31999L0020



Official Journal L 080 , 25/03/1999 P. 0020 - 0021


Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/20/KE

tat-22 ta' Marzu 1999

li temenda d-Direttivi 70/524/KEE dwar l-addittivi fl-għalf, 82/471/KEE dwar ċerti prodotti wżati fin-nutrizzjoni ta' l-annimali, 95/53/KE li tiffissa l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' l-ispezzjonijiet uffiċjali fil-qasam tan-nutrizzjoni ta' l-annimali u 95/69/KEC li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-arranġamenti biex jiġu approvati u rreġistrati ċerti stabbilimenti u intermedjarji li jaħdmu fis-settur ta' l-għalf ta' l-annimali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikoli 13 sa 16 tad-Direttiva 70/524/KEE [4], kif emendata bid-Direttiva 96/51/KE [5], jistabbilixxu ċerti disposizzjonijiet dwar id-distribuzzjoni u l-inkorporazzjoni fl-għalf ta' addittivi u taħlitiet minn qabel u t-tikkettjar ta' l-addittivi, it-taħlitiet minn qabel u l-għalf kompost;

Billi d-Direttiva 82/471/KEE [6] tipprovdi fl-Artikolu 3 u fl-Anness għal ċerti miżuri dwar id-distribuzzjoni u t-tikkettjar ta' dawn il-prodotti;

Billi l-għeluq taż-żmien ta' l-1 ta' April 1998 stabbilit biex jiġu implimentati mill-Istati Membri l-emendi għad-Direttivi 70/524/KEE u 82/471/KEE, introdotti rispettivament mid-Direttiva 96/51/KE u d-Direttiva 95/69/KC [7] mhix kompatibbli mad-dati stabbiliti mid-Direttiva 95/69/KE għat-tlestija tal-proċeduri ta' l-approvazzjoni (l-1 ta' April 2001) u l-proċeduri tar-reġistrazzjoni (l-1 Settembru 1998) għal ċerti stabbilimenti u intermedjarji li jaħdmu fis-settur ta' l-għalf; billi d-disposizzjonijiet fil-kwistjoni japplikaw mingħajr preġudizzju għat-temmiet taż-żmien stabbiliti fid-Direttiva 95/69/KE; billi d-Direttivi 70/524/KEE u 82/471/KEE għandhom madankollu jiġu emendati għar-raġunijiet tal-konsistenza legali;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 95/53/KE tal-25 ta' Ottubru 1995 li tiffissa l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' l-ispezzjonijiet uffiċjali fil-qasam tan-nutrizzjoni ta' l-annimali [8] għandha tkopri l-prodotti u s-sustanzi kollha użati fl-għalf fil-Komunità;

Billi, sabiex jinkiseb dan l-għan, id-Direttiva 96/25/KE għandha tiġi inkluża fil-lista tal-leġislazzjoni li għaliha tapplika d-Direttiva 95/53/KE; billi r-referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 77/101/KEE tat-23 Novembru 1976 dwar it-tqegħid fis-suq ta' l-għalf dritt [9] għandha tiġi mħassra minn din il-lista, billi minn dak iż-żmien ġiet imħassra bid-Direttiva 96/25/KE;

Billi d-Direttiva 95/69/KE tistabbilixxi illi kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Istati Membri l-oħra, lista ta' l-istabbilimenti approvati; billi l-proċeduri għall-approvazzjoni ta' l-istabbilimenti jridu jitlestew sa l-1 ta' April 2001; billi, sadanittant huwa għalhekk meħtieġ, bil-ħsieb illi spezzjonijiet uffiċjali fil-qasam tan-nutrizzjoni ta' l-annimali, b'mod partikolari dwar il-kummerċ fil-Komunità, illi l-komunikazzjoni għandha tinkludi wkoll l-istabbilimenti li, għalkemm għadhom ma ġewx approvati, jistgħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva, jissoktaw jitwettqu l-attivitajiet tagħhom;

Billi d-Direttivi 70/524/KE, 82/471/KEE, 95/53/KE u 95/69/KE għandhom għalhekk jiġu emendati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 70/524/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 13, għandu jiġi miżud il-paragrafu li ġej:

"6. Il-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 95/69/KE".

2. Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 16a

L-Artikoli 14 sa 16 li jirreferu għan-numri ta' l-approvazzjoni u tar-reġistrazzjoni provduti fid-Direttiva 95/69/KE għandhom japplikaw mill-1 ta' April 2001".

Artikolu 2

Id-Direttiva 82/471/EEC hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 3, għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

"4. Il-paragrafu 3 għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 95/69/KE".

2. Fl-Anness, għall-prodotti riferiti fil-punt 1(a) tal-Kapitolu 1 tad-Direttiva 95/69/KE, fil-kolonna 7 ('disposizzjonijiet speċjali'), l-aħħar inċiż fid-dettalji li jridu jingħataw fuq il-pakkett tal-prodott, fuq il-kontenitur jew fuq it-tikketta mwaħħla magħhom għandu jiġi mibdul bit-test li ġej:

"— mill-1 ta' April 2001: in-numru ta' l-approvazzjoni".

Artikolu 3

Fid-Direttiva 95/53/KE, fl-Artikolu 2(1)(a), it-tielet inċiż għandu jiġi mibdul b'li ġej:

"— Id-Direttiva tal-Kunsill 96/25/KE tad-29 ta' April 1996 dwar iċ-ċirkolazzjoni tal-materjali ta' l-għalf, li temenda d-Direttivi 70/524/KEE, 74/63/KEE, 82/471/KEE u 93/74/KEE u tħassar id-Direttiva 77/101/KEE"

.

Artikolu 4

Fid-Direttiva 95/69/KE, fl-Artikolu 6(2), it-tieni u t-tielet sentenzi għandhom jiġu mibdula b'li ġej:

"Qabel il-31 Diċembru ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Istati Membri l-oħra lista ta' l-istabbilimenti riferiti fl-Artikolu 2(2)(a) u (b) u ta' l-intermedjarji approvati skond l-Artikolu 3(1) u lista ta' l-istabbilimenti u l-intermedjarji korrispondenti riferiti fl-Artikolu 4(2) li jkunu ssottomettew applikazzjonijiet għall-approvazzjoni li dwarhom l-Istati Membri jkunu għadhom ma ħadux deċiżjoni.

Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Istati Membri l-oħra, il-lista kollha jew parti minnha ta' l-istabbilimenti riferiti fl-Artikolu 2(2)(ċ) sa (f) u l-lista kollha jew parti minnha ta' l-istabbilimenti korrispondenti riferiti fl-Artikolu 4(2) li jkunu ssottomettew applikazzjonijiet għall-approvazzjoni li dwarhom l-Istati Membri ma jkunux għadhom ħadu deċiżjoni"

.

Artikolu 5

1. Sat-30 Settembru 1999, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalbiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih b'dan. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri mill-1 ta' Ottubru 1999.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri riferiti fil-paragrafu 1, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-22 ta' Marzu 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Verheugen

[1] ĠU C 266, tal-25.8.1998, pġ. 14.

[2] ĠU C 328, tas-26.10.1998, pġ. 80.

[3] ĠU C 40, tal-15.2.1999, pġ. 10.

[4] ĠU L 270, ta' l-14. 12. 1970, pġ. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bd-Direttiva 98/92/KE (ĠU L 346, tat-22.12.1998, pġ. 49).

[5] ĠU L 235, tas-17.9.1996, pġ. 39.

[6] ĠU L 213, tal-21.7.1982, pġ. 8. Direttiva kif l-aħħar emendata bd-Direttiva 96/25/KE (ĠU L 125, tat-23.5.1996, pġ. 35).

[7] ĠU L 332, tat-30.12.1995, pġ. 15. Direttiva kif emendata bd-Direttiva 98/92/KE.

[8] ĠU L 265, tat-8.11.1995, pġ. 17.

[9] ĠU L 32, tat-3.2.1977, pġ. 1. Direttiva mħassra bid-Direttiva 96/25/KE (ĠU L 125, tat-23. 5. 1996, pġ. 35).

--------------------------------------------------