31998D0527



Official Journal L 234 , 21/08/1998 P. 0039 - 0042


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta' l-24 ta' Lulju 1998

dwar it-trattament, għall-għanijiet tal-kontijiet nazzjonali, ta' frodi fil-VAT (id-diskrepanzi bejn l-irċevuti teoretiċi tal-VAT u dawk attwali)

(innotifikata taħt id-dokument li jġib in-numru K (1998) 2202)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(98/527/KE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom, tat-13 ta' Frar 1989 fuq l-armonizzazzjoni tal-kumpilazzjoni tal-prodott gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq [1], u partikolarment l-Artikolu 1 tagħha,

Billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/168/KEE, Euratom, tat-22 ta' Frar 1994 dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom fuq l-armonizzazzjoni tal-kumpilazzjoni tal-prodott gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq [2], tittratta b'mod partikolari dwar l-evażjoni tat-taxxa iżda ma tiddeskrivix b'mod espliċitu kif l-evażjoni mill-VAT għandha tkun trattata; billi huwa għalhekk meħtieġ li jkun deskritt kif evażjoni bħal din għandha tkun trattata;

Billi, biex ikun żgurat l-eżawriment ta' l-estimi tal-Prodott Gross Domestiku u tal-Prodott Gross Nazzjonali tagħhom f'konformità mad-Direttiva 89/130/KE Euratom, l-Istati Membri jeħtieġu jaġġustaw dawk l-estimi biex jikkunsidraw l-evażjoni tal-VAT;

Billi aġġustament bħal dan huwa marbut ma' dak il-komponent tad-diskrepanzi bejn l-irċevuti teoretiċi tal-VAT u dawk attwali li huwa attribwit għal evażjoni li ma tinvolvix il-kompliċità tax-xerrej ("mingħajr kompliċità");

Billi l-miżuri li hemm ipprovduti f'din id-Deċiżjoni huma kompatibbli ma' l-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/130/KEE, Euratom,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-valur ta' l-evażjoni tal-VAT "mingħajr kompliċità" billi japplikaw il-metodi stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Għall-għanijiet tal-kalkolazzjoni msemmija fuq, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-irċevuti teoretiċi tal-VAT u dawk attwali u jikkalkulaw id-diskrepanza bejn dawn iż-żewġ ammonti, billi japplikaw din il-formula li ġejja:

+++++ TIFF +++++

L-Istati Membri għandhom jaġġustaw, jekk hemm bżonn, l-ammont ta' valur miżjud inkluż fl-estimi tal-Prodott Gross Domestiku u dak Nazzjonali tagħhom magħmul f'konformità mad-Direttiva 89/130/KEE, Euratom billi jżidu miegħu l-valur, ikkalkulat fuq il-bażi tal-formula t'hawn fuq, ta' evażjoni "mingħajr kompliċità".

Artikolu 2

Biex isir l-aġġustament deskritt fl-Artikolu 1, l-Istati Membri għandhom japplikaw metodu li jkun ekwivalenti għal dak deskritt fl-ewwel sottoparagrafu ta' l-Artikolu 1, u li jkun jipproduċi riżultati paragunabbli.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Ottubru 1998, jipprovdu lill-Kummissjoni bi spjegazzjoni dwar ir-riżorsi u l-metodi li jkunu ġew applikati u jiddikjaraw il-valur ta' l-aġġustamenti li jkunu saru. Il-Kumissjoni għandha, f'konformità ma' l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 [3], teżamina l-validità tas-sorsi u l-metodi użati u ta' l-aġġustamenti li jkunu saru, u l-komparabbilità tar-riżultati li jkunu nkisbu, partikolarment f'każijiet fejn, f'konformità ma' l-Artikolu 2, il-metodu deskritt fl-ewwel sottoparagrafu ta' l-Artikolu 1 ma jkunx intuża.

Il-limitu ta' żmien għall-Istati Membri l-ġodda (l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja) huwa ffissat għall-1 ta' Ottubru 1999.

Artikolu 4

Jekk Stat Membru jkun jista' juri lill-Kummissjoni li l-kalkolazzjoni ekwivalenti tkun diġà implikata fil-kontijiet tiegħu, l-Artikolu 1 ma jkollu l-ebda effett. Kwalunkwe Stat Membru li jkun jixtieq isegwi din ir-rotta għandu jforni d-dokumentazzjoni sħiħa lill-Kummissjoni sal-1 ta' Ottubru 1998 (għall-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja: l-1 ta' Ottubru 1999).

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat għall-Prodott Gross Nazzjonali dwar ir-riżultat ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u, partikolarment, dwar il-metodi użati mill-Istati Membri.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-24 ta' Lulju 1998.

Għall-Kummissjoni

Yves-Thibault De Silguy

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 49, tal-21.2.1989, p. 26.

[2] ĠU L 77, tad-19.3.1994, p. 51.

[3] ĠU L 155, tas-7.6.1989, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Il-valur ta' l-evażjoni tal-VAT li ma jkunx jinvolvi l-kompliċità tax-xerrej ("mingħajr kompliċità") jiġi kkalkulat billi jintużaw dawn iż-żewġ kwantitajiet varjabbli li ġejjin:

1. Il-valur ta' l-irċevuti teoretiċi tal-VAT;

2. Id-diskrepanzi bejn l-irċevuti teoretiċi tal-VAT u l-irċevuti tal-VAT li jkunu nġabru attwalment matul il-perjodu.

Il-kalkolazzjoni ta' l-irċevuti teoretiċi tal-VAT

L-irċevuti teoretiċi tal-VAT huma l-ammonti ta' VAT li kienu jinġabru kieku l-partijiet kollha suġġetti għall-VAT kellhom iħallsuha kif kontemplat bil-liġi.

Biex ikunu kalkolati l-irċevuti teoretiċi tal-VAT, l-ewwel ħaġa li trid issir hija li l-bażi tal-VAT tinġieb f'linja mal-leġislazzjoni kurrenti: fi kliem ieħor, li jkunu identifikati t-transazzjonijiet kollha li ma jkunux suġġetti għal tnaqqis mill-VAT. Il-konsum domestiku finali huwa trattat bħala li mhuwiex suġġett għal tnaqqis mill-VAT, waqt li kategoriji oħra ta' użu għandhom jinqasmu biex tiġi stabbilita rata ta' mingħajr tnaqqis. Il-kalkolazzjoni ssir billi jintuża l-aktar tagħrif li mhuwiex aggregat dwar il-kontijiet nazzjonali li huwa disponibbli. Il-bażi tal-VAT tinħadem fid-dawl tal-leġislazzjoni u-regoli kurrenti kollha li jirregolaw il-VAT.

It-tieni ħaġa hija li tkun applikata r-rata xierqa ta' VAT għal kull transazzjoni li tkun tikkostwixxi l-bażi tal-VAT kif definita fil-paragrafu ta' qabel. Ir-rati tal-VAT applikati għandhom ikunu dawk fis-seħħ matul is-sena li għaliha l-bażi tal-VAT tkun ġiet ikkalkolata. L-irċevuti teoretiċi tal-VAT jinħadmu fid-dawl tal-leġislazzjoni u r-regoli kurrenti kollha li jirregolaw il-VAT.

Il-kalkolazzjoni tad-diskrepanzi bejn l-irċevuti teoretiċi tal-VAT u dawk attwalment miġbura matul il-perjodu ta' referenza

Id-diskrepanzi bejn l-irċevuti teoretiċi tal-VAT (maħduma fid-dawl tal-leġislazzjoni u r-regoli kurrenti) u dawk attwali fihom erba’ komponenti:

1. Differenzi fiż-żmien bejn l-informazzjoni tat-teżor u l-informazzjoni dwar il-kontijiet nazzjonali;

2. Kanċellazzjonijiet ad hoc mill-awtoritajiet tat-taxxa ta' ċerti klejms ta' VAT f'każijiet ta' falliment;

3. Evażjoni li tinvolvi l-kompliċità tax-xerrejja (b'kompliċità) (każijiet fejn ix-xerrej ma jħallasx il-VAT lill-bejjiegħ);

4. Evażjoni li ma tkunx tinvolvi l-kompliċità tax-xerrejja (mingħajr kompliċità) (każijiet fejn ix-xerrej iħallas il-VAT lill-bejjiegħ, iżda ta' l-aħħar jonqos milli jibgħatha lill-awtoritajiet tat-taxxa).

Bħala riżultat, il-valur ta' l-evażjoni "mingħajr kompliċità" jasal billi jitnaqqsu l-evażjoni "bil-kompliċità" u l-kanċellazzjonijiet marbuta ma’ fallimenti mid-diskrepanzi bejn l-irċevuti teoretiċi tal-VAT u dawk attwali, waqt li jkunu kunsidrati d-differenzi fiż-żmien bejn it-transazzjoni li twassal għall-VAT u l-kollezzjoni ta' l-irċevuti tal-VAT mill-awtoritajiet fiskali.

+++++ TIFF +++++

L-irċevuti attwali tal-VAT huma l-ammonti attwalment miġbura mill-awtoritajiet fiskali matul il-perjodu li għalih il-kalkolazzjoni ta' l-irċevuti teoretiċi tal-VAT tkun marbuta.

L-aġġustamenti għad-differenzi fiż-żmien huma maħsuba li jikkoreġu riċevuti biex ikun hemm ċans li xi pagamenti ta' VAT magħmula fis-sena kurrenti (n) ikunu marbuta ma’ dawk tas-sena ta' qabel (n-1) u li xi VAT li għandha titħallas għas-sena n ma tkunx inġabret attwalment qabel is-sena ta' wara (n + 1).

Jeżistu każijiet fejn il-leġislazzjoni kurrenti tkun tawtorizza lill-awtoritajiet fiskali biex dawn jagħmlu kanċellazzjoniet ad hoc ta' jeddijiet ta' VAT f'każijiet ta' falliment. F'każijiet bħal dawn, il-valur tal-kanċellazzjonijiet għandu jitnaqqas mid-differenza bejn l-irċevuti teoretiċi tal-VAT u dawk attwali (sakemm ma jkunx ġie diġà kkunsidrat fil-kalkolazzjoni ta' l-irċevuti teoretiċi tal-VAT).

Biex ikun ikalkulat il-valur ta' evażjoni "b"kompliċità’, għandhom ikunu kkunsidrati dawk l-attivitajiet biss li dwarhom ikun sar aġġustament għal xogħol mhux dikjarat (in-nuqqas ta' reġistrar f'fajls statistiċi ta' partijiet ekonomikament attivi).

Bl-użu ta' dan il-metodu, li japplika l-aġġustamenti għal xogħol mhux dikjarat magħmul qabel lill-prodott ta' fergħat ta' attività ekonomika u jimmultiplika l-ammonti li jikkorrispondu ma’ bejgħ addizzjonali (bejgħ mhux dikjarat) skond ir-rati xierqa tal-VAT, huwa possibbli li ssir stima tal-valur ta' l-irċevuti "neqsin" tal-VAT li l-awtoritajiet fiskali ġew imċaħħda minnhom minħabba l-evażjoni tal-VAT "b"kompliċità.

Per eżempju: jekk, wara li jkun sar aġġustament għal xogħol mhux dikjarat, l-estimu tal-konsum domestiku ta' prodott partikolari, barra l-VAT, kellu jiżdied bi 15 %, u jekk ir-rata tal-VAT li tapplika għax-xiri ta' dak il-prodott tkun ta' 18,6 %, l-ammont li għandu jingħata lill-awtoritajiet fiskali jista’ jiġi kalkolat kif ġej:

Irċevuti tal-VAT nieqsa minħabba l-evażjoni "b"kompliċità’ = il-valur tal-bejgħ tal-prodott qabel l-aġġustament × 15 % × 18,6 %.

--------------------------------------------------