31999D0815



Official Journal L 315 , 09/12/1999 P. 0046 - 0049


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-7 ta' Diċembru 1999

li tadotta miżuri li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal intiżi li jitqiegħdu fil-ħalq mit-tfal ta' l-età ta' taħt it-tliet snin, magħmulha minn PVC artab li jkun fihom waħda jew aktar mis-sustanzi di-iso-nonyl phthalate (DINP), di(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP), dibutyl phthalate (DBP), di-iso-decyl phthalate (DIDP), di-n-octyl phthalate (DNOP), u butylbenzyl phthalate (BBP)

(innotifikata permezz tad-dokument C(1999) 4436)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(1999/815/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 ta' Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodott [1], u b'mod partikolari l-Artikoli 9 tagħha,

Billi:

(1) Permezz ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/59/KEE, il-produtturi huma obbligati li jqiegħdu fis-suq biss il-prodotti mingħajr perikolu; id-Direttiva tisħaq partikolarment dwar il-ħtieġa li jkun assigurat livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal;

(2) L-Artikolu 9 tad-Direttiva jipprovdi li l-Kummissjoni tista', taħt ċerti kondizzjonijiet u b'konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva, tadotta deċiżjoni li tkun teħtieġ lill-Istati Membri li jieħdu miżuri temporanji sabiex jipprevjenu, jirristinġu jew li jissoġġettaw għal kondizzjonijiet partikolari t-tqegħid fis-suq ta' prodott, jew li jeħtieġu l-irtirar tiegħu mis-suq, jekk dan jippreżenta riskju serju w immedjat għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi;

(3) Il-Kummissjoni tista' tadotta deċiżjoni bħal din fir-rigward ta' prodott li, b'konformità ma l-informazzjoni ipprovduta minn Stat Membru, jippreżenta riskju serju w immedjat u li fir-rigward tiegħu Stat Membru wieħed jew aktar ikunu adottaw miżuri li jinvolvu restrizzjonijiet fuq il-marketing tal-prodott jew li jkunu jeħtieġu l-irtirar tiegħu mis-suq;

(4) Deċiżjoni bħal din hija suġġetta għall-kondizzjonijiet li l-Istati Membri jiddifferixxu dwar l-adozzjoni ta' miżuri sabiex jitrattaw ir-riskju in kwistjoni; li r-riskju ma jistgħax jiġi ttrattat b'manjera kompatibbli ma' l-urġenza tal-każ permezz tal-proċeduri l-oħrajn stabbiliti mil-leġislazzjoni speċifika tal-Komunità li hi applikabbli għall-prodott jew għall-kategorija ta' prodotti kkonċernati; li r-riskju jista' jkun eliminat effettivament biss bl-adozzjoni ta' miżuri xierqa applikabbli fil-livell tal-Komunià, sabiex tkun assigurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-konsumaturi u l-funzjonament xieraq tas-suq intern;

(5) L-awtoritajiet Daniżi informaw lill-Kummissjoni, f'erba notifiki ppreżentati f'April u f'Lulju 1997 skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/59/KEE, bir-riskju serju w immedjat ippreżentat minn ċerti ċrieki użati minn trabi li jkunu qed jaqsmu s-snien, magħmula minn PVC artab, li jkun fihom il-phthalate DINP, DEHP, DBP, DIDP, DNOP u BBP;

(6) L-awtoritajiet Spanjoli infurmaw lill-Kummissjoni, b'notifika ppreżentata fl-istess kwadru fi Frar 1998, bir-riskju ppreżentat minn imitazzjoni ta' frott tal-PVC artab li jkun fih il-phthalate DINP, li huwa ntiż għat-tfal;

(7) L-awtoritajiet Griegi adottaw fil-15 ta' Jannar 1999 miżuri li jikkonċernaw l-irtirar mis-suq ta' oġġetti tal-kura tat-tfal magħmula minn PVC artab intiżi għal trabi li jkunu jaqsmu s-snien u bil-projbizzjoni ta' l-importazzjoni u l-marketing ta' ċerti ġugarelli tal-PVC artab intiżi għal tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin;

(8) L-awtoritajiet Awstrijaċi adottaw fl-4 ta' Awwissu 1998 liġi li tipprojbixxi ġugarelli li jkun fihom il-phthalate, li huma ntiżi għal tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin, li huma, taħt kondizzjonijiet normali u previsti ta' l-użu, mirdugħa, mimgħuda jew b'mod ieħor ta' spiss imqiegħda fil-ħalq;

(9) L-awtoritajiet Daniżi fil-15 ta' Marzu 1999 ħarġu Ordni Statutorja li tipprojbixxi l-produzzjoni, l-impotazzjoni u l-marketing ta' oġġetti tal-kura tat-tfal intiżi jew li x'aktarx jitqiegħdu fil-ħalq, u ta' ġugarelli, u prodotti li għandhom ikunu mistennija li jkunu wżati bħala ġugarelli mit-tfal ta' l-età ta' taħt it-tliet snin, jew partijiet tagħhom, li jkun fihom aktar minn 0,05 % ta' phthalate;

(10) L-awtoritajiet Svediżi adottaw fl-10 ta' Ġunju 1999, miżura li tipprojbixxi l-marketing u l-bejgħ ta' ġugarelli jew oġġetti tal-kura tat-tfal li jkun fihom il-phthalate li huma ntiżi għal tfal ta' l-età ta' taħt it-tliet snin u li jistgħu jitqiegħdu fil-ħalq;

(11) L-awtoritajiet Finlandiżi adottaw fit-23 ta' Settembru 1999, Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-Istat li tipprojbixxi oġġetti tal-kura tat-tfal u ġugarelli li jistgħu jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta' l-età ta' taħt it-tliet snin li huma magħmula minn PVC artab u li jkun fihom aktar minn 0,05 % bil-piż ta' DINP, DEHP, DBP, DIDP, DNOP jew BBP;

(12) L-awtoritajiet Taljani adottaw fit-30 ta' Settembru 1999 miżura li tipprojbixxi l-marketing ta' ġugarelli minn plastika ratba intiżi għal tfal ta' l-età ta' taħt it-tliet snin, li huma ntiżi jew li x'aktarx li jitqiegħdu fil-ħalq, li jkun fihom aktar minn 0,05 % ta' DINP, DIDP, DEHP, DBP, DNOP jew BBP; b'żieda ma dan, l-awtoritajiet Taljani innotifikaw lill-Kummissjoni fl-14 ta' Ġunju 1999 fi ħdan il-kwadru tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/48/KE [3], b'abbozz ta' miżura li tipprojbixxi l-użu ta' erba' phthalate (DIDP, DEHP, DINP, DBP) fil-materjali tal-plastika u l-elastomeri u li tirrestrinġi l-użu ta' ċerti phthalate oħrajn sa massimu ta' 5 % bil-piż fl-oġġetti tal-kura tat-tfal;

(13) L-awtoritajiet Franċiżi adottaw fil-5 ta' Lulju 1999 miżura li tissosspendi l-marketing, il-produzzjoni, l-importazzjoni u l-esportazzjoni u li tordna l-irtirar ta' ċerti ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal intiżi li jitqiegħu fil-ħalq minn tfal ta' taħt is-36 xhar magħmula minn PVC artab li jkun fihom DINP, DIDP, DEHP, DBP, DNOP u BBP; b'żieda ma dan huma nnotifikaw lill-Kummissjoni fil-kwadru tad-Direttiva 98/34/KE b'abbozz ta' miżura li tipprojbixxi l-użu ta' DINP, DIDP, DEHP, DBP, DNOP u BBP f'ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal intiżi għat-tqegħid fil-ħalq minn tfal ta' l-età ta' taħt it-tliet snin;

(14) L-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni fl-24 ta' Awwissu 1999 fil-kwadru tad-Direttiva 93/34/KE b'abbozz ta' miżura li tipprojbixxi l-marketing, il-produzzjoni u l-importazzjoni ta' ċrieki tas-snien u ċerti ġugarelli tal-plastika għal tfal sa l-età ta' tliet snin magħmula kompletament jew f'parti minn materjali tal-plastika, li l-partijiet tal-plastika tagħhom huma intiżi jew li jista jkun previst li jitqiegħdu fil-ħalq, li jkun fihom aktar minn 0,1 % ta' kwalunkwe phthalate;

(15) Dawn in-notifiki kollha msemmija hawn fuq u l-miżuri relatati mar-riskji assoċjati ma' l-esposizzjoni tat-tfal għal phthalate u jikkonċernaw prodotti għall-kura tat-tfal u/jew ġugarelli magħmula minn PVC artab li jkun fihom ċerti phthalate li huma ntiżi jew aktarx li jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal żgħar;

(16) Il-Kummissjoni adottat, fl-1 ta' Lulju 1998 ir-rakkommandazzjoni 98/485/KE [4] rigward il-phthalate f'ċerti oġġetti tal-kura tat-tfal u ġugarelli, fuq il-bażi tat-tgħarif xjentifiku li kien disponibbli dak iż-żmien, li tistieden lill-Istati Membri li jimmonitorjaw il-livell tal-migrazzjoni tal-phthalate mill-prodotti in kwistjoni, waqt li jittieħed kont ta' l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE) ta' l-24 ta' April 1998, u li jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw livell għoli tal-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal;

(17) Il-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (SCTEE), ikkonsultat mill-Kummissjoni, fl-opinjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 1998 rigward il-phthalate fil-ġugarelli, waqt li ħa kont tal-istudji relevanti l-aktar reċenti, ikkonferma li hemm bażi għal tħassib fir-rigward tal-marġini baxxi tas-sigurtà f'dak li jirrigwardja l-esposizzjoni tat-tfal għall-phthalate DEHP u DINP, b'konnessjoni ma l-użu ta' ċerti ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal li huma magħmula minn PVC artab li jkun fihom dawn is-sustanzi;

(18) Il-SCTEE wasal għal din il-konklużjoni fuq il-bażi, inter alia, ta' l-effetti ħżiena tad-DINP għall-fwied u l-kliewi u l-ħsara testikolari ikkaġunata mid-DEHP osservati f'testijiet tal-laboratorju; għalhekk jidher li taħt ċerti kondizzjonijiet dawn is-sustanzi jistgħu ikollhom effetti ħżiena serji fuq is-saħħa;

(19) Fid-dawl ta' l-opinjoni tal-SCTEE, il-Kummissjoni tikkonsidra li tfal żgħar li jużaw ċertri ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal li huma mqiegħda fil-ħalq, magħmula minn PVC artab li jkun fih il-phthalate, jistgħu jkunu suġġetti għal livelli ta' kull jum ta' esposizzjoni għad-DINP u DEHP għola mill-livelli meqjusa li huma siguri;

(20) Il-SCTEE sab li r-rilaxx ta' phthalate oħrajn (DNOP, DIDP, BBP u DBP) huwa baxx u li ma jippreżenta l-ebda riskju taħt il-kondizzjonijiet kurrenti ta' l-użu. Il-Kumitat osserva li rilaxx akbar ikun iseħħ jekk dawn kienu użati bħala plastiċizzaturi f'konċentrazzjonijiet aktar għoljin;

(21) Il-Kummissjoni tikkonsidra li, jekk l-użu ta' DNOP, DIDP, BBP u DBP jkun imħolli jieħu post id-DINP u DEHP, bħala konsegwenza tal-projbizzjoni ta' dawn iż-żewġ sustanzi bħala plastiċizzaturi fil-prodotti in kwistjoni, l-esposizzjoni tat-tfal għalihom tiżdied u konsegwentament ir-riskju jkun għola. Għalhekk, il-Kummissjoni, waqt li tadotta approċċ ta' prekawzjoni, tikkonsidra li din id-Deċiżjoni għandha wkoll tapplika għalihom;

(22) Tfal żgħar huwa wkoll esposti għal phthalate minn sorsi oħrajn apparti milli ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal tal-PVC, imma l-livel ta' l-esposizzjoni minħabba dawn is-sorsi ma tistgħax, skond l-opinjoni tal-SCTEE, ikun ikkwantifikat minħabba n-nuqqas ta' data suffiċjenti; l-eżistenza ta' esposizzjoni addizzjonali bħal din għandha mandankollu tkun meqjusa fl-immanniġjar tar-riskji in kwistjoni;

(23) Għalkemm l-effetti serji msemmija hawn fuq ma jsirux apparenti sakemm ikun għadda ċertu żmien ta' wara l-esposizzjoni, ir-riskju assoċċjat mal-prodotti in kwistjoni huwa wieħed immedjat minħabba li huwa direttament assoċċjat ma' l-esposizzjoni għal phthalate; prodotti bħal dawn, wara l-perijodu normali ta' l-użu minn tfal, jistgħu iwasslu għal esposizzjoni sinifikanti b'effetti aktar serji aktar tard fil-ħajja;

(24) Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonsidra li l-ġugarelli u l-oġġetti tal-kura tat-tfal għal tfal żgħar magħmula minn PVC artab li jkun fih il-phthalate aktarx li jippreżentaw riskju serju w immedjat għas-saħħa;

(25) Il-prodotti li jippreżentaw ir-riskji msemmija hawn fuq huma ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal li huma ntiżi li jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal żgħar u li huma magħmula minn PVC artab li jkun fih wieħed jew aktar mill-phthalate in kwistjoni, minħabba li huma mistennija li jitqiegħdu fil-ħalq għal perijodi twal biż-żejjed u b'tali mod hekk li aktarx li jgħatu bidu għal estrazzjoni ta' kull jum tal-phthalate il-fuq mil-liveli meqjusa li huma siguri; din id-Deċiżjoni tikkonċerna, waqt li jittieħed kont tan-natura tar-riskju, kemm il-prodotti li huma prodotti fil-Komunità u l-prodotti li huma mportati;

(26) Id-Danimarka, l-Awstria, il-Greċja, il-Finlanda, l-Isveza, l-Italja, Franza u l-Ġermanja iddeċidew li jimponu fuq il-prodotti li jappartienu għall-kategorija in kwistjoni miżuri ristrettivi b'kamp ta' applikazzjoni differenti, immirati għall-eliminazzjoni tal-phthalate f'din l-applikazzjoni; il-Kummissjoni aċċertat, li jeżistu diverġenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri ta' l-adozzjoni sabiex jitrattaw ir-riskju in kwistjoni;

(27) Minħabba d-differenzi bejn l-Istat Membri u bejn l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżuri meħuda minn ċerti Stati Membri, miżura tal-Komunità hija meħtieġa sabiex telimina r-riskju u effettivament tassigura livell għoli konsistenti ta' protezzjoni tas-saħħa tat-tfal u l-funzjonament xieraq tas-suq intern;

(28) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE tas-27 ta' Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet dwar il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi [5], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/77/KE [6] tapplika għal sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi, imma s'issa għadha ma fihiex dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-phthalate; id-Direttiva tal-Kunsill 88/378/KEE tat-3 ta' Mejju 1988 dwar l-approssimazjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri rigward is-sigurtà tal-ġugarelli [7], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 93/68/KEE [8], f'dak li jirrigwardja sustanzi perikolużi tirreferi għal-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità li tirrigwardja ċerti kategoriji ta' prodotti jew għall-projbizzjoni, r-restrizzjoni ta' l-użu jew l-ittikkettjar ta' ċerti sustanzi i preparazzjonijiet perikolużi; din ma tapplikax għal oġġetti tal-kura tat-tfal u ma tipprovdix għal proċedura ta' emerġenza;

(29) L-awtoritajiet Daniżi talbu lil-Kummissjoni fil-15 ta' April 1998 sabiex tadotta deċiżjoni li tintroduċi miżuri ristrettivi fir-rigward tal-prodotti in kwistjoni, b'konformità ma' l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/59/KEE;

(30) Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar pjan ta' azzjoni tal-politika tal-konsumatur, adottata fl-4 ta' Mejju 1999, għamel sejħa lill-Kummissjoni sabiex tieħu passi fit-tneħħija tal-phthalate mill-ġugarelli tal-PVC intiżi għal trabi u tfal żgħar [9];

(31) Il-SCTEE, ikkonsultat mill-Kummissjoni, ikkonkluda fl-opinjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 1999 dwar ir-rapporti ta' TNO, LGC u l-CPSC tal-Istati Uniti rigward il-validazzjoni tat-test tal-migrazzjoni tal-phthalate li l-ebda wieħed mill-metodi tat-testijiet tal-migrazzjoni tal-phthalate li ġew suġġetti għal attentati tal-validazzjoni m'huwa kurrentement adattat għall-iskopijiet ta' kontroll;

(32) Fin-nuqqas ta' metodu ta' test dwar il-migrazzjoni tal-phthalate li huwa ivvalidat u standardizzat fil-livell tal-Komunità, mhux kurrentement fattibbli li jkun iggarantit livell għoli konsistenti tal-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal billi jkunu stabbiliti limiti fuq il-migrazzjoni ta' dawn is-sustanzi mill-ġugarelli u l-oġġetti tal-kura tat-tfal in kwistjoni, u li tkun assigurata applikazzjoni standard u mhux diskriminatorja ta' dawn il-limiti; aktar minn hekk fil-preżent huwa ferm diffiċli li jkunu stabbiliti l-limiti tal-migrazzjoni tal-phthalate li jieħdu kont tal-kontribuzzjoni tal-esposizzjoni tat-tfal għall-phthalate minn sorsi oħrajn apparti milli l-ġugarelli u l-oġġetti tal-kura tat-tfal magħmula mill-PVC;

(33) L-evidenza xjentifika dwar il-metodi tat-test tal-migrazzjoni tal-phthalate imsemmija hawn fuq, li ġew magħmula disponibbli reċentament, wriet li r-Rakkommandazzjoni 98/485/KE mhux suffiċċjenti sabiex tassigura livell għoli konsistenti tal-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal; issa huwa urġenti li jkun ipprojbit bil-ħeffa t-tqegħid fis-suq ta' ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal intiżi li jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta' taħt it-tliet snin minħabba li issa sar evidenti li ma hemm l-ebda miżura ta' kontroll effettiv oħra preżentament disponibbli għall-iskopijiet regolatorji;

(34) Il-Kummissjoni ippreżentat proposta għal emenda tad-Direttiva 76/769/KEE dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi li tipprojbixxi l-użu tal-DINP, DEHP, DIDP; DNOP, DBP u BBP fil-ġugarelli u l-oġġetti tal-kura tat-tfal magħmula minn PVC artab u ntiżi li jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta' l-età ta' taħt it-tlett snin. Aktar minn hekk, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bħal dawn mhux permess jekk dawn ikun fihom il-phthalate msemmija; il-proposta għandha l-għan, b'zieda ma dan, li tassigura li ġugarelli jew oġġetti tal-kura tat-tfal oħrajn magħmula minn PVC artab intiżi għal tfal ta' età ta' taħt it-tliet snin u li jistgħu jitqiegħdu fil-ħalq għandhom ikollhom tikketta sabiex ikun assigurat li t-tfal ma jpoġġuhomx f'ħalqhom;

(35) Sabiex ikun assigurat livell għoli konsistenti tal-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal matul il-UE kollha, il-perijodu li jippreċedi l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tad-Direttiva proposta u l-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri, u billi l-ġugarelli u l-oġġetti tal-kura tat-tfal magħmula minn PVC artab li jkun fihom il-phthalate intiżi li jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta' l-età ta' taħt it-tliet snin jippreżentaw riskju serju w immedjat, huwa meħtieġ li jkun ipprojbit immedjatament it-tqegħid tagħhom fis-suq;

(36) Il-phthalate kollha relevanti għandhom ikunu koperti b'din id-Deċiżjoni sabiex ikunu eliminati dawk li preżentament huma wżati u sabiex ikun prevenut l-użu ta' l-oħrajn li għandhom riskji komparabbli għas-saħħa tat-tfal;

(37) Din id-Deċiżjoni għandha telimina l-użu deliberat tal-phthalate relevanti bħala plastiċizzaturi fil-prodotti in kwistjoni, waqt li tirrikonoxxi l-possibiltà tal-preżenza tagħhom f'livel ta' traċċa sa 0,1 % bil-piż li huwa meqjus bħala livell li jippermetti għal impuritajiet mhux-intiżi milli jqanqlu tħassib dwar is-saħħa tat-tfal;

(38) It-tul ta' żmien tal-validità ta' din id-Deċiżjoni huwa limitat għal tliet xhur; il-perijodu tal-validità jista jkun imtawwal, jekk meħtieġ;

(39) Skond l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/59/KEE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni fi żmien ta' anqas minn 10 t'ijiem;

(40) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Emerġenzi,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal ġugarelli u oġġetti tal-kura tat-tfal:

- magħmula minn, jew parzjalment magħmula minn, PVC artab li jkun fih aktar minn 0,1 % bil-piż ta' wieħed jew aktar mis-sustanzi li ġejjin:

- di-isononyl phthalate (DINP) CAS Nru 28553-12-0 Einecs Nru 249-079-5,

- di(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP) CAS Nru 117-81-7 Einecs Nru 204-211-0,

- di-n-octyl phthalate (DNOP) CAS Nru 117-84-0 Einecs Nru 204-214-7,

- di-iso-decyl phthalate (DIDP) CAS Nru 26761-40-0 Einecs Nru 247-977-1,

- butyl benzyl phthalate (BBP) CAS Nru 85-68-7 Einecs Nru 201-622-7,

- dibutyl phthalate (DBP) CAS Nru 84-74-2 Einecs Nru 201-557-4,

- intiżi li jitqiegħdu fil-ħalq minn tfal ta' età ta' anqas minn tliet snin.

Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni:

- "ġugarell" għandu jfisser kwalunkwe prodott iddisinjat jew kjarament intiż għall-użu fil-logħob mit-tfal,

- "oġġett tal-kura tat-tfal" għandu jfisser kwalunkwe prodott intiż biex jiffaċilita l-irqad, ir-rilassazzjoni, it-tmiegħ tat-tfal, jew l-irdiegħ min-naħa tat-tfal.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal- ġugarelli u l-oġġetti tal-kura tat-tfal imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Deċiżjoni fi żmien ta' anqas minn 10 t'ijiem min-notifika tagħha. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli sat-8 ta' Marzu 2000.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-7 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24.

[2] ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37.

[3] ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 18.

[4] ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 35.

[5] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201.

[6] ĠU L 207, tas-6.8.1999, p. 18.

[7] ĠU L 187, tas-16.7.1988, p. 1.

[8] ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1.

[9] ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 86

--------------------------------------------------