31998D0109



Official Journal L 027 , 03/02/1998 P. 0047 - 0048


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-2 ta’ Frar 1998

li tawtorizza lill-Istati Membri temporarjament sabiex jieħdu miżuri ta’ emerġenza kontra t-tixrid tat-Thrips palmi Karny rigward it-Tajlandja

(98/109/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 dwar il-miżuri protettivi kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi perikolużi għall-pjanti jew għall-prodotti mill-pjanti u kontra l-firxa tagħhom fil-Komunità [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/14/KE [2], u b’mod partikolari l-Arikolu 15 (3) tiegħu,

Billi, meta Stat Membru jikkunsidra illi jeżisti perikolu imminenti tad-dħul fit-territorju tiegħu tat-Thrips palmi Karny minn pajjiż terz, jista’ temporarjament jieħu kull miżura addizzjonali sabiex jipproteġi lilu nnifsu minn dan il-perikolu;

Billi bħala riżultat ta’ l-interċezzjonijiet tat-Thrips palmi Karny fuq il-fjuri maqtugħa tal-ġens ta’ l-orkidej li joriġinaw mit-Tajlandja, numru ta’ Stati Membri ħadu miżuri uffiċjali sabiex jipproteġu t-territorju tal-Komunità mill-perikolu tad-dħul ta’ l-organiżmu msemmi u stabbilew proċeduri addizzjonali speċifiċi sabiex jimmonitorjaw l-organiżmu msemmi fuq l-oġġett imsemmi;

Billi, fuq il-bażi ta’ dawn l-interċezzjonijiet kontinwi tat-Thrips palmi Karny għandhom jittieħdu miżuri ta’ emerġenza li japplikaw għall-Komunità kollha bil-ħsieb li jiżguraw iktar protezzjoni effiċjenti kontra d-dħul tat-Thrips palmi Karny fil-Komunità mill-pajjiż msemmi; billi, dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-ħtieġa ta’ ċertifikat fitosanitarju għall-fjuri maqtugħa ta’ l-orkidaċi li joriġinaw mit-Tajlandja magħqud ma’ dikjarazzjoni uffiċjali illi l-post tal-produzzjoni nstab ħieles mit-Thrips palmi Karny jew li l-kunsinna għaddiet minn trattament approprjat ta’ fumigazzjoni sabiex tkun żgurata s-safa mit-tisanoptera;

Billi, jekk isir apparenti illi l-miżuri ta’ l-emerġenza riferiti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, mhumiex suffiċjenti sabiex jipprevjienu d-dħul tat-Thrips palmi Karny jew ma ġewx imħarsa, għandhom jiġu previsti miżuri aktar stretti jew alternattivi;

Billi l-effett tal-miżuri ta’ l-emerġenza jridu jiġu stmati kontinwament matul is-sena 1997/1998 u l-miżuri sussegwenti possibli li japplikaw għad-dħul tal-fjuri maqtugħin tal-ġens ta’ l-orkidej li joriġinaw mit-Tajlandia, iridu jkunu kkunsidrati fid-dawl tar-riżultati ta’ din l-istima;

Billi l-miżuri pprovvduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-fjuri maqtugħa tal-ġens ta’ l-orkidej li joriġinaw fit-Tajlandia jistgħu jiddaħħlu fit-territorju Komunitarju biss jekk jitħarsu l-miżuri ta’ emerġenza kif stabbiliti fl-Anness ma’ din id-Deċiżjoni. Il-miżuri ta’ emerġenza speċifikati fl-Anness għandhom japplikaw biss għal kunsinni li jħallu t-Tajlandia wara li l-Kummissjoni tkun għarrfet lill-pajjiż imsemmi b’dawn il-miżuri.

Artikolu 2

L-Istati Membri importaturi għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, qabel it-30 ta’ Awissu 1998, bit-tagħrif dwar l-ammonti importati skond din id-Direttiva u b’rapport tekniku dettaljat dwar l-eżami uffiċjali riferit fil-punt 3 ta’ l-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta l-aktar tard sat-30 ta’ Settembru 1998.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-2 ta’Frar 1998.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 20.

[2] ĠU L 87, tat-2.4.1997, p. 17.

--------------------------------------------------

ANNESS

Għall-iskop tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1, għandhom jitħarsu l-miżuri ta’ emerġenza li ġejjini:

1. Il-fjuri maqtugħin ta’ l-orkidaċi għandhom ikunu jew,

(a) prodotti f’post tal-produzzjoni li ġie misjub ħieles mit-Thrips palmi Karny waqt l-ispezzjonijiet uffiċjali mwettqa mill-inqas kull fix-xahar matul it-tliet xhur ta’ qabel l-esportazzjoni, jew

(b) bħala kunsinna qabel l-esportazzjoni, soġġetta għal trattament approprjat tal-fumigazzjoni sabiex jiġi żgurat is-safa mit-tisanoptera.

2. Il-fjuri maqtugħin ta’ l-orkidaċi għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat fitosanitarju maħruġ fit-Tajlandja skond l-Artikoli 7 u 12 tad-Direttiva 77/93/KEE, fuq il-bażi tal-ħtiġiet speċifikati fil-punt 1.

Iċ-ċertifikat għandu jiddikjara, taħt l-intestatura "Dikjarazzjoni addizzjonali" liema għażla, il-1(a) jew il-1(b), ġiet implimentata u b’żieda ma’ dan, f’dawk il-każijiet fejn tkun ġiet implimentata l-għażla 1(b), taħt l-intestatura "Diżinfestazzjoni u/jew trattament ta’ diżinfestazzjoni", l-ispeċifikazzjoni tat-trattament tal-fumigazzjoni applikat qabel l-esportazzjoni.

3. Il-fjuri maqtugħin tal-ġens ta’ l-orkidej rigward id-dħul tagħhom fil-Komunità għandhom jiġu spezzjonati skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 77/93/KEE mill-korpi uffiċjali responsabbli riferiti fid-Direttiva msemmija.

--------------------------------------------------