31999D0608



Official Journal L 242 , 14/09/1999 P. 0020 - 0027


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta' l-10 Settembru 1999

li temenda l-Annessi tad-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE li tistabbilixxi l-ħtiġiet dwar is-saħħa ta' l-annimali applikabli fil-kummerċ intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta' semen ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi tal-majjali

(innotifikata permezz tad-dokument numru Ċ(1999) 2836)

(Test b'relevanza ŻEE)

(1999/608/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 li tistabbilixxi l-ħtiġiet dwar is-saħħa ta' l-annimali applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju fi, u dwar l-importazzjoni ta' semen ta' l-annimali domestiċi ta' l-ispeċi tal-majjali [1], kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Fillandja u l-Isvezja, u, partikolarment l-Artikolu 17 tiegħu,

(1) Billi d-Direttiva 90/429/KEE teħtieġ li jkun applikat test dwar il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer sa kemm isseħħ l-introduzzjoni ta' strateġija tal-Komunità biex tiġġieled il-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer; billi din l-istrateġija kienet ġiet introdotta u t-tilqim kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer waqaf fl-1991, u t-test m'għadux aktar meħtieġ;

(2) Billi d-Direttiva 90/429/KEE tenħtieġ li jitwettqu testijiet fuq annimali hekk kif iħallu ċ-ċentri tal-ġbir; billi dawn it-testijiet jistgħu wkoll ikunu mwettqa effettivament fuq animali residenti bi qbil ma' programm li jassigura li l-kampjun rappreżentattiv ikun ittestjat regolarment u li kollha kemm huma jkunu ttestjati mill-anqas darba kull sena;

(3) Billi fid-dawl ta' l-iżviluppi tekniċi u l-esperjenzi dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, huwa xieraq li jkunu emendati l-Annessi biex jippermettu għal dawn l-iżviluppi, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-bruċellosi;

(4) Billi huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiet għall-kummerċ ta' ħnieżer ħajjin intiżi biex jintużaw għall-produzzjoni tas-semen, jistabbilixxi garanziji addizzjonali għall-kondizzjonijiet provduti bid-Direttiva 64/432/KEE [2] dwar il-kummerċ f'annimali ħajjin ta' l-ispeċje tal-majjali;

(5) Billi huwa meħtieġ li jkun hemm provvediment għall-miżuri dwar il-kummerċ tas-semen tal-majjali lejn l-Istati Membri jew lejn reġjuni rikonoxxuti bħala ħielsa mill-marda Aujeszky bi qbil ma' l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE;

(6) Billi l-miżuri li hemm provvediment dwarhom f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma' l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Annessi A, B u Ċ għad-Direttiva 90/429/KEE huwa mibdul bl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tkun tapplika mill-1 ta' Ottubru 1999. M'għandhiex tkun tapplika dwar is-semen miġbur, proċessat u maħżun qabel l-1 ta' Ottubru 1999.

Artikolu 3

Dan id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, l-10 ta' Settembru 1999.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, pġ. 62

[2] ĠU 121, tal- 21.7.1964, pġ. 1977

--------------------------------------------------

ANNESS

"

ANNESS A

KAPITOLU I

Il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ta' ċentri għall-ġbir tas-semen

Iċ-ċentri għall-ġbir tas-semen għandhom:

1. ikunu mqiegħda taħt is-superviżjoni permanenti ta' veterenarju taċ-ċentru;

2. ikollhom mill-anqas:

(a) imqajjel għall-annimali inklużi l-faċilitajiet għall-iżolazzjoni ta' l-annimali li ma jkunux għaddew mit-testijiet deskritti fl-Anness B, il-Kapitolu II, jew li juru sinjali kliniċi tal-marda,

(b) faċilitajiet għall-ġbir tas-semen inkluża kamra separata għat-tindif u d-diżinfettazzjoni jew l-isterilizzazzjoni tat-tagħmir,

(ċ) kamra għall-ipproċessar tas-semen li mhux neċessarjament tkun fuq l-istess sit,

(d) kamra għall-ħażna tas-semen li mhux neċessarjament tkun fuq l-istess sit;

3. ikunu hekk mibnija jew iżolati hekk li jkun hemm il-prevenzjoni ta' l-kuntatt ma' bhejjem ħajjin barra miċ-ċentru;

4. ikunu hekk mibnija li l-faċilitajiet għaż-żamma ta' l-annimali u għall-ġbir tas-semen, għall-ipproċessar u għall-ħażna jistgħu jkunu mnaddfa u ddiżinfettati mingħajr tbagħtija;

5. ikunu hekk iddisinjati li l-akkommodazzjoni ta' l-annimali tkun fiżikament separta mill-kamra ta' l-ipproċessar tas-semen u li t-tnejn li huma jkunu separati mill-kamra tal-ħażna tas-semen.

KAPITOLU II

Kondizzjonijiet li jirrigwardaw is-sorveljanza taċ-ċentri tal-ġbir tas-semen

Iċ-ċentri tal-ġbir tas-semen għandhom:

1. ikunu hekk issorveljati li jkun fihom biss annimali ħajjin ta' l-ispeċi li s-semen tagħhom għandu jkun miġbur;

2. ikunu hekk issorveljati tali li jinżammu reġistri, files, jew reġistri bil-kompjuter, ta' l-annimali tar-razza tal-majjali kollha f'dak iċ-ċentru, li jkollhom dettalji tar-razza, tad-data tat-twelid u ta' l-identifikazzjoni ta' kull wieħed mill-annimali, u wkoll registru, file jew reġistru bil-kompjuter tal-verifiki kollha għall-mard u l-vaċċinazzjonijiet kollha mwettqa, li jkun fihom ukoll informazzjoni mill-file ta' kull annimal dwar il-mard/saħħa tiegħu;

3. ikollhom spezzjoni regolari minn veterenarju uffiċjali, mill-anqas darbtejn fis-sena, u kull darba għandhom jitwettqu verifiki dwar il-kondizzjonijiet ta' l-approvazzjoni u tas-sorveljanza;

4. ikollhom tali sorveljanza li d-dħul ta' persuni mhux awtorizzati tkun ipprevenuta. Aktar minn hekk, viżitaturi awtorizzati għandhom ikunu meħtieġa li jkunu konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti mill-veterinarju taċ-ċentru;

5. jimpjegaw persuna teknikament kompetenti u mħarrġa sewwa fil-proċeduri tad-diżinfettazzjoni u t-teknika ta' l-iġjene li huma relevanti għall-kontrol tat-tixrid tal-mard;

6. ikollhom sorveljanza tali hekk li:

(a) biss dak is-semen li jkun miġbur f'ċentru approvat ikun ipproċessat u maħżun f'ċentri approvati, mingħajr ma jiġi f'kuntatt ma' xi konsenji oħra ta' semen;

(b) il-ġbir, l-ipproċessar u l-ħażna tas-semen isseħħ biss f'dak il-bini mħolli għal dak l-iskop u permezz tal-kondizzjonijiet ta' iġjene l-aktar stretti;

(ċ) l-apparat kollu li jiġi f'kuntatt mas-semen jew ma' l-annimal donatur matul il-ġbir u l-ipproċessar ikun iddiżinfettat sewwa jew sterilizzat qabel l-użu;

(d) prodotti ta' l-oriġini mill-annimali użati fl-ipproċessar tas-semen - inklużi addittivi jew dilwenti - ikunu akkwistati minn sorsi li ma jippreżentaw l-ebda riskju għas-saħħa ta' l-annimali jew li jkunu hekk trattati qabel l-użu li riskju bħal dak ikun ipprevenut;

(e) vażetti tal-ħażna u vażetti tat-trasport ikunu ddiżinfettati sewwa jew sterilizzati qabel l-użu fil-bidu ta' kull operazzjoni tal-mili;

(f) l-aġent krioġeniku użat ma jkunx ġie użat qabel għal xi prodotti oħra ta' oriġini mill-annimali;

(g) kull ġabra tas-semen, sew jekk iva u anki jekk le, ma tkunx separata f'dożi individwali, tkun immarkata ċara b'tali mod li d-data tal-ġabra tas-semen u tar-razza u ta' l-identifikazzjoni ta' l-annimal donatur, kif ukoll l-isem u n-numru tar-reġistrazzjoni taċ-ċentru, ippreċedut bl-isem tal-pajjiż ta' l-oriġini, meta xieraq, fl-għamla ta' kodiċi, jista' jkun stabbilit mingħajr tbagħtija; il-karatteristiċi u l-għamla ta' din il-marka għandhom ikunu stabbiliti permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19.

ANNESS B

KAPITOLU I

Il-kondizzjonijiet applikabbli għad-dħul ta' l-annimali fiċ-ċentri approvati għall-ġbir tas-semen

1. L-annimali kollha mdaħħla fiċ-ċentru tal-ġbir tas-semen għandhom:

(a) ikunu ġew soġġetti għal perjodu ta' kwarantina ta' mill-anqas 30 jum f'akkomodazzjoni speċifikatament approvata għal dak l-iskop mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru, fejn biss dawk l-annimali li jkollhom mill-anqas l-istess status ta' saħħa jkunu preżenti;

(b) qabel ma jiddaħħlu fl-akkomodazzjoni tal-kwarantina deskritta f'(a) ikunu ġew magħżula minn merħliet jew oqsma:

- li huma ħielsa mill-bruċellosi bi qbil ma' l-Artikolu 3.5.2.l tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Saħħa ta' l-Annimali,

- li fiha l-ebda vaċċinazzjoni ta' l-annimali kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer ma tkun preżenti matul it-tnax-il xahar preċedenti,

- li l-ebda evidenza klinika, seroloġika jew viroloġika tal-marda Aujeszky ma tkun instabet matul it-tnax-il xahar preċedenti,

- li ma jkunux jinstabu f'żona ristretta kif definita permezz tad-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Komunità minħabba li tkun skoppjat marda tal-majjali domestiċi.

L-annimali ma setgħux preċedentement kienu miżmuma f'xi merħla ta' status aktar baxx

(ċ) qabel il-perjodu ta' kwarantina speċifikat f'(a) u fi żmien it-30 jum preċedenti, kienu ġew soġġetti għat-testijiet segwenti, imwettqa bi qbil man-normi stabbiliti fid-Direttivi relevanti, b'riżultati negattivi:

- test ta' fissazzjoni komplimentarja jew test mewwieti ta' l-antiġenu tal-bruċella fir-rigward tal-bruċellosi (mill-1 ta' Jannar 2001, it-test ta' l-antiġenu tal-bruċella mewwieti għandu jkun l-uniku test awtorizzat),

- test ta' newtralizzazzjoni tas-serum jew it-test ELISA li juża l-antiġeni kollha tal-marda virali Aujeszky fil-każ ta' majjali li ma humiex imlaqqma,

- jew test ELISA għall-antiġeni ĠI tal-marda Aujeszky fil-każ ta' majjali mlaqqma bil-vaċċina tal-ĠI imħassra,

- test ELISA jew test ta' newtralizzazzjoni tas-serum għall-preżenza tal-marda klassika tal-majjali.

F'dak li jirrigwarda l-bruċellosi, jekk ikun hemm prova li l-annimali huma pożittivi, l-annimali b'riżultati negattivi fl-istess qasam ikunu mdaħħla fl-akkomodazzjoni tal-kwarantina wara l-konferma tal-merħliet jew tal-qasam ta' l-oriġini bi status ta' ħielsa mill-bruċellosi dwar ir-reatturi pożittivi.

L-awtorità komplimentarja tista' tagħti awtorizzazzjoni għat-testijiet li hemm referenza dwarhom f'dan il-paragrafu biex jitwettqu fl-akkomodazzjoni tal-kwarantina, basta li r-riżultati jkunu magħrufa qabel il-bidu tal-perjodu tat-30 jum kwarantina kif stabbilit f'(a);

(d) matul l-aħħar 15-il jum tal-perjodu tal-kwarantina ta' mill-anqas 30 jum kif speċifikati f'(a), ikunu ġew soġġetti għat-testijiet segwenti b'riżultati negattivi;

- fir-rigward tal-bruċellosi, test ta' fissazzjoni komplimentarja jew test mewwieta ta' l-antiġenu tal-bruċella (mill-1 ta' Jannar 201 it-test mewwieti ta' l-antiġenu tal-bruċella għandu jkunu l-uniku test awtorizzat),

- test tan-newtralizzazzjoni tas-serum jew test ELISA li juża l-antiġeni virali kollha tal-Marda Aujeszky fil-każ ta' majjali li ma għandhomx it-tilqima, jew test ELISA għall-antiġeni GI tal-marda Aujeszky fil-każ ta' majjali li għandhom it-tilqima bil-vaċċina GI imħassra.

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet fil-każi ta' meta l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer jew mard ieħor elenkati fil-lista A tkun saret dijanjożi tagħhom, jekk kwalunkwe mit-testijiet imsemmija hawn fuq jirriżultaw pożittivi, l-annimal għandu jkun imneħħi minnufih mill-akkomodazzjoni tal-kwarantina. Fil-każ ta' kwarantina ta' grupp sħiħ, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tassigura li l-annimali li jkun fadlilhom status ta' saħħa sodisfaċenti qabel ma jkunu mdaħħla fiċ-ċentru tal-ġbir bi qbil ma' dan l-Anness.

B'dana kollu, f'dak li jirrigwardja l-bruċellosi meta l-annimali jkunu pożittivi, il-protokoll segwenti għandu jkun implimentat:

(i) is-sera pożittiva tkun soġġetta għal test ta' sero-aglutinazzjoni kif ukoll għat-test imsemmi fl-ewwel inċiż ta' hawn fuq li ma jkunx ġie mwettaq,

(ii) stħarriġ epidemoloġiku jkun imwettaq dwar l-oqsma ta' l-oriġini dwar l-annimali li jkollhom reazzjoni,

(iii) dwar l-annimali pożittivi, tieni serje ta' testijiet (it-test mewwieti ta' l-antiġenu tal-bruċella, is-sero-aglutinazzjoni, il-fissazzjoni komplimentarja) għandha titwettaq fuq il-kampjuni miġbura aktar min seba' ġranet wara l-ewwel ġbir.

Is-suspett ta' bruċellosi għandu jkun ikkonfermat jew eliminat fid-dawl tar-riżultati ta' l-istħarriġ imwettaq fuq l-oqsma ta' l-oriġini u t-tqabbil tar-riżultati taż-żewġ serje ta' testijiet.

Meta s-suspett tal-bruċellosi jkun eliminat, l-annimali negattivi għall-ewwel test tal-bruċellosi jistgħu jkunu mdaħħla fiċ-ċentru. L-Annimali pożittivi għal test wieħed jistgħu jkunu aċċettati jekk ikunu wieġbu fin-negattiv għaż-żewġ serje ta' testijiet (it-test mewwieti ta' l-antiġenu tal-bruċella, is-sero-aglutinazzjoni, il-fissazzjoni komplimentarja) imwettqa matul intervall ta' mill-anqas sebat ijiem.

2. It-testijiet kollha għandhom ikunu mwettqa minn laboratorju approvat mill-Istati Membri.

3. L-Annimali jistgħu jkunu mdaħħla biss fiċ-ċentru tal-ġbir tas-semen bil-permess attwali tal-veterinarju taċ-ċentru. Il-movimenti kollha ta' l-annimali, kemm 'il ġewwa u wkoll 'il barra, għandhom ikunu reġistrati.

4. L-ebda annimal aċċettat fiċ-ċentru tal-ġbir tas-semen ma jista' jkun juri sinjali kliniċi ta' marda fil-jum ta' meta jkun aċċettat; l-annimali kollha għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, ikunu ġejjin direttament mill-akkomodazzjoni tal-kwarantina kif hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1(a) li, fil-jum tal-konsenja, ikun uffiċjalment jissodisfa l-kondizzjonijiet segwenti:

(a) ma jkunx jinstab f'żona ristretta kif definita permezz tad-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-Komunità minħabba li tkun skoppjat xi marda tal-majjali domestiċi;

(b) l-ebda xhieda klinika, patoloġika jew seroloġika tal-marda Aujeszky ma tkun irreġistrata matul it-12-il xahar preċedenti;

5. Sakemm il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 4 jkunu milħuqa u t-testijiet ta' rutina li hemm referenza dwarhom fil-Kapitolu II ikunu twettqu matul it-12-il xahar preċedenti, l-annimali jistgħu jkunu trasferiti minn ċentri tal-ġbir tas-semen lejn ċentru ieħor ta' status ta' saħħa ekwivalenti mingħajr kwarantina jew testijiet jekk it-trasferiment iseħħ direttament. L-annimali f'dak il-każ m'għandhomx jiġu f'kuntatt dirett jew indirett ma' annimali oħrajn tat-tip bid-difer maqsum ta' status tas-saħħa aktar baxx u l-mezzi tat-trasport użati għandhom ikunu ddiżinfettati qabel l-użu.

6. Fil-każ ta' kummerċ bejn l-Istati Membri, l-annimali għandhom ikunu akkumpanjati b'ċertifikat tas-saħħa ta' l-annimali li jkun konformi mal-mudell 2 fl-Anness F tad-Direttiva 64/432/KEE, u d-diżinfettazzjoni tal-meżżi tat-trasport trid tkun iċċertifikata skond is-sezzjoni C, il-punt 4, bħala waħda mill-garanziji addizzjonali, li jikkorrispondu ma' l-istatus tagħhom:

- l-annimali jiġu direttament miċ-ċentru tal-ġbir tas-semen li jkun konformi mad-Direttiva 90/429/KEE;

- l-annimali jiġu direttament minn akkomodazzjoni ta' kwarantina u jkunu konformi mal- kondizzjonijiet tad-dħul taċ-ċentru tal-ġbir tas-semen li hemm provvediment dwarhom fil-kapitolu 1 ta' l-Anness B tad-Direttiva 90/429/KEE;

- l-annimali jiġu direttament minn qasam minn fejn dawn kienu għaddejjin mill-protokoll li jippreċedi d-dħul fil-kwarantina u huma konformi mal-kondizzjonijiet għad-dħul fil-kwarantina li hemm provvediment dwarhom fil-Kapitoli I, il-punti (1)(b)(ċ) u (2) ta' l-Anness B tad-Direttiva 90/429/KEE.

KAPITOLU II

Testijiet obbligatorji ta' rutina għall-annimali mizmuma f'ċentru approvat għal ġbir tas-semen

1. L-annimali kollha f'ċentru approvat għal-ġbir tas-semen għandhom ikunu soġġetti għat-testijiet segwenti b'riżultati negattivi:

(a) test ELISA ta' newtralizzazzjoni tas-serum li jagħmel użu mill-antiġeni virali tal-marda Aujesszky fil-każ ta' majjali li ma humiex imlaqqma, jew test ELISA dwar l-antiġeni G1 dwar il-marda Aujeszky fil-każ ta' majjali mlaqqma bil-vaċċina G1 imħassra;

(b) f'dak li jirrigwarda l-bruċellosi, test komplimentarju ta' fissazzjoni jew test mewwieti dwar l-antiġenu tal-bruċella (mill-1 ta' Jannar 2001 it-test mewwieti dwar l-antiġenu tal-bruċella għandu jkun l-uniku test awtorizzat);

(ċ) test ELISA jew test ta' newtralizzazzjoni tas-serum għall-preżenza ta' l-antikorpi tad-deni klasiku tal-qżieqes.

Dawn it-testijiet għandhom ikunu mwettqa jew:

fuq l-annimali kollha li jħallu ċ-ċentru, imma mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul meta dawn ma jkunux ħallew iċ-ċentru qabel dan iż-żmien. Il-kampjunar jista' jitwettaq f'biċċerija;

jew

fuq 25 % ta' l-annimali fiċ-ċentru li jkunu ttestjati darba kull tliet xhur.

F'dan il-każ, il-veterinarju taċ-ċentru għandu jassigura li l-kampjuni miġbura jkunu rappreżentattivi tal-popolazzjoni totali taċ-ċentru, partikolarment f'dak li jirrigwarda l-grupp ta' l-età u l-akkomodazzjoni tal-ħnieżer. Aktar minn hekk, il-veterinarju taċ-ċentru għandu wkoll jassigura li l-annimali kollha jkunu ttestjati mill-anqas darba matul l-aġġorn tagħhom fiċ-ċentru u mill-anqas darba kull 12-il xahar jekk l-aġġorn tagħhom jeċċedi sena.

2. It-testijiet kollha għandhom jitwettqu minn laboratorju approvat mill-Istat Membru.

3. Jekk uħud mit-testijiet ta' hawn fuq jirriżultaw fil-pożittiv, l-annimal għandu jkun iżolat u s-semen miġbur minnu sa minn meta kien hemm l-aħħar test negattiv ma jistax ikun soġġett għall-kummerċ intra-Komunitarju.

Jekk uħud mit-testijiet ta' hawn fuq jirriżultaw bħala pożittivi, l-annimal għandu jkun iżolat u s-semen miġbur minn sa mill-aħħar test negattiv ma jistax ikun soġġett għall-kummerċ intra-Kominitarju. Is-semen miġbur minn kull annimal fiċ-ċentru sa mid-data ta' l-aħħar test negattiv ta' dak l-annimal għandu jinżamm f'ħażna separata u ma jistax ikun is-soġġett ta' kummerċ intra-Komunitarju sakemm l-istatus tas-saħħa taċ-ċentru ma jkunx ġie stabbilit mill-ġdid.

ANNESS Ċ

Kondizzjonijiet li s-semen miġbur f'ċentri approvati għandu jissodosfa għall-iskopijiet tal-kummerċ intra-Komunitarju

1. Is-semen għandu jkun miksub minn annimali li:

(a) ma juru l-ebda sinjali kliniċi ta' mard fil-jum meta s-semen ikun miġbur;

(b) ma jkollhomx it-tilqima kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer;

(ċ) jissodisfaw il-ħtiġiet ta' l-Anness B, il-Kapitolu I;

(d) ma jkunux imħollija li jinqdew naturalment;

(e) jinżammu f'ċentri tal-ġbir tas-semen li għandhom ikunu jinstabu f'żona ristretta nnominata permezz tad-disposizzjonijiet tal-leġistazzjoni tal-Komunità li tirrigwarda l-mard li jittieħed tal-majjali domestiċi;

(f) ikunu nżammu fiċ-ċentri tal-ġbir tas-semen li, ma' tul il-perjodu ta' 30 jum li immedjatament jippreċedi l-ġbir, ikun ħieles mill-marda Aujeszky.

2. Għaqda effettiva ta' anti-korpi, partikolarment kontra l-leptospiri u l-mikoplasmi, għandhom ikunu miżjuda mas-semen wara l-aħħar trattib jew mal-materjal tat-trattib. Fil-każ ta' semen iffriżat, l-anti-korpi għandhom ikunu miżjuda qabel ma s-semen ikun iffriżat.

Dan it-tgħaqqid għandu jipproduċi effett mill-anqas ekwivalenti għat-trattib segwenti:

mhux anqas minn: | 500 μg streptomiċin kull ml trattib finali |

500 IU peniċillin kull ml trattib finali |

150 μg linkomiċin kull ml trattib finali |

300 μg spektinomiċin kull ml trattib finali |

Immedjatament wara ż-żieda ta' l-anti-korpi ma' l-antibijotiċi, is-semen imrattab għandu jiżamm f'temperatura ta' mill-anqas 15 °C għall-perjodu ta' mhux anqas minn 45 minuta.

3. Semen għal kummerċ intra-Komunitarju għandu:

(a) jkun maħżun kif stabbilit fil-Kapitoli I u II ta' l-Anness A qabel il-konsenja;

(b) għandu jkun ittrasportat lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni f'vażetti li jkunu ġew imnaddfa u ddiżinfettati jew sterilizzati qabel l-użu u li jkunu ġew issiġillati qabel il-konsenja mill-faċilitajiet approvati tal-ħażna.

4. L-Istati Membri jistgħu jiċħdu d-dħul ta' semen minn ċentri tal-ġbir fejn ikunu aċċettati qżieqeż li jkollhom it-tilqima kontra l-marda Aujeszky, fit-territorju tagħhom jew f'reġjun tat-teritorju tagħhom, li jkun rikonoxxut bħala ħieles mill-marda Aujeszky bi qbil ma' l-Artikolu 10 tad-Direttiva 64/432/KEE.”

"

--------------------------------------------------