31997L0055



Official Journal L 290 , 23/10/1997 P. 0018 - 0023


ID-DIRETTIVA TAL-KE 97/55 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-6 ta' Ottubru 1997

li temenda d-Direttiva tal-KEE 84/450 dwar reklamar qarrieqi sabiex tinkludi reklamar komparattiv

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni ([1]),

Wara li kkunsidraw il-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ([2]),

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 189b tat-Trattat ([3]), fl-isfond tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-25 ta' Ġunju 1997,

(1) Billi wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Komunità huwa li jseddaq is-suq intern; billi miżuri għandhom jiġu adottati biex jiżguraw it-tmexxija mingħajr skossi tas-suq imsemmi; billi s-suq intern jikkonsisti f'żona li m'għandhiex fruntieri interni u li fiha oġġetti, persuni, servizzi u kapital jistgħu jiċċaqalqu liberament;

(2) Billi s-sedqa tas-suq intern għandha tfisser firxa dejjem aktar wiesa' ta' għażla; billi, la darba li l-konsumaturi jistgħu u għandhom jagħmlu l-aħjar użu mis-suq intern, u r-reklamar huwa mezz importanti ħafna biex joħloq sbokki ġenwini għall-oġġetti u servizzi mal-Komunità kollha, id-dispożizzjonijiet bażiċi li jirregolaw il-forma u l-kontenut ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu uniformi u l-kondizzjonijiet għall-użu ta' reklamar komparattiv fl-Istati Membri għandhom ikunu f'konformità; billi jekk dawn il-kondizzjonijiet ikunu milqugħa, dan il-fatt jgħin biex juri oġġettivament il-meriti tal-prodotti komparabbli diversi; billi reklamar komparattiv jista' jistimula wkoll kompetizzjoni bejn il-fornituri ta' l-oġġetti u s-servizzi għal vantaġġ tal-konsumatur;

(3) Billi l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri individwali rigward ir-reklamar komparattiv jiddiferixxu ħafna; billi r-reklamar jilħaq lil hinn mill-fruntieri u jasal fit-territorju ta' Stati Membri oħra; billi l-aċċettazzjoni jew rifjut ta' reklamar komparattiv skond id-diversi liġijiet nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu xkiel għall-moviment ħieles ta' oġġetti u servizzi u joħloq tgħawwiġ fil-kompetizzjoni; billi, b'mod partikulari, ditti jistgħu jiġu esposti għal reklamar żviluppat mill-kompetituri li ma jistgħux jirrisponduhom b'miżura ugwali; billi l-libertà li jipprovdu servizzi rrelatati ma' reklamar komparattiv għandha tkun assigurata; billi l-Komunità hija interpellata biex tirrimedja s-sitwazzjoni;

(4) Billi s-sitt parti tad-Direttiva tal-Kunsill tal-KEE 84/450 ta' l-10 ta' Settembru 1984 rigward l-approssimazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar reklamar qarrieq ([4]) tiddikjara li, wara l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kontra reklamar qarrieqi, fit-tieni stadju..., sakemm huwa meħtieġ, reklamar komparattiv għandu jiġi trattat, a bażi ta' proposti xierqa tal-Kummissjoni';

(5) Billi l-punt 3 (d) ta' l-Anness tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' April 1975 fuq programm preliminarju tal-Komunità Ekonomika Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumatur u politika ta' informazzjoni ([5]) jinkludi d-dritt ta' informazzjoni fost id-drittijiet bażiċi tal-konsumaturi; billi dan id-dritt huwa kkonfermat mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1981 fit-tieni programm tal-Komunità Ekonomika Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumatur u politika ta' informazzjoni ([6]), il-punt 40 ta' l-Anness, li jittratta speċifikament dwar l-informazzjoni għall-konsumatur; billi reklamar komparattiv, meta jikkompara karatteristiċi materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi u ma jkunx qarrieqi, jista' jkun mezz leġittimu biex jinforma lill-konsumaturi bil-vantaġġ tagħhom;

(6) Billi jkun aħjar li jipprovdu kunċett wiesa' ta' reklamar komparattiv biex jirregola l-modi kollha ta' reklamar komparattiv;

(7) Billi kondizzjonijiet għal reklamar komparattiv permess, sa fejn jirrigwarda l-paragun, għandhom ikunu stabbiliti sabiex jistabbilixxu liema prattiċi rrelatati mar-reklamar komparattiv jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni, ikunu detrimentali għal kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l-għażla tal-konsumatur; billi dawn il-kondizzjonijiet ta' reklamar permess għandhom jinkludu kriterji ta' paragun oġġettiv ta' karatteristiċi ta' oġġetti u servizzi;

(8) Billi l-paragun tal-prezz biss ta' l-oġġetti u servizzi għandu jkun possibbli jekk dan il-paragun jissodisfa ċerti kondizzjonijiet, b'mod partikulari li m'għandux ikun qarrieqi;

(9) Billi, sabiex jipprevjenu reklamar komparattiv milli jintuża b'mod kontra l-kompetizzjoni u b'manjiera inġusta, paraguni biss bejn oġġetti u servizzi f'kompetizzjoni bejniethom li jissodisfaw l-istess ħtiġiet jew li jkunu maħsuba għall-istess skop għandhom ikunu permessi;

(10) Billi l-konvenzjonijiet internazzjonali fuq id-drittijiet ta' l-awtur kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq ir-risponsabbiltà kuntrattwali u mhix għandhom japplikaw meta r-riżultati ta' testijiet komparattivi mwettqa minn terzi jissemmew jew ikunu riprodotti f'reklamar komparattiv;

(11) Billi l-kondizzjonijiet ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu kumulattivi u rispettati kollha kemm huma; billi skond it-Trattat, l-għażla ta' forom u metodi għall-implimentazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet għandhom jitħallew għall-Istati Membri, sakemm dawk il-forom u metodi mhumiex diġà stipulati minn din id-Direttiva;

(12) Billi dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu, b'mod partikulari, konsiderazzjoni għad- dispożizzjonijiet li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta' l-14 ta' Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta' l-identifikazzjonijiet ġeografiċi u d-desinjazzjonijiet ta' oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel ([7]), u b'mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu, u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità adottati fil-qasam agrikolu;

(13) Billi l-Artikolu 5 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-KEE 89/104 tal-21 ta' Diċembru 1988 biex japprossima l-liġijiet ta' l-Istati Membri rrelatati mat-trade marks ([8]) jagħti drittijiet esklussivi lill-proprjetarju ta' trade mark reġistrata, inkluż id-dritt li jipprevjeni lil terzi milli jużaw, fin-negozju, kull marka li hija identika mat-, jew bħat-trade mark irrelatata ma' l-oġġetti jew servizzi identiċi jew ukoll, fejn hu xieraq, oġġetti oħra;

(14) Billi jista', b'danakollu, ikun indispensabbli, sabiex isir reklamar komparattiv effettiv, li jidentifikaw l-oġġetti jew servizzi ta' kompetitur, li jagħmel riferenza għal trade mark jew isem ta' ditta li tiegħu dan ta' l-aħħar huwa l-proprjetarju;

(15) Billi dan l-użu ta' trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra ta' ħaddieħor, ma jiksirx dan id-dritt esklussiv f'każi fejn ikun konformi mal-kondizzjonijiet stipulati b'din id-Direttiva, l-iskop intenzjonat huwa biss li jiddistingwu bejniethom u hekk li joħorġu aħjar id-differenzi oġġettivament;

(16) Billi għandhom isiru dispożizzjonijiet għall-mezzi ta' kumpens legali u/jew amministrattivi msemmija fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva tal-KEE 84/450 biex ikunu disponibbli biex jikkontrollaw reklamar komparattiv li jonqos li jissodisfa l-kondizzjonijiet stipulati b'din id-Direttiva; billi skond is-16-il parti tad-Direttiva, kontroll volontarju minn korpi awto-regolati biex jeliminaw reklamar qarrieqi jista' jevita rikors għal azzjoni amministrattiva u ġuridika u għandhom għalhekk jiġu inkoraġġiti; billi l-Artikolu 6 japplika għal reklamar komparattiv mhux permess bl-istess mod;

(17) Billi korpi nazzjonali awto-regolatorji jistgħu jikkordinaw ix-xogħol tagħhom permezz ta' assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet stabbiliti f'livell ta' Komunità u fost oħrajn jittrattaw ilmenti lil hinn mill-fruntieri;

(18) Billi l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-KEE 84/450 li jippermetti l-Istati Membri li jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva għall-konsumaturi, persuni eżerċjenti f'okkupazzjoni, fin-negozju, f'sengħa jew fi professjoni, u l-pubbliku ġenerali, m'għandux japplika għal reklamar komparattiv, la darba li l-għan li jemenda d-Direttiva msemmija huwa li jistabbilixxi kondizzjonijiet li bihom reklamar komparattiv huwa permess;

(19) Billi paragun li jippreżenta oġġetti jew servizzi bħala imitazzjoni jew replika ta' oġġetti jew servizzi li jkollhom trade mark jew isem ta' ditta protett m'għandux jiġi kkunsidrat li jaderixxi mal-kondizzjonijiet li għandhom jintlaħqu minn reklamar komparattiv permess;

(20) Billi din id-Direttiva bl-ebda mod ma taffettwa d-dispożizzjonijiet tal-Komunità fuq ir-reklamar għal prodotti speċifiċi u/jew servizzi jew restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq reklamar f'media partikulari;

(21) Billi, jekk Stat Membru, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jipprojbixxi reklamar dwar ċerti oġġetti jew servizzi, din il-projbizzjoni tista', sew jekk tkun imposta direttament jew minn korp jew organizzazzjoni risponsabbli skond il-liġi ta' dak l-Istat Membru biex jirregola l-eżerċizzju ta' attività kummerċjali, industrijali, ta' sengħa jew professjonali, tkun estiża għal reklamar komparattiv;

(22) Billi l-Istati Membri mhumiex se jkunu obbligati li jippermettu reklamar komparattiv għal oġġetti jew servizzi li fuqhom huma, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet, inklużi projbizzjonijiet rigward metodi ta' negozju jew reklamar li jimmiraw gruppi vulnerabbli ta' konsumaturi; billi l-Istati Membri jistgħu, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq l-użu ta' paraguni fir-reklamar ta' servizzi professjonali, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli skond il-liġi ta' l-Istati Membri biex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività professjonali;

(23) Billi li tirregola reklamar komparattiv huwa, skond il-kondizzjonijiet stipulati f'din id-Direttiva, meħtieġ għat-tmexxija bla xkiel tas-suq intern u billi azzjoni f'livell ta' Komunità huwa għalhekk meħtieġ; billi l-adozzjoni ta' Direttiva huwa l-istrument addattat għax tistipula prinċipji uniformi ġenerali fil-waqt li tippermetti lill-Istati Membri li jagħżlu l-forma u l-metodu xieraq li bihom jilħqu dawn l-għanijiet; billi hija skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva tal-KEE 94/450 hija hawnhekk emendata kif ġej:

(1) It-titolu għandu jinbidel b'dan li ġej:

Direttiva tal-Kunsill ta' l-10 ta' Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv';

(2) L-Artikolu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

L-Artikolu 1

Il-għan ta' din id-Direttiva huwa li jipproteġi konsumaturi, persuni eżerċjenti f'sengħa jew negozju jew eżerċjenti f'okkupazzjoni jew professjoni u l-interessi tal-pubbliku in ġenerali kontra reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi inġusti tiegħu u biex jistipula l-kondizzjonijiet li bihom reklamar komparattiv huwa permess.';

(3) Il-punt li ġej għandu jiddaħħal fl-Artikolu 2:

2a "reklamar komparattiv" ifisser kull reklamar li espliċitament jew b'deduzzjoni jidentifika kompetitur jew oġġetti jew servizzi offruti minn kompetitur;'

(4) L-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud:

L-Artikolu 3a

1. Reklamar komparattiv għandu, safejn jirrigwarda l-paragun, ikun permess meta jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) ma jkunx qarrieqi skond l-Artikoli 2(2), 3 u 7 (1);

(b) jikkompara oġġetti jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġiet jew ikunu maħsuba għall-istess skop;

(ċ) jikkompara oġġettivament karatteristika materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattiva waħda jew aktar ta' dawk l-oġġetti u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

(d) ma joħloqx konfużjoni fil-post tas-suq bejn min jirreklama u kompetitur jew bejn it-trademarks, ismijiet tad-ditta, marki distintivi oħra, oġġetti jew servizzi ta' min jirreklama u dawk ta' kompetitur;

(e) ma jiskreditax jew ma jimmalafamax it-trade marks, ismijiet ta'ditti, marki distintivi oħra, oġġetti, servizzi, attivitajiet jew ċirkustanzi ta' kompetitur;

(f) għall-prodotti b'deskrizzjoni ta' oriġini, jirrelata f'kull każ ma' prodotti bl-istess deskrizzjoni;

(g) ma jeħux vantaġġ inġust mir-reputazzjoni ta' trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra ta' kompetitur jew tad-deskrizzjoni ta' oriġini ta' prodotti li jkunu jikkompetu;

(h) ma jippreżentax oġġetti jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta' oġġetti jew servizzi li jġibu trade mark jew isem ta' ditta protett.

2. Kull paragun li jirreferi għal offerta speċjali għandu jindika b'mod ċar u bla ekwivoku d-data li fiha l-offerta tispiċċa jew, fejn hu xieraq, li l-offerta speċjali tkun bla ħsara għad-disponibbiltà ta' l-oġġetti u servizzi, u, fejn l-offerta speċjali tkun għadha ma bdietx, id-data tal-bidu tal-perijodu li matulu l-prezz speċjali jew kondizzjonijiet speċifiċi oħra għandhom japplikaw.';

(5) L-ewwel u t-tieni subparagrafi ta' l-Artikolu 4(1) għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm mezzi adekwati u effettivi biex jikkumbattu reklamar qarrieqi u b'konformità mad-dispożizzjonijiet ta' reklamar komparattiv fl-interessi tal-konsumaturi kif ukoll tal-kompetituri u l-pubbliku ġenerali.

Dawn il-mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li bihom persuni jew organizzazzjonijiet meqjusa skond il-liġi nazzjonali li għandhom interess leġittimu f'li jipprojbixxu reklamar qarrieqi jew jirregolaw reklamar komparattiv jistgħu:

(a) jieħdu azzjoni legali kontra reklamar bħal dan; u/jew

(b) iġibu dan ir-reklamar quddiem awtorità amministrattiva kompetenti jew biex tiddeċiedi fuq l-ilmenti jew biex tagħti bidu għal proċedimenti legali xierqa.';

(6) L-Artikolu 4(2) huwa b'dan emendat kif ġej:

(a) l-inċiżi fl-ewwel subparagrafu għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

'- biex jordnaw il-waqfien ta', jew biex jistabbilixxu proċedimenti legali xierqa għal ordni għat-twaqqif ta', reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv mhux permess, jew

- jekk ir-reklamar qarrieqi jew ir-reklamar komparattiv mhux permess ma jkunx għadu ppubblikat jew il-pubblikazzjoni tkun fil-qrib, sabiex jordnaw il-projbizzjoni ta', jew biex jistabbilixxu proċeduri legali xierqa għal ordni ta' projbizzjoni ta', din il-pubblikazzjoni,';

(b) il-kelmiet introduttorji tat-tielet subparagrafu għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

B'żieda ma' dan, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi setgħat li jagħtuhom poteri li, bl-għan li jeliminaw l-effetti kontinwi ta' reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv mhux permess, it-tmiem tagħhom kien ordnat b'deċiżjoni finali:';

(7) L-Artikolu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll volontarju, li Stati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, ta' reklamar qarrieqi jew komparattiv minn korpi awto-regolatorji u r-rikors għal korpi bħal dawn minn persuni jew organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 jekk il-proċedimenti quddiem dawn il-korpi jkunu b'żieda mal-proċedimenti fil-qrati jew proċedimenti amministrattivi msemmija f'dak l-Artikolu.';

(8) L-Artikolu 6(a) għandu jinbidel b'dan li ġej:

(a) biex jesiġu mill-konsulent li jagħti xhieda għall-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-reklamar jekk, waqt li jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-konsulent u kull parti oħra tal-proċeduri, dan ir-rekwiżit jidher xieraq fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u fil-każ ta' reklamar komparattiv biex jesiġu mill-konsulent biex jagħti din ix-xhieda f'perijodu qasir ta' żmien; u';

(9) L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

L-Artikolu 7

1. Din id-Direttiva m'għandhiex teskludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, rigward reklamar qarrieqi, għall-konsumaturi, persuni eżerċjenti fil-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni, u l-pubbliku ġenerali.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika għal reklamar komparattiv sa fejn jirrigwarda l-paragun.

3. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità fuq reklamar għal prodotti u/jew servizzi speċifiċi jew għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq reklamar f'media partikulari;

4. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar reklamar komparattiv m'għandhomx jobbligaw lill-Istati Membri li, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet ta' reklamar rigward ċerti oġġetti jew servizzi, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli, skond il-liġi ta' l-Istati Membri, biex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività kummerċjali, industrijali, ta' sengħa jew professjonali, biex jippermetu reklamar komparattiv rigward oġġetti jew servizzi. Fejn dawn il-projbizzjonijiet huma limitati għal media partikulari, id-Direttiva għandha tapplika għall-media li mhix irregolata minn dawn il-projbizzjonijiet.

5. Xejn f'din id-Direttiva m'għandu jżomm lill-Istati Membri milli, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq l-użu ta' paraguni fir-reklamar ta' servizzi professjonali, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli, skond il-liġi ta' l-Istati Membri, biex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività professjonali.'

Artikolu 2

Sistemi ta' lmenti

Il-Kummissjoni għandha tistudja l-possibbiltà li tistabbilixxi mezzi effettivi biex tittratta ma' lmenti lil hinn mill-fruntieri rigward reklamar komparattiv. Fi żmien sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva l-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fuq ir-riżultati ta' l-istudji, akkumpanjati jekk hu xieraq minn proposti.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva ta' l-anqas 30 xahar wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni fil-pront.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex jagħmlu din ir-riferenza għandhom ikunu stipulati mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam regolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-6 ta' Ottubru 1997.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. GIL-ROBLES

Għall-Kunsill

Il-President

J. POOS

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tiddikjara li fi ħsiebha tissottometti r-rapport li hemm riferenza għalih fl-Artikolu 2 kemm jista' jkun possibbli fl-istess ħin tar-rapport fuq sistemi ta' lmenti li hemm ipprovdut dwaru fl-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-KE 97/7 fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti mill-bogħod.

[1] ĠU C 180, tal-11.7.1994, p. 14 u ĠU C 136, tad-19.5.1994, p. 4.

[2] ĠU C 49, ta' l-24.2.1992, p. 35.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 1992 (ĠU C 337, tal-21.12.1992, p. 142), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 1996 (ĠU C 219, tas-27.7.1996, p. 14) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 1996 (ĠU C 347, tas-16.11.1996, p. 69). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Settembru 1997 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 1997.

[4] ĠU L 250, tad-19.9.1984, p. 17.

[5] ĠU C 92, tal-25.4.1975, p. 1.

[6] ĠU C 133, tat-3.6.1981, p. 1.

[7] ĠU L 208, ta' l-24.7.1992, p. 1.

[8] ĠU L 40, 2. 1989. p.1. id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva ta' l-KEE 92/10C (ĠU L 6, tal-11.1.1992, p. 35).