31999L0022



Official Journal L 094 , 09/04/1999 P. 0024 - 0026


Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE

tad-29 ta' Marzu 1999

dwar iż-żamma ta' annimali selvaġġi fiż-żoo

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130s(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [1],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [2],

Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' l-ispeċi ta' fawna u flora billi jiġi regolat il-kummerċ fihom [3] jeħtieġ evidenza tad-disponibilità ta' faċilitajiet adegwati għall-akkomodazzjoni u kura ta' kampjuni ħajjin ta' numru kbir ta' speċi qabel l-importazzjoni tagħhom fil-Komunità tiġi approvata; billi dak ir-Regolament jipprojbixxi l-wiri lill-pubbliku għal għanijiet kummerċjali ta' kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness A tiegħu sakemm ma tkunx ingħatat eżenzjoni speċifika għall-għanijiet ta' edukazzjoni, riċerka jew trobbija;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni ta' għasafar salvaġġi [4], u d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta' l-abitat naturali u tal-fawna u l-flora salvaġġi [5]), jipprojbixxu l-qbid u ż-żamma ta' u n-negozju f'numru kbir ta' speċi, waqt li jiddisponu għal eżenzjonijiet għal raġunijiet speċifiċi, bħal riċerka u edukazzjoni, ri-popolazzjoni, ri-introduzzjoni u trobbija;

Billi l-implimentazzjoni xierqa ta' leġislazzjoni preżenti u futura tal-Komunità dwar il-konservazzjoni ta' fawna salvaġġa u l-ħtieġa li jiġi żgurat li ż-żoos iwettqu adegwatament ir-rwol importanti tagħhom fil-konservazzjoni ta' l-ispeċi, fl-edukazzjoni pubblika, u/jew fir-riċerka xjentifika tagħmilha meħtieġ li jiġi provdut bażi komuni għall-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta' liċenzi u l-ispezzjoni ta ż-żoos, iż-żamma ta' annimali fiż-żoos, it-taħriġ ta' l-impjegati u l-edukazzjoni tal-pubbliku li jżurhom;

Billi azzjoni fil-livell ta' Komunità hija meħtieġa biex iż-żoos mal-Komunità kollha jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-bijodiversità skond l-obbligazzjoni tal-Komunità li tadotta miżuri għall-konservazzjoni ex situ skond l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

Billi numru ta' organizzazzjonijiet bħall-Assoċjazzjoni Ewropea taż-Żoos u l-Akwarja ipproduċew linji ta' gwida għall-kura u l-akkommodazzjoni ta' annimali fiż-żoos li jistgħu, fejn xieraq, jgħinu fl-iżvilupp u l-adozzjoni ta' standards nazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għan

L-għanijiet ta' din id-Direttiva huma li jipproteġu l-fawna salvaġġa u li tiġi konservata l-bijodiversità billi jinħolqu dispożizzjonijiet għall-adozzjoni ta' miżuri mill-Istati Membri dwar il-ħruġ ta' liċenzi u l-ispezzjoni ta' żoos fil-Komunità, u b'hekk jissaħħah ir-rwol taż-żoos fil-konservazzjoni tal-bijodiversità.

Artikolu 2

Tifsira

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, "żoos" tfisser l-istabbilimenti permanenti kollha fejn jinżammu annimali ta' speċi salvaġġi għall-wiri lill-pubbliku għal sebat ijiem fis-sena jew aktar, bl-eċċezzjoni ta' ċirkli, ħwienet ta' annimali domestiċi (pet shops) u stabbilimenti li l-Istati Membri jeżentaw mill-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva għar-raġuni li ma jurux numru sinifikanti ta' annimali jew speċi għall-pubbliku u li l-eżenzjoni ma tipperikolax il-miri ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3

Ħtiġijiet applikabbli għaż-żoos

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri skond l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 biex jiżguraw li ż-żoos kollha jimplimentaw il-miżuri ta' konservazzjoni li ġejjin:

- jipparteċipaw f'riċerka li biha joktru miżuri ta' konservazzjoni ta' l-ispeċi, u/jew taħriġ fil-kapaċitajiet relevanti ta' konservazzjoni, u/jew il-bdil ta' tagħrif dwar il-konservazzjoni ta' l-ispeċi u/jew, fejn xieraq, trobbija fil-maqbud, ri-popolazzjoni jew ri-introduzzjoni ta' l-ispeċi fl-ambjent naturali,

- promozzjoni ta' edukazzjoni pubblika u għarfien tal-konservazzjoni tal-bijodiversità, partikolarment billi jingħata tagħrif dwar l-ispeċi esibiti u l-abitat naturali tagħom,

- l-akkomodazzjoni ta' l-annimali tagħhom f'kondizzjonijiet li jimmiraw biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bijoloġiċi u ta' konservazzjoni ta' l-ispeċi individwali, inter alia, billi jipprovdu titjib speċifiku għall-ispeċi tal-postijiet magħluqa; u ż-żamma ta' standard għoli ta' maniġġar għaqli ta' l-annimali bi programm żviluppat ta' kura preventiva u kurattiva veterinarja u ta' nutriment,

- il-prevenzjoni ta' ħrib ta' annimali biex jiġi evitat theddid possibbli ekoloġiku għal speċi indiġeni u l-prevenzjoni tad-dħul minn barra ta' insetti qerrieda u vermi,

- iż-żamma aġġornata tar-reġistrazzjonijiet tal-kollezzjoni ta ż-żoo addattati għall-ispeċi reġistrati.

Artikolu 4

Liċenzjar u spezzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri għall-liċenzjar u l-ispezzjoni ta ż-żoos eżistenti u dawk ġodda biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 3 jitħarsu.

2. Kull żoo għandu jkollu liċenzja fi żmien erba' snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva jew, fil-każ ta' żoos ġodda, qabel ma jinfetħu għall-pubbliku.

3. Kull liċenzja għandu jkun fiha kondizzjonijiet biex jiġu infurzati l-ħtiġijiet ta' l-Artikolu 3. Konformità mal-kondizzjonijiet għandha tiġi ikkontrollata inter alia permezz ta' spezzjonijiet regolari u passi addattati għandhom jittieħdu biex tiġi żgurata din il-konformità.

4. Qabel jingħata, jiġi rifjutat, jittawwal il-perjodu ta' licenzja, jew qabel ma' din tiġi sostanzjalment emendata, spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru għandha titwettaq biex jiġi stabbilit jekk il-kondizzjonijiet tal-liċenzja jew il-kondizzjonijiet proposti għal-liċenzja jkunux ġew imħarsa.

5. Jekk iż-żoo ma jkunx liċenzjat skond din id-Direttiva jew il-kondizzjonijiet tal-liċenzja ma jkunux imħarsa, iż- żoo jew parti minnu:

(a) għandu jingħalaq għall-pubbliku mill-awtorità kompetenti; u/jew

(b) għandu jikkonforma mal-ħtiġijiet addattati mposti mill-awtorità kompetenti biex jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet tal-liċenzja jitħarsu.

Jekk dawn il-ħtiġijiet ma jiġux imħarsa f'perjodu xieraq li għandu jiġi stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti iżda li m'għandux jeċċedi s-sentejn, l-awtorità kompetenti għandha tirtira jew timmodifika l-liċenzja u tagħlaq iz-zoo jew parti minnu.

Artikolu 5

Il-ħtiġijiet tal-liċenzja preskritti fl-Artikolu 4 m'għandhomx japplikaw meta Stat Membru jkun jista' juri għas-sodisfazzjoni tal-Kummissjoni li l-għan ta' din id-Direttiva kif preskritt fl-Artikolu 1 u l-ħtiġijiet applikabbli għaż-żoos preskritti fl-Artikolu 3 ikunu qegħdin jitħarsu u miżmuma kontinwament permezz ta' sistema jew regolament u registrazzjoni. Sistema bhal din għandha, fost affarijiet ohra, ikollha dispożizzjonijiet dwar l-ispezzjoni u l-għeluq taż-żoos ekwivalenti għal dawk ta' l-Artikolu 4(4) u (5).

Artikolu 6

Għeluq taż-żoos

Fil-każ li jingħalaq żoo jew parti minnu, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-annimali konċernati jiġi ttrattati jew isir li għandu jsir minnhom f'kondizzjonijiet li l-Istat Membru jqies xierqa u konsistenti ma' l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 7

Awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 8

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 9

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolament u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-direttiva sa mhux aktar tard mid-9 ta' April 2002. Għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew irid ikun hemm magħhom referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Marzu 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Müntefering

[1] ĠU C 204, tal-15.7.1996, p. 63.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Jannar 1998. (ĠU C 56, tat-23.2.1998, p. 34), Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 1998 (ĠU C 364, tal-25.11.1998, p. 9), u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Frar 1999 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 61, tat-3.3.1997, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 2307/97 (ĠU L 325, tas-27.11.1997, p. 1).

[4] ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/49/KE (ĠU L 223,. tat-13.8.1997, p. 9).

[5] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/62/KE (ĠU L 305, tat-8.11.1997, p. 42).

--------------------------------------------------