31999F0364



Official Journal L 142 , 05/06/1999 P. 0001 - 0002


Posizzjoni Komuni

tas-27 ta' Mejju 1999

adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fuq in-negozjati rigward l-Abbozz tal-Konvenzjoni fuq iċ-Ċiberkriminalità li saru fil-Kunsill ta' l-Ewropa

(1999/364/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 34(2)(a) ta' dan,

Filwaqt li jagħraf l-importanza ta' l-iżvilupp ta' mezzi effettivi biex jiġi pprevenut u miġġieled l-użu ħażin ta' teknoloġiji ġodda li l-użu tagħhom qed jiżdied,

Billi l-Kunsill Ewropew li ltaqgħa f'Amsterdam f'Ġunju 1997 approva l-pjan ta' azzjoni tal-Grupp ta' Livell Għoli fuq il-Kriminalità Organizzata, li, inter alia, jinsabu fih proposti sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra il-kriminalità permezz ta' teknoloġija għolja;

Kkunsidra l-miżuri li diġà ġew adottati mill-Unjoni Ewropea jew li huma fil-proċess ta' preparazzjoni jew ta' adozzjoni konnessi mal-ġlieda kontra l-kriminalità permezz ta' teknoloġija għolja;

Billi l-arranġamenti ġew magħmula għall-iżvilupp u għan-negozjar ta' Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa fuq iċ-Ċiberkriminalità;

Billi fid-dokument "Elementi ta' l-istrateġija ta' l-Unjoni kontra l-kriminalità permezz ta' teknoloġija għolja", li ġiet approvata mill-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 1998, l-Istati Membri ġew mitluba biex jikkonċentraw l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam, per eżempju permezz ta' l-adozzjoni ta' posizzjonijiet komuni dwar ix-xogħol ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra fil-qasam tal-kriminalità permezz ta' teknoloġija għolja;

Filwaqt li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-azzjoni biex jiġu miġġielda r-razziżmu u l-ksenofobija;

Wara li kkunsidra l-"Pjan ta' azzjoni biex jiġi mħeġġeġ l-użu ta' l-Internet" ta' l-Unjoni Ewropea,

Xewqan li jikontribwixxi bl-aħjar mod possibbli għan-negozjati tal-Konvenzjoni proposta fuq iċ-Ċiberkriminalità u biex tevita inkompatibilità bejn dik il-Konvenzjoni u l-istrumenti magħmula fl-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN IL-POSIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-għemil ta' l-abbozz tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa fuq iċ-Ċiberkriminalità (hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejħa "il-Konvenzjoni"). Fil-Konvenzjoni huma għandhom jitkellmu favur l-inklużjoni ta' disposizzjonijiet li jħeffu l-investigazzjoni u prosekuzzjoni effettiva ta' reati kriminali konnessi ma' sistemi u data tal-kompjuter.

2. Id-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni għandhom jissuplimentaw b'mod adegwat il-liġi kriminali sustantiva u għandhom jinkludu reati kontra l-kunfidenzjalità, l-integrità u disponibilità tad-data tal-kompjuter, offiżi li għandhom x'jaqsmu mal-kompjuter bħal frodi u iffalsifikar permezz tal-kompjuter u offiżi li għandhom x'jaqsmu mal-kontenut bħall-qasam tal-pornografija tat-tfal. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-definizzjoni ta' l-offiżi konnessi mal-qasam tal-pornografija tat-tfal jinkludu sensiela wiesgħa ta' attivitajiet kriminali speċifiċi. L-Istati Membri għandhom ukoll jitkellmu favur, meta approprjat, l-inklużjoni ta' regoli skond liema jistgħu jikkostitwixxu offiżi li għandhom x'jaqsmu mal-kontenut li jiġu kommessi permezz ta' sistema tal-kompjuter.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ġurisdizzjoni xierqa tiġi stabbilita għall-dawk l-offiżi previsti fil-Konvenzjoni.

4. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-istabbiliment ta' disposizzjonijiet li jiffaċilitaw il-koperazzjoni internazzjonali, inklużi disposizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-aktar assistenza vasta reċiproka legali possibbli. Il-Konvenzjoni għandha tiffaċilità koperazzjoni mgħaġġla dwar dawk l-offiżi li għandhom x'jaqsmu mal-kompjuter jew jiġu mgħejuna bl-użu tal-kompjuter. Din il-forma ta' koperazzjoni tistà tinkludi l-għamla ta' punti ta' kuntatt responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġi li jaħdmu ghal 24 siegħa kull jum, li jissupplimentaw strutturi li diġà jeżistu ta' assistenza reċiproka.

5. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw dawk id-disposizzjonijiet li, bħala miżura sussidjarja, jipprevedu li l-Partijiet għall-Konvenzjoni jippreservaw, fuq t-talba ta' Parti oħra, data maħżuna, sakemm ikun neċessarju, jekk il-proċedura tal-preservazzjoni tkun skond il-liġi nazzjonali tagħhom.

6. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-inklużjoni ta' disposizzjonijiet li permezz tagħhom il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni jintrabtu biex jipprovdu għall-tfittxija spedjenti tad-data maħżuna fit-territorju proprju tagħhom dwar l-investigazzjoni ta' reati kriminali serji.

7. Bla ħsara għall-prinċipji kostituzzjonali u s-salvagwardji speċifiċi sabiex tiġi rispettata b'mod xieraq is-sovranità, s-sigurtà, il-politika pubblika jew interessi essenzjali ta' Stati oħra, tfittxija bejn il-fruntjieri għall-investigazzjoni ta' reati kriminali serji, li għandha tiġi definita ulterjorment fil-Konvenzjoni, f'każijiet eċċezzjonali tistà tiġi kkunsidrata, u b'mod partikolari fejn ikun hemm emerġenza, per eżempju, jekk ikun neċessarju biex ma titħalliex id-distruzzjoni jew t-tibdil tal-prova tar-reat serju, jew biex ma titħalliex il-kummissjoni ta' offiża li x'aktarx tistà tirriżulta fil-mewt jew fi ħsara fiżika gravi ta' persuna.

8. Disposizzjonijiet għal tfittxija bejn il-fruntieri dwar reati kriminali serji għandhom ikunu pjenament konsistenti ma' l-istrumenti ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-aċċess għal data li għandha x'taqsam mat-traffikar u l-użu tagħha.

Artikolu 2

Fil-konsultazzjonijiet fuq il-Konvenzjoni, l-Istati Membri, sakemm ikun possibbli, għandhom jikkordinaw il-posizzjonijiet tagħhom, fuq inizjattiva tal-Presidenza, u jippruvaw jaslu għal punti ta' qbil komuni fuq il-kwistjonijiet kollha li għandhom implikazzjonijiet sinifikattivi għall-interessi ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni għandha tkun pjenament assoċjata ma' dan ix-xogħol.

Artikolu 3

Il-Kunsill, fejn ikun neċessarju, għandu jagħmel sforz biex jikseb posizzjonijiet komuni ulterjuri konnessi mal-Konvenzjoni.

Artikolu 4

Din il-Posizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Mejju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

O. Schily

--------------------------------------------------