31999D0437



Official Journal L 176 , 10/07/1999 P. 0031 - 0033


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-17 ta' Mejju 1999

dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen

(1999/437/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea bit-Trattat ta' Amsterdam (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjaħ il-"Protokoll Schengen"), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

(1) Billi fit-18 ta' Mejju 1999, Ftehim ibbażat fuq l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta' Schengen kien konkluż mar-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (hawnhekk iżjed ‘l isfel riferut bħala "l-Ftehim");

(2) Billi hu meħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' xi wħud mid-disposizzjonijiet tal-Ftehim;

(3) Billi l-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt, li għandu jindirizza l-kwistjonijiet kollha li jirrelataw ma' l-applikazzjoni u aktar żvilupp ta' dawk id-disposizzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea li l-Islanda u n-Norveġja intrabtu li jimplimentaw u japplikaw skond l-Artikolu 2 tal-Ftehim;

(4) Billi huwa għall-Unjoni Ewropea li tiddefinixxi l-aeri li fihom aktar żvilupp tad-disposizzjonijiet eżistenti ta' l-Unjoni għandhom ikunu koperti bil-proċedura mniżżla fil-Ftehim, b'mod partikolari l-proċeduri għad-diskussjoni fil-Kumitat Konġunt;

(5) Billi kull emenda għall-lista ta' dawk l-aeri tista' tiġi adottata mill-Kunsill fuq l-istess bażi legali bħal dak ta' din id-Deċiżjoni;

(6) Billi l-applikazzjoni tal-proċeduri mniżżla fil-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u kull ftehim ieħor bejn il-Komunità Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja jew kull ftehim konkluż ma' dawk l-Istati fuq il-bażi ta' l-Artikoli 24 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

(7) Billi din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni kemm tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta' Amsterdam għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jwaqqaf il-Komunita Ewropea, u ta' disposizzjonijiet oħra tal-Protokoll Schengen;

(8) Billi disposizzjoni għandha ssir dwar proċedura ta' konsultazzjoni fi ħdan il-Kunsill qabel ma tittieħed xi deċiżjoni mill-Kumitat Konġunt li għanda x'taqsam mat-terminazzjoni jew kontinwazzjoni tal-Ftehim, bil-għan li tintlaħaq posizzjoni komuni bejn il-membri tal-Kunsill,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-proċeduri mniżżla fil-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen (hawnhekk iżjed ‘l isfel imsejjaħ "il-Ftehim") għandhom jiġu applikati għal proposti u inizjattivi għal aktar żvilupp ta' dawk id-disposizzjonijiet li dwarhom koperazzjoni eqreb ġiet awtorizzata taħt il-Protokoll Schengen li jaqgħu f'waħda mill-aeri li ġejjin:

A. Tal-qsim minn persuni tal-fruntieri esterni ta' dawk l-Istati li jkunu ddeċidew li jabolixxu il-verifiki fil-fruntieri nterni tagħhom, inklużi r-regoli u l-arranġamenti li magħhom dawk l-Istati għandhom jikkoformaw meta jwettqu verifiki fuq persuni fil-fruntieri esterni, sorveljanza ta' l-aeri tal-fruntieri u koperazzjoni mas-servizzi responsabbli għall-kontroll tal-fruntiera.

B. Viżi għal żmien qasir, b'mod partikolari r-regoli dwar viża uniformi, il-lista tal-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikunu fil-pussess ta' viżi għall-Istati konċernati u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma ezenti minn dik il-ħtieġa, il-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi uniformi, u l-koperazzjoni u l-konsultazzjoni bejn is-servizzi li joħorġuhom.

C. Moviment liberu, għall-perijodu massimu ta' tlett xhur, ta' ċittadini ta' terzi pajjiżi fit-territorju ta' dawk l-Istati li jkunu ddeċidew li jabolixxu l-verifiki fuq il-fruntieri nterni tagħhom u t-tkeċċija ta' dawk il-persuni meta l-posizzjoni tagħhom tkun illegali.

D. Il-ftehim dwar kwistjonijiet bejn Stati f'każi fejn Stat ikun ħareġ jew li qed jikkunsidra l-ħruġ ta' permess ta' residenza lill-barrani rrapportat bħala persuna li m'għandhiex tingħatalha permess tad-dħul minn Stat ieħor.

E. Il-penalitajiet applikabbli għal dawk li jġorru u dwak responsabbli għall-organizzazzjoni ta' immigrazzjoni illegali.

F. Protezzjoni ta' data personali mibdul bejn is-servizzi li hemm riferenza għalihom fil-punti A u B.

G. Is-Sistema ta' Informazzjoni Schengen (SIS), inklużi d-disposizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni u s-sigurta ta' data, id-disposizzjonijiet dwar it-tħaddim tas-sezzjonijiet nazzjonali tas-SIS u l-bdil ta' tagħrif bejn dawk is-sezzjonijiet nazzjonali (sistema SIRENE), u l-effett ta' l-allerti ta' l-SIS għal persuni mfittxija għall-arrest għal għanijiet ta' estradizzjoni.

H. Kull forma ta' koperazzjoni ta' pulizija li taqgħa taħt l-Artikoli 39 sa 43, 46, 47, 73 u 126 sa 130 tal-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen dwar l-abolizzjoni gradwali ta' verifiki fuq il-fruntieri komuni, kif applikati bejn l-Istati Membri konċernati fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam.

I. L-arranġamenti għal koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali deskritti fl-Artikoli 48 sa 63 u 65 sa 69 tal-Konvenzjoni tal-1990 li hemm riferenza għaliha fil-punt H, kif applikata bejn l-Istati Membri konċernati fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam.

Artikolu 2

Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni jibgħatu lill-Kunsill inizjattiva jew proposta li hija meqjusa li taqgħa fl-erja koperta mill-Artikolu 1, għandha tindika dan fit-test mibgħut.

Artikolu 3

Fuq it-talba ta' xi Stat Membru jew il-Kommissjoni, il-Presidenza għamdha tlaqqa laqgħa tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti ta' l-Istati Membri biex jiġi permess li tinżamm diskussjoni dwar jekk l-inizjattiva jew il-proposta taqgħax fl-erja koperta mill-Artikolu 1.

Artikolu 4

1. Atti li ser jiġu adottati mill-Kunsill li jkunu jikkostitwixxu aktar żvilupp ta' dawk id-disposizzjonijiet li dwarhom koperazzjoni eqreb tkun ġiet awtorizzata taħt il-Protokoll Schengen u li jaqgħu f'xi waħda mill-aeri koperti bl-Artikolu 1 għandu jkun fihom indikazzjoni għal dak l-effett.

2. Pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta' xi att li għalih jirreferi l-paragrafu 1 għandha tinkludi indikazzjoni li turi li taqgħa f'erja li dwarha koperazzjoni eqreb tkun ġiet awtorizzata taħt il-Protokoll Schengen.

Artikolu 5

Qabel mad-delegazzjonijiet li jirrappreżentaw il-membri tal-Kunsill jieħdu sehem f'deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt imwaqqaf taħt il-Ftehim, skond l-Artikolu 8(4) jew l-Artikolu 11 tiegħu, għandhom jiltaqgħu fil-Kunsill biex jistabbilixxu jekk tistax tiġi adottata posizzjoni komuni.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil jum li jiġi wara dak li fih tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Mejju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Fischer

--------------------------------------------------