31998R2679



Official Journal L 337 , 12/12/1998 P. 0008 - 0009


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98

tas-7 ta' Diċembru 1998

dwar il-ħidma tas-suq intern b'relazzjoni mal-moviment liberu ta' l-oġġetti fost l-Istati Membri

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 7a tat-Trattat, is-suq intern jiġbor ġewwa fih żona mingħajr fruntieri interni li fiha, b'mod partikolari, Il-moviment liberu ta' l-oġġetti huwa żgurat skond l-Artikoli 30 sa 36 tat-Trattat.

(2) Billi l-ksur ta' dan il-prinċipju, li jseħħ meta f'xi Stat Membru partikolari l-moviment ta' l-oġġetti jiġi mxekkel mill-azzjonijiet ta' individwi privati, jista' jikkawża tfixkil serju għall-ħidma tajba tas-suq intern u jwassal għal telf serju għall-individwi affettwati.

(3) Billi, sabiex jiġi żgurat li l-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat jiġu mħarsa, u, b'mod partikolari, sabiex tiġi żgurata l-ħidma tajba tas-suq intern, l-Istati Membri għandhom, minn naħa waħda, joqogħdu lura milli jadottaw miżuri jew li jaġixxu b'tali mod li li jistgħu joħolqu xkiel għall-kummerċ u, min-naħa l-oħra, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u proporzjonati bl-iskop li jiffaċilitaw il-moviment liberu ta' l-oġġetti fit-territorju tagħhom.

(4) Billi dawn il-miżuri m'għandhomx jaffettwaw l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt jew il-libertà ta' strajk.

(5) Billi dan ir-Regolament ma jipprevienix azzjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa f'ċerti każijiet fuq livell Komunitarju sabiex jirrispondu għal problemi fil-ħidma tas-suq intern, filwaqt li tiġi meqjusa, fejn xieraq, l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(6) Billi l-Istati Membri għandhom kompetenza esklussiva fejn għandha x'taqsam iż-żamma ta' l-ordni pubbliku u l-ħarsien tas-sigurtà interna kif ukoll sabiex jistabbilixxu jekk, meta u liema miżuri huma meħtieġa u proporzjonati sabiex jiffaċilitaw il-moviment liberu fit-territorju tagħhom f'sitwazzjoni partikolari.

(7) Billi għandu jkun hemm tpartit adegwat u rapidu ta' tagħrif bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar kull xkiel għall-moviment liberu ta' l-oġġetti.

(8) Billi Stat Membru li fit-territorju tiegħu ifeġġ xi xkiel għall-moviment liberu ta' l-oġġetti għandu jieħu il-miżuri kollha xierqa u proporzjonati sabiex iġib lura mill-aktar fis possibbli l-moviment liberu ta' l-oġġetti fit-territorju tiegħu sabiex jevita r-riskju li l-interuzzjoni jew it-telf partikolari jissoktaw, jiżdiedu jew jintensifikaw u li jkun hemm xi qtugħ fil-kummerċ u fir-relazzjonijiet kuntrattwali li jsejsuh; billi dan l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u, jekk mitlub, lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri li jkun ħa jew li jkun bi ħsiebu jieħu sabiex iwettaq dan l-objettiv.

(9) Billi l-Kummissjoni, fit-twettiq tad-dmir tagħha taħt it-Trattat, għandha tinnotifika lill-Istat Membru nvolut dwar l-opinjoni tagħha li seħħ ksur u l-Istat Membru għandu jirrispondi għal dik in-notifika.

(10) Billi t-Trattat ma jistabbilixxi ebda poteri, għajr dawk taħt l-Artikolu 235 tiegħu, għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għall-iskop ta' dan ir-Regolament:

1. il-kelma "xkiel" għandha tfisser xkiel għall-moviment liberu ta' l-oġġetti bejn l-Istati Membri li hu attribwibbli għal Stat Membru, kemm jekk tinvolvi azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni minn naħa tiegħu, li jista' jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikoli 30 sa 36 tat-Trattat u li;

(a) jwassal għall-interruzzjoni tal-moviment liberu ta' l-oġġetti permezz ta' prevenzjoni, dewmien jew żvijjar fid-direzzjoni, b'mod fiżiku jew b'mod ieħor, ta' l-importazzjoni tagħhom, esportazzjoni minn jew trasport ġewwa Stat Membru,

(b) jikkawża telf serju għall-inidividwi affettwati, u

(ċ) jeħtieġ azzjoni immedjata sabiex jiġi evitat kull kontinwazzjoni, żieda jew intensifikazzjoni ta' l-interuzzjoni jew telf inkwestjoni;

2. il-kelma "inazzjoni" għandha tkopri l-każ meta l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru, fil-preżenza ta' xkiel ikkawżat minn azzjonijiet meħuda minn individwi privati, ma jieħdux l-miżuri kollha xierqa u proporzjonati fil-poteri tagħhom bil-għan li jneħħu l-ixkiel u jiżguraw il-moviment liberu ta' l-oġġetti fit-territorju tagħhom.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma jistax jiġi interpretat bħala li jaffettwa b'ebda mod l-eżerċizzju ta' drittijiet fundamentali kif magħrufa fl-Istati Membri, inkluż id-dritt jew il-libertà ta' l-istrajk. Dawn id-drittijiet jistgħu jinkludu wkoll id-dritt jew il-libertà li jittieħdu azzjonijiet oħra koperti mis-sistemi speċifiċi tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri.

L-Artikolu 3

1. Meta jinqala' xi xkiel jew meta jkun hemm theddida li dan iseħħ:

(a) kull Stat Membru (kemm jekk hu l-Istat involut u kemm jekk le) li għandu l-informazzjoni relevanti għandu jibgħatha minnufih lill-Kummissjoni, u

(b) il-Kummissjoni għandha minnufih tibgħat lill-Istati Membri dik l-informazzjoni u kull informazzjoni minn sorsi oħra li hi jidhrilha li hija relevanti.

2. L-Istat Membru involut għandu jirrispondi mill-aktar fis possibbli għal talbiet għall-informazzjoni mill-Kummissjoni u minn l-Istati Membri oħra dwar in-natura tax-xkiel jew theddida u l-azzjoni li hu jkun ħa jew li jipproponi li jieħu. It-tpartit ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għandu wkoll jintbagħat lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 4

1. Meta jinqala' xi xkiel, u bla ħsara għall-Artikolu 2, l-Istat Membru involut għandu

(a) jieħu l-miżuri kollha approprjati u proporzjonati sabiex il-moviment liberu ta' l-oġġetti jiġi żgurat fit-territorju ta' l-Istat Membru skond it-Trattat, u

(b) jgħarraf lill-Kummissjoni bl-azzjonijiet li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħadu jew ikollhom il-ħsieb li jieħdu.

2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat minnufih l-informazzjoni li hija tirċievi skond il-paragrafu 1(b) lill-Istati Membri l-oħra.

L-Artikolu 5

1. Meta l-Kummissjoni jidhrilha li xkiel qiegħed iseħħ fi Stat Membru, hija għandha tinnotifika lill-Istat Membru involut bir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għal din il-konklużjoni u għandha titlob lill-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u proporzjonati sabiex jitneħħa l-imsemmi xkiel f'perjodu li hi għandha tistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ.

2. Sabiex tilħaq il-konklużjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis l-Artikolu 2.

3. Il-Kummissjoni tista' tippublika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej it-test tan-notifika li hi tkun bagħtet lill-Istat Membru involut u għandha tibgħat minnufih it-test lil kull parti li titolbu.

4. L-Istat Membru għandu, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jirċievi t-test, jew:

- jinforma lill-Kummissjoni bil-passi li ħa jew li beħsiebu jieħu sabiex jimplimenta l-paragrafu 1, jew

- jagħmel sottomissjoni raġunata dwar għalfejn m'hemm l-ebda xkiel li jikkostitwixxi ksur ta' l-Artikoli 30 sa 36 tat-Trattat.

5. F'każijiet eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista' tippermetti estensjoni tad-data ta' għeluq imsemmija fil-paragrafu 4 jekk l-Istat Membru jissottometti talba sostanzjata sew u r-raġunijiet ċitati jitqiesu li huma aċċettabbli.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta' Diċembru 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Farnleitner

[1] ĠU C 10, tal-15.1.1998, p. 14.

[2] ĠU C 359, tat-23.11.1998.

[3] ĠU C 214, ta' l-10.7.1998, p. 90.

--------------------------------------------------