-31 ta' Diċembru 1998;

(4) Billi l-Artikolu 23(2)(d) tad-Direttiva 67/548/KEE jeħtieġ li kull pakkett ta' sustanza juri frażijiet-R speċifiċi (frażijiet riskju) li jindikaw ir-riskji speċjali illi jinqalgħu mill-perikoli involuti fl-użu tas-sustanza, u billi l-kliem ta' dawk il-frażijiet-R huwa stabbilit fl-Anness III ta' l-imsemmija Direttiva;

(5) Billi l-Artikolu 112 tat-Trattat ta' Adeżjoni 1994 u l-Anness XII tiegħu jipprovdu li l-Artikolu 30 flimkien ma' l-Artikolu 23(2)(d) tad-Direttiva 67/548/KEE m'għandux japplika għall-Isvezja qabel l-1 ta' Jannar 1999, billi l-Isvezja tista' teħtieġ l-użu tal-frażijiet-R addizzjonali "R-322" u "R-340" mhux elenkati fl-Anness III ta' l-imsemmija Direttiva, u li dawk id-disposizzjonijiet għandhom ikunu riveduti skond il-proċeduri tal-Komunità qabel il-31 ta' Diċembru 1998;

(6) Billi d-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Mejju 1999 li tirrigwarda l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikettjar tal-preparazzjonjijiet perikolużi [5] tipprovdi għal ċerti kondizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjoni tad-Direttiva fir-rigward, fost oħrajn, ta' simboli addizzjonali, frażijiet-R u frażijiet-S għall-Awstrija u l-Isvezja biex jittieħed kont tal-livell ta' l-i standards tagħhom għall-ħarsien tas-saħħa u l-ħarsien ta' l-ambjent; billi dawk il-kondizzjonijiet speċifiċi huma limitati għal perjodu ta' sentejn li jibda għaddej mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 2000; billi f'dak il-perjodu għandu jkun hemm koerenza fil-kondizzjonijiet tal-marketing tas-sustanzi u l-preparazzjonijiet perikolużi.

(7) Billi huwa prevedibbli progress xjentifiku u tekniku fil-kwadru ta' negozjati internazzjonali fuq l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni ta' sustanzi perikolużi fir-rigward ta' "R-322", u billi, fid-dawl tan-negozjati internazzjonali li għadhom sejrin fuq l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi u wara li jitqies l-istħarriġ fuq l-ittikkettjar mniehed mill-Kummissjoni, l-esperti ta' l-Istati Membri ftehmu li jikkunsidraw reviżjoni fil-fond tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Komunità fir-rigward tal-"R-340" bħala' prijorità importanti;

(8) Billi l-leġislazzjoni tal-Komunità għandha tiġi riveduta fid-dawl ta' l-eżitu tan-negozjati fuq l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi, u billi jista' jkun mistenni li l-eżitu ser iwassal għall-approssimazzjoni ta' standards f'dan ir-rigward mal-Komunità kollha;

(9) Billi r-risoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, mlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, tat-3 ta' Diċembru 1990 fuq it-titjib tal-prevenzjoni u t-trattament ta' l-avvelenament akut fil-bniedem [6] issejjaħ għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri għall-ġbir ta' data tossikoloġika klinika għaċ-ċentri ta' avvelenament kollha fil-Komunità biex ikun faċilitat l-iżvilupp ta' politika għall-prevenzjoni ta' riskju tossiku; billi għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, f'koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu bejn iċ-ċentri tal-avvelenament jew, meta xieraq, servizzi oħra kompetenti sistema tal-Komunità ta' informazzjoni u kollaborazzjoni dwar id-disponibbilità ta' antidoti;

(10) Billi simbolu li juri li r-residwi ta' ċerti sustanzi perikolużi għandhom jinġabru separatament minn skart ieħor jista' jnaqqas ir-rilaxx potenzjali ta' sustanzi perikolużi fl-ambjent bit-titjib ta' l-użu ta' sistemi speċjali tal-ġbir ta' l-iskart mill-pubbliku ġenerali; billi, minħabba n-nuqqas ta' ċerta evidenza, ċertu ammont ta' żmien għadu meħtieġ għall-konsiderazzjoni tal-bżonn għal dan is-simbolu ġewwa l-Komunità;

(11) Billi r-reviżjoni tal-leġislazjoni Komunitarja fuq sustanzi perikolużi fir-rigward tad-disposizzjonijiet ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994 dwar l-Awstrija u l-Isvezja ma setgħetx titlesta sal-31 ta' Diċembru 1998;

(12) Billi id-disposizzjonijiet koperti b'din id-Direttiva għandhom ikomplu jkunu riveduti skond il-proċeduri tal-Komunità fil-perjodu ta' l-eżenzjoni stabbilit; billi, iżda, mingħajr preġudizzji għall-eżitu ta' dik ir-reviżjoni, fl-aħħar ta' dak il-perjodu l-acquis communautaire japplika għall-Awstrija u l-Isvezja taħt l-istess kondizzjonijiet kif japplika għall-Istati Membri l-oħra;

(13) Billi l-leġislazzjoni tal-Komunità tista' tipprovdi għal derogi għall-perjodi limitati ta' żmien għal ċerti Stati Membri fid-dawl tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 23 tad-Direttiva 67/548/KEE:

"5. l-Awstrija tista' mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 2000 teħtieġ l-użu ta':

- is-simbolu addizzjonali "dustbin b'salib fuqu'" rigward ir-rimi ta' l-iskart, mhux inkluż fl-Anness II, u

- il-frażi-S addizzjonali "Jeżisti l-antitodu, persunal mediku għandu jikkuntattja liċ-Ċentru għall-Informazzjoni fuq il-Veleni" dwar kontromiżuri f'każ ta' aċċident, mhux elenkat fl-Anness IV.

6. L-Isvezja tista' mill-1 ta' Jannar 1999 sal-31 ta' Diċembru 2000 teħtieġ l-użu tal-frażijiet-R addizzjonali li ġejjin, mhux elenkati fl-Anness III:

- "R-322" għall-sustanzi li juru effetti tossiċi akuti mhux koperti bil-kriterji għall-klassifikazzjoni ta' l-Anness VI (kategorija Svediża "ta' ħsara moderata"), u

- "R-340" għall-sustanzi kklassifikati bħala kanċeroġeniċi, kategorija 3, minflokk il-frażi-R R40

."

Artikolu 2

Ir-Repubblika ta' l-Awstrija u r-Renju ta' l-Isevzja għandhom jadottaw u jippubblikaw id-disposizzjonijiet meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' Lulju 2000. Ghandhom jgharrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri konċernati jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza ghandhom jigu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-10 ta' Mejju 1999.

Għal Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Ghall-Kunsil

Il-President

H. Eichel

[1] ĠU C 374, tat-3.12.1998, p. 15.

[2] ĠU C 40, tal-15.2.1999, p. 43.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 1998 (ĠU C 98, 09.04.99, p. 151), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Frar 1999 (ĠU C 58, 01.03.99, p. 26) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Marzu 1999 (ĠU C 175, tal-21.06.1999). Deċiżjoni tal-Kunsill tat-29 ta' April 1999.

[4] ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/98/KE (ĠU L 355, 30.12.98, p. 1).

[5] ĠU L 200, tat-30.7.1999, p. 1.

[6] ĠU C 329, tal-31.12.1990, p. 6.

--------------------------------------------------