Official Journal L 299 , 10/11/1998 P. 0001 - 0003
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2411/98 tat-3 ta' Novembru 1998 dwar kif jingħaraf fit-traffiku inter-Komunitarju d-distintiv ta' l-Istat Membru fejn ikunu rreġistrati l-vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75(1)(d) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Waqt li jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3] (1) Billi l-Komunità adottat ċertu numru ta' miżuri li huma maħsuba biex jassiguraw l-operat bla intoppi ta' suq intern li jħaddan fih żona bla fruntieri u li fih il-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital ikunu assigurati skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat; (2) Billi bosta Stati Membri huma partijiet kontraenti tal-Konvenzjoni ta' Vjenna ta' l-1968 dwar it-traffiku fit-toroq [4], minn issa 'l quddiem imsejħa bħala l-"Konvenzjoni", li l-Artikolu 37 tagħha jistipula li kull vettura bil-mutur fit-traffiku internazzjonali għandu jkollha fuq wara, b'żieda man-numru tar-reġistrazzjoni tagħha, id-distintiv ta' l-Istat li fiha tkun irreġistrata; (3) Billi l-Komunità mhix parti kontraenti fil-Konvenzjoni u billi x'uħud mill-Istati Membri tagħha li huma partijiet fiha għandhom rikors għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni; billi dawk l-Istati Membri għaldaqstant jeħtieġu li l-vetturi minn Stati Membri oħra jkollhom fuqhom id-distintiv ipprovdut mill-Anness 3 tal-Konvenzjoni; billi x'uħud mill-Istati Membri ma jirrikonoxxux distinitivi oħra bħal dawk li jidhru fuq il-pjanċi tar-reġistrazzjoni li, waqt li jindikaw l-Istat Membru fejn il-vettura tkun irreġistrata, ma jikkonformawx ma' l-Anness 3 tal-Konvenzjoni; (4) Billi bosta Stati Membri introduċew mudell ta' pjanċa tar-reġistrazzjoni li fit-tarf fin-naħa tax-xellug, ikollha parti blu li jkun fiha tnax-il stilla safra, li tirrappreżenta l-bandiera Ewropea u magħha jkun hemm distintiv jilħaq il-għan li jidentifika l-Istat Membru fejn din tkun irreġistrata; billi għall-fini tat-trasport inter-Komunitarju dan id-distintiv jilħaq l-għan ta' l-identifikazzjoni ta' l-Istat fejn din tkun irreġistrata kif ipprovdut fl-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni; (5) Billi l-Istati Membri li jkunu jistennew li vetturi minn Stati Membri oħra juru d-distintiv ta' l-Istat fejn ikunu rreġistrati għandhom jirrikonoxxu ukoll id-distintiv ipprovdut fl-Anness ta' dan ir-Regolament, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Dan ir-Regolament għandu japplika għall-vetturi rreġistrati fl-Istati Memebri li jiġu misjuqa fil-Komunità. L-Artikolu 2 Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament: (1) "id-distintiv ta' l-Istat Membru fejn tkun irreġistrata" tfisser sett kompost minn waħda minn tliet ittri b'kapitali Latini li jindikaw l-Istat Membru li fih il-vettura tkun irreġistrata; (2) "vettura" tfisser kull vettura bil-mutur u t-trejler tagħha kif spjegat: - fid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom [5], - fid-Direttiva 92/61 /KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 rigward l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew tliet roti [6]. L-Artikolu 3 L-Istati Membri li jeħtieġu li l-vetturi rreġistrati fi Stati Membri oħra għandhom juru distinitiv tar-reġistrazzjoni meta jkunu misjuqa fit-territorju tagħhom għandhom jirrikonoxxu d-distintiv ta' l-Istat Membru fejn dawn ikunu rreġistrati li jkun espost fuq it-tarf lejn in-naħa tax-xellug tal-pjanċa tar-reġistrazzjoni konformament ma' l-Anness ta' dan ir-Regolament daqslikieku jkun ekwivalenti għal kull distintiv ieħor li huma jirrikonoxxu għall-finijiet ta' l-identifikazzjoni ta' l-Istat li fih il-vettura tkun irreġistrata. L-Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-3 ta' Novembru 1998. Għall-Kunsill Il-President B. Prammer [1] ĠU C 290, ta' l-24.9.1997, p. 25 u ĠU C 159, tas-26.5.1998, p. 16. [2] ĠU C 95, tat-30.3. 1998, p. 32. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 1998 (ĠU C 80, tas-16.3.1998, p. 210), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 1998 (ĠU C 227, ta' l-20.7.1998. p. 31) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ottubru 1998 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [4] IL-Konvenzjoni ta' Vjenna tat-8 ta' Novembru 1968, konkluża taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Ekomomika għall-Ewropa tal-Ġnus Magħquda. [5] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/27/KE (ĠU L 232, tal-25.8.1997. p. 1). [6] ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 72. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994. -------------------------------------------------- L-ANNESS L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TAD-DISTINTIV TA' L-ISTAT MEMBRU TAR-REĠISTRAZZJONI LI GĦANDU JITWAĦĦAL FIT-TARF LEJN IN-NAĦA TAX-XELLUG TAL-PJANĊA TAR-REĠISTRAZZJONI +++++ TIFF +++++ IL-MUDELL 1 (eżempju) +++++ TIFF +++++ Kuluri: (1) Bi sfond ikħal retro-riflettiv (Referenza Munsell 5,9 pb 3,4/15,1) (2) 12-il stilla lewn isfar retro-riflettiva (3) Id-distintivi retro-riflettivi ta' l-Istat Membru tar-Reġistrazzjoni, ta' lewn abjad jew isfar Il-kompożizzjoni u l-qisien: (1) Fuq sfond ikħal: għoli = ta' l-anqas 98 mm wisa' = ta' l-anqas 40 mm, l-iżjed 50 mm (2) Iċ-ċentri tat-12-il stilla għandhom ikunu f'ċirku ta' tul radjali ta' 15mm; id-distanza bejn il-ponot opposti ta' kull stilla = 4 sa 5 mm (3) Id-distintiv ta' l-Istat Membru tar-Reġistrazzjoni: għoli = ta' l-anqas 20 mm wisa' tal-laqta karatteristika = 4 sa 5 mm Meta l-qisien ta' l-isfond ikħal jiġu ridotti fuq pjanċi tar-reġistrazzjoni li jkunu jokkupaw żewġ linji (ara l-mudell 2) u/jew fuq pjanċi tar-reġistrazzjoni intiżi għal vetturi bil-mutur ta' żewġ jew tliet roti, il-qisien ta' l-istilel u tad-distintiv ta' l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni jistgħu jitnaqqsu proporzjonalment. --------------------------------------------------