31999D0391



Official Journal L 148 , 15/06/1999 P. 0039 - 0043


ID-Deċiżjoni tal-kummissjoni

tal-31 ta' Mejju 1999

dwar il-kwestjonarju li għandu x'jaqsam mad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE li tikkonċerna l-prevenzjoni u l-kontroll integrati ta' tniġġis (IPPC) (implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE)

(notifikata bid-dokument numru K(1999) 1395)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(1999/391/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat ta' tniġġis [1], u b'mod partikolari Artikolu 16(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru 1991 dwar l-istandardizzazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni ta' rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' xi Direttivi li jirrelataw ghall-ambjent [2],

(1) Billi Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/61/KE jeħtieġ li rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-effettività tagħha mqabbla ma' strumenti oħra ambjentali tal-Komunità jiġu stabbiliti skond il-proċedura preskritta f'Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 91/692/KEE

(2) Billi Artikolu 5 tad-Direttiva 91/692/KEE jeħtieġ li r-rapport jitfassal jew fuq il-bażi ta' kwestjonarju jew qafas abbozzat mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Kumitat stabbilit b'Artikolu 6 tad-Direttiva;

(3) Billi l-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu 2000 sa 2002 inklużi;

(4) Billi l-miżuri maħsuba b'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni espressa mill-Kumitat skond Artikolu 6 tad-Direttiva 91/692/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-kwestjonarju mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni, li jirrelata għad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE li jikkonċerna l-prevenzjoni u l-kontroll integrat ta' tniġġis, huwa hawnhekk adottat.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jużaw dan il-kwestjonarju bħala bażi għat-tfassil tar-rapport li għandu jintbgħat lill-Kummissjoni skond Artikolu 5 tad-Direttiva 91/692/KEE u Artikolu 16(3) tad-Direttiva 96/61/KE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-31 ta' Mejju 1999.

Għall-Kummissjoni

Ritt Bjerregaard

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 257, tal-10.10.1996, p. 26.

[2] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.

--------------------------------------------------

ANNESS

KWESTJONARJU DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA 96/61/KE LI TIKKONĊERNA L-PREVENZJONI U L-KONTROLL INTEGRAT TA' TNIĠĠIS (IPPC)

1. Deskrizzjoni ġenerali

1.1. Liema huma l-bidliet prinċipali għall-leġislazzjoni nazzjonali u għas-sistema ta' liċenzjar li kienu meħtieġa biex jintlaħaq l-għan prinċipali tal-ksib ta' prevenzjoni u kontroll integrat ta' tniġġis li joħroġ mill-attivitajiet elenkati f'Anness I tad-Direttiva?

2. Kopertura ta' stallazzjonijiet

2.1. Għal kull waħda mis-sitt sezzjonijiet ta' Anness I, kemm mill-istallazzjonijiet jaqgħu fil-kategoriji elenkati hawn taħt?

- l-istallazzjonijiet eżistenti kollha, li jaqgħu fit-tifsira ta' Artikolu 2(4), imħaddma fit-tmien tal-perjodu ta' rapportaġġ,

- stallazzjonijiet eżistenti li dwarhom bidla sostanzjali kienet notifikata lill-awtorità kompetenti u li għaliha ingħata permess matul il-perjodu ta' rapportaġġ,

- stallazzjonijiet ġodda (inklużi dawk li għadhom ma bdewx jitħaddmu (u li għalihom ingħata permess matul il-perjodu ta' rapportaġġ)).

3. Obbligi bażiċi ta' l-operatur

3.1. Liema miżuri ttieħdu biex jiddisponu li l-awtorità kompetenti tiżgura li l-istallazzjonijiet huma mħaddma skond il-prinċipji ġenerali preskritti f'Artikolu 3?

4. Stallazzjonijiet eżistenti

4.1. Huwa maħsub li jiġu applikati l-ħtiġijiet imsemmijin f'Artikolu 5(1) għal xi kategoriji ta' stallazzjonijiet eżistenti qabel it-tmiem tal-perjodu transitorju msemmi fih?

4.2. Sa liema data għandhom l-applikazzjonijiet il-ġodda jew tagħrif supplimentari mill-istallazzjonijiet eżistenti ikunu meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet imsemmijin f'Artikolu 5(1) jiġu mħarsa sat-tmien tal-perjodu transitorju msemmi fihom?

5. Applikazzjonijiet għall-permess

5.1. Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-applikazzjonijiet għal permessi jkun fihom it-tagħrif kollu meħtieġ minn Artikolu 6?

6. Kordinazzjoni tal-proċedura tal-permessi u kondizzjonijiet

6.1. Liema awtorità jew awtoritajiet kompetenti huma involuti li jippermettu stallazzjonijiet IPPC?

6.2. Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-proċedura ta' permessi u kondizzjonijiet jiġu kordinati interament meta aktar minn awtorità kompetenti waħda tkun involuta? Din il-kordinazzjoni kif taħdem fil-prattika?

7. Kondizzjonijiet tal-permessi

7.1. Kompletezza tal-kondizzjonijiet tal-permess

7.1.1. Il-liġi nazzjonali kif tiżgura li l-permess ikun fih it-ħtiġijiet kollha speċifikati f'Artikolu 9? B'mod partikolari, agħti dettalji ta' kif kull waħda mill-affarijiet li ġejjin hemm disposizzjoni għaliha:

- valuri ta' limiti għall-emissjonijiet fl-arja u l-ilma,

- minimizzazzjoni ta' tniġġis fuq distanzi fit-tul u bejn fruntieri,

- protezzjoni tal-ħamrija u l-ilma taħt l-art,

- immaniġġjar ta' l-iskart,

- ħtiġijiet għall-monitoraġġ ta' ħruġ,

- ħtiġijiet li jirrelataw għal kondizzjonijiet mhux normali ta' tħaddim.

7.2. Proprjetà u adegwatezza tal-kondizzjonijiet tal-permess

7.2.1. X'inhuma d-disposizzjonijiet leġislattivi, il-proċeduri u l-kriterji għall-iffissar ta' valuri ta' limiti għal emissjonijiet u kondizzjonijiet oħra tal-permess, li jiżguraw it-twassil għall-livell għoli ta' protezzjoni għall-ambjent kollu kemm hu?

7.2.2. X'xorta ta' gwida (li torbot jew li ma torbotx) teżisti fl-Istati Membri biex jiġu stabbiliti l-aħjar tekniki disponibbli?

7.2.3. B'liema mod il-konsiderazzjonijiet imsemmija f'Anness IV tat-Direttiva jingħata kont tagħhom b'mod ġenerali jew f'każi speċifiċi fl-istabbiliment ta' l-aħjar tekniki disponibbli?

7.2.4. B'mod partikolari, kif jitqies ġeneralment it-tagħrif pubblikat mill-Kummissjoni skond Artikolu 16(2) jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew f'każi speċifiċi fl-istabbiliment ta' l-aħjar tekniki disponibbli?

7.2.5. Liema huma l-miżuri li ttieħdu biex jiġi żgurat li l-valuri ta' limiti ta' emissjonijiet u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniki msemmijin f'Artikolu 9(3) huma bbażati fuq l-aħjar tekniki disponibbli, mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta' xi teknika jew teknoloġija speċifika, iżda jingħata kont tal-karatteristiċi tekniki ta' l-istallazzjoni, il-lokazzjoni ġeografika tagħha, u l-kondizzzjonijiet lokali ambjentali?

7.2.6. X'xorta ta' gwida (li torbot jew li ma torbotx) teżisti fl-Istati Membri dwar il-ħtiġijiet ta' monitoraġġ ta' hruġ li għandhom jiġu nklużi fil-permess?

7.3. Tagħrif rappreżentattiv disponibbli

7.3.1. Ipprovdi tagħrif rappreżentattiv disponibbli dwar il-valuri ta' limiti preskritti minn xi kategorija speċifika ta' attivitajiet skond Anness I u, jekk xieraq, l-aħjar tekniki disponibbli li minnhom joħorġu dawk il-valuri. Iddeskrivi kif dawn id-data intgħażlu u nġabru.

Il-Kummissjoni tista', qabel jew matul il-perjodu ta' rapportaġġ, tissuġerixxi gwida għat-tweġiba ta' din il-mistoqsija, għal xi setturi, b'mod partikolari fuq il-bażi tat-tagħrif pubblikat skond Artikolu 16(2). Fin-nuqqas ta' dik il-gwida, it-tagħrif jista' per eżempju jiġi espress bħala firxiet ta' valuri ta' limiti.

7.3.2. Liema tipi ta' kondizzjonijiet tal-permess barra mill-valuri ta' limiti ta' emissjonijiet ġew iffissati? B'mod partikolari, agħti eżempji ta':

- parametri ekwivalenti u miżuri tekniki li jissupplimentaw il-valuri ta' limiti ta' emissjonijiet preskritti fil-permess,

- parametri ekwivalenti u miżuri tekniki li jibdlu l-valuri ta' limiti ta' emissjonijiet,

- kondizzjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ħamrija u l-ilma ta' taħt l-art, ta' l-immaniġġjar ta' l-iskart, tal-ħtiġijiet tal-monitoraġġ ta' ħruġ u l-miżuri li jirrelataw għal kondizzjonijiet mhux normali ta' tħaddim.

8. Regoli ġenerali li jorbtu

8.1. Il-liġi nazzjonali fiha l-possibiltà li jiġu preskritti xi ħtiġijiet għal ċerti kategoriji ta' stallazzjonijiet f'regoli ġenerali li jorbtu minflok li jiġu nklużi fil-kondizzjonijiet tal-permessi individwali?

8.2. Għal liema kategoriji ta' stallazzjonijiet ġew stabbiliti r-regoli ġenerali li jorbtu? Liema forma jieħdu dawn ir-regoli?

9. Standards ambjentali ta' kwalità

9.1. Il-liġi nazzjonali kif tindirizza l-ħtieġa għal miżuri addizzjonali fil-każi fejn l-użu ta' l-aħjar tekniki disponibbli huwa biżżejjed biex jissodisfa l-istandard ambjentali ta' kwalità preskritt jew definit skond il-leġislazzjoni tal-Komunità?

9.2. Qatt inqalgħu xi każi bħal dawn? Jekk iva, x'tip ta' miżuri addizzjonali ittieħdu?

10. Żviluppi fl-aħjar tekniki disponibbli

10.1. X'passi ttieħdu biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jsegwu jew jiġu avżati bl-iżviluppi fl-aħjar tekniki disponibbli?

11. Bidliet għall-istallazzjonijiet

11.1. Liema huma d-disposizzjonijiet leġislattivi, proċeduri u prattika biex jiġu ttrattati l-bidliet magħmula mill-operaturi fl-istallazzjonijiet?

11.2. L-awtoritajiet kompetenti kif jiddeċiedu jekk bidla fit-tħaddim jistax ikollha konsegwenzi fuq l-ambjent (Artikolu 2(10)(a), u/jew jekk bidla bħal dik jistax ikollha effett negattiv sinifikanti fuq il-bniedem jew l-ambjent (Artikolu 2(10)(b))?

12. Konsiderazzjoni mill-ġdid u aġġornar tal-kondizzjonijiet tal-permess

12.1. Liema huma d-disposizzjonijiet leġislattivi, proċeduri u prattika li jikkonċernaw konsiderazzjoni mill-ġdid u aġġornar tal-kondizzjonijiet tal-permessi mill-awtorità kompetenti?

12.2. Il-frekwenza ta' konsiderazzjoni mill-ġdid u, meta mehtieġ, l-aġġornar tal-permessi huma speċifikati fil-liġi nazzjonali, jew huma stabbiliti b'xi mezzi oħra?

12.3. L-awtoritajiet kompetenti kif jiddeċiedu jekk il-kriterji speċifikati f'Artikolu 13(2) humiex imħarsa?

13. Konformità mal-kondizzjonijiet tal-permess

13.1. Iddeskrivi f'termini ġenerali d-disposizzjonijiet leġislattivi, proċeduri u prattika li jiżguraw il-konformità mal-ħtiġijiet tal-permess.

13.2. Liema disposizzjonijiet leġislattivi, proċeduri u prattika jiżguraw li l-operaturi regolarment jinfurmaw lill-awtoritajiet bir-riżultati tal-monitoraġġ ta' ħruġ, u mingħajr dewmien b'xi inċident jew aċċident li sinifikament jeffettwa l-ambjent?

13.3. Il-liġi nazzjonali tagħti lill-awtoritajiet kompetenti d-dritt u/jew l-obbligu li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post?

13.4. Liema huma l-proċeduri jew il-prattika li jikkonċernaw spezzjonijiet regolari fuq il-post mill-awtoritajiet kompetenti? Jekk spezzjonijiet regolari fuq il-post ma jittwetqux, l-awtoritajiet kompetenti kif jivverifikaw it-tagħrif provdut mill-operatur?

13.5. X'sanzjonijiet jew miżuri oħra huma disponibbli fil-każi ta' nuqqas ta' konformità mal-kondizzjonijiet tal-permess? Dawk is-sanzjonijiet jew miżuri oħra ġew applikati matul il-perjodu ta' rapportaġġ?

14. Tagħrif u parteċipazzjoni tal-pubbliku

14.1. Il-liġi nazzjonali kif tipprovdi għat-tagħrif u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċedura tal-permess?

14.2. It-tagħrif dwar l-applikazzjonijiet, deċiżjonijiet u r-riżultati tal-monitoraġġ ta' ħruġ kif jiġu disponibbli għall-pubbliku?

14.3. Liema miżuri ttieħdu biex jiġi żgurat li l-pubbliku jagħraf id-drittijiet tiegħu li jikkummenta dwar id-dokumenti imsemmijin f'Artikolu 15(1)?

14.4. Kemm hemm żmien biex il-pubbliku jkun jista' jikkummenta dwar l-applikazzjonijiet għal permessi qabel ma l-awtorità kompetenti tasal għad-deċiżjoni tagħha?

14.5. L-awtoritajiet kif iqisu l-kummenti tal-pubbliku meta jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom?

14.6. F'liema ċirkostanzi jistgħu l-membri tal-pubbliku jagħmlu appell lil xi awtorità oħra jew qorti kontra xi permess?

14.7. X'influwenza kellhom ir-restrizzjonijiet preskritti f'Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 90/313/KEE fuq l-aċċess għat-tagħrif u parteċipazzjoni pubblika fil-proċedura tal-permessi?

15. Kooperazzjoni ta' bejn il-fruntieri

15.1. Il-liġi nazzjonali tipprovdi għal tagħrif u kooperazzjoni bejn il-fruntieri jew is-suġġett huwa mħolli għal relazzjonijiet bilaterali u multilaterali bejn l-Istat Membru u l-prattika amministrattiva?

15.2. Kif jiġi stabbilit fil-prattika jekk it-tħaddim ta' stallazzjoni jistax probabbilment ikollu effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent ta' xi Stat Membru ieħor?

15.3. Il-leġislazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika kif jiżguraw aċċess adegwat għat-tagħrif u l-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-permessi tal-pubbliku fl-Istat Membru li x'aktarx jiġi affettwat? Dik il-parteċipazzjoni hija supplimentata bi dritt għall-appell?

15.4. Kemm inqalgħu każi bħal dawn matul il-perjodu ta' rapportaġġ?

16. Relazzjoni ma' strumenti oħra tal-Komunità

16.1. L-Istati Membri kif iħarsu lejn l-effettività tad-Direttiva, inter alia b'paragun ma' strumenti oħra ambjentali tal-Komunità?

16.2. X'miżuri ttieħdu biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tad-Direttiva hija koerenti ma' l-implimentazzjoni ta' strumenti oħra ambjentali tal-Komunità?

--------------------------------------------------