31997L0011



Official Journal L 073 , 14/03/1997 P. 0005 - 0015


Id-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE

tat-3 ta' Marzu 1997

li temenda d-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130s (1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Huwa u jaġixxi b'mod konformi mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [4],

(1) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta' Ġunju 1985 dwar l-istima ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent [5] timmira li tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti bit-tagħrif rilevanti sabiex jgħinhom jieħdu deċiżjoni fuq proġett speċifiku fil-għarfien sħiħ ta' l-impatt li x'aktarx ikollu fuq l-ambjent; billi l-proċedura dwar l-istima hija strument fundamentali tal-politika ambjentali kif definita fl-Artikolu 130r tat-Trattat u tal-Ħames Programm Komunitarju ta' politika u azzjoni fejn għandhom x'jaqsmu l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli;

(2) Billi, skond l-Artikolu 130r (2) tat-Trattat, il-politika tal-Komunità dwar l-ambjent hija msejsa fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni u fuq il-prinċipju illi għandha tittieħed azzjoni preventiva, illi l-ħsara għall-ambjent għandha tiġi rettifikata mill-għajn u illi min iniġġes iħallas;

(3) Billi l-prinċipji ewliena ta' l-istima ta' l-effetti fuq l-ambjent iridu jiġu armonizzati u billi l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu regoli iktar stretti sabiex iħarsu l-ambjent;

(4) Billi l-esperjenza miksuba dwar l-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent, kif irreġistrata fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE, adottat mill-Kummissjoni fit-2 ta' April 1993, turi illi huwa meħtieġ li jiddaħħlu dispożizzjonijiet disinjati biex jiċċaraw, jissupplimentaw u jtejbu r-regoli tal-proċedura ta' l-istima, sabiex jiġi żgurat illi d-Direttiva tiġi applikata f'manjiera armonizzata dejjem iktar tiżdied u bl-effiċjenza;

(5) Billi l-proġetti li għalihom hija meħtieġa stima għandhom ikunu soġġetti għall-ħtieġa li joħroġ il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp; billi l-istima għandha titwettaq qabel ma jiġi konċess dan il-kunsens/approvazzjoni;

(6) Billi huwa xieraq li jsiru żidiet mal-lista tal-proġetti li jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent u li għandhom għalhekk jiġu magħmula soġġetti għal stima sistematika;

(7) Billi proġetti ta' tipi oħra jista' ma jkollhomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent f'kull każ; billi dawn il-proġetti għandhom jiġu stmati fejn l-Istati Membri jikkunsidraw illi x'aktarx li jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent;

(8) Billi l-Istati Membri jistgħu jwaqqfu għetiebi jew kriterji bil-għan li jistabbilixxu liema proġetti għandhom jiġu soġġetti għal stima fuq il-bażi ta' l-importanza ta' l-effetti tagħhom fuq l-ambjent; billi l-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa li jeżaminaw proġetti li jkunu iktar baxxi minn dawn l-għetiebi jew 'il barra minn dawn il-kriterji fuq il-bażi ta' każ b'każ;

(9) Billi huma u jistabbilixxu dawn l-għetiebi jew kriterji jew jeżaminaw il-proġetti fuq il-bażi ta' każ b'każ bil-għan li jistabbilixxu liema proġetti għandhom ikunu soġġetti għal stima fuq il-bażi ta' l-effetti sinifikanti tagħhom fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati f'din id-Direttiva; billi b'mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex japplikaw dawn il-kriterji f'okkażjonijiet speċifiċi;

(10) Billi l-eżistenza ta' kriterju dwar il-lokazzjoni li jirreferi għal żoni ta' protezzjoni speċjali ddisinjati mill-Istati Membri skond id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi [6] u dik 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi [7] ma timplikax illi neċessarjament il-proġetti f'dawn iż-żoni iridu jiġu soġġetti awtomatikament għal stima skond din id-Direttiva;

(11) Billi huwa xieraq li tiddaħħal proċedura sabiex tgħin lill-iżviluppatur jikseb parir mingħand l-awtoritajiet kompetenti dwar il-kontenut u d-daqs tat-tagħrif li għandu jiġi elaborat u fornit għall-istima; billi l-Istati Membri, fil-qafas ta' din il-proċedura, jistgħu jeħtieġu li l-iżviluppatur jipprovdi, fost ħwejjeġ oħra, alternattivi għall-proġetti li għalihom ikun beħsiebu jissottometti applikazzjoni;

(12) Billi huwa xieraq li jiġu msaħħa d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-istima ta' l-impatt fuq l-ambjent f'kuntest li jaqsam il-fruntieri sabiex jitqiesu l-iżviluppi fuq livell internazzjonali;

(13) Billi l-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni dwar l-Istima ta' l-Impatt fuq l-Ambjent f'Kuntest li Jaqsam il-Fruntieri fil-25 ta' Frar 1991,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 85/337/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 2(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x'aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.";

2. Għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej fl-Artikolu 2:

"2a. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu proċedura waħdiena sabiex iwettqu l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva u l-ħtiġijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż [8]

3. L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(3) għandu jinqara kif ġej:

"3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu, f'każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f'parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f'din id-Direttiva.";

4. Fl-Artikolu 2(3)(ċ) il-kelmiet "fejn xieraq" għandhom jinbidlu bil-kelmiet "fejn japplika";

5. L-Artikolu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 3

L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b'manjiera xierqa, fid-dawl ta' kull każ individwali u b'mod konformi ma' l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta' proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

- il-bniedem, il-fawna u l-flora;

- il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

- il-beni materjali u l-wirt kulturali;

- l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.";

6. L-Artikolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 4

1. Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.

2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta':

(a) eżami każ b'każ,

jew

(b) l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

3. Meta jiġi mwettaq eżami każ b'każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.";

7. L-Artikolu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 5

1. Fil-każ ta' proġetti li, skond l-Artikolu 4, iridu jiġu soġġetti għal stima dwar l-impatt fuq l-ambjent b'mod konformi ma' l-Artikoli 5 sa 10, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-iżviluppatur iforni f'għamla xierqa t-tagħrif speċifikat fl-Anness IV billi:

(a) l-Istati Membri jikkunsidraw illi t-tagħrif ikun rilevanti għal stadju mogħti tal-proċedura tal-kunsens/approvazzjoni u għall-karatteristiċi speċifiċi ta' proġett partikolari jew ta' tip ta' proġett partikolari u dwar il-karatteristiċi ambjentali li x'aktarx jiġu affettwati;

(b) l-Istati Membri jikkunsidraw illi żviluppatur jista' raġjonevolment ikun meħtieġ li jiġbor dan it-tagħrif billi jqis, fost ħwejjeġ oħra, l-għarfien u l-metodi korrenti ta' l-istima.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, jekk l-iżviluppatur hekk jitlob qabel jissottometti applikazzjoni għall-kunsens/approvazzjoni dwar l-iżvilupp, l-awtorità kompetenti għandha tagħti parir dwar it-tagħrif li għandu jiġi fornit mill-iżviluppatur b'mod konformi mal-paragrafu 1. L-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta ma' l-iżviluppatur u ma' l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) qabel ma tagħti l-parir tagħha. Il-fatt illi l-awtorità tkun tat parir skond dan il-paragrafu, ma jipprekludihiex milli sussegwentement teħtieġ li l-iżviluppatur jissottometti iktar tagħrif.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-awtoritajiet kompetenti jagħtuhom tali opinjoni, irrispettivament minn jekk l-iżviluppatur jitlobx dan.

3. It-tagħrif li għandu jiġi pprovvdut mill-iżviluppatur b'mod konformi mal-paragrafu 1 għandu mill-inqas jinkludi:

- deskrizzjoni tal-proġett li jikkomprendi tagħrif dwar il-lokazzjoni, id-disinn u d-daqs tal-proġett,

- deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jevitaw, inaqqsu u, jekk ikun possibbli, jirrimedjaw effetti avversi sinifikanti,

- il-fatti magħrufa ("data";) meħtieġa biex jidentifikaw u jistmaw l-effetti ewliena li l-proġett x'aktarx li jkun sejjer ikollu fuq l-ambjent,

- il-punti prinċipali ("outline";) ta' l-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali tal-għażla tiegħu, filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent,

- sommarju mhux tekniku tat-tagħrif imsemmi fl-inċiżi ta' qabel.

4. L-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jiżguraw illi kull awtorità li jkollha f'idejha t-tagħrif rilevanti b'riferenza partikolari għall-Artikolu 3, għandha tagħmel dan it-tagħrif disponibbli lill-iżviluppatur.";

8. L-Artikolu 6(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-awtoritajiet li x'aktarx ikunu sejrin ikollhom x'jaqsmu mal-proġett minħabba r-responsabbilitajiet speċifiċi tagħhom jiġu mogħtija l-opportunità li jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar it-tagħrif fornit mill-iżviluppatur u fuq it-talba ta' kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet li għandhom jiġu kkonsultati, jew f'termini ġenerali jew fuq il-bażi ta' każ b'każ. It-tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5 għandu jintbagħat lil dawn l-awtoritajiet. Għandhom jiġu preskritti arranġamenti dettaljati mill-Istati Membri dwar il-konsultazzjoni.";

L-Artikolu 6(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull talba għall-kunsens/approvazzjoni dwar żvilupp u kull tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5 jkunu disponibbli għall-pubbliku fi żmien raġjonevoli sabiex jagħtu lill-pubbliku interessat l-opportunità li jesprimi opinjoni qabel ma jiġi konċess il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp.";

9. L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 7

1. Fejn Stat Membru ikun jaf illi proġett x'aktarx li jkun sejjer ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew fejn Stat Membru li x'aktarx ikun sejjer jiġi affettwat sinifikatament jitlob hekk, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu jibgħat lill-Istat Membru affettwat malajr kemm jista' jkun u mhux iktar tard minn meta jgħarraf lill-pubbliku tiegħu, fost ħwejjeġ oħra, bi:

(a) deskrizjoni tal-proġett, flimkien ma' kull tagħrif disponibbli dwar l-impatt possibbli tiegħu meta dan (l-impatt) jaqsam il-fruntieri;

(b) tagħrif dwar in-natura tad-deċiżjoni li tista' tittieħed,

u għandu jagħti lill-Istat Membru l-ieħor żmien raġjonevoli li fih dan ta' l-aħħar jindika jekk jixtieqx li jieħu sehem fil-proċedura ta' l-Istima dwar l-Impatt fuq l-Ambjent, u jista' jinkludi t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 2.

2. Jekk Stat Membru li jirċevi t-tagħrif skond il-paragrafu 1 jindika illi jkun beħsiebu jieħu sehem fil-proċedura ta' l-Istima dwar l-Impatt fuq l-Ambjent, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-proġett ikun maħsub li jitwettaq għandu, jekk ma jkunx diġà għamel hekk, jibgħat lill-Istat Membru affettwat it-tagħrif miġbur skond l-Artikolu 5 u t-tagħrif rilevanti rigward il-proċedura msemmija, inkluża t-talba għall-kunsens/approvazzjoni dwar l-iżvilupp.

3. L-Istati Membri interessati, kull wieħed safejn jirrigwarda lilu, għandhom ukoll:

(a) jirranġaw biex it-tagħrif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ikunu magħmula disponibbli, fi żmien raġjonevoli, lill-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) u lill-pubbliku interessat fit-territorju ta' l-Istat Membru li x'aktarx ikun sejjer jiġi affettwat sinifikament; u

(b) jiżguraw illi dawn l-awtoritajiet u l-pubbliku interessat jingħataw opportunità, qabel ma jiġi konċess il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp, li jagħtu l-opinjoni tagħhom fi żmien raġjonevoli dwar it-tagħrif fornit lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun maħsub li jitwettaq il-proġett.

4. L-Istati Membri interessati għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet rigward, fost ħwejjeġ oħra, l-effetti potenzjali li jaqsmu l-fruntiera dwar il-proġett u l-miżuri previsti li jnaqqsu jew jeliminaw dawn l-effetti u għandhom jiftiehmu fil-qafas ta' żmien raġjonevoli dwar it-tul tal-perjodu taż-żmien tal-kunsultazzjoni.

5. L-arranġamenti dettaljati sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu jistgħu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri interessati.";

10. L-Artikolu 8 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 8

Iridu jitqiesu r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u tat-tagħrif miġbura skond l-Artikoli 5, 6 u 7 fil-proċedura tal-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp.";

11. L-Artikolu 9 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 9

1. Meta tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi konċess jew rifjutat kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku bihom b'mod konformi mal-proċeduri xierqa u għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku t-tagħrif li ġej:

- il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kondizzjoni mehmuża magħha,

- ir-raġunijiet u l-kunsiderazzjonijiet ewliena li fuqhom id-deċiżjoni tkun imsejsa,

- deskrizzjoni, fejn meħtieġa, tal-miżuri ewliena sabiex jiġu evitati, imnaqqsa u, jekk possibbli, kontrobilanċjati l-effetti avversi maġġuri.

2. L-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lil kull Stat Membru li jkun ġie kkunsultat skond l-Artikolu 7, billi jibagħtulu t-tagħrif imsemmi fil-paragrafu 1.";

12. L-Artikolu 10 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"L-Artikolu 10

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti li jirrispettaw il-limitazzjonijiet imposti bir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rigward il-kunfidenzjalità kummerċjali u industrijali, inklużi l-proprjetà intellettwali, u s-salvagward ta' l-interess pubbliku.

Fejn japplika l-Artikolu 7, it-trasmissjoni tat-tagħrif lil Stat Membru ieħor u r-riċeviment tat-tagħrif minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu bla ħsara għal-limitazzzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru fejn jiġi propost il-proġett.";

13. L-Artikolu 11(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"2. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'kull kriterju u/jew għatba adottati għall-għażla tal-proġett fil-kwistjoni, b'mod konformi ma' l-Artikolu 4(2).";

14. L-Artikolu 13 għandu jiġi mħassar;

15. L-Annessi I, II u III għandhom jinbidlu bl-Annessi I, II, III u IV kif jidhru fl-Anness.

Artikolu 2

Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni u l-effettività tad-Direttiva 85/337/KEE kif emendata b'din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun imsejjes fuq il-bdil ta' l-informazzjoni pprovvduta bl-Artikolu 11(1) u (2).

Fuq il-bażi ta' dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, fejn jixraq, tissottometti lill-Kunsill proposti addizzjonali bil-ħsieb li tiżgura iktar koordinazzjoni fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mill-14 ta' Marzu 1999. Għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza mal-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-riferenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. Jekk tiġi sottomessa talba għal kunsens/approvazzjoni dwar żvilupp lill-awtorità kompetenti qabel it-tmiem tal-limitu taż-żmien preskritt fil-paragrafu 1, għandhom jissoktaw japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' qabel dawn l-emendi għad-Direttiva 85/337/KEE.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta' Marzu 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

M. De Boer

[1] ĠU C 130, tat-12.5.1994, p. 8 uĠU C 81, tad-19.3.1996, p. 14.

[2] ĠU C 393, tal-31.12.1994, p. 1.

[3] ĠU C 210, ta' l-14.8.1995, p. 78.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ottubru 1995 (ĠU C 287, tat-30.10.1995, p. 101), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 1996 (ĠU C 248, tas-26.8.1996, p. 75) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 1996 (ĠU C 362, tat-2.12.1996, p. 103).

[5] ĠU L 175, tal-5.7.1985, p. 40. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni (1994).

[6] ĠU L 103, tal-25.4.1979, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni (1994).

[7] ĠU L 206, tat-22.7.1992, p. 7.

[8] ĠU L 257, tal-10.10.1996, p. 26.";

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANNESS I

PROĠETTI SOĠĠETTI GĦALL-ARTIKOLU 4(1)

1. Raffineriji taż-żejt mhux maħdum (għajr l-impriżi li jiffabbrikaw biss lubrikanti miż-żejt mhux maħdum) u stallazjonijiet għall-gassifikazzjoni u l-likwefazzjoni ta' 500 tunnellata metrika kuljum jew iktar ta' faħam jew blat tafli ("shale") bituminuż.

2. - Stazzjonijiet tal-qawwa termali u stallazzjonijiet oħra ta' kombustjoni bi ħruġ ta' sħana ta' 300 megawatt jew iktar, u

- stazzjonijiet tal-qawwa nukleari u reatturi oħra nukleari inklużi l-iżmantellament jew it-twaqqif mix-xogħol/għeluq ta' dawn l-istazzjonijiet jew ta' reatturi nukleari [1] (għajr l-istallazzjonijiet tar-riċerka għall-produzzjoni u l-qlib ta' materjali fissili u fertili, li l-qawwa massima tagħhom ma taqbiżx il-kilowatt 1 ta' tagħbija kontinwa termali).

3. (a) Stallazzjonijiet għall-iproċessar mill-ġdid ta' karburant nukleari irradjat.

(b) Stallazzjonijiet intiżi:

- għall-produzzjoni jew l-arrikkament tal-karburant nukleari,

- għall-proċessar tal-karburant nukleari irradjat jew ta' skart radjoattiv ta' livell għoli,

- għar-rimi finali ta' karburant nukleari irradjat,

- għar-rimi finali ta' l-iskart radjo-attiv biss,

- għall-ħażna (ppjanata għal iktar minn 10 snin) tal-karburanti nukleari irradjati jew ta' skart radjoattiv biss f'lokazzjoni differenti mil-lokazzjoni tal-produzzjoni.

4. - Xogħlijiet integrati għat-tidwib tal-bidu tal-ħadid fondut u ta' l-azzar;

- Stallazzjonijiet għall-produzzjoni ta' metalli mhux tal-ħadid mhux maħduma minn metalli, kkonċentrati jew matżoni prima sekondarji bi proċessi metallurġiċi, kimiċi jew elettrolitiċi.

5. Stallazzjonijiet għall-estrazzjoni ta' l-asbestos u għall-ipproċessar u t-trasformazzjoni ta' l-asbestos u prodotti li jkun fihom l-asbestos: għall-prodotti tas-siment ta' l-asbestos, bi produzzjoni annwali ta' iktar minn 20000 tunnellata metrika ta' prodotti lesti, għall-materjal tal-għorik (frizzjoni), bi produzzjoni annwali ta' iktar minn 50 tunnellata metrika ta' prodotti lesti, u għal użi oħra ta' l-asbestos, b'utilizzazzjoni ta' iktar minn 200 tunnellata metrika fis-sena.

6. Stallazzjonijiet kimiċi integrati, jiġifieri dawk l-istallazzjonijiet għall-manifattura fuq skala industrijali tas-sustanzi li jużaw proċessi kimiċi, li fihom numru ta' unitajiet jiġu mqiegħda ħdejn xulxin biex jidher il-kuntrast ta' bejniethom u huma funzjonalment marbuta ma' xulxin u li huma:

(i) għall-produzzjoni ta' kimiċi bażiċi organiċi;

(ii) għall-produzzjoni ta' kimiċi bażiċi inorganiċi;

(iii) għall-produzzjoni ta' demel artifiċjali bbażat fuq il-fosfru, in-nitroġenu jew il-putassju (demel artifiċjali sempliċi jew kompost);

(iv) għall-produzzjoni ta' prodotti bażiċi għas-saħħa tal-pjanti u tal-bijoċidi;

(v) għall-produzzjoni ta' prodotti bażiċi farmaċewtiċi li jużaw proċess kimiku jew bijoloġiku;

(vi) għall-produzzjoni ta' l-isplussivi.

7. (a) Il-bini ta' linji tal-ferrovija għat-traffiku fuq distanzi twal u ta' ajruporti [2] b'tul bażiku tar- runway ta' 2100 m jew iktar;

(b) Il-bini ta' toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur ("motorways") u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa ("express") [3];

(ċ) Il-bini ta' triq ġdida ta' erba' linji ta' traffiku jew iktar, l-allinjament mill-ġdid u/jew it-twessigħ ta' triq eżistenti ta' żewġ linji tat-traffiku jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni allinjata mill-ġdid u/jew imwessgħa tat-triq tkun iktar min 10 km jew iktar ma taqta' xejn fit-tul.

8. (a) Toroq ta' l-ibħra interni u postijiet tat-traffiku bil-baħar intern li jippermettu l-passaġġ ta' bastimenti ta' 'l fuq minn 1350 tunnellata metrika;

(b) Portijiet kummerċjali, mollijiet għat-tagħbija u l-ħatt, imgħaqqda ma' l-art u l barra mill-portijiet (minbarra mollijiet tal-laneċ) li jistgħu jieħdu bastimenti ta' iktar minn 1350 tunnellata metrika.

9. Stallazzjoni tar-rimi ta' l-iskart għall-ħruq/inċinerazzjoni, it-trattament kimiku definit fl-Anness IIA mad-Direttiva 75/442/KEE [4] taħt l-intestatura D9, jew radam ("landfill") għall-iskart perikoluż (p.e. l-iskart li għalih tapplika d-Direttiva 91/689/KEE [5].

10. Stallazzjonijiet għar-rimi ta' l-iskart għall-ħruq/inċinerazzjoni jew it-trattament kimiku definit fl-Anness IIA mad-Direttiva 75/442/KEE taħt l-intestatura D9 ta' l-iskart mhux perikoluż b'kapaċità li taqbeż il-100 tunnellata metrika kuljum.

11. L-estrazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art jew skemi biex jagħtu l-enerġija mill-ġdid lill-ilma tax-xorb/ta' taħt l-art artifiċjali fejn il-volum ta' ilma estratt jew enerġizzat mill-ġdid huwa ekwivalenti għal jew jaqbeż il-10 miljun metru kubu.

12. (a) Xogħlijiet għat-trasferiment tar-risorsi ta' l-ilma bejn il-baċini tax-xmajjar fejn dan it-trasferiment jimmira li jipprevjeni nuqqasijiet possibbli ta' l-ilma u fejn l-ammont ta' ilma ttrasferit jaqbeż il-100 miljun metru kubu fis-sena;

(b) Fil-każi l-oħra kollha, ix-xogħlijiet għat-trasferiment tar-riżorsi ta' l-ilma ta' bejn il-baċini tax-xmajjar fejn il-mixi ("flow") medju fuq ħafna snin tal-baċin minn fejn l-ilma jiġi estratt jaqbeż il-2000 miljun metru kubu fis-sena u fejn l-ammont ta' l-ilma ttrasferit jaqbeż il-5 % ta' dan il-mixi.

Fiż-żewġ każi huma esklużi t-trasferimenti ta' l-ilma tax-xorb bil-pajpijiet.

13. Impjanti għat-trattament ta' l-ilma għall-iskart b'kapaċità li taqbeż l-ekwivalenti għal popolazzjoni ta' 150000 kif definit fil-punt 6 ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/271/KEE [6].

14. L-estrazzjoni tal-petrolju ("petroleum") u tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali fejn l-ammont estratt jaqbeż il-500 tunnellata metrika kuljum fil-każ tal-petrolju ("petroleum") u l-500000 m3 kuljum fil-każ tal-gass.

15. Digi u stallazzjonijiet oħra maħsuba biex iżommu lura jew jaħżnu l-ilma permanentement, fejn l-ammont ta' l-ilma ġdid jew addizzjonali miżmum lura jew maħżun jaqbeż il-10 miljuni metru kubu.

16. Linji tal-pajpijiet għat-trasport tal-gass, taż-żejt jew tal-kimiċi b'dijametru ta' iktar minn 800 mm u tul ta' iktar minn 40 km.

17. Stallazzjoni għat-tkabbir intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer b'iktar minn:

(a) 85000 post għall-kapuċċelli, 60000 post għat-tiġieġ;

(b) 3000 post għall-produzzjoni tal-ħnieżer (ta' iktar minn 30 kg); jew

(ċ) 900 post għall-majjaliet.

18. Impjanti industrijali għall-

(a) produzzjoni tal-polpa mill-injam tas-siġar jew ta' materjali fibrużi simili;

(b) produzzjoni tal-karta u tal-kartun/bordijiet b'kapaċità ta' produzzjoni li taqbeż il-200 tunnellata metrika kuljum.

19. Il-barrieri u x-xogħol fil-minjieri miftuħa fejn il-wiċċ ta' l-art jaqbeż il-25 ettaru, jew l-estrazzjoni tal-pit ("peat"), fejn il-wiċċ ta' l-art fuq il-post jaqbeż il-150 ettaru.

20. Il-bini ta' kejblijiet ta' l-elettriku fil-għoli b'voltaġġ ta' 220 kV jew iktar u tul ta' iktar minn 15-il km.

21. Stallazzjonijiet għall-ħażna tal-prodotti tal-petrolju ("petroleum"), tal-petrokimika jew tal-kimiċi b'kapaċità ta' 200000 tunnellata metrika jew iktar.

L-ANNESS II

IL-PROĠETTI SOĠĠETTI GĦALL-ARTIKOLU 4(2)

1. Il-biedja, il-kultura tal-foresti (silvikultura) u l-akkwakultura

(a) Proġetti għall-bini mill-ġdid ta' oqsma rurali;

(b) Proġetti għall-użu ta' raba' mhux ikkultivat jew ta' żoni semi-naturali bil-għan ta' biedja intensiva;

(ċ) Proġetti għall-immaniġġjar ta' l-ilma għall-biedja, inklużi t-tisqija u proġetti għat-tnixxif ta' artijiet mistgħadra;

(d) L-afforestazzjoni u d-deforestazzjoni tal-bidu bil-għan ta' qlib għal użu ieħor ta' l-art;

(e) Stallazzjonijiet għat-tkabbir b'mod intensiv ta' l-annimali ta' l-irziezet (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(f) Tkabbir tal-ħut b'mod intensiv;

(g) Riklamazzjoni ta' l-art mill-baħar.

2. L-industrija ta' l-estrazzjoni

(a) Barrieri, minjieri miftuħa u l-estrazzjoni tal-pit (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(b) Minjieri taħt l-art;

(ċ) L-estrazzjoni tal-minerali bit-taħmil mill-baħar jew mix-xmajjar;

(d) Tħaffir fil-fond bil-berrini, b'mod partikolari:

- tħaffir ġeotermiku,

- tħaffir għall-ħażna ta' materjal ta' skart nukleari,

- tħaffir għall-provvisti ta' l-ilma,

minbarra tħaffir sabiex tiġi investigata l-istabbilità tal-ħamrija;

(e) Stallazzjonijiet industrijali fuq il-wiċċ ta' l-art għall-estrazzjoni tal-faħam, tal-petrolju ("petroleum"), tal-gass naturali u tal-minerali, kif ukoll tal-blat tafli bituminuż.

3. L-industrija ta' l-enerġija

(a) Stallazzjnijiet industrijali għall-produzzjoni ta' l-elettriku, il-fwar u l-misħun (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(b) Stallazzjonijiet industrijali għall-ġarr tal-gass, il-fwar u l-misħun; it-trasmissjoni ta' l-enerġija elettrika permezz ta' kejblijiet fil-għoli (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(ċ) Il-ħażna fuq l-art tal-gass naturali;

(d) Il-ħażna taħt l-art ta' gassijiet kombustibbli;

(e) Il-ħażna fuq l-art tal-karburanti fossili;

(f) Il-bini industrijali ta' blokki/briksijiet tal-faħam u tal-linjit;

(g) Stallazzjonijiet għall-ipproċessar u l-ħażna ta' skart radjo-attiv (għajr jekk inkluż fl-Anness I);

(h) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-enerġija idro-elettrika;

(i) Stallazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni ta' l-enerġija (oqsma ta' mtieħen tar-riħ).

4. Il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-metalli

(a) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-ħadid fondut u ta' l-azzar (fużjoni primarja u sekondarja) inkluż it-tidwib kontinwu;

(b) Stallazzjonijiet għall-ipproċessar tal-metalli tal-ħadid;

(i) fabbriki tar-rumblar bis-sħana;

(ii) postijiet tax-xogħol tal-ħadid bil-mazez;

(iii) l-applikazzjoni ta' kisjiet protettivi bil-metall fużjonat;

(ċ) Funderiji tal-metalli tal-ħadid;

(d) Stallazzjonijiet għat-tidwib, inkluż l-għemil ta' l-illiġi ta' metalli mhux tal-ħadid, minbarra l-metalli prezzjużi, inklużi prodotti rkuprati (raffinazzjoni, titwib bil-forġa, eċċ.);

(e) Stallazzjonijiet għat-trattament fuq l-art tal-metalli u ta' materjali tal-plastika li jużaw proċessi kimiċi jew ta' l-elettrolisi;

(f) Il-manifattura u l-muntar ta' vetturi tal-mutur u l-manifattura tal-magni tal-vetturi tal-mutur;

(g) Tarznari;

(h) Stallazzjonijiet għall-bini u t-tiswija ta' vetturi ta' l-ajru;

(i) Il-manifattura ta' tagħmir tal-ferroviji;

(j) It-tagħwiġ tal-metall ("swaging") bl-isplussivi;

(k) Stallazzjonijiet għall-infurnar u s-sinterizzazzjoni ta' minerali metalliċi.

5. L-industrija minerarja

(a) Fran tal-kokk (distillazzjoni bin-niexef tal-faħam);

(b) Stallazzjonijiet għall-manifattura tas-siment;

(ċ) Stallazzjonijiet għall-produzzjoni ta' l-asbestos u l-manifattura ta' prodotti ta' l-asbestos (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(d) Stallazzjonijiet għall-manifattura tal-ħġieġ inkluża l-fibra tal-ħġieġ ("glass fibre");

(e) Stallazzjonijiet għat-tidwib ta' sustanzi minerali inkluża l-produzzjoni tal-fibra tal-ħġieġ;

(f) Il-manifattura ta' prodotti tal-fuħħar/ċeramika, b'mod partikolari madum tal-bjut, blokok, madum/briksijiet reżistenti għas-sħana (refrattorji), madum, xogħol tal-fuħħar u porċellana.

6. L-industrija kimika (Proġetti mhux inklużi fl-Anness I)

(a) It-trattament ta' prodotti intermedji u l-produzzjoni ta' oġġetti tal-kimika;

(b) Il-produzzjoni tal-pestiċidi u ta' prodotti farmaċewtiċi, żebgħa u verniċ, elastomeri u perossidi;

(ċ) Faċilitajiet għall-ħażna tal-petrolju ("petroleum"), ta' prodotti petrokimiċi u kimiċi.

7. L-industrija ta' l-ikel

(a) Il-manifattura ta' żjut u xaħmijiet mill-ħxejjex ta' l-ikel u mill-annimali;

(b) L-imballaġġ u t-tqegħid fil-landi ta' prodotti mill-annimli u mill-ħxejjex ta' l-ikel;

(ċ) Il-manifattura ta' prodotti tal-ħalib;

(d) Il-manifattura tal-birra u tal-maltu ("malt");

(e) Il-manifattura tal-ħelu u x-xiroppi;

(f) Stallazzjonijiet għall-qtil ta' l-annimali;

(g) Stallazzjonijiet għall-manifattura tal-lamtu artifiċjali;

(g) Fabbriki ta' l-ikel tal-ħut u taż-żejt tal-ħut;

(h) Fabbriki taz-zokkor.

8. L-industriji tat-tessuti, ta' l-injam u tal-karta

(a) Impjanti industrijali għall-produzzjoni tal-karta u l-kartun/bordijiet (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(b) Impjanti għat-trattament minn qabel (xogħlijiet bħall-ħasil, il-bliċjar, il-għoti tal-lostru lid-drappijiet (merċerizzazzjoni)) jew għall-għoti tal-kulur lill-ħjut (fibri) jew lit-tessuti;

(ċ) Impjanti għall-ikkunzar tal-ġlud;

(d) L-ipproċessar taċ-ċellulosi u stallazzjonijiet tal-produzzjoni (ta' dan).

9. L-industrija tal-lastiku

Il-manifattura u t-trattament ta' prodotti bbażati fuq l-elastomeri.

10. Proġetti ta' infrastruttura

(a) Proġetti ta' żvilupp ta' oqsma industrijali:

(b) Proġetti ta' żvilupp urban, inkluż il-bini ta' ċentri kummerċjali u ta' parkeġġi għall-karozzi;

(ċ) Il-bini ta' ferroviji u ta' faċilitajiet għat-trasbord intermodali, u ta' terminusijiet intermodali (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(d) Il-bini ta' ajrudromi (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(e) Il-bini ta' toroq, portijiet u stallazjonijiet tal-portijiet, inklużi menqiet għall-bastimenti tas-sajd (proġett mhux inklużi fl-Anness I);

(f) Il-bini ta' toroq ta' ibħra interni mhux inklużi fl-Anness I, il-bini ta' kanali u xogħlijiet għal-lqugħ ta' l-ilma mill-ħamliet;

(g) Digi u stallazzjonijiet oħra ddisinjati bil-ħsieb li jżommu l-ilma jew jaħżnuh fuq bażi fit-tul (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(h) Linji tat-tramm, ferroviji fil-għoli jew taħt l-art, linji tal-kejblijiet fil-għoli jew linji simili ta' tip partikolari, użati esklussivament jew fil-biċċa l-kbira għat-trasport tal-passiġġieri;

(i) Stallazzjonijiet ta' linji tal-pajpijiet taż-żejt u tal-gass (proġetti hux inklużi fl-Anness I);

(j) Stallazzjonijiet ta' akkwedotti fuq distanzi twal;

(k) Xogħol kostali biex jikkumbatti t-tagħwir/erożjoni u xogħlijiet marittimi kapaċi li jibdlu l-kosta permezz tal-bini ta', per eżempju, digi, mollijiet, pontijiet u xogħlijiet oħra ta' difiża kontra l-baħar, għajr il-manutenzjoni u l-bini mill-ġdid ta' xogħlijiet minn dawn;

(l) L-estrazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art u skemi biex jagħtu l-enerġija mill-ġdid artifiċjalment lill-ilma tax-xorb mhux inklużi fl-Anness I;

(m) Xogħlijiet għat-trasferiment tar-riżorsi ta' l-ilma bejn il-baċini tax-xmajjar mhux inklużi fl-Anness I.

11. Proġetti oħra

(a) Korsi permanenti tat-tiġrija tal-vetturi tal-mutur u tal-prova tagħhom;

(b) Stallazzjonijiet għar-rimi ta' l-iskart (proġetti mhux inklużi fl-Anness I);

(ċ) Impjanti għat-trattament ta' l-ilma għall-iskart (mhux inklużi fl-Anness I);

(d) Siti għad-depożitu tat-tjun;

(e) Il-ħażna tal-ħadid għall-iskart ("scrap"), inklużi l-vetturi skartati;

(f) Bankijiet tax-xogħol għall-magni, it-turbini u r-reatturi;

(g) Stallazzjonijiet għall-manifattura ta' fibri minerali artifiċjali;

(h) Stallazzjonijiet għall-irkupru jew il-qerda ta' sustanzi splussivi;

(i) Postijiet tan-negozju tal-ġebel mill-bini maħtut ("knackers" yards).

12. It-turiżmu u l-ħin liberu

(a) Toroq/korsi għall-ġiri bl-iski, seġġjoviji u funikulari u żviluppi assoċjati;

(b) Xtut u mollijiet (għad-dgħajjes, jottijiet, eċċ.);

(ċ) Villaġġi għall-vaganzi u kumplessi ta' lukandi' il barra miż-żoni urbani u l-iżviluppi assoċjati magħhom;

(d) Lokazzjonijiet permanenti għall-kampeġġ u lokazzjonijiet għall-karavanijiet ("caravans");

(e) Theme parks (Ġonna ta' divertiment mibnija dwar temi kulturali).

13. - Kull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġà aworizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista' jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent;

- Il-proġetti fl-Anness I, magħmula esklussivament jew fil-biċċa l-kbira tagħhom għall-iżvilupp u l-eżami ta' metodi jew prodotti ġodda u li ma jkunux ilhom użati għal iktar minn sentejn.

L-ANNESS III

IL-KRITERJI TA' L-GĦAŻLA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(3)

1. Karatteristiċi tal-proġetti

Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b'mod partikolari:

- id-daqs tal-proġett,

- il-kumulazzjoni ma' proġetti oħra,

- l-użu tar-riżorsi naturali,

- il-produzzjoni ta' l-iskart,

- it-tniġġis u l-irritazzjonijiet,

- ir-riskju ta' inċidenti, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari s-sustanzi u l-metodi ta' teknika użati.

2. Il-lokazzjoni tal-proġetti

Trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali ta' ż-żoni ġeografiċi li x'aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari:

- l-użu eżistenti ta' l-art,

- l-abbundanza relattiva, il-kwalità u l-ħila tar-riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali fiż-żona;

- il-kapaċità dwar kemm jixrob l-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil żoni li ġejjin:

(a) l-artijiet mistgħadra;

(b) iż-żoni kostali;

(ċ) il-firxiet ta' art muntanjuża u miksija bil-foresti;

(d) ir-riservi naturali u ġonna kbar;

(e) iż-żoni kklassifikati jew protetti skond il-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri; żoni ta' protezzjoni speċjali ddisinjati mill-Istati Membri skond id-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE;

(f) iż-żoni li fihom il-livelli stabbiliti ambjentali ta' kwalità preskritti mil-liġijiet Komunitarji jkunu diġà ġew maqbuża;

(g) iż-żoni b'densità għolja ta' popolazzjoni;

(g) il-pajsaġġi ta' sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku.

3. Il-karatteristiċi ta' l-impatt potenzjali

L-effetti sinifikanti potenzjali tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati f'relazzjoni mal-kriterji ddikjarati taħt l-1 u t-2 ta' hawn fuq, u billi jitqiesu b'mod partikolari:

- il-kobor ta' l-impatt (iż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni affettwata),

- in-natura li taqsam il-fruntieri ta' l-impatt,

- il-kobor u l-kumplessità ta' l-impatt,

- il-probabbilità ta' l-impatt,

- it-tul taż-żmien, il-frekwenza u r-riversibbilità ta' l-impatt (kemm jista' jitreġġa' lura).

L-ANNESS IV

IT-TAGĦRIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 5(1)

1. Id-deskrizzjoni tal-proġett, inklużi b'mod partikolari:

- id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi tal-proġett kollu u tal-ħtiġijiet ta' l-użu ta' l-art matul il-fażijiet tal-kostruzzjoni u tax-xogħlijiet,

- id-deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewliena tal-proċessi tal-produzzjoni, per eżempju, in-natura u l-kwalità tal-materjali użati,

- l-estimu, skond it-tip u l-kwantità, tal-fdalijiet u l-emissjonijiet mistennija (ilma, arja u ħamrija, tinġis, ħoss, vibrazzjoni, dawl, sħana, radjazzjoni, eċċ.) li jirriżultaw mix-xogħlijiet tal-proġett propost.

2. Il-punti prinċipali ("outline") ta' l-alternattivi ewliena studjati mill-iżviluppatur u indikazzjoni dwar ir-raġunijiet prinċipali għall-għażla tiegħu, filwaqt li jqis l-effetti fuq l-ambjent.

3. Id-deskrizzjoni ta' l-aspetti fl-ambjent li x'aktarx jiġu affettwati sinifikament mill-proġett propost, inklużi, b'mod partikolari, il-popolazzjoni, il-fawna, il-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-fatturi klimatiċi, il-beni materjali, inklużi l-wirt arkitettoniku u arkeoloġiku, il-pajsaġġ u l-inter-relazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija hawn fuq.

4. Id-deskrizzjoni [1] ta' l-effetti x'aktarx sinifikanti tal-proġett propost fuq l-ambjent li jirriżultaw minn:

- l-eżistenza tal-proġett,

- l-użu tar-riżorsi naturali,

- l-emissjoni ta' oġġetti ta' tniġġis, il-ħolqien ta' irritazzjonijiet u l-eliminazzjoni ta' l-iskart,

u d-deskrizzjoni mill-iżviluppatur dwar il-metodi tat-tbassir użati biex jiġu stmati l-effetti fuq l-ambjent.

5. Id-deskrizzjoni tal-miżuri previsti sabiex jipprevjenu, inaqqsu u fejn possibbli jikkontrobilanċjaw kull effett avvers sinifikanti fuq l-ambjent.

6. Sommarju mhux tekniku tat-tagħrif ipprovvdut skond l-intestaturi ta' hawn fuq.

7. Indikazzjoni ta' kull diffikultà (defiċjenzi tekniċi jew nuqqas ta' kompetenza fis-sengħa) li jiltaqa' magħha l-iżviluppatur fil-ġbir tat-tagħrif meħtieġ.

"

[1] Stazzjonijiet tal-qawwa nukleari u reatturi nukleari oħra ma jibqgħux jissejħu stallazzjonijiet minn dawn meta jkunu ġew imwarrba permanentement minn fuq il-lokazzjoni ta' l-istallazzjoni l-karburant nukleari kollu u elementi oħra kkontaminati bir-radjo-attività.

[2] Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, "ajruport" ifisser l-ajruporti li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Chigago (1944) li waqqfet l-Organizzazzjoni ta' l-Avjazzjoni Ċivili (L-Anness 14).

[3] Għall-għanijiet tad-Direttiva. 'triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa' ("express") tfisser triq li tikkonforma mad-definizzjoni fil-Ftehim Ewropew dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali tal-15 ta' Novembru 1975.

[4] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/3/KE (ĠU L 5, tas-7.1.1994, p. 15).

[5] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 20. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/31/KE (ĠU L 168, tat-2.7.1994, p. 28).

[6] ĠU L 135, tat-30.5.1991, p. 40. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni (1994).

[1] Din id-deskrizzjoni għandha tkopri l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, ta' skond qasir, medju jew fit-tul, permanenti u temporanju u negattiv tal-proġett.

--------------------------------------------------