31997L0078



Official Journal L 024 , 30/01/1998 P. 0009 - 0030


Id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE

tat-18 ta' Diċembru 1997

li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi l-prodotti mill-annimali jew il-prodotti li l-oriġini tagħhom huma mill-annimali u l-prodotti mill-pjanti suġġetti għal verifiki maħsuba biex tkun evitata l-firxa ta’ xi mard ta’ l-annimali li jittieħed jew infettiv huma elenkati fl-Anness II għat-Trattat;

(2) Billi t-twaqqif ta’ prinċipji fuq il-livell tal-Komunità dwar l-organizzazzjoni ta’ verifiki veterinarji fuq prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi jgħin biex ikunu ssalvagwardjati l-provvisti u biex tkun assigurata stabbiltà fis-suq, waqt li wkoll jiġu armonizzati l-miżuri neċessarji biex tkun assigurata l-protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali u tal-pubbliku;

(3) Billi t-twaqqif tas-suq intern intensifikat il-bżonn biex jiġu stabbiliti prinċipji komuni għall-verifiki veterinarji, meqjus li l-verifiki fuq il-fruntieri interni issa tneħħew;

(4) Billi, sa minn meta d-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE ta’ l-10 ta’ Diċembru 1990 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi [4] kienet ġiet adottata, seħħew żviluppi fl-applikazzjoni tad-Direttiva u nkisbet esperjenza ġdida; billi fl-interess tat-trasparenza, id-Direttiva għandha tiġi emendata;

(5) Billi kondizzjonijiet armonizzati għall-prodotti kollha li l-oriġini tagħhom huma l-annimali u li huma importati minn pajjiżi terzi fil-Komunità għandhom jiġu stabbiliti; billi għal dik ir-raġuni skema ta’ verifika waħda għal dawn il-prodotti għandha tiġi applikata u l-aġġustamenti meħtieġa jsiru;

(6) Billi għandhom jiġu stabbiliti regoli li bihom kunsinni li jkunu ġew introdotti fil-Komunità mingħajr ma jkunu ġew ippreżentati fil-post ta’ l-ispezzjoni fuq il-fruntieri għandhom jgħaddu minn verifiki veterinarji f’post bħal dan;

(7) Billi l-Istati Membri jistgħu, f’ċerti każijiet, jimponu kriterji addizzjonali għall-prodotti li se jkunu importati; billi l-Istat Membru li jagħmel il-verifiki għandu jikkunsidra dawn il-kriterji nazzjonali addizzjonali meta jkun qed jagħmel dan;

(8) Billi, f'dak li jikkonċerna t-trasbord bil-baħar jew bl-ajru ta’ prodotti b’destinazzjoni finali fil-Komunità, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari fuq fejn isiru dawn il-verifiki;

(9) Billi l-leġislazzjoni tal-Komunità teħtieġ li ċerti prodotti jkunu ssorveljati mill-post tal-wasla fil-Komunità sal-post tad-destinazzjoni biex tkun salvagwardjata s-saħħa tal-pubbliku u ta’ l-annimali; billi għal dik ir-raġuni għandhom jiġu stabbiliti regoli stretti;

(10) Billi għandhom ikunu stabbiliti regoli stretti biex ikun assigurat li l-prodotti li jaslu fuq il-fruntiera tal-Komunità mingħajr ma jkollhom il-Komunità bħala d-destinazzjoni finali tagħhom dawn iħallu verament il-Komunità;

(11) Billi dawk il-prodotti li jkunu konformi mal-kriterji tal-Komunità għall-importazzjoni għandhom ikunu separati minn dawk li mhumiex; billi biex ikunu kkunsidrati dawn id-differenzi, għandhom ikunu stabbiliti sistemi separati ta’ verifiki;

(12) Billi l-provvista ta’ prodotti li l-oriġini tagħhom huma l-annimali għall-ekwipaġġ u għall-passiġġieri tat-trasport bil-baħar u bl-ajru hija ta’ importanza kummerċjali konsiderevoli fil-Komunità; billi ħafna drabi dawk il-prodotti ma jkunux konformi mal-kriterji tal-Komunità; billi għal dik ir-raġuni għandhom jiġu stabbiliti regoli stretti biex tkun salvagwardjata s-saħħa tal-pubbliku u ta' l-annimali;

(13) Billi prodott tal-Komunità li jkun miċħud minn pajjiżi terzi u li jiġi mibgħut lura lejn il-Komunità għandu jitqies li ma jkunx qed jilħaq aktar il-kriterji tal-Komunità; billi għal dik ir-raġuni għandhom jiġu stabbiliti f’dak ir-rigward regoli stretti biex tkun salvagwardjata s-saħħa tal-pubbliku u ta' l-annimali;

(14) Billi għandhom ikunu stabbiliti salvagwardji oħra bil-ħsieb li jkunu evitati xi frodi u għandha ssir disposizzjoni għal miżuri armonizzati biex jiġu aboliti operazzjonijiet ta’ frodi u irregolaritajiet;

(15) Billi d-Direttiva 90/675/KEE ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi; billi, issa li aktar emendi huma meħtieġa, dik id-Direttiva għandha, f’ġieh il-kjarezza u r-razzjonalita, titneħħa u tinbidel,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-verifiki veterinarji fuq prodotti minn pajjiżi terzi li jiġu introdotti f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I għandhom isiru mill-Istati Membri skond id-Direttiva.

Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 li tikkonċerna l-verifiki veterinarji fil-kummerċ intra-komunitarju bil-ħsieb tat-twettieq tas-suq intern [5] u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE li tikkonċerna l-verifiki veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju meta għandhom x’jaqsmu ċerti annimali ħajjin u prodotti, bil-ħsieb tat-twettieq tas-suq intern [6], għandhom japplikaw skond kif ikun meħtieġ.

2. Barra minhekk:

(a) "prodotti" tfisser il-prodotti li l-oriġini tagħhom huma mill-annimali u li hemm referenza dwarhom fid-Direttivi 89/662/KEE u 90/425KEE, inklużi prodotti sekondarji ta’ l-oriġini mill-annimali u li mhumiex koperti bl-Anness II għat-Trattat, u l-prodotti tal-pjanti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 19;

(b) "verifika dokumentarja" tfisser l-eżami taċ-ċertifikat(i) veterinarju(i) jew id-dokument(i) veterinarju(i), jew dokument(i) oħra li jkunu qed jakkumpanjaw il-kunsinna;

(ċ) "verifika ta’ l-identità" tfisser verifika permezz ta’ spezzjoni viżwali biex ikun assigurat li ċ-ċertifikat(i) jew id-dokument(i) veterinarju(i) jew kwalunkwe dokument(i) ieħor (oħra) ipprovduti bil-leġislazzjoni veterinarja jkunu jaqblu mal-prodott innifsu;

(d) "verifika fiżika" tfisser verifika fuq il-prodott innifsu, li tista’ tinkludi verifiki fuq l-ippakkjar u t-temperatura kif ukoll it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar f’laboratorju;

(e) "persuni responsabbli għat-tagħbija" tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali li, bi qbil mad-disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal- Komunità [7], jkollha r-responsabilita għall-iżvilupp tas-sitwazzjonijiet diversi koperti mir-Regolament imsemmi li fiha tista’ tkun il-kunsinna, kif ukoll ir-rappreżentant li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 5 tar-Regolament imsemmi li jassumi r-responsabbilità li jsegwi l-verifiki stabbiliti f’din id-Direttiva;

(f) "kunsinna" tfisser kwantità ta’ prodotti ta’ l-istess tip, koperti bl-istess ċertifikat(i) veterinarji jew dokument(i) veterinarji, jew dokument(i) oħra pprovduti bil-leġislazzjoni veterinarja, miġjuba bl-istess mezzi ta’ trasport u li jkunu ġejjin mill-istess pajjiżi terzi jew minn partijiet minn dawn;

(g) "post ta’ l-ispezzjoni fuq il-fruntieri" tfisser kwalunkwe post ta’ spezzjoni, nominat u approvat bi qbil ma’ l-Artikolu 6, għat-twettieq ta’ verifiki veterinarji fuq prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi fil-fruntieri ta’ wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I;

(h) "importazzjoni" tfisser iċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta’ prodotti u l-intenzjoni li l-prodotti jkunu rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 79 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(i) "trattament approvat mid-dwana għall-użu" tfisser it-trattament approvat mid-dwana jew l-użu msemmi fil-punt 15 ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92;

(j) "kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni" tfisser il-kriterji veterinarji għal prodotti li se jkunu importati, kif stabbilit fil-leġislazzjoni tal-Komunità;

(k) "awtorità kompetenti" tfisser l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru li għandha s-saħħa li twettaq verifiki veterinarji, jew kwalunkwe awtorità li lilha din tkun iddelegat dawn is-setgħat.

KAPITOLU I L-ORGANIZZAZZJONI U L-EFFETTI TAL-VERIFIKI

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ebda kunsinna minn pajjiżi terzi ma tkun ġiet introdotta f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I mingħajr ma din tkun għaddiet mill-verifiki vetrinarji meħtieġa b’din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kunsinni jkunu introdotti f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I permezz ta’ post ta’ spezzjoni tal-fruntieri.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-persuni responsabbli għat-tagħbija jkunu obbligati jgħaddu l-informazzjoni bil-quddiem u billi jimlew kif xieraq, meta applikabbli, iċ-ċertifikati elenkati fl-Artikolu 5(1), jew li jipprovdu deskrizzjoni ddettaljata bil-miktub, jew kompjuterizzata, tal-kunsinna li hemm referenza dwarhom fil-paragarfu 1, inklużi l-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 9 u fl-Artikolu 19(1), lejn il-personal veterinarju li jkun hemm fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri li lilhom il-prodotti għandhom jiġu ppreżentati.

L-Istati Membri jistgħu jispezzjonaw il-manifesti tal-vapuri u ta' l-ajruplani u jivverifikaw li dawn ikunu jaqblu mad-dikjarazzjonijiet imsemmija hawn fuq u mad-dokumenti.

4. L-awtoritajiet doganali li fuqhom il-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri jkun ġeografikament dipendenti għandhom jippermettu t-trattament intenzjonat kif approvat mid-dwana jew l-użu tal-kunsinni biss bi qbil mal-kondizzjonijiet stabbiliti fiċ-ċertifikat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 5 (1).

5. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, partikolarment il-lista tal-prodotti li għandhom ikunu suġġetti għall-ispezzjoni veterinarja, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 4

1. Kull kunsinna għandha tkun suġġetta għall-verifiki veterinarji fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 3(2) mill-awtorità kompetenti taħt ir-responsabiltà tal-veterinarju uffiċjali bi qbil ma’ l-Artikolu 6(1)(b).

2. Għal kull kunsinna l-veterinarju uffiċjali għandu, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 3 (3), jikkonsulta d-database li hemm referenza dwaru fl-Anness I mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE tat-13 ta’ Lulju 1993 fuq il-kompjuterizzazzjoni tal-proċeduri ta’ l-importazzjoni veterinarji (il-proġett Shift) [8]. Aktar minn hekk, għal kull kunsinna maħsuba għall-importazzjoni f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I, huwa għandu, jekk ikun meħtieġ, jikkonsulta d-database li hemm referenza dwaru fl-Anness II mad-Deċiżjoni 92/438/KEE.

Il-veterinarju uffiċjali għandu jassigura li l-operazzjonijiet kollha meħtieġa biex jinżamm d-database li hemm provvediment dwaru fid-Deċiżjoni 92/438/KEE jkunu mwettqa.

3. Kull kunsinna għandha tkun suġġetta għal verifika tad-dokumenti irrispettivament mit-trattament approvat mid-dwana jew l-użu biex ikun stabbilit:

(a) li l-informazzjoni fiċ-ċertifikati jew fid-dokumenti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 7(1) tkun tikkorrispondi ma’ l-informazzjoni mgħoddija bil-quddiem bi qbil ma’ l-Artikolu 3(3);

(b) fil-każ ta’ importazzjoni, li d-dettalji li jkun hemm fiċ-ċertifikati jew fid-dokumenti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1 jew fid-dokumenti l-oħra jkunu joffru l-garanziji meħtieġa.

4. Apparti mill-każijiet speċifiċi stipulati fl-Artikoli 9 sa 15, il-veterinarju uffiċjali għandu jagħmel dawn il-verifiki li ġejjin:

(a) verifika ta’ l-identità fuq kull kunsinna biex jaċċerta li l-prodotti jikkorrispondu ma’ l-informazzjoni mogħtija fiċ-ċertifikati jew fid-dokumenti li jakkumpanjawha. Apparti minn kunsinni kbar ħafna kif hemm provvediment dwar dan fid-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1992 li tistabbilixxi l-kriterji għas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ fi u l-importazzjonijiet ġol-Komunità ta’ prodotti li ma humiex suġġetti għall-imsemmija kriterji stabbiliti b’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm fl-Anness A(I) mad-Direttiva 89/662/KEE u, f'dak li jikkonċerna l-patoġeni, għad-Direttiva 90/425/KEE [9], din il-proċedura għandha tinkludi:

(i) meta prodotti ta’ l-oriġini mill-annimali jaslu f’kontenituri, verifika li s-siġilli mwaħħla mill-veterinarju uffiċjali (jew l-awtorità kompetenti), meta meħtieġ mill-leġislazzjoni tal-Komunità, ikunu intatti u li l-informazzjoni li tidher fuq dawn tkun tikkorrispondi ma’ dik mogħtija fid-dokument jew iċ-ċertifikat li jakkumpanjahom;

(ii) fil-każijiet l-oħra

- għat-tipi kollha ta’ prodotti, verifika li t-timbri, il-marki uffiċjali u l-marki tas-saħħa li jidentifikaw il-pajjiż u l-istabbiliment ta’ l-oriġini jkunu preżenti u jkunu konformi ma’ dawk li jkun hemm fuq iċ-ċertifikat jew fuq id-dokument,

- apparti minn hekk, għal prodotti ppakkjati, verifika fuq it-tikketta speċifika li hemm provvediment dwarha fil-leġislazzjoni veterinarja,

(b) verifika fiżika fuq kull kunsinna:

(i) biex ikun aċċertat li l-prodotti jkunu jissodisfaw il-ħtiġiet tal-leġislazzjoni tal-Komunità u jkunu fi stat tajjeb biex jintużaw għall-għan speċifikat fiċ-ċertifikat jew id-dokument li jakkumpanjahom.

Dawn il-verifiki għandhom isiru bi qbil mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III;

(ii) qabel ma jittwettqu, bi qbil mal-frekwenzi li għandhom ikunu stabbilti qabel l-1 ta’ Lulju 1999, bl-użu tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29:

- kwalunkwe testijiet tal-laboratorju fuq il-post,

- kwalunkwe teħid uffiċjali ta’ kampjuni meħtieġa għall-analiżi l-aktar kmieni possibbli.

5. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 5

1. Wara t-twettieq tal-verifiki veterinarji meħtieġa, il-veterinarju uffiċjali għandu joħroġ iċ-ċertifikat għall-kunsinna tal-prodotti kkonċernati li fih jattesta r-riżultati tal-verifiki bi qbil mal-mudell li hemm provvediment dwaru fl-Anness B tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/13/KEE li tistabbilixxi l-proċeduri għall-verifiki veterinarji fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tal-Komunità fuq il-prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi [10], addattata meta jeħtieġ bi qbil mal-paragrafu 4.

2. Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jakkumpanja l-kunsinna:

- sakemm il-kunsinna tibqa’ taħt sorveljanza doganali, li f’dak il-każ id-dokument imsemmi għandu jkun jirreferi għad-dokument doganali,

- fil-każ ta’ l-importazzjoni, sa l-ewwel stabbiliment kif hemm referenza dwaru fid-Direttiva 89/662/KEE, jew sal-ewwel ċentru jew organizzazzjoni tad-destinazzjoni kif hemm referenza dwaru fid-Direttiva 90/425/KEE.

3. Jekk il-kunsinna tkun maqsuma, id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu japplikaw għal kull parti.

4. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, inklużi l-addattamenti ta’ l-Anness B għad-Deċiżjoni 93/13/KEE, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 6

1. Il-positijiet ta’ l-ispezzjoni fil-fruntieri għandhom:

(a) ikunu fil-viċinanzi immedjati tal-punt tad-dħul f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I, u f’żona nnominata mill-awtoritajiet doganali bi qbil ma’ l-ewwel subparagrafu, il-punti (a) u (b) ta’ l-Artikolu 38(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

B'dana kollu, meta jkun meħtieġ minħabba limiti ġeografiċi (bħalma huma l-moll għall-ħatt tat-tagħbija jew passaġġ fil-muntanji), post ta’ spezzjoni tal-fruntieri f’ċertu distanza mill-punt tad-dħul jista’ jkun tollerat bi qbil mal-proċedura stabbilita fil-paragarfu 2 u, fil-każ tat-trasport bil-ferrovija, fl-ewwel stazzjon innominat mill-awtorità kompetenti;

(b) ikunu taħt l-awtorità ta’ veterinarju uffiċjali, li effettivament għandu jkun responsabbli għall-verifiki. Il-veterinarju uffiċjali jista’ jkun mgħejun minn personal awżiljarju mħarreġ apposta.

Għandu jassigura li l-aġġornament kollu tad-databases imsemmi fit-tielet vers ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 92/438/EEC ikun twettaq.

2. Bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, il-lista tal-postijiet ta’ spezzjoni tal-fruntieri li jkun hemm fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva tista’ sussegwentement tiġi emendata jew issupplimentata:

(a) biz-żieda ta’ xi postijiet ta’ spezzjoni tal-fruntieri ġodda:

- ipproponuti mill-Istat Membru, ladarba l-awtorità kompetenti tkun ivverifikat li dan ikun konformi mal-kriterji ta’ l-Anness II għal din id-Direttiva u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/525/KEE tat-3 ta’ Novembru 1992 li tistabbilixxi l-kriterji għall-approvazzjoni ta’ postijiet ta’ spezzjoni tal-fruntieri tal-Komunità responsabbli għal verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu minn pajjiżi terzi [11],

- spezzjonati mill-Kummissjoni b’kollaborazzjoni ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru;

(b) bit-tneħħija ta’ post ta’ spezzjoni tal-fruntieri, meta dan jinstab li ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II, jew matul verifika li tkun saret mill-awtorità kompetenti jew jekk, wara l-ispezzjonijiet li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 23, l-Istat Membru ma jkunx ikkunsidra l-konklużjonijiet ta’ din l-ispezzjoni fi żmien raġonevoli speċjalment f’każijiet meta l-ispezzjonijiet ikunu rriżultaw f’riskju serju għas-saħħa tal-pubbliku jew ta' l-annimali.

3. Stat Membru għandu, f’każijiet serji, partikolarment rigward is-saħħa pubblika jew l-annimali, jissospendi l-approvazzjoni ta’ post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri li jkun hemm fit-territorju tiegħu. Dan għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar din is-sospensjoni u r-raġunijiet dwarha. Il-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri jista’ jerġa’ jiddaħħal fil-lista bi qbil biss mal-paragrafu 2(a).

4. Il-Kummissjoni għandha tħejji u tippubblika lista tal-postijiet ta’ spezzjoni tal-fruntieri approvati, inklużi każijiet meta l-approvazzjoni tkun ġiet temporanjament sospiża.

5. Jiddependi mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet permezz tal-paragarfu 2(a), il-lista mħejjija permezz tad-Direttiva Bażika 90/675/KEE għandha tibqa’ applikabbli, mingħajr preġudizzju għaċ-ċirkostanzi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafu 3.

6. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 7

1. Kull kunsinna maħsuba għall-importazzjoni f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I għandha tkun akkumpanjata minn ċertifikati jew minn dokumenti veterinarji oriġinali jew minn dokumenti oriġinali oħra kif meħtieġ mill-leġislazzjoni veterinarja. Iċ-ċertifikati jew id-dokumenti oriġinali għandhom jibqgħu fil-post ta' l-ispezzjoni tal-fruntieri.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, kull kunsinna ta’ prodotti minn pajjiżi terzi maħsuba għall-importazzjoni f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I għandha tkun suġġetta għall-verifika ta’ l-identità u l-verifika fiżika kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 4(4).

3. L-awtoritajiet doganali m’għandhomx jippermettu l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ prodotti sakemm - mingħajr preġudizzju għar-regoli doganali u għad-disposizzjonijiet speċjali li għandhom ikunu adottati bi qbil ma’ l-Artikolu 10(2) u (3) u ma’ l-Artikolu 18 - ma tkunx ingħatat prova li l-verifiki veterinarji relevanti jkunu twettqu b’riżultati sodisfaċenti, li ċ-ċertifikat relevanti jkun inħareġ bi qbil ma’ l-Artikolu 5(1) u li l-awtorità kompetenti jkollha l-garanzija li l-miżati ta’ spezzjoni elenkati fid-Direttiva tal-Kunsill 85/73/KEE tad-29 ta’ Jannar 1985 dwar il-finanzjament ta’ l-ispezzjonijiet u l-kontrolli veterinarji koperti bid-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE, 90/675/KEE u 91/496/KEE (emendati u kkonsolidati) [12] ikunu ġew jew sejrin jiġu mħallsa, bi qbil mad-disposizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.

4. Jekk il-kunsinna tkun konformi mal-kondizzjonijiet ta' l-importazzjoni, il-veterinarju uffiċjali għandu jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’kopja awtentikata taċ-ċertifikat jew id-dokumenti oriġinali u għandu, bi qbil ma’ l-Artikolu 5(1), joħroġ ċertifikat li jiddikjara li l-kunsinna tkun konformi ma’ dawk il-kondizzjonijiet fuq il-bażi tal-verifiki veterinarji mwettqa fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri.

5. Il-kummerċ tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fid-Direttivi 89/662/KEE u 90/425/KEE u awtorizzat f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I għal din id-Direttiva permezz tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jitmexxa bi qbil mar-regoli stabbiliti fid-Direttivi elenkati, partikolarment il-Kapitolu II tagħhom.

6. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 8

1. Meta:

- prodotti huma maħsuba għal Stat Membru jew żona li tkun akkwistat il-kriterji speċifiċi fil-qafas tal-leġislazzjoni tal-Komunità,

- kampjuni jkunu ttieħdu b'dana kollu r-riżultati ma jkunux magħrufa meta l-mezzi tat-trasport iħallu l-post ta’ spezzjoni tal-fruntieri,

- l-importazzjoni awtorizzata għal skopijiet speċifiċi huma involuti, fil-każijiet li hemm provvediment dwarhom fil-leġislazzjoni tal-Komunità,

għandha tingħata informazzjoni addizzjonali lill-awtorità kompetenti tal-post tad-destinazzjoni permezz tan-network ANIMO li hemm referenza dwaru fid-Direttiva 90/425/KEE.

2. Kull kunsinna ta’ prodotti li hemm referenza dwarhom fl-ewwel u t-tielet subinċiżi tal-paragrafu 1 u ddestinata għal Stat Membru ieħor għandha tgħaddi mill-verifiki tad-dokumenti, ta’ l-identità u dik fiżika stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u (4) fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri li jkun hemm fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta' fejn il-prodotti jkunu sejrin jiddaħħlu, biex ikun ivverifikat partikolarment jekk il-prodotti konċernati jkunux konformi mar-regoli tal-Komunità applikabbli għall-Istat Membru jew għaż-żona tad-destinazzjoni. B'dana kollu, il-kaċċa ferjali tat-tip bil-pil importata bil-ġilda għandha tgħaddi mill-verifika ta’ l-identità jew dik fiżika, apparti mill-verifika tas-saħħa u t-tiftix għar-residwi li hemm provvediment dwarhom fid-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996 dwar il-miżuri biex ikunu ssorveljati ċerti sustanzi u residwi ta’ dawn li jista’ jkun hemm f’annimali ħajjin u fi prodotti mill-annimali [13], li għandhom isiru bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 92/45/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1992 li tikkonċerna l-problemi dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa ta' l-annimali li jirrigwardaw il-qtil tal-kaċċa ferjali u t-tpoġġija fis-suq tal-laħam ta’ kaċċa selvaġġ [14] fl-istabbiliment tad-destinazzjoni ta' fejn il-laħam għandu jitqassam taħt is-sorveljanza doganali bi qbil ma’ l-ewwel subinċiż tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu u flimkien maċ-ċertifikat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 5(1).

Ir-riżlutati tal-verifiki għandhom jintbagħtu lill-awtorità veterinarja resposnabbli għall-post ta’ l-ispezzjonijiet tal-fruntieri ta' fejn ikunu daħlu l-prodotti. Jiddependi mir-riżlutat, il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 24 għandhom, jekk ikun meħtieġ, ikunu implimentati.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-każ tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-ewwel u t-tielet subinċiżi tal-paragrafu 1 u introdotti fi Stat Membru ieħor apparti minn dak tad-destinazzjoni, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex ikun assigurat li l-kunsinna involuta tasal fl-Istat Membru tad-destinazzjoni kif intenzjonat.

4. Il-prodotti li għandhom ikunu sorveljati permezz tal-leġislazzjoni tal-Komunità mill-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tal-wasla lejn l-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni, għandhom jintbagħtu permezz tal-kondizzjonijiet segwenti:

- il-kunsinni f'dak il-każ għandhom jintbagħtu mill-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tal-wasla lejn l-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti f’vetturi li ma joħroġx ilma minnhom jew f’kontenituri ssiġillati mill-awtoritajiet kompetenti. Il-prodotti li hemm referenza dwarhom fit-tielet subinċiż tal-paragrafu 1 għandhom jibqgħu taħt is-superviżjoni doganali sakemm jilħqu l-post tad-destinazzjoni bi qbil mal-proċedura T5 kif stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi d-disposizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [15], flimkien maċ-ċertifikat li hemm provvediment dwaru fl-Artikolu 5(1) li jistipula d-destinazzjoni awtorizzata u, jekk xieraq, isemmi t-tip tal-proċessar intenzjonat,

- il-veterinarju uffiċjali fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntiera kkonċernata għandu jinforma lill-awtorità veterinarja inkarigata mill-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni tal-kunsinna dwar il-post ta' l-oriġini u l-post tad-destinazzjoni tal-prodott permezz tan-network ANIMO,

- il-prodotti għandhom jgħaddu, fl-istabbiliment fil-post tad-destinazzjoni, mit-trattament definit fil-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità,

- il-veterinarju uffiċjali fil-post tad-destinazzjoni jew, fil-każijiet li hemm provvediment dwarhom fil-Kapitolu 10 ta’ l-Anness I għad-Direttiva 92/118/KEE, il-veterinarju uffiċjali responsabbli minn maħżen intermedju, għandu jkun infurmat mit-tmexxija ta’ l-istabbiliment tad-destinazzjoni jew tal-maħżen intermedju dwar il-wasla tal-prodott fid-destinazzjoni tiegħu, u fi żmien 15-il ġurnata għandu javża lill-veterinarju uffiċjali li jkun hemm fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntiera li jkun innotifikah dwar it-trasbord. Dan għandu jwettaq verifiki regolari biex ikun assigurat li l-prodotti jkunu waslu fl-istabbiliment tad-destinazzjoni, partikolarment billi jivverifika d-dettalji tad-dħul.

5. Jekk prova tkun mogħtija lill-awtorità kompetenti tal-post tad-dħul ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 20, li l-prodotti ddikjarati bħala li jkunu intenzjonati għal stabbiliment approvat qatt ma jkunu waslu fid-destinazzjoni tagħhom, l-awtorità għandha tieħu l-miżuri xierqa vis-à-vis il-persuna responsabbli għat-tagħbija.

6. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lejn il-Kummissjoni l-lista ta’ l-istabbilimenti approvati li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 4 għall-prodotti konċernati bi qbil mal-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità.

Meta stabbiliment jonqos milli jkun konformi mal-ħtiġiet tan-notifika, l-Istat Membru jista’ jirtira l-approvazzjoni tiegħu u jimponi l-penalitajiet meħtieġa skond in-natura tar-riskju involut.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta’ l-istabbilimenti approvati u għandha tagħmel l-arranġamenti biex tkun aġġornata u tkun ikkomunikata lill-Istati Membri.

7. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, imħejjija wara konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet doganali, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 9

1. Il-kunsinni intenzjonati għall-importazzjoni f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I li jaslu f’wieħed mill-postijiet ta’ spezzjoni tal-fruntieri imma li jkunu intenzjonati għall-importazzjoni permezz ta’ post ta’ spezzjoni ieħor li jkun jinsab fl-istess territorju, jew li jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom ikunu suġġetti għal verifika ta’ l-identità u għal verifika fiżika fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tad-destinazzjoni, basta li t-trasport iseħħ bil-baħar jew bl-ajru. Il-proċeduri segwenti għandhom iseħħu fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri ta’ l-introduzzjoni:

(a) jekk il-kunsinna tkun ġiet trasbordata minn ajruplan għall-ieħor jew minn vapur għall-ieħor fiż-żona doganali ta’ l-istess port jew ajruport, jew direttament jew wara li tkun inħattet fuq il-moll jew it-tarmak għal perjodu iqsar mill-perjodu minimu msemmi f’(b), l-awtorità kompetenti għandha tkun informata mill-persuna responsabbli mit-tagħbija. Din tista’, b’mod eċċezzjonali jekk ikun hemm riskju għas-saħħa tal-pubbliku jew l-annimali, twettaq verifika tad-dokumenti tal-prodotti fuq il-bażi taċ-ċertifikat jew tad-dokument veterinarju ta’ l-oriġini jew ta' kwalunkwe dokument oriġinali ieħor li jkun jakkumpanja l-kunsinna kkonċernata jew kopja awtentikata ta’ dan;

(b) jekk il-kunsinna tkun inħattet b'mod ieħor, din għandha:

(i) tkun maħżuna għal perjodu massimu u minimu u skond il-kondizzjonijiet li għandhom ikunu ddeterminati bi qbil mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti, fiż-żona doganali tal-port jew l-ajruport, sa kemm tkun imgħoddija lejn post ieħor ta’ spezzjoni tal-fruntieri bil-baħar jew bl-ajru;

(ii) tkun suġġetta għal verifika dokumentarja tal-prodotti b’relazzjoni mad-dokumenti li hemm referenza dwarhom f’(a);

(iii) mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, tkun suġġetta b’mod eċċezzjonali għal verifika ta’ l-identità u verifika fiżika jekk ikun hemm xi possibbiltà ta’ periklu għas-saħħa pubblika jew tal-annimali.

2. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

3. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jestendi d-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għat-trasbord bil-ferrovija.

Artikolu 10

1. Fuq it-talba ta’ Stat Membru, akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa ta' sostenn, jew waqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, tiddetermina li verifiki fiżiċi għandhom ikunu inqas ta' spiss, permezz ta' ċerti kondizzjonijiet u partikolarment fid-dawl tar-riżultati tal-verifiki preċedenti, fuq prodotti li għalihom il-kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni jkunu armonizzati, e.g. prodotti li jilħqu t-tliet kondizzjonijiet segwenti:

(a) li jkunu joriġinaw minn pajjiżi terzi jew reġjuni ta’ pajjiżi terzi li joffru garanziji sodisfaċenti ta’ saħħa f'dak li jirrigwarda l-verifiki fil-punt ta’ l-oriġini fuq prodotti intenzjonati għall-importazzjoni f’wieħed mit-territorji tal-Komunità elenkati fl-Anness I;

(b) safejn ikun meħtieġ permezz tal-leġislazzjoni tal-Komunità dawn ikunu ġejjin minn stabbilimenti li jkun hemm fuq lista mħejjija bi qbil mar-regoli tal-Komunità jew, fil-każ ta’ stabbilimenti approvati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/408/KE tat-22 ta’ Ġunju 1995 dwar il-kondizzjonijiet għat-tħejjija, għal perjodu interim, ta’ listi proviżorji ta’ stabbilimenti ta’ pajjiżi terzi li minn għandhom l-Istati Membri huma awtorizzati li jimportaw ċerti prodotti ta’ oriġini ta’ l-annimali, prodotti tal-ħut jew molluski bil-valvi ħajjin [16], minn stabbiliment li jkun għadda minn spezzjoni tal-Komunità jew nazzjonali;

(ċ) iċ-ċertifikati ta’ l-importazzjoni jkunu ħarġu għall-prodotti konċernati.

2. Qabel ma tissottometti proposta biex tagħti dawn id-derogi dwar il-prodotti minn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lejn il-Kumitat Veterinarju Permanenti dwar dawk it-pajjiżi terzi waqt li tieħu akkont tas-segwenti:

(a) il-garanziji offruti mill-pajjiżi terzi f'dan il-każ lit-territorju kollu jew għal parti minnu fir-rigward tal-konformità mal-ħtiġiet tal-Komunità, inklużi dawk għal verifiki tar-residwi;

(b) is-sitwazzjoni tas-saħħa ta’ l-annimali fit-pajjiżi terzi kkonċernati;

(ċ) informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ġenerali tas-saħħa fil-pajjiż;

(d) in-natura tal-miżuri applikati mil-pajjiżi terzi għas-sorveljanza u l-ġlieda kontra l-mard;

(e) l-istrutturi, il-kapaċità, l-indipendenza u l-kwalifiki tas-servizz veterinarju jew tas-servizzi kompetenti l-oħra;

(f) konformità man-normi minimi stabbiliti bil-liġi tal-Komunità f'dak li jirrigwarda l-iġjene tal-produzzjoni;

(g) it-tip ta’ prodott jew prodotti u r-riskju potenzjali tas-saħħa tiegħu/tagħhom;

(h) ir-regoli dwar l-awtorizzazzjoni ta’ ċerti sustanzi u l-konformità mal-ħtiġiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 96/22/KE tad-29 ta’ April 1996 li jikkonċernaw il-projbizzjoni fuq l-użu fit-trobbija ta’ l-annimali ta’ ċerti sustanzi li jkollhom azzjoni ormonjali jew tirostatika u tal-ß-agonisti [17] u fid-Direttiva 96/23/KE;

(i) ir-riżultat ta’ l-ispezzjoni tal-Komunità jew taż-żjarat nazzjonali ta' l-ispezzjoni;

(j) l-eżitu tal-verifiki ta’ importazzjoni mwettqa;

(k) analiżi tar-riskju involut minħabba n-natura tal-prodotti li għandhom ikunu importati, il-preżentazzjoni tagħhom jew il-mod ta’ trasport użat.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, it-tnaqqis fil-frekwenza tal-verifiki jista’ ukoll ikun innegozjat permezz tal-ftehim ta’ l-ekwivalenza veterinarja konkluż bejn il-Komunità u pajjiż terz fuq bażi reċiproka.

Dan it-tnaqqis għandu jkun adottat bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

4. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 11

1. Stat Membru għandu, f’isem l-Istati Membri kollha li matulhom t-transitu jkun mistenni li jgħaddi, jawtorizza biss it-transitu ta’ kunsinni minn pajjiż terz lejn pajjiż terz ieħor jekk:

(a) dawn il-kunsinni jkunu ġejjin minn pajjiż terz li l-prodotti tiegħu ma jkunx ipprojbiti d-dħul fit-territorji elenkati fl-Anness I u huma intenzjonati lejn pajjiz terz ieħor. L-awtorità kompetenti tista’ tirrinunzja għal din il-ħtieġa għal trasbordi mwettqa bi qbil ma’ l-Artikolu 9(1)(a) ta’ kunsinni minn ajruplan wieħed lejn ieħor jew minn vapur lejn ieħor fiż-żona doganali ta’ l-istess port jew ajruport għall-għan ta’ dispaċċ mill-ġdid mingħajr aktar waqfien fit-territorji elenkati fl-Anness I b'segwiment għall-kriterji ġenerali li għandhom ikunu stabiliti bi qbil mal-paragrafu 4;

(b) li dan it-transitu jkun ġie awtorizzat minn qabel mill-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri ta’ l-Istat Membru ta' fejn il-kunsinna tkun waslet l-ewwel darba f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I;

(ċ) il-persuna responsabbli mit-tagħbija tintrabat bil-quddiem li tieħu pussess mill-ġdid tal-kunsinna jekk il-prodotti kkonċenati jkunu miċħuda u li jiddisponi minnhom bi qbil ma’ l-Artikolu 17.

2. L-awtorizzazzjoni li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għal konformità mal-kondizzjonijiet segwenti:

(a) il-kunsinni ppreżentati għat-transitu fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri għandhom ikunu akkumpanjati mid-dokumenti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 7(1) flimkien, jekk meħtieġ, ma’ traduzzjonijiet awtentikati ta’ dawk id-dokumenti;

(b) il-kunsinna tal-prodotti għandha tkun ippreżentata fil-post imsemmi ta’ spezzjoni tal-fruntieri biex tgħaddi mill-verifika tad-dokumenti u l-verifika ta' l-identità.

Id-deroga mill-verifiki tad-dokumenti u ta’ l-identità jistgħu jingħataw mill-awtorità veterinarja kompetenti għat-trasport bil-baħar jew l-ajru meta l-kunsinna:

- ma tkunx mgħobbija. F’dan il-każ, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, il-verifika tad-dokumenti għandha tkun illimitata għal eżami tal-manifest tal-merkanzija abbord,

- tkun trasbordata kif deskritt fl-Artikolu 9(1)(a) minn ajruplan wieħed lejn ieħor jew minn vapur wieħed lejn ieħor fiż-żona doganali ta’ l-istess port jew ajruport.

F’każi eċċezzjonali li jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa pubblika u ta’ l-annimali jew meta jkunu ssuspettati xi irregolaritajiet, għandhom isiru verifiki fiżiċi addizzjonali;

(ċ) fil-każ ta’ passaġġ bit-triq, bil-ferrovija jew f’mogħdija ta’ l-ilma minn fuq it-territorji elenkati fl-Anness I, din il-kunsinna għandha:

- tintbagħat taħt is-supervizjoni doganali, bi qbil mal-proċedura T1 stabbilita fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 sal-punt tal-ħruġ mill-Komunità, flimkien mad-dokument meħtieġ permezz ta' 2(a) u ċ-ċertifikat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 5(1) li jiċċertifika l-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri ta' fejn il-kunsinna tkun sejra tħalli l-Komunità,

- tkun ittrasportata, mingħajr mal-prodotti jkunu maħtuta jew maqsuma wara li jħallu l-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tal-wasla, f’vetturi jew kontenituri ssiġillati mill-awtoritajiet. L-ebda maniġġjar m’għandu jkun awtorizzat matul it-trasport,

- iħallu l-Komunità permezz ta' post ta’ spezzjoni tal-fruntieri f’massimu ta’ 30 ġurnata wara t-tluq mill-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tad-dħul, apparti minn meta tingħata eżenzjoni ġenerali bi qbil mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4 li tikkunsidra każijiet sostanzjati kif suppost tat-tbegħid ġeografiku;

(d) il-veterinarju uffiċjali li jawtorizza t-trasport għandu jinforma lill-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tal-ħruġ permezz tan-network ANIMO;

(e) il-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tal-ħruġ għandu jiddikjara fuq iċ-ċertifikat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 5(1) li l-kunsinni kkonċernati jkunu ħallew il-Komunità u għandu jibgħat kopja tad-dokument lejn il-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tad-dħul bil-fax jew b’xi mezzi oħra.

Jekk il-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tad-dħul ma jkunx ġie informat dwar il-ħruġ tal-prodotti mill-Komunità fil-perjodu speċifikat fit-tielet subinċiż ta’ 2(c), huwa għandu jirreferi l-każ lejn l-awtorità doganali kompetenti, li għandha tinvestiga kif meħtieġ biex tistabbilixxi d-destinazzjoni attwali tal-prodotti.

3. L-ispejjeż kollha li jkunu saru permezz ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu ċċarġjati lill-persuna responsabbli mit-tagħbija jew lir-rappreżentant tiegħu, mingħajr l-ebda kumpens mill-Istat Membru, bi qbil mal-prinċipji li joħorġu mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/73/KEE.

4. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, partikolarment l-iskambju ta’ l-informazzjoni bejn il-postijiet ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tad-dħul u tal-ħruġ, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 12

1. Kunsinni li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi u intenzjonati lejn żona ħielsa, maħżen ħieles jew għal maħżen doganali jistgħu, bi qbil mar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, ikunu ammessi mill-awtorità kompetenti biss jekk il-perusna responsabbli mit-tagħbija tkun iddikjarat minn qabel li l-prodotti kkonċernati jkunu ultimament iddestinati għar-rilaxx f’ċirkulazzjoni ħielsa f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I jew jekk ikun hemm xi użu aħħari ieħor li għandu jkun speċifikat, u dwar jekk il-prodotti jkunux konformi jew le mal-kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni.

Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ċara ta' l-użu aħħari tagħhom, il-prodotti għandhom ikunu kunsidrati bħala li huma intenzonati għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I.

2. Dawn il-kunsinni għandhom jgħaddu, fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri tad-dħul, minn verifika tad-dokumenti, ta’ l-identità u dik fiżika biex ikun stabbilit jekk il-prodotti jkunux konformi jew le ma’ l-imsemmija kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni.

Verifika fiżika, għandha b'dana kollu, ma tkunx meħtieġa - ħlief meta jkun hemm suspett ta’ riskju fuq is-saħħa pubblika jew ta' l-annimali - kieku kellu jidher fil-verifika tad-dokumenti li l-prodotti ma jilħqux il-kriterji tal-Komunità.

Dawn il-kunsinni għandhom ikunu akkumpanjati bid-dokumenti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 7(1). Jekk meħtieġ, traduzzjonijiet awtentikati ta’ dawn id-dokumenti għandhom ikunu mehmuża.

3. Jekk, wara l-verifiki li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2, jinstab li l-kriterji tal-Komunità jkunu ntlaħqu, il-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ spezzjoni tal-fruntieri għandu joħroġ iċ-ċertifikat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 5(1) flimkien mad-dokumenti doganali. Il-veterinarju kompetenti u l-awtoritajiet doganali tal-post ta’ spezzjoni tal-fruntieri għandhom jawtorizzaw id-dħul għal f’maħżen f’żona ħielsa, għal f'maħżen ħieles jew għal f'maħżen doganali. Dawn il-prodotti għandhom, mill-punto do vista veterinarja, ikunu dikjarati tajba għar-rilaxx eventwali f’ċirkolazzjoni ħielsa.

4. Jekk, wara l-verifiki li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2, jinstab li l-prodotti kkonċernati ma jkunux jilħqu l-kriterji tal-Komunità, il-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri għandu joħroġ iċ-ċertifikat li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 5(1) flimkien mad-dokumenti uffiċjali doganali. L-awtoritajiet doganali u veterinarji tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri jistgħu f’każijiet bħal dawn jawtorizzaw biss id-dħul f’maħżen f’żona ħielsa, f’maħżen ħieles jew f’maħżen doganali jekk, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, dawn il-kriterji li ġejjin ikunu ntlaħqu:

(a) il-prodotti ma jistgħux ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi suġġetti għal projbizzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 11(1)(a), l-ewwel sentenza;

(b) l-imħażen f’żoni ħielsa u l-imħażen ħielsa jew l-imħażen doganali għandhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti għall-ħażna tal-prodotti. Biex ikunu approvati, dawn għandhom jilħqu l-kriterji li ġejjin:

- dawn għandhom jikkonsistu fi spazju magħluq b’punti ta’ dħul u ħruġ suġġetti għal kontroll permanenti mit-tmexxija tal-maħżen. Jekk maħżen ikun jinstab f’żona ħielsa, iż-żona kollha għandha tingħalaq u titpoġġa taħt kontroll doganali permanenti,

- dawn għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet ta’ l-approvazzjoni stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Komunità f'dak li jirrigwarda l-ħażna f’imħażen tal-prodott(i) kkonċernati, jew, jekk ma jkunx hemm leġislazzjoni tal-Komunità, fil-leġislazzjoni nazzjonali,

- dawn għandhom ikollhom arranġamenti għar-reġistrazzjoni ta’ kuljum tal-kunsinni kollha li jidħlu jew iħallu l-imħażen, bid-dettalji dwar in-natura u l-kwantità ta’ prodotti għal kull kunsinna u l-isem u l-indirizz tar-reċipjent. Dawn ir-rekords għandhom jinżammu għal minn ta’ lanqas tliet snin,

- dawn għandhom ikollhom kmamar ta’ ħażna u/jew tar-refriġerazzjoni biex il-prodotti li ma jkunux konformi mal-leġislazzjoni veterinarja jkunu jistgħu jiġu maħżuna separatament.

L-awtorità kompetenti tista’, b'dana kollu, fil-każ ta’ l-imħażen eżistenti, tawtorizza l-ħażna separata ta’ dawn il-prodotti fl-istess bini meta l-prodotti li ma jkunux konformi man-normi tal-Komunità jinħażnu f’postijiet li jissakkru,

- għandu jkollhom bini disponibbli rriżervat għall-personal li jkun qed iwettaq il-verifiki veterinarji.

Jekk il-verifiki li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2 juru li l-persuna responsabbli mit-tagħbija tkun għamlet dikjarazzjoni falza permezz tal-paragrafu 1, din għandha tkun obbligata tiddisponi mill-oġġetti bi qbil ma’ l-Artikolu 17.

5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex:

- jassiguraw li l-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ mħażen ikunu miżmuma,

- jipprevjenu prodotti li ma jkunux konformi mal-kriterji veterinarji tal-Komunità milli dawn jinħażnu fl-istess kmamar jew fl-istess postijiet magħluqa bħal dawk li jkunu hekk konformi,

- jassiguraw verifika effettiva fuq id-dħul u l-ħruġ mill-imħażen u, waqt is-sigħat ta’ l-aċċess, jassiguraw superviżjoni mill-awtorità veterinarja. Huma għandhom jassiguraw b’mod partikolari li l-prodotti li ma jkunux jilħqu l-kriterji tal-Komunità ma jitħallewx iħallu l-kmamar jew l-unitajiet ta' fejn ikunu maħżuna mingħajr il-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti,

- iwettqu l-verifiki kollha meħtieġa biex ikunu evitati xi tibdil, sostituzzjoni ta’ prodotti li jkun hemm fil-maħżen jew xi tibdil fl-ippakkjar, tħejjija għas-suq jew proċessar.

6. Stat Membru jista’, fuq il-bażi tas-saħħa pubblika jew ta' l-annimali, jiċħad id-dħul għal ġo maħżen doganali, maħżen ħieles jew żona ħielsa tal-prodotti jekk dawn ma jkunux jilħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Komunità.

7. Kunsinni m’għandhomx jidħlu f’żona ħielsa, maħżen ħieles jew f’maħżen doganali sakemm ma jkunux protetti bis-siġilli doganali.

8. Il-kunsinni li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 4 jistgħu biss iħallu żona ħielsa, maħżen ħieles jew maħżen doganali, sabiex jintbagħtu lejn pajjiżi terzi jew lejn maħżen li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 13, jew inkella biex ikunu meqruda,basta li:

- id-dispaċċ lejn il-pajjiżi terzi jkun bi qbil mal-ħtiġiet ta' l-Artikoli 11(1)(c) u 11(2)(a), (c), (d) u (e),

- it-trasferiment għal ġo maħżen kif hemm referenza dwaru fl-Artikolu 13 isir taħt il-koperta tal-formula tal-kontroll doganali T1, bl-isem u l-post tal-maħżen imsemmi fiċ-ċertifikat akkumpanjatur li hemm provvediment dwaru f’dak l-Artikolu,

- it-trasport lejn il-post tal-qerda iseħħ wara li l-prodotti kkonċernati jkunu ġew denaturalizzati.

Il-kunsinni f'dak il-każ għandhom sussegwentement jintbagħtu permezz ta' dawk il-kondizzjonijiet hekk li jkun assigurat li t-trasport jitwettaq, mingħajr ma l-oġġetti jinħattu, taħt is-superviżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti f’vetturi li ma jħallux tnixxijiet ta' likwidu jew f’kontenituri ssiġillati mill-awtoritajiet kompetenti.

Dawn il-kunsinni ma jistgħux ikunu trasferiti bejn l-imħażen li hemm referenza dwarhom f’dan l-Artikolu.

9. L-ispejjeż kollha li jkunu saru bis-saħħa ta' dan l-Artikolu, inklużi dawk l-ispejjeż ta’ l-ispezzjoni u l-verifiki hekk meħtieġa, għandhom ikunu għall-inkarigu tal-persuna responsabbli mit-tagħbija jew tar-rappreżentant tiegħu, mingħajr l-ebda idemnifikazzjoni mill-Istat Membru, bi qbil mal-prinċipji li joħorġu mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/73/KEE.

10. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lejn il-Kummissjoni l-lista ta’:

(a) ż-żoni ħielsa, l-imħażen ħielsa u l-imħażen doganali li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 4;

(b) l-operaturi kif hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 13.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti għall-pubblikazzjoni tal-lista f’(a) fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea u tgħaddi l-lista ta’ l-operaturi f’(b) lejn l-Istati Membri l-oħra.

11. Fl-eventwalità ta’ xi nuqqas ta’ konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 10 u sakemm dawk il-kondizzjonijiet ikunu japplikaw għall-maħżen, l-awtorità kompetenti għandha tissospendi jew tirtira l-approvazzjoni tagħha kif hemm referenza dwar dan fil-paragrafu 4(b). Għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar din it-tneħħija.

Meta ikun hemm irregolaritajiet, kemm jekk ikunu deliberati jew minħabba xi nuqqas serju, il-penalitajiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandhom ikunu applikati fuq dik il-persuna responsabbli mit-trasport tal-kunsinna wara li din tkun ħalliet il-maħżen.

12. Ir-regoli dettaljati għall-appplikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, partikolarment dwar il-proċeduri ta’ verifika li għandhom isiru mal-wasla u t-tluq ta’ kunsinni lejn u minn dawn iż-żoni jew imħażen, it-trasport ta’ kunsinni bejn dawn iż-żoni jew imħażen, il-forma tal-ħażna tal-prodotti u l-immaniġġjar awtorizzat, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 13

1. L-operaturi li jfornu direttament permezz ta’ trasport trans-fruntieri bil-baħar bil-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 12(4) għall-iskopijiet ta’ konsum mill-personal u mill-passiġġieri għandhom, apparti milli jilħqu l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 12(1), (2), (4)(a) u t-tieni, it-tielet u r-raba’ subinċiżi ta’ (4)(b), (5), (6), (7) u (9):

(a) ikunu awtorizzati minn qabel mill-awtorità kompetenti bħala operaturi;

(b) jakkwistaw provvisti ta’ prodotti li ma jkunux jistgħu jiġu proċessati sakemm il-materja prima ma tkunx konformi mal-ħtiġiet tal-Komunità;

(ċ) ikollhom bini magħluq li l-punti tad-dħul u l-ħruġ tiegħu jkunu taħt kontroll permanenti tal-persuna responsabbli. Meta maħżen ikun jinstab f’żona ħielsa, il-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 12(4)(b), l-ewwel subinċiż, it-tieni sentenza, għandhom japplikaw;

(d) jintrabtu li ma jirrillaxxawx il-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 12(4) għall-konsum f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness I;

(e) javżaw lill-awtorità kompetenti kemm jista’ jkun malajr dwar il-wasla tal-prodotti f’maħżen kif hemm referenza dwaru f’(ċ).

2. L-operatur li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandhom:

(a) iwettqu l-fornimenti direttament abbord il-mezz ta’ trasport bil-baħar jew lejn xi maħżen speċjali approvat fil-port tad-destinazzjoni, basta li jittieħdu l-miżuri kollha biex ikun assigurat li l-prodotti kkonċernati taħt l-ebda ċirkostanza ma jħallu ż-żona tal-port lejn xi destinazzjoni oħra. It-trasport tal-prodotti mill-maħżen ta’ l-oriġini lejn il-port tad-destinazzjoni għandu jitwettaq taħt is-superviżjoni doganali bi qbil mal-proċedura T1 kif stabbilita fir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 u jkunu akkumpanjati miċ-ċertifikat veterinarju fformulat bi qbil mal-proċedura li hemm fil-paragrafu 6;

(b) javżaw minn qabel lill-awtorità kompetenti taż-żona tal-port ta’ l-Istat Membru li minnu l-prodotti jkunu sejrin jitqassmu u lill-awtoritajiet kompetenti tal-port ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni dwar id-data tad-dispaċċ tal-prodotti flimkien mad-dettalji tal-post tad-destinazzjoni tagħhom;

(ċ) jipprovdu prova uffiċjali li l-prodotti jkunu laħqu d-destinazzjoni finali tagħhom;

(d) iżommu r-reġistri tad-dħul u d-dispaċċi għal minn ta’ lanqas tliet snin. Ir-reġistri għandhom jgħinu biex issir verifika fuq il-porzjonijiet tal-kunsinni li jkun baqa’ fil-maħżen.

3. L-operaturi għandhom jassiguraw li huma ma jfornux lill-vapuri bi prodotti li ma jkunux konformi mal-ħtiġiet tal-Komunità, ħlief biex ifornu lill-passiġġieri u lill-ekwipaġġ il-barra miż-żoni kostali tat-territorji elenkati fl-Anness I, kif definit bir-regolamenti nazzjonali.

4. L-awtorità kompetenti taż-żona tal-port ta’ l-Istat Membru li minnu l-prodotti jkunu fornuti għandha tavża lill-awtorità kompetenti taż-żona tal-port ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni sa mhux aktar tard mill-ħin tad-dispaċċ tal-prodotti u għandha tinfurmaha dwar il-post tad-destinazzjoni tal-prodotti permezz tan-network ANIMO.

5. F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kondizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha tirtira l-awtorizzazzjoni li hemm referenza dwarha f’1(a). Din għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar din it-tneħħija.

6. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, partikolarment il-proċeduri tal-verifika li għandhom jitwettqu mat-tluq u matul it-trasport u t-tqassim tal-prodotti li għandhom jitwasslu direttament abbord il-mezzi ta’ trasport bil-baħar, inkluża l-prova li dawn il-prodotti jkunu laħqu id-destinazzjoni legali tagħhom, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 14

1. Il-prodotti li dwarhom it-trattament approvat mid-dwana jew l-użu fil-qofol ta' dak li jfisser ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ikun differenti minn dak hemm provvediment dwaru fl-Artikoli 7 u 12(3) ta’ din id-Direttiva, għandhom, sakemm ma jkunux meqruda jew mibgħuta lura, jgħaddu minn verifika ta’ l-identità u verifika fiżika biex ikun iddeterminat jekk dawn ikunux konformi jew le mal-kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni.

2. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati, meta meħtieġ, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 15

1. Stat Membru għandu jawtorizza r-ri-importazzjoni ta’ kunsinna ta’ prodotti ta’ oriġini tal-Komunità li tkun ġiet irrifjutata minn pajjiż terz, jekk:

(a) il-prodotti jkunu akkumpanjati:

(i) jew biċ-ċertifikat oriġinali jew kopja awtentikata mill-awtorità kompetenti li tkun ħarġet iċ-ċertifikat li jakkumpanja l-prodotti, flimkien mad-dettalji tar-raġunijiet tar-rifjut u garanzija li l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħażna u t-trasport tal-prodotti jkunu ġew osservati, jiddikjara li l-prodotti kkonċernati ma jkunux għaddew minn kwalunkwe immaniġġjar;

(ii) fil-każ tal-kontenituri ssiġillati, b’ċertifikat mill-burdnar li jiddikjara li l-kontenut ma ġiex immaniġġjat jew inħatt;

(b) il-prodotti f'dak il-każ jgħaddu minn verifika dokumentarja u ta’ l-identità u, fil-każijiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 20, verifika fiżika;

(ċ) il-kunsinna tkun ġiet irritornata direttament, taħt il-kondizzjonijiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 8(4) lejn l-istabbiliment ta’ l-oriġini fl-Istat Membru ta' fejn iċ-ċertifikat ikun inħareġ u li, jekk ikun involut it-transitu ma’ tul Stat Membru ieħor, dan ikun ġie awtorizzat minn qabel mill-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri ta’ l-Istat Membru meta l-kunsinna tasal l-ewwel darba f’wieħed mit-territorji tal-Komunità elenkati fl-Anness I, f’isem l-Istati Membri kollha li minnhom il-kunsinna sejra tkun fi transitu.

2. Stat Membru ma jistax jopponi r-ri-introduzzjoni ta’ kunsinna ta’ prodotti ta’ l-oriġini tal-Komunità miċħuda minn pajjiż terz jekk l-awtorità komponenti li tkun ħarġet iċ-ċertifikat oriġinali tkun qablet li tieħu lura l-kunsinna u li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragarfu 2 ikunu intlaħqu.

3. Fiċ-ċirkostanzi kkontemplati fil-paragrafi 1 u 2, il-prodotti f'dak il-każ għandhom jgħaddu minn taħt dawn il-kondizzjonijiet sabiex ikun assigurat li t-trasport jitwettaq sa l-istabbiliment ta’ l-oriġini bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8(4) b’mezzi ta’ trasport li ma jnixxux likwidu, identifikati u ssiġillati mill-awtorità kompetenti sabiex is-siġilli jkunu jinkisru kulmeta l-kontenitur jinfetaħ.

4. Il-veterinarju uffiċjali li jawtorizza t-trasport għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar il-post tad-destinazzjoni permezz tan-network ANIMO.

5. L-ispiża kollha li tkunu saret permezz ta' dan l-Artikolu, inklużi dawk l-ispejjeż ta’ l-ispezzjoni u l-verifiki meħtieġa għal dan, għandhom ikunu ċċarġjati lill-persuna responsabbli għat-tagħbija jew lir-rappreżentant tiegħu, mingħajr l-ebda indemnifikazzjoni mill-Istat Membru, bi qbil mal-prinċipji li joriġinaw mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/73/KEE.

6. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 16

1. Dan il-Kapitolu m’għandux ikun japplika għal prodotti li:

(a) jiffurmaw parti mill-bagalji personali ta’ min jivvjaġġa u jkunu intenzjonati għall-użu u l-konsum personali, sakemm il-kwantità ma tkunx teċċedi kwantità li għandha tkun definita bi qbil mal-paragrafu 3 u basta li l-prodotti jkunu ġejjin minn Stat Membru jew minn pajjiż terz jew minn parti ta’ pajjiż terz li jkunu jidhru fuq il-lista adottata bi qbil mar-regoli tal-Komunità, u li minnhom l-importazzjoni ma tkunx ipprojbita;

(b) jintbagħtu bħala kunsinni żgħar lejn persuni privati, basta li l-prodotti ma jkunux qed jiġu importati bħala kummerċ, sakemm il-kwantità mibgħuta ma tkunx teċċedi kwantità li għandha tkun definita bi qbil mal-paragrafu 3, u basta li l-prodotti jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew minn parti ta’ pajjiż terz li jkun jidher fuq il-lista mħejjija bi qbil mar-regoli tal-Komunità, u li minnhom l-importazzjoni ma tkunx ipprojbita;

(ċ) jkunu abbord mezzi tat-trasport li joperaw internazzjonalment u jkunu intenzjonati għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, basta li dawn ma jkunux introdotti f’wieħed mit-territorji li hemm referenza dwarhom fl-Anness I.

Meta dawn il-prodotti jew l-iskart tal-kċina jinħattu, dawn għandhom ikunu meqruda. B'dana kollu, ma jkunx meħtieġ li l-prodotti jinqerdu meta dawn jiġu trasferiti direttament minn mezz ta’ trasport wieħed li jopera internazzjonalment lejn ieħor fl-istess port u taħt is-sorveljanza doganali;

(d) ikollhom, meta jkunu involuti kwantitajiet li ma jeċċedux figura li għandha tkun iffissata bi qbil mal-paragrafu 3, għaddew minn trattament tas-sħana f’kontenitur issiġillat ermetikament għal valur F0 ta’ 3,00 jew aktar u:

(i) jkunu jiffurmaw parti mill-bagalji personali ta’ vjaġġaturi u jkunu intenzjonati għall-konsum personali tagħhom;

(ii) jintbagħtu bħala kunsinni żgħar lejn persuni privati, basta li l-prodotti ma jkunux qed jiġu importati bħala kummerċ;

(e) jintbagħtu bħala kampjuni kummerċjali jew ikunu maħsuba għal xi esibizzjonijiet basta li dawn ma jkunux intenzjonati li jkunu kkummerċjalizzati u li jkunu ġew awtorizzati bil-quddiem għal dak l-għan mill-awtorità kompetenti;

(f) jkunu maħsuba għal studji u analiżi partikolari sakemm ikun possibbli li jkun stabbilit mill-ispezzjoni uffiċjali li dawn il-prodotti ma jkunux ipprovduti għall-konsum uman u li, meta l-esebizzjoni tispiċċa jew meta l-istudji jew l-analiżi partikolari jkunu twettqu, dawn il-prodotti, bl-eċċezzjoni tal-kwantitajiet użati għall-analiżi, ikunu distrutti jew mibgħuta lura taħt ċerti kondizzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti mill-awtorità kompetenti.

Fil-każ imsemmi taħt (e) u f’dan il-każ l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jassigura li l-prodotti kkonċernati ma jkunux jistgħu jintużaw għall-iskopijiet ħlief għal dawk li għalihom dawn ikunu ġew importati fit-territorju tiegħu.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux jaffettwa r-regoli applikabbli għall-laħam frisk u għall-prodotti tal-laħam bi qbil ma’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 dwar il-problemi ta’ l-ispezzjonijiet veterinarji u sanitarji dwar l-importazzjoni ta’ annimali ta’ l-ispeċi tal-fart, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tal-majjal, laħam frisk u prodotti b’bażi tal-laħam li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi [18].

3. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli tal-implimentzzjoni u partikolarment il-limiti tal-piż għal prodotti differenti li x’aktarx ikunu koperti bid-derogi li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 17

1. Kunsinni li kienu ġew introdotti f’wieħed mit-territorji tal-Komunità mingħajr ma jkunu ġew ippreżentati għall-ispezzjonijiet veterinarji bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 3 u 4 għandhom ikunu ssekwestrati u l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi dwar jekk teqridhomx bi qbil mal-paragrafu 2(b) jew tibgħathomx lura bi qbil mal-paragarfu 2(a).

2. Jekk il-verifiki li hemm referenza dwarhom f’din id-Direttiva juru lill-awtorità kompetenti li l-prodott ma jkunx jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ importazzjoni, jew meta dawn il-verifiki juru xi irregolarità, l-awtorità kompetenti, b’konsultazzjoni mal-persuna responsabbli għat-tagħbija jew mar-rappreżentant tiegħu, għandha tiddeċiedi:

(a) jew li tibagħtu lura l-prodott ’il barra mit-territorji elenkati fl-Anness I mill-istess post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri għal destinazzjoni miftiehma mal-persuna responsabbli għat-tagħbija, bl-użu ta’ l-istess mezzi tat-trasport, f’limitu ta’ żmien massimu ta’ 60 ġurnata, meta dan ma jkunx prekluż mir-riżultati ta’ l-ispezzjoni veterinarja u mill-ħtiġiet sanitarji.

F’dan il-każ, il-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri għandu:

- jattiva l-proċedura ta’ l-informazzjoni li hemm provvediment dwarha fl-ewwel subinċiż ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 92/438/KEE,

- permezz ta' l-arranġamenti li għandhom ikunu definiti mill-Kummissjoni bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 7, jinvalida ċ-ċertifikati veterinarji jew id-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti rrifjutati sabiex ma tkunx possibbli r-ri-introduzzjoni tal-prodotti rifjutati permezz tal-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri ieħor;

(b) jew, jekk id-dispaċċ mill-ġdid ikun impossibbli jew il-limitu ta’ żmien ta’ 60 ġurnata li hemm referenza dwaru f’(a) ikun skada jew il-persuna responsabbli għat-tagħbija tagħti l-kunsens immedjat tagħha, jeqirdu l-prodotti fil-faċilitajiet ipprovduti għal dak l-għan l-eqreb lejn il-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 90/667/KEE tas-27 ta’ Novembru 1990 li tistabbilixxi r-regoli veterinarji għad-disponiment u l-ipproċessar ta’ l-iskart ta’ l-annimali, għat-tpoġġija tiegħu fuq is-suq u għall-prevenzjoni ta’ patoġeni fl-oġġetti ta’ l-ikel li għandhom l-oriġini mill-annimali jew mill-ħut [19].

Jiddependi mid-dispaċċ mill-ġdid tal-prodotti li hemm referenza dwarhom f’dan il-punt jew il-konferma tar-raġunijiet għar-rifjut, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaħżnu l-prodotti f'dan il-każ taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti bi spiża għall-persuna responsabbli mit-tagħbija.

3. Id-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 23 u 24 għandhom japplikaw meta l-verifiki li hemm referenza dwarhom fil-paragarfi 1 u 2 jiżvelaw li jkun sar ksur serju jew irripetut tal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità.

4. Il-paragrafu 2 m’għandux ikun japplika meta tkun ingħatat awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti biex tippermetti l-użu tal-prodotti bi qbil mad-Direttiva 90/667/KEE, basta li ma jkun hemm l-ebda riskju għas-saħħa pubblika jew ta’ l-annimali.

5. Il-persuna responsabbli għat-tagħbija jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li jkunu saru fil-proċess tad-dispaċċ mill-ġdid jew tal-qerda tal-kunsinna jew għall-użu tal-prodott għal skopijiet oħra.

Apparti minn hekk, meta irregolarità tkun instabet li tkun ir-riżultat ta’ negliġenza serja jew ta’ ksur deliberat tar-regolamenti, l-Istat Membru għandu jimponi l-penalitajiet li hemm provvediment dwarhom fil-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu fuq il-persuna responsabbli għat-tagħbija.

6. Id-disposizzjonijiet tad-Deċiżjoni 92/438/KEE għandhom ikunu japplikaw.

7. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 3, partikolarment l-istandardizzazzjoni tal-kriterji ta’ l-evalwazzjoni li jwasslu għad-deċiżjoni dwar ir-rifjut, is-sekwestru jew il-qerda, għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 18

Il-Kummissjoni, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, għandha, fuq il-bażi tal-pjani li hemm referenza dwarhom fit-tieni paragrafu, tadotta r-regoli applikabbli għall-importazzjoni f’ċerti partijiet tat-territorji elenkati fl-Anness I, biex tieħu akkont tal-limiti naturali speċifiċi għal dawn it-territorji, partikolarment kemm ikunu ’l bogħod mill-art ewlenija tat-territorji tal-Komunità.

Għal dak l-għan ir-Repubblika ta’ Franza u r-Repubblika Ellenika għandhom jippreżentaw pjan lejn il-Kummissjoni li jistabbilixxi, u fil-każ partikolari d-dipartimenti ta’ barra minn Franza u ċerti gżejjer u gruppi ta’ gżejjer, in-natura tal-verifiki li għandhom jitwettqu fuq l-importazzjoni f’dawn ir-reġjuni tal-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi, billi jittieħed akkont tal-limiti ġeografiċi speċifiċi għal dawn it-territorji.

Dawk il-pjani għandhom jispeċifikaw il-verifiki li għandhom jitwettqu sabiex ikun evitat li prodotti li jidħlu f’dawk it-territorji jerġgħu jintbagħtu lura permezz ta' xi ċirkostanza lejn partijiet oħra tat-territorju tal-Komunità, sakemm dawn it-territorji jkunu konformi mal-ħtiġiet tal-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità.

Artikolu 19

1. Il-Kummissjoni, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, għandha tħejji lista tal-prodotti tal-pjanti li, partikolarment minħabba d-destinazzjoni sussegwenti tagħhom, jistgħu jwasslu għal riskju ta’ firxa ta’ mard infettiv jew li jittieħed ta’ l-annimali u li minħabba f’hekk għandhom ikunu suġġetti għall-verifiki veterinarji stabbiliti b’din id-Direttiva, u partikolarment dawk li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 4, sabiex ikunu verifikati l-orġini u d-destinazzjoni ppjanati ta’ dawn il-prodotti tal-pjanti.

Dawn li ġejjin għandhom ikunu adottati bi qbil ma’ l-istess proċedura:

- il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li l-pajjiżi terzi għandhom ikunu konformi magħhom u l-garanziji li għandhom ikunu offruti, partikolarment in-natura ta’ xi proċessar li jkun meħtieġ fid-dawl tas-sitwazzjoni sanitarja ta' l-annimali tagħhom,

- il-lista tal-pajjiżi terzi li, fid-dawl tal-garanziji, jistgħu jkunu awtorizzati li jesportaw lejn il-Komunità l-prodotti tal-pjanti li hemm referenza dwarhom fl-ewwel paragrafu,

- kwalunkwe proċeduri speċifiċi ta’ l-ispezzjoni, partikolarment b'referenza għat-teħid ta’ kampjuni, li jistgħu jkunu applikati għal dawn il-prodotti, speċjalment fil-każ ta’ l-importazzjonijiet fil-massa.

2. Prodotti tal-ħut frisk li jkunu tniżżlu l-art immedjatament minn fuq dgħajsa tas-sajd li tkun ittajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz għandhom, bi qbil mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1093/94 tas-6 ta’ Mejju 1994 li jistabbilixxi t-termini li permezz tagħhom id-dgħajjes tas-sajd ta’ pajjiż terz ikunu jistgħu direttament iħottu u jinnegozjaw il-qabdiet tagħhom fil-portijiet tal-Komunità [20], u qabel ma dawn ikunu jistgħu jiġu importati fi kwalunkwe territorju elenkat fl-Anness I, jgħaddu mill-verifiki veterinarji stabbiliti għal dak il-ħut li jkun tniżżel l-art immedjatament minn fuq id-dgħajjes li jtajru bandiera ta’ Stat Membru.

B'dana kollu, b’deroga mill-Artikolu 3(2) Stat Membru jista’, permezz tal-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 29, ikun awtorizzat li jwettaq il-verifiki stabbiliti b’din id-Direttiva fil-każ ta’ tonn iffriżat u ffriżat f'temperatura ferm baxxa li jkun inħatt direttament mingħajr ma tkun inqatgħatlu rasu jew tneħħewlu l-garġi minn fuq dgħajjsa li tappartjeni lill-entrapriżi konġunti rreġistrati bi qbil mad-disposizzjonijiet relevanti tal-Komunità, basta li:

- dawn il-verifiki jitwettqu mill-awtorità kompetenti ta’ l-eqreb post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri fl-industrija tad-destinazzjoni approvata għall-ipproċessar ta’ dawk il-prodotti,

- l-industrija ta’ l-ipproċessar tkun tinstab mhux aktar minn 75 km ’il bogħod minn post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri,

- il-prodotti jkunu ttrasferiti taħt kontroll doganali, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-ewwel subinċiż ta' l-Artikolu 8(4), mill-punt tal-ħatt lejn l-industrija tad-destinazzjoni.

3. Bi qbil mal-proċedura stabbilta fl-Artikolu 29, tista’ tingħata deroga mid-disposizzjonijiet tal-Artikolu 6(1)(b) u, f'dak li jirrigwarda l-personal responsabbli għat-twettieq tal-verifiki u l-ħruġ taċ-ċertifikati, minn dawk ta’ l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1) għall-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri ta' fejn il-ħut ikun ippreżentat bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 91/493/KEE tat-22 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa għall-produzzjoni u t-tpoġġija fuq is-suq ta’ prodotti tal-ħut [21].

Artikolu 20

1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-veterinarju uffiċjali jew l-awtorità kompetenti għandhom, meta jkun hemm suspett li l-leġislazzjoni veterinarja ma tkunx ġiet osservata jew ikun hemm dubju li:

(a) l-identità jew id-destinazzjoni attwali ta’ prodott;

(b) jekk il-prodott ikunx jikkorrispondi mal-garanziji stabbiliti fil-leġislazzjoni għal dak it-tip ta’ prodott;

(ċ) konformità mal-garanziji tas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-pubbliku stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Komunità;

iwettqu kwalunkwe verifiki veterinarji li l-veterinarju uffiċjali jew l-awtorità kompetenti jkunu jikkunsidraw bħala xierqa biex jikkonfermaw jew iwarrbu kull suspett.

Il-prodotti vverifikati għandhom jibqgħu taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità kompetenti sakemm ir-riżultati tal-verifiki jkunu nkisbu.

Jekk is-suspetti jkunu kkonfermati, il-verifiki fuq il-prodotti ta’ l-istess oriġini għandhom ikunu intensifikati bi qbil ma’ l-Artikolu 17(3).

2. Ir-regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 21

1. Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija għandha jkollha perjodu ta’ tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tas-Sħubija biex tintroduċi s-sistema tal-verifiki li hemm provvediment dwarhom f’dan il-Kapitolu. Matul dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni, l-Awstrija għandha tapplika l-miżuri li għandhom ikunu stabbiliti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tas-Sħubija, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29. Dawk il-miżuri għandhom jassiguraw li l-verifiki neċessarji kollha jkunu saru kemm jista’ jkun qrib il-fruntieri esterni tal-Komunità.

2. Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha jkollha perjodu ta’ sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tas-Sħubija biex tintroduċi s-sistema tal-verifiki li hemm provvediment dwarha f’dan il-Kapitolu. Matul dak il-perjodu ta’ tranżizzjoni l-Fillandja għandha tapplika l-miżuri li għandhom ikunu stabbiliti qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tas-Sħubija, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29. Dawk il-miżuri għandhom jassiguraw li l-verifiki neċessarji kollha jsiru qrib kemm jista’ jkun tal-fruntieri esterni tal-Komunità.

3. Fuq talba ta’ Stat Membru, il-ħtiġiet għat-tmien subinċiż ta’ l-Anness II jistgħu, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, jitneħħew għal postijiet tal-fruntieri li jkunu jinstabu fil-fruntieri ta’ pajjiżi applikanti għal perjodu ta’ sentejn wara l-1 ta’ Lulju 1999.

KAPITOLU II DISPOSIZZJONIJIET TA’ SALVAGWARDJA

Artikolu 22

1. Jekk, fit-territorju ta’ pajjiż terz, marda li hemm referenza dwarha fid-Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1982 dwar in-notifika ta’ mard ta’ l-annimali fil-Komunità [22], iż-żoonosi jew mard ieħor jew kwalunkwe fenomenu ieħor jew ċirkostanzi li jistgħu jippreżentaw theddida serja għas-saħħa ta’ l-annimali jew tal-pubbliku, tkun tidher jew inkella tilħaq tinfirex, jew jekk għal xi raġuni serja oħra dwar is-saħħa ta’ l-annimali jew tal-pubbliku tkun titlob hekk, partikolarment fid-dawl tas-sejbien li l-esperti veterinarji jkunu għamlu jew fil-verifiki li jkunu twettqu f’post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri, il-Kummissjoni għandha, waqt li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ Stat Membru, tadotta waħda mill-miżuri segwenti mingħajr dewmien, jiddependi mill-gravità tas-sitwazzjoni:

- tissospendi l-importazzjoni mill-pajjiż terz ikkonċernat kollu jew minn parti minnu, u meta jkun meħtieġ mill-pajjiż terz tat-transitu,

- tistabbilixxi kondizzjonijiet speċjali dwar il-prodotti li jkunu ġejjin mill-pajjiż terz ikkonċernat kollu jew minn parti minnu,

- tħejji, fuq il-bażi ta’ sejbiet attwali, il-ħtiġiet għal verifiki xierqa, li jistgħu jinkludu tiftix speċifiku għal riskji tas-saħħa ta’ l-annimali u tal-pubbliku u, jiddependi mir-riżultat ta’ dawk il-verifiki, iżżid il-frekwenza tal-verifiki fiżiċi.

2. Jekk xi waħda mill-verifiki li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva tindika li kunsinna tal-prodotti x’aktarx li tkun tikkostitwixxi periklu għas-saħħa ta’ l-annimal jew tal-pubbliku, l-awtorità veterinarja kompetenti għandha tieħu mill-ewwel dawn il-passi li ġejjin:

- għandha tikkonfiska u teqred il-kunsinna f'dak il-każ,

- għandha tinforma immedjatament lill-post l-ieħor ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri u lill-Kummissjoni dwar dawn is-sejbiet u dwar l-oriġini tal-prodotti, bi qbil mad-Deċiżjoni 92/438/KEE.

3. Fil-każ li hemm provvediment dwaru fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tieħu miżuri addizzjonali ta’ salvagwardja dwar il-prodotti koperti bl-Artikoli 11, 12 u 13.

4. Ir-Rappreżentanti tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu żjara immedjata fil-pajjiż terz ikkonċernat.

5. Meta Stat Membru jinforma uffiċjalment lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li din tieħu miżuri ta’ salvagwardja u din ta’ l-aħħar ma tkunx applikat id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 jew ma tkunx informat lill-Kumitat Permanenti Veterinarju bi qbil mal-paragrafu 6, l-Istat Membru jista’ jieħu l-miżuri tranżitorji ta’ salvagwardja dwar il-prodotti f'dak il-każ.

Meta Stat Membru jieħu miżuri tranżitorju ta’ salvagwardja dwar pajjiżi terzi jew xi stabbiliment li jkun hemm f’pajjiż terz permezz ta' dan il-paragrafu, dan għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan fil-Kumitat Veterinarju Permanenti.

Fi żmien għaxar t’ijiem ta’ xogħol il-Kumitat Veterinarju Permanenti għandu jkollu l-materja rriferuta lilu, permezz tat-termini ta’ l-Artikolu 28, bl-għan li jestendi, jemenda jew jirrevoka l-miżuri li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 1 u 3. Il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 28 tista’ wkoll tintuża għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet meħtieġa, inkluż dawk li jirrigwardjaw il-moviment intra-Komunitarju ta’ prodotti u għat-transitu.

6. Id-deċiżjonijiet biex ikunu rrevokati jew estiżi l-miżuri deċiżi permezz tal-paragrafi 1, 2, 3 u 5 għandhom jittieħdu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 28.

7. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu adottati, meta meħtieġ, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

KAPITOLU III SPEZZJONIJIET U VERIFIKI

Artikolu 23

1. Kull meta l-applikazzjoni uniformi tal-kriterji ta’ din id-Direttiva tkun meħtieġa, l-esperti veterinarji mill-Kummissjoni jistgħu, flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti:

(a) jivverifikaw li l-Istati Membri jkunu bi qbil mal-kriterji elenkati;

(b) jagħmlu verifiki fuq il-post biex jassiguraw li l-verifiki jsiru bi qbil ma’ din id-Direttiva.

2. Stat Membru li fit-territorju tiegħu ssir spezzjoni għandu jipprovdi lill-esperti veterinarji tal-Kummissjoni bi kwalunkwe għajnuna li dawn jistgħu jitolbu għat-twettiq ta’ dmirijiethom.

Ir-riżultat tal-verifiki li jkunu saru għandhom jiġu diskussi ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat qabel ma jitfassal ir-rapport finali u jkun iċċirkolat.

3. Meta l-Kummissjoni tħoss li r-riżultat tal-verifiki jkun jiġġustifika dan, din għandha tirrevedi s-sitwazzjoni fi ħdan il-Kumitat Veterinarju Permanenti. Hija tista’ tadotta d-deċiżjonijiet meħtieġa bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 28.

4. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżviluppi; fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi u bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 28, din tista’ temenda jew tirrevoka d-deċiżjonijiet li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 5.

5. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati, meta jkun meħtieġ, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 24

1. Meta l-verifiki li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva joħolqu bażi biex jitwemmen li l-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità tkun ġiet serjament jew ripetutament miksura, l-awtorità kompetenti għandhom jieħdu dawn il-miżuri li ġejjin dwar il-prodotti involuti f’dan l-użu jew fl-oriġini ta’ dawn il-prodotti:

- għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar in-natura tal-prodotti użati u l-kunsinna kkonċernata; il-Kummissjoni għandha tinforma minnufih lill-postijiet kollha ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri,

- l-Istati Membri għandhom jagħmlu verifiki aktar stretti fuq il-kunsinni kollha ta’ prodotti mill-istess oriġini. Partikolarment, l-10 kunsinni li jmissu mill-istess oriġini għandhom jiġu konfiskati, u jitpoġġew f'depożitu kontra l-ispejjeż ta’ l-ispezzjoni, fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri għall-verifika fiżika, inkluż it-teħid ta’ kampjuni u t-testijiet tal-laboratorju li hemm provvediment dwarhom fl-Anness III.

Meta dawn il-verifiki addizzjonali jikkonfermaw nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni tal-Komunità, il-kunsinna tal-kontravvenzjoni jew parti minnha għandha tiġi ddisponuta bi qbil mal-Artikolu 17(2)(a) u (b),

- il-Kummissjoni għandha tkun informata dwar l-eżitu tal-verifiki aktar stretti u fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni għandha tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa, biex tidentifika r-raġunijiet u l-oriġini tal-ksur li jkun instab.

2. Meta l-verifiki juru li l-limiti tar-residwi massimi jkunu nqabżu, għandu jsir użu tal-verifiki li hemm referenza dwarhom fit-tieni subinċiż tal-paragrafu 1.

3. Jekk, f’każi li jinvolvu pajjiżi terzi li jkunu kkonkludew ftehim ekwivalenti mal-Komunità jew pajjiżi terzi li l-kunsinni tagħhom ikunu vverifikati anqas frekwentement, il-Kummissjoni, wara li tkun għamlet l-istħarriġ ma’ l-awtorità kompetenti tat-terz pajjiż ikkonċernat, tikkonkludi li dan ikun naqas milli jaderixxi ma’ l-obbligazzjonijiet tiegħu u l-garanziji mogħtija mill-pjani elenkati fl-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 96/23/KE, din għandha tieqaf milli tippermetti li dak il-pajjiż, permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29 ta’ din id-Direttiva, milli jibqa’ jgawdi minn verifiki anqas frekwenti għall-prodotti f'dak il-każ sakemm il-pajjiż terz f'dak il-każ ikun għamel tajjeb għan-nuqqasijiet tiegħu. L-istess proċedura għandha tintuża għat-tneħħija tas-sospensjoni.

Jekk ikun meħtieġ, sabiex ikun stabbilit mill-ġdid il-benefiċċju pprovdut fil-ftehim imsemmija, deputazzjoni tal-Komunità li tinkludi esperti mill-Istati Membri, għandha żżur il-pajjiż ikkonċernat, bi spiża għal dak il-pajjiż, biex tivverifika li dawn il-miżuri jkunu ttieħdu.

Artikolu 25

1. Meta, fuq il-bażi tal-verifiki mwettqa fil-punt ta' fejn il-prodotti jkunu nnegozzjati, awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun tikkunsidra li din id-Direttiva ma jkunx hemm konformità magħha fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri, jew fl-imaħżen doganali, f’żona ħielsa jew inkella f’maħżen ħieles kif hemm referenza dwaru fl-Artikolu 12, ta’ Stat Membru ieħor, din għandha tikkuntattja lill-awtorità ċentrali kompetenti ta’ dak l-Istat Membru mingħajr dewmien.

Dan ta’ l-aħħar għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u jinforma lill-awtorità kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru dwar in-natura tal-verifiki magħmula, id-deċiżjonijiet meħuda u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet.

Jekk l-awtorità kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru temmen li l-miżuri huma insuffiċjenti, din għandha teżamina, ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru f'dak il-każ, il-metodi u l-mezzi possibbli għar-rimedju tas-sitwazzjoni, meta jkun meħtieġ permezz ta’ żjajjar lill-Istat Membru f'dak il-każ.

Meta l-verifiki li hemm referenza dwarhom fl-ewwel subparagrafu juru n-nuqqas ripetut ta’ konformità ma’ din id-Direttiva, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tinforma kemm lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, u waqt li tikkunsidra it-tip tal-ksur tar-regolamenti li dwaru tkun saret l-oġġezzjoni:

- tibgħat grupp ta’ l-ispezzjoni lejn l-Istat Membru f'dak il-każ flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali,

- titlob lill-awtorità kompetenti biex iżżid il-verifiki li jsiru fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri, fl-imħażen doganali, fiż-żona ħielsa jew fil-maħżen ħieles f'dak il-każ.

Jiddepenedi mis-sejbiet tal-Kummissjoni, l-Istat Membru implikat għandu, fuq it-talba ta’ l-Istat Membru tad-destinazzjoni, iżid il-verifiki fil-postijiet ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri, fl-imħażen doganali, fiż-żoni ħielsa jew fl-imħażen ħielsa kkonċernati.

L-Istat Membru tad-destinazzjoni jista’, minn naħa tiegħu, jintensifika l-verifiki fuq il-prodotti li jkunu ġejjin minn dawn is-sorsi.

Fuq it-talba ta’ wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati - meta l-irregolaritajiet ikunu ġew ikkonfermati bl-ispezzjoni li hemm referenza dwarha fl-ewwel subinċiż tal-ħames subparagrafu - il-Kummissjoni għandha, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 28, tieħu l-miżuri meħtieġa. Dawk il-miżuri għandhom ikunu kkonfermati jew irriveduti kemm jista’ jkun malajr possibbli bi qbil mal-istess proċedura.

2. Id-drittijiet ta’ l-appell disponibli permezz tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istati Membri kontra deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx ikunu affettwati b’din id-Direttiva.

Deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità kompetenti u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet għandhom ikunu nnotifikati lill-persuna responsabbli għat-tagħbija kkonċernata b’dawn id-deċiżjonijiet, jew lir-rappreżentant tiegħu.

Jekk il-persuna responsabbli kkonċernata għat-tagħbija jew ir-rappreżentant tagħha titlob hekk, l-imsemmija deċiżjonijiet u r-raġunijiet għandhom jingħatawlha bil-miktub, flimkien mad-dettalji tad-drittijiet ta’ l-appell disponibli għaliha permezz tal-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li jwettaq il-verifiki, kif ukoll il-proċedura u l-limiti taż-żmien applikabbli.

3. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 26

1. Kull Stat Membru għandu jħejji programm għall-iskambju ta’ l-uffiċjali li jkollhom is-setgħa li jwettqu l-verifiki fuq prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi.

2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw il-programmi li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 fi ħdan il-Kumitat Veterinarju Permanenti.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippermettu l-implimentazzjoni tal-programmi li jirriżultaw mill-koordinazzjoni li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2.

4. Ta’ kull sena, fil-Kumitat Veterinarju Permanenti, l-implimentazzjoni tal-programmi għandha tkun irriveduta fuq il-bażi ta’ rapporti mħejjija mill-Istati Membri.

5. L-Istati Membri għandhom jieħdu akkont ta' l-esperjenza miksuba biex itejbu u jiżviluppaw il-programmi ta’ skambju.

6. Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Kummissjoni biex jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp ta’ programmi ta’ skambji. Ir-regoli dettaljati għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità u l-ammont ikkalkolat li għandu jitħallas mill-budget tal-Komunità huma stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju [23].

7. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 4 u 5 għandhom ikunu adottati meta meħtieġ, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 27

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-veterinarji uffiċjali assenjati għall-postijiet ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri jipparteċipaw fil-programmi ta’ taħriġ speċjali li hemm referenza dwaru f’dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29, għandha tħejji linji ta' gwida għal dawn il-programmi.

Il-Kummissjoni għandha, minn ta’ lanqas darba fis-sena, torganizza laqgħat għal dawk li jmexxu l-programmi biex tassigura li dawn ikunu verament ikkoordinati.

Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artikolugħandhom ikunu ffinanzjati bi qbil mat-Titolu III tad-Deċiżjoni 90/424/KEE.

KAPITOLU IV DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 28

Meta ssir referenza għall-proċedura li hemm provvediment dwarha f’dan l-Artikolu, il-Kumitat Veterinarju Permanenti stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 68/361/KEE [24] għandu jieħu d-deċiżjonijiet bi qbil mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662/KEE.

Artikolu 29

Meta ssir referenza għall-proċedura kif definita f’dan l-Artikolu, il-Kumitat Veterinarju Permanenti għandu jieħu d-deċiżjonijiet bi qbil mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 89/662/KEE.

Artikolu 30

L-Annessi II u III jistgħu jkunu ssupplimentati bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29.

Artikolu 31

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet li jkunu ġejjin mir-regoli doganali.

Artikolu 32

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-għajnuna finanzjarja tal-Komunità li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 38 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 33

Id-Direttiva 90/675/KEE għandha tkun irrevokata b’effett mit-30 ta’ Ġunju 1999.

L-Atti adottati fuq il-bażi tad-Direttiva 90/675/KEE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm id-disposizzjonijiet intenzjonati biex jibdluhom ikunu adottati fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva.

Kull att adottat fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva għandu, jekk ikun xieraq, jispeċifika d-data li minnha d-disposizzjonijiet tiegħu għandhom jibdlu d-disposizzjonijiet li jikkorrispondu fl-att adottat fuq il-bażi tad-Direttiva 90/675/KEE.

Referenzi għad-Direttiva rrevokata għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom ikunu kkorrelati bi qbil mat-tabella stabbilita fl-Anness IV.

Artikolu 34

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 1999. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk id-disposizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 1999.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew inkella jkunu akkumpanjati minn din ir-referenza fiż-żmien tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura ta’ kif issir tali referenza għandha tkun adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 35

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Artikolu 36

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-18 ta’ Diċembru 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Boden

[1] ĠU C 285, tat-23.8.1997, p. 7

[2] ĠU C 85, tas-17.3.1997, p. 76

[3] ĠU C 66, tat-3.3.1997, p. 43

[4] ĠU L 373, tal-31.12.1990, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/43/KE (ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1)

[5] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/118/KEE (ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 49)

[6] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29 Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/118/KEE

[7] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 82/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 17, tal-21.1.1997, p. 1)

[8] ĠU L 243, tal-25.8.1992, p. 27. Id-Deċiżjoni emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

[9] ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 49. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/90/KE (ĠU L 13, tas-16.1.1997, p. 24)

[10] ĠU L 9, tal-15.1.1993, p. 33. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 96/32/KE (ĠU L 9, 12..1996, p. 9

[11] ĠU L 331, tas-17.11.1992, p. 16

[12] ĠU L 32, tal-5.2.1985, p. 14. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/43/KE (ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1)

[13] ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 10

[14] ĠU L 268, ta’ l-14.9.1992, p. 34. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/23/KE ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 10)

[15] ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1427/97 (ĠU L 196, ta’ l-24.7.1997, p. 31)

[16] ĠU L 243, tal-11.10.1995, p. 17. Id-deċiżjonijiet kif l-aħħar emendati bid-Deċiżjoni 97/34/KE (ĠU L 13, tas-16.1.1997, p. 33)

[17] ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 3

[18] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/91/KE (ĠU L 13, tas-16.1.1997, p. 27)

[19] ĠU L 363, tas-27.12.1990, p. 51. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

[20] ĠU L 121, tat-12.5.1994, p. 3

[21] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 15. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/23/KE (ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 10)

[22] ĠU L 378, tal-31.12.1982, p. 58. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

[23] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 94/370/KE (ĠU L 168, tat-2.7.1994, p. 31)

[24] ĠU L 255, tat-18.10.1968, p. 23

--------------------------------------------------

ANNESS I

IT-TERRITORJI ELENKATI FL-ARTIKOLU 1

1. It-territorju tar-Renju tal-Belġju.

2. It-territorju tar-Renju tad-Danimarka apparti milli għal Gżejjer Faroe u Greenland.

3. It-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

4. It-territorju tar-Renju ta’ Spanja apparti milli għal Ceuta u Melilla.

5. It-territorju tar-Repubblika Ellenika.

6. It-territorju tar-Repubblika ta’ Franza.

7. It-territorju ta’ l-Irlanda.

8. It-territorju tar-Repubblika ta’ l-Italja.

9. It-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

10. It-territorju tar-Renju ta’ l-Olanda fl-Ewropa.

11. It-territorju tar-Repubblika tal-Portugal.

12. It-territorju tar-Renju Unit ta’ l-Ingilterra u l-Irlanda ta’ Fuq.

13. It-territorju tar-Repubblika ta' l-Awstrija.

14. It-territorju tar-Repubblika tal-Fillandja.

15. It-territorju tar-Renju ta’ l-Isvezja.

--------------------------------------------------

ANNESS II

ĦTIĠIET APPROVATI GĦALL-POSTIJIET TA’ L-ISPEZZJONI TAL-FRUNTIERI

Biex tinkiseb l-approvazzjoni tal-Komunità, il-postijiet ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri għandhom ikollhom:

- il-personal biex jivverifika d-dokumenti (ċertifikati tas-saħħa pubblika u tas-saħħa ta’ l-annimali jew xi dokument ieħor stabbilit bil-leġislazzjoni tal-Komunità) li jakkumpanjaw il-prodotti,

- numru suffiċjenti, b’relazzjoni mal-kwantità ta’ prodotti li jkunu trattati fil-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri, tal-personal veterinarju u awżiljarju imħarreġ apposta biex jagħmel verifiki li l-prodotti jkunu jikkorrispondu mad-dokumenti li jakkumpanjawhom kif ukoll verifiki fiżiċi sistematiċi fuq kull kunsinna ta’ prodotti,

- personal suffiċjenti biex jiġbor u jipproċessa kampjuni tal-kunsinni tal-prodott ippreżentati f’post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri magħżul apposta,

- bini kbir biżżejjed għall-personal responsabbli mit-twettiq tal-verifiki veterinarji,

- bini iġjeniku kif suppost u faċilitajiet għat-twettiq ta’ l-analiżi ta’ rutina u għat-teħid ta’ kampjuni bi qbil ma’ din id-Direttiva,

- bini iġjeniku kif suppost u faċilitajiet għat-teħid u l-ipproċessar ta’ kampjuni għall-verifiki ta’ rutina stabbiliti fir-regoli tal-Komunità (normi mikrobioloġiċi),

- is-servizzi ta’ laboratorju speċjalizzat li jista’ jwettaq l-analiżi speċjali fuq il-kampjuni miġbura f’dak il-post,

- bini u mħażen tas-silġ għall-ħażna ta’ partijiet ta’ kunsinna miġbura għall-analiżi, u prodotti li r-rilaxx tagħhom għal ċirkulazzjoni ħielsa ma jkunx għadu ġie awtorizzat mill-uffiċjal veterinarju responsabbli mill-post ta’ l-ispezzjoni tal-fruntiera,

- tagħmir addattat għal skambju rapidu ta' l-informazzjoni, partikolarment ma’ postijiet oħra ta’ l-ispezzjoni tal-fruntieri (permezz tas-sistema kompjuterizzata li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE jew il-proġett Shift),

- is-servizzi ta’ stabbiliment kwalifikat biex iwettaq it-trattament li hemm provvediment dwaru fid-Direttiva 90/667/KEE.

--------------------------------------------------

ANNESS III

VERIFIKA FIŻIKA TAL-PRODOTTI

L-għan tal-verifika fiżika tal-prodotti ta’ l-annimali huwa li jassigura li l-prodotti jkunu jilħqu l-għan imsemmi fiċ-ċertifikat jew id-dokument vetrinarju: il-garanziji ta’ l-oriġini attestati minn pajjiżi terzi għandhom ikunu vverifikati kif suppost waqt li jkun assigurat li t-trasport sussegwenti tal-prodott ma jkunx biddel il-kondizzjoni ggarantita oriġinali, permezz ta’:

(a) eżamijiet sensorji: xamm, kulur, konsistenza, togħma;

(b) tesijiet sempliċi, fiżiċi jew kemikali: qtugħ, tidwib, tisjir;

(ċ) testijiet ta’ laboratorju biex ikunu identifikati:

ir-residwi,

il-patoġeni,

il-kontaminanti,

l-evidenza ta’ tibdil.

Hu x’inhu t-tip ta’ prodott, dawn li ġejjin għandhom jitwettqu:

(a) verifika fuq il-kondizzjonijiet u l-mezzi tat-trasport biex ikun identifikat partikolarment kwalunkwe nuqqas jew ksur fil-katina tal-kesħa;

(b) it-toqol reali tal-kunsinna u dak indikat fuq iċ-ċertifikat jew id-dokument veterinarju għandhom jiġu mqabbla, u l-kunsinna kollha tintiżen meta jkun meħtieġ;

(ċ) il-materjal ta’ l-ippakkjar u l-marki kollha (timbri, tikketti) li jkun hemm fuqhom għandhom ikunu vverifikati biex tkun assigurata l-konformità tagħhom mal-leġislazzjoni tal-Komunità;

(d) it-temperatura meħtieġa mill-Komunità għandha tkun ivverifikata biex tkun assigurata l-konformità matul it-trasport;

(e) sett komplut ta’ pakketti, jew kampjun fil-każ ta’ prodotti fil-massa, għandhom ikunu eżaminati qabel ma jgħaddu mill-eżamijiet sensorji u t-testijiet fiżiċi, kemikali u dawk tal-laboratorju.

It-testijiet għandhom jitwettqu fuq sensiela sħiħa ta’ kampjuni miġbura mill-kunsinna sħiħa, li tista’ tinħatt parzjalment meta jkun meħtieġ biex ikun assigurat li l-partijiet kollha tagħha jkunu ntlaħqu.

L-eżami għandu jkopri 1 % ta' l-oġġetti jew tal-pakketti f’kunsinna waħda, minn minimu ta’ żewġ oġġetti/pakketti għal massimu ta’ għaxra.

B'dana kollu, jiddependi mill-prodotti u ċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet veterinarji jistgħu jinsistu fuq verifiki aktar intensivi.

Fil-każ ta’ l-oġġetti tal-massa, minn ta’ lanqas ħames kampjuni għandhom jittieħdu minn partijiet differenti tal-kunsinna;

(f) meta isiru t-testijiet tal-laboratorju mingħajr ordni speċifika li ma jistgħux jagħtu riżultati immedjati, u ma jkun hemm l-ebda periklu immedjat għas-saħħa tal-pubbliku jew ta’ l-annimali, il-kunsinna tista’ tkun rilaxxata.

B'dana kollu, meta it-testijiet tal-laboratorju jkunu saru minħabba suspett ta’ irregolarita jew għaliex t-testijiet ta’ qabel jkunu taw riżultati pożittivi, il-kunsinna ma tistax tkun rilaxxata qabel ma r-riżultati tat-test ikunu negattivi;

(g) il-mezzi tat-trasport għandhom ikunu kompletament mingħajr tagħbija biss f’dawn il-każijiet li ġejjin:

- it-tagħbija tkun saret b’tali mod li l-aċċess għall-kunsinna sħiħa ikun impossibbli b’ħatt parzjali biss,

- il-verifiki tal-kampjuni jkunu wrew irregolaritajiet,

- il-kunsinna ta’ qabel tkun wriet irregolaritajiet,

- il-veterinarju uffiċjali jissusspetta xi irregolaritajiet;

(h) la darba l-verifika fiżika tkun ġiet konkluża, l-awtorità kompetenti għandha tiċċertifika l-verifika billi tagħlaq u tittimbra uffiċjalment il-pakketti kollha li jkunu nfetħu u billi tissiġilla mill-ġdid il-kontenituri kollha, in-numru tas-siġill ikun imbagħad irreġistrat fuq id-dokument tat-transitu tal-fruntieri.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

Tabella ta’ Korrispondenza

Id-Direttiva 90/675/KEE | Din id-Direttiva |

L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 |

L-Artikolu 2(1) | L-Artikolu 2(1) |

L-Artikolu 2(2)(a) | L-Artikolu 2(2)(a) |

L-Artikolu 2(2)(b) | L-Artikolu 2(2)(b) |

L-Artikolu 2(2)(ċ) | L-Artikolu 2(2)(ċ) |

L-Artikolu 2(2)(d) | L-Artikolu 2(2)(d) |

L-Artikolu 2(2)(e) | L-Artikolu 2(2)(e) |

L-Artikolu 2(2)(f) | L-Artikolu 2(2)(f) |

L-Artikolu 2(2)(ġ) | L-Artikolu 2(2)(ġ) |

L-Artikolu 2(2)(g) | L-Artikolu 2(2)(i) |

L-Artikolu 3 | – |

L-Artikolu 4 | – |

L-Artikolu 5 | L-Artikolu 12 |

L-Artikolu 6 | L-Artikolu 13 |

L-Artikolu 7 | – |

L-Artikolu 8(1) | – |

L-Artikolu 8(2) | L-Artikolu 4(4)(b) |

L-Artikolu 8(3) | L-Artikolu 10 |

L-Artikolu 8(4) | L-Artikolu 9 |

L-Artikolu 9 | L-Artikolu 6 |

L-Artikolu 10 | – |

L-Artikolu 11 | – |

L-Artikolu 12 | L-Artikolu 11 |

L-Artikolu 13 | L-Artikolu 14 |

L-Artikolu 14 | L-Artikolu 16 |

L-Artikolu 15 | – |

L-Artikolu 16 | L-Artikolu 17 |

L-Artikolu 17 | L-Artikolu 18 |

L-Artikolu 18 | L-Artikolu 19 |

L-Artikolu 18a | L-Artikolu 21 |

L-Artikolu 19 | L-Artikolu 22 |

L-Artikolu 20 | L-Artikolu 23 |

L-Artikolu 21 | L-Artikolu 25 |

L-Artikolu 22 | L-Artikolu 26 |

L-Artikolu 23 | L-Artikolu 28 |

L-Artikolu 24 | L-Artikolu 29 |

L-Artikolu 25 | L-Artikolu 30 |

L-Artikolu 26 | L-Artikolu 31 |

L-Artikolu 27 | – |

L-Artikolu 28 | – |

L-Artikolu 29 | – |

L-Artikolu 30 | – |

L-Artikolu 31 | L-Artikolu 32 |

L-Artikolu 32 | L-Artikolu 34 |

L-Artikolu 33 | L-Artikolu 36 |

L-Anness I | L-Anness I |

L-Anness II | L-Anness II |

– | L-Anness III |

--------------------------------------------------