31999D0615



Official Journal L 244 , 16/09/1999 P. 0001 - 0001


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-13 ta' Settembru 1999

li tiddefinixxi 4-MTA bħala droga sintetika ġdida li għandha ssir suġġetta għall-miżuri ta' kontroll u penalitajiet kriminali

(1999/615/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta 97/396/JHA tas-16 ta' Ġunju 1997 li tikkonċerna l-iskambju ta' tagħrif, stima tar-riskju u kontroll ta' drogi sintetiċi ġodda [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Sar rapport fuq il-bażi ta' l-Artikolu 4(3) ta' l-Azzjoni Konġunta 97/396/JHA, miċ-Ċentru Ewropew tal-Monitoraġġ għad-Drogi u u l-Vizzju tad-Droga (EMCDDA) dwar l-istima tar-riskju ta' 4-MTA (P-Methylthioamphetamine jew 4-Methylthioamphetamine);

(2) 4-MTA hija derivattiva ta' l-amfetamina li tidher li għandha riskju għola ta' effetti akuti mill-MDMA (3,4-methylenedioxymethamphetamine) inklużi reazzjonijiet kuntrarji u doża qawwija. Fl-Unjoni Ewropea, ġiet assoċjata ma' numru ta' mwiet u każi mhux fatali li ħtieġu l-kura fl-isptar;

(3) 4-MTA ġiet identifikata bħala li tikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa pubblika f'diversi Stati Membri. Fil-preżent hija suġġetta għall-kontroll f'żewġ Stati Membri;

(4) 4-MTA hija aġent potenti psikoattiv li fil-preżent mhux elenkat f'xi Skeda tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi tal-1971 li jippreżenta theddida serja għas-saħħa pubblika, paragunabbli mas-sustanzi elenkati fl-Iskedi I jew II tagħha u m'għandha ebda valur terapewtiku li jidher;

(5) F'xi Stati Membri, it-traffikar tal-4-MTA kkumbinat ma' sustanzi illegali oħra ġie skopert;

(6) Il-4-MTA għandha tkun suġġetta mill-Istati Membri għall-miżuri ta' kontroll u penalitajiet kriminali, kif provdut taħt il-leġiżlazzjoni tagħhom li tikkonforma ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi fir-rigward tas-sustanzi elenkati fl-Iskedi I u II tagħha,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, biex jissuġġettaw il-4-MTA (P-Methylthioamphetamine jew 4-Methylthioamphetamine) għall-miżuri ta' kontroll u penalitajiet kriminali, kif provdut taħt il-leġiżlazzjoni tagħhom li tikkonforma ma' l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi fir-rigward ta-sustanzi elenkati fl-Iskedi I u II tagħha,

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom, skond it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 5(1) ta' l-Azzjoni Konġunta 97/396/ĠAI, jieħdu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 fi żmien tliet xhur mid-data li fiha din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali.

Għandha tidħol fis-seħħ fill-jum li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmula f'Brussel, fit-13 ta' Settembru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Halonen

[1] ĠU L 167, tal-25.6.1997, p. 1.

--------------------------------------------------