31997D0794



Official Journal L 323 , 26/11/1997 P. 0031 - 0036


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-12 ta’ Novembru 1997

li tistabbilixxi ċerti regoli ddettaljati sabiex tiġi applikata d-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE rigward il-kontrolli veterinarji ta’ l-annimali ħajjin li jridu jiġu importati mill-pajjiżi terzi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(97/794/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq l-annimali li jidħlu fil-Komunità mill-pajjiżi terzi u li temenda Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 96/43/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 4(5), it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 5, u l-Artikoli 7(2) u 8 (B) tagħha,

Billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/424/KEE [3] tistabbilixxi ċerti regoli ddettaljati sabiex tiġi applikata d-Direttiva 91/496/KEE rigward il-kontrolli ta’ l-identità ta’ l-annimali mill-pajjiżi terzi;

Billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 92/432/KEE [4] tistabbilixxi ċerti kondizzjonijiet li taħthom tista’ ssir deroga mill-prinċipju ta’ eżami kliniku individwali ta’ l-annimali li jidħlu fil-Komunità mill-pajjiżi terzi;

Billi d-Deċiżjoni tal-Kummisssjoni 92/527/KEE [5] tistabbilixxi l-mudell għaċ-ċertifikat riferit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 91/496/KEE;

Billi huwa approprjat li jiġu stabbiliti f’att wieħed il-proċeduri komuni, inklużi dawk dokumentarji, l-identità u l-kontrolli fiżiċi, għall-annimali f’postijiet ta’ l-ispezzjoni fuq il-fruntiera Komunitarja;

Billi huwa approprjat li l-kontrolli jinkludu l-kontrolli dwar il-konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 91/628/KEE [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/29/KE [7], rigward il-protezzjoni ta’ l-annimali matul it-trasport;

Billi bil-ħsieb li jkunu jistgħu jitwettqu l-kontrolli veterinarji b’mod sodisfaċenti, huwa meħtieġ li l-annimali kollha jinħattu fuq il-post ta’ l-ispezzjon fuq il-fruntiera;

Billi l-proċedura għandha tinkludi eżami kliniku għal kull annimal mingħajr preġudizzju għad-derogi speċifikati; billi huwa approprjat li jittieħdu kampjuni proporzjonati ma’ l-annimali fil-postijiet ta’ l-ispezzjoni fuq il-fruntiera sabiex tiġi ċċekkjata l-konformità mal-ħtiġiet taċ-ċertifikat tas-saħħa;

Billi d-Deċiżjonijiet 92/424/KEE u 92/432/KEE għandhom jitħassru;

Billi l-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Il-kontrolli dokumentarji, ta’ l-identità u fiżiċi pprovduti fid-Direttiva 91/496/KEE għandhom jitwettqu skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 2

Il-kontroll dokumentarju għandu jitwettaq skond ir-regoli stabbiliti fl-Anness I.

L-Artikolu 3

1. Il-kontrolli ta’ l-identità għandhom jitwettqu fuq kull annimal f’kunsinna.

2. Bħala deroga mill-paragrafu 1, il-kontrolli ta’ l-identità għandhom jitwettqu fuq 10 % ta’ l-annimali f’kunsinna, b’minimu ta’ 10 annimali li jirrappreżentaw il-kunsinna kollha ċċekkjati kunsinna b’kunsinna, fejn il-kunsinna jkun fiha numru kbir ta’ annimali.

In-numru ta’ l-annimali eżaminati għandu jiġi miżjud u jista’ jilħaq it-totalità ta’ l-annimali interessati, jekk il-kontrolli tal-bidu mwettqa ma jkunux sodisfaċenti.

3. Bħala deroga mill-paragrafu 1, għall-annimali li għalihom ma jkunx ġie pprovdut l-għoti ta’ marka individwali skond ir-regoli Komunitarji, il-kontrolli ta’ l-identità għandhom mill-inqas jikkonsistu minn kontroll dwar l-għoti tal-marka lil numru rappreżentattiv tal-pakkeġġi u/jew il-kontenituri.

In-numru tal-pakkeġġi u/jew tal-kontenituri ċċekkjati jrid jiġi miżjud u jista’ jilħaq it-totalità tal-pakkeġġi u/jew il-kontenituri interressati, jekk il-kontrolli tal-bidu mwettqa ma jkunux sodisfaċenti.

Il-kontroll ta’ l-identità għandu jikkonsisti minn kontroll viżwali ta’ l-annimali li jkunu jinsabu f’numru rappreżentattiv tal-pakkeġġi u/jew tal-kontenituri, għall-verifika ta’ l-ispeċi tagħhom.

L-Artikolu 4

1. Il-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq il-kontroll fiżiku pprovdut fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 91/496/KEE dwar l-annimali bi-ugulati u l-ekwidi, billi jiżgura b’mod partikolari illi l-annimali kollha jitħattew fil-post ta’ l-ispezzjoni ta’ fuq il-fruntiera fil-preżenza tiegħu.

2. L-annimali għandhom ikunu bla ħsara għall-ispezzjon li jirrigwardja l-kapaċità tagħhom li jivvjaġġaw u għal eżami kliniku, li jista’ jinkludi l-ġbir tal-kampjuni. Dawn l-eżamijiet u dan il-ġbir tal-kampjuni għandhom jitwettqu skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Anness II.

3. Il-kampjuni għandhom jintbagħtu f’laboratorju approvat mill-awtorità kompetenti sabiex tiġi kkontrollata l-konformità mal-ħtiġiet taċ-ċertifikat veterinarju.

4. Għal kull annimal ikkampjunat, għandu jiġi rreġistrat it-tagħrif li ġej:

- - in-numru tar-referenza taċ-ċertifikat veterinarju u n-numru tas-serje mogħti lill-kunsinna mill-post ta’ l-ispezzjon fuq il-fruntiera,

- in-numru ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-annimal,

- it-test tal-laboratorju mitlub,

- ir-riżultat tat-test u kull azzjoni ta’ segwiment meħuda,

- l-indirizz sħiħ tad-destinazzjoni finali tal-kunsinna.

5. L-eżami kliniku riferit fil-paragrafu 2 għandu jikkonsisti f’eżami viżwali ta’ l-annimali kollha.

L-annimali maħsuba għat-tagħmir jew għall-produzzjoni għandhom ukoll ikunu bla ħsara għal eżami kliniku, kif stabbilit fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni, fuq mill-inqas 10 % ta’ l-annimali b’minimu ta’ 10 annimali, li jridu jintgħażlu hekk illi jkunu rappreżentattivi tal-kunsinna kollha. Meta l-kunsinna jkun fiha inqas minn 10 annimali, il-kontrolli jridu jitwettqu fuq kull annimal fil-kunsinna.

L-annimali maħsuba għall-qatla għandhom ukoll jiġu ssoġġettati għal eżami kliniku, kif stabbilit fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni, fuq mill-inqas 5 % ta’ l-annimali b’minimu ta’ ħames annimali, li jridu jingħażlu hekk illi jkunu rappreżentattivi tal-kunsinna kollha. Meta l-kunsinna jkun fiha inqas minn ħames annimali, il-kontrolli jridu jsiru fuq kull annimal fil-kunsinna.

In-numru ta’ l-annimali ċċekkjati jrid jiġi miżjud u jista’ jilħaq t-totalità ta’ l-annimali interessati, jekk il-kontrolli tal-bidu mwettqa ma jkunux sodisfaċenti.

6. L-Istati Membri għandhom iżommu biss il-kunsinna ta’ l-annimali fil-post ta’ l-ispezzjon ta’ fuq il-fruntiera waqt li jistennew ir-riżultati tal-kontrolli tal-laboratorju fil-każijiet ta’ suspett.

7. Ir-riżultati tal-kontrolli, flimkien mat-tagħrif riferit fil-paragrafu 4, għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni kull sitt xhur fuq il-bażi ta’ rutina jew immedjatament bil-fax kemm lill-Istati Membri tad-destinazzjoni u kemm lill-Kummissjoni fil-każ ta’ riżultati pożittivi fit-teħid tal-kampjuni jew meta ġġustifikati xorta oħra. Fil-każ ta’ riżultati pożittivi fit-teħid tal-kampjuni, iridu jintbagħtu kopji taċ-ċertifikat/i veterinarju/i malajr kemm jista’ jkun lill-Istat Membru tad-destinazzjoni u lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 5

1. L-annimali elenkati hawn taħt ma għandhomx ikunu bla ħsara għall-eżami kliniku individwali:

- it-tjur,

- l-għasafar,

- l-annimali ta’ l-akwakultura, li jinkludu l-ħut ħaj kollu,

- l-annimali li jgerrmu,

- il-lagomorfi,

- in-naħal u l-insetti l-oħra,

- ir-rettili u l-amfibji,

- l-invertebrati l-oħra,

- ċertu annimali taż-żoo u taċ-ċirku, li jinkludu l-bi-ungulati u l-ekwidi, ikkunsidrati li huma perikolużi,

- l-annimali bil-pil.

2. Għall-annimali elenkati fil-paragrafu 1, l-eżami kliniku għandu jikkonsisti minn osservazzjonijiet ta’ l-istat tas-saħħa u ta’ l-imġiba tal-grupp kollu jew ta’ numru rappreżentattiv ta’ l-annimali. In-numru ta’ l-annimali ċċekkjati għandu jiġi miżjud jekk il-kontrolli tal-bidu li jkunu saru ma jkunux sodisfaċenti. Jekk il-kontrolli msemmija hawn fuq jikxfu anomalija, għandu jitwettaq eżami iktar bir-reqqa, li jinkludi t-teħid tal-kampjuni fejn approprjat.

3. Fil-każ tal-ħut, il-krustaċeji u l-molluski ħajjin, u l-annimali ddestinati għaċ-ċentri tar-riċerka xjentifika li jkollhom stat ta’ saħħa ċċertifikat speċifikament, li jkunu jinsabu f’kontenituri ssiġġillati taħt kondizzjonijiet ikkontrollati ta’ l-ambjent, għandhom jitwettqu eżami kliniku u t-teħid tal-kampjuni biss meta jiġi kkunsidrat illi jista’ jeżisti riskju speċifiku minħabba l-ispeċi involuta jew l-oriġini tagħha, jew fejn ikun hemm irregolaritajiet oħra.

L-Artikolu 6

1. Għal kull kunsinna, il-veterinarju uffiċjali tal-post ta’ l-ispezzjon ta’ fuq il-fruntiera għandu jipprovdi lill-persuna interessata b’kopja awtentika taċ-ċertifikat/i veterinarju/i oriġinali jew dokument/i veterinarju/i oħra li jakkumpanjaw il-kunsinna, flimkien maċ-ċertifikat kif stabbilit fid-Deċiżjoni 92/527/KEE. Dawn iridu jkunu annotati bin-numru tas-serje taċ-ċertifikat mogħti lill-kunsinna mill-post ta’ l-ispezzjoni ta’ fuq il-fruntiera.

2. Il-veterinarju uffiċjali għandu jżomm iċ-ċertifikat/i veterinarju/i oriġinali jew id-dokument/i veterinarju/i oriġinali li jakkumpanjaw il-kunsinna kif ukoll kopja taċ-ċertifikat kif stabbilit fid-Deċiżjoni 92/527/KEE.

3. Għal kull kunsinna, għandu jiġi rreġistrat u jinżamm fuq il-post ta’ l-ispezzjon ta’ fuq il-fruntiera t-tagħrif li ġej:

- in-numru tas-serje taċ-ċertifikat mogħti lill-kunsinna interessata mill-post ta’ l-ispezzjon ta’ fuq il-fruntiera,

- id-data tal-wasla tal-kunsinna interessata fil-post ta’ l-ispezzjon ta’ fuq il-fruntiera,

- id-daqs tal-kunsinna,

- l-ispeċi u l-kategorija ta’ l-użu ta’ l-annimali, u l-età meta tapplika,

- in-numru tar-referenza taċ-ċertifikat,

- il-pajjiż terz ta’ l-oriġini,

- l-Istat Membru tad-destinazzjoni,

- id-deċiżjoni li tirrigwarda l-kunsinna,

- ir-referenza għat-teħid tal-kampjuni meta mwettqa.

4. Fil-każ ta’ l-ekwidi rreġistrati, kif riferit fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE [8], id-dokument ta’ l-identifikazzjoni ma għandux jinżamm, u fil-każ partikolari tad-dħul temporanju ta’ dawn l-ekwidi ċ-ċertifikat tas-saħħa oriġinali ma għandux jinżamm.

5. Fil-każ ta’ l-ekwidi għall-qatla li jkunu maħsuba li jgħaddu minn suq jew ċentru tal-ġabra, iċ-ċertifikat kif stabbilit fid-Deċiżjoni 92/527/KEE, kif ukoll kopja awtentika taċ-ċertifikat tas-saħħa oriġinali, għandhom jakkumpanjaw l-ekwidi għall-biċċerija.

6. Iċ-ċertifikati veterinarji kollha jew dokument veterinarju ieħor li jkollhom x’jaqsmu ma’ kunsinji li jkunu ġew irrifjutati fil-post ta’ l-ispezzjon ta’ fuq il-fruntiera għandhom ikunu ttimbrati fuq kull paġna bil-kelma ‘IRRIFJUTAT/I’ bl-aħmar kif stabbilit fl-Anness III.

7. Il-veterinarju uffiċjali għandu jżomm iċ-ċertifikati jew id-dokumenti veterinarji l-oħra li jakkumpanjaw il-kunsinna, il-kopja taċ-ċertifikat kif stabbilit fid-Deċiżjoni 92/527/KEE u r-reġistrazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 4 ta’ din id-Deċiżjoni u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għal mill-inqas tliet snin.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li huma japplikaw għall-kummerċ hekk li jġibuhom f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

L-Artikolu 8

Id-Deċiżjonijiet 92/424/KEE u 92/432/KEE huma hawnhekk imħassra.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 1998.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-12 ta’ Novembru 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 56.

[2] ĠU L 162, ta’ l-1.7.1996, p. 1.

[3] ĠU L 232, ta’ l-14.8.1992, p. 34.

[4] ĠU L 237, ta’ l-20.8.1992, p. 29.

[5] ĠU L 332, tat-18.11.1992, p. 22.

[6] ĠU L 340, tal-11.12.1991, p. 17.

[7] ĠU L 148, tat-30.6.1995, p. 52.

[8] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 42.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Ir-regoli ddettaljati għall-kontrolli dokumentarji fuq l-annimali ħajjin mill-pajjiżi terzi

1. Kull ċertifikat li jakkumpanja kunsinna ta’ l-annimali ħajjin li joriġinaw f’pajjiż terz irid jiġi spezzjonat sabiex jikkonferma:

(a) illi huwa ċertifikat oriġinali magħmul fl-ilsien tal-pajjiż ta’ l-oriġini u li huwa mfassal f’mill-inqas wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istati Membri tal-post ta’ l-ispezzjon ta’ fuq il-fruntiera u tad-destinazzjoni finali;

(b) illi jirreferi għal pajjiż terz jew parti minn pajjiż terz awtorizzat sabiex jesporta lejn il-Komunità;

(ċ) illi l-preżentazzjoni u l-kontenut tiegħu jikkorrispondu mal-mudell imfassal għall-annimali ħajjin u l-pajjiż terz interessat;

(d) illi jikkonsisti f’folja waħda tal-karta;

(e) illi jkun ġie mimli kollu;

(f) illi d-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat għandha x’taqsam ma’ dik tat-tagħbija ta’ l-annimali ħajjin għad-dispaċċ tagħhom lejn il-Komunità;

(g) illi huwa magħmul għal riċevitur wieħed;

(h) illi huwa ffirmat mill-veterinarju uffiċjali, jew meta approprjat mir-rappreżentant ta’ l-awtorità uffiċjali, u li juri b’mod leġibbli u b’ittri kbar, l-isem u l-pożizzjoni tiegħu, kif ukoll fejn mitlub illi t-timbru uffiċjali tal-pajjiż terz u l-firma huma f’kulur differenti minn dak ta’ l-istampa taċ-ċertifikat;

(i) illi ċ-ċertifikat mhux emendat għajr bi tħassir li jrid jiġi ffirmat u ttimbrat mill-veterinarju li jattesta.

2. L-awtorità kumpetenti trid tiċċekkja l-impenn bil-miktuba u l-pjan tar-rotta mill-fruntiera esterna għad-destinazzjoni finali meta mitluba li jiġu forniti mit-trasportatur skond id-Direttiva 91/628/KEE. L-impenn bil-miktub u l-pjan tar-rotta għandhom jitfasslu f’mill-inqas wieħed mill-ilsna uffiċjali ta’ l-Istati Membri tal-post ta’ l-ispezzjon ta’ fuq il-fruntiera u tad-destinazzjoni finali.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Il-ħtiġijiet minimi għall-ispezzjon individwali rigward il-kapaċità fiżika ta’ l-annimali sabiex jivvjaġġaw, l-eżami kliniku u proċeduri tat-teħid tal-kampjuni, ta’ annimali bi-ungulati u l-ekwidi fil-postijiet ta’ l-ispezzjon fuq il-fruntiera

I. L-ispezzjon rigward il-kapaċità fiżika ta’ l-annimali li jivvjaġġaw

B’żieda ma’ l-eżami kliniku ddettaljat hawn taħt, trid issir stima tal-kapaċità fiżika ta’ l-annimal għal iktar trasport. Din l-istima għandha tieħu f’kunsiderazzjoni t-tul tal-vjaġġ diġà magħmul, li jinkludi l-arranġamenti għall-għalf, l-ilma u s-serħan li jkunu ġew ipprovduti. Għandu jikkunsidra wkoll it-tul tal-vjaġġ li jifdal li jiġi midħul għalih inklużi l-arranġamenti proposti għall-għalf, l-ilma u s-serħan matul din il-parti tal-vjaġġ.

Iridu jiġu ċċekkjati l-mezzi ta’ trasport ta’ l-annimal għall-konformità mad-disposizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 91/628/KEE.

II. L-eżami kliniku

L-eżami kliniku għandu mill-inqas jinkludi dan li ġej:

1. eżami viżwali ta’ l-annimal, li jinkludi stima ġenerali ta’ l-istat tas-saħħa tiegħu, l-abbiltà tiegħu li jiċċaqlaq liberament, il-kondizzjoni tal-ġilda u l-mukosi tiegħu u kull xhieda ta’ skariki anormali;

2. il-monitoraġġ tas-sistemi respiratorji u alimentari;

3. il-monitoraġġ mingħajr għażla tat-temperatura tal-ġisem. Dan ma hemmx għalfejn jitwettaq fuq l-annimali meta ma jiġu mikxufa l-ebda anormalitajiet skond il-punti 1 jew 2;

4. it-taħbit tal-qalb huwa meħtieġ biss meta jkunu ġew mikxufa anormalitajiet skond il-punti 1, 2 jew 3.

III. Il-proċedura tat-teħid tal-kampjuni

It-teħid tal-kampjuni għandu jiġi midħul għalih bil-ħsieb li tiġi ċċekkjata l-konformità mal-ħtiġiet tas-saħħa stabbilita fiċ-ċertifikat veterinarju li jakkumpanja.

1. Mill-inqas 3 % tal-kunsinni għandhom ikunu bla ħsara għat-teħid tal-kampjuni għas-seroloġija fuq il-bażi ta’ kull xahar. Għandhom jiġu kkampjunati mill-inqas 10 % ta’ l-annimali tal-kunsinna, b’minimu ta’ erba’ annimali. Jekk jinstabu l-problemi, dan il-perċentwal għandu jiżdied.

2. Il-veterinarju uffiċjali jista’ wkoll jieħu kull kampjun ieħor mill-annimali f’kunsinna.

--------------------------------------------------

ANNESS III

Il-mudell tat-timbru tar-rifjut kif imniżżel fl-Artikolu 6(6):

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------