31997D0640



Official Journal L 272 , 04/10/1997 P. 0045 - 0046


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-22 ta' Settembru 1997

fuq l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità, ta' l-emenda għall-Konvenzjoni dwar il-kontroll tal-moviment bejn il-fruntieri ta' skart perikoluż u r-rimi tiegħu (Konvenzjoni ta' Basilea), kif stabbilit f'Deċiżjoni III/1 tal-Konferenza tal-Partijiet

(97/640/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 130s (1), flimkien ma' l-Artikolu 228(2), l-ewwel sentenza, u (3), l-ewwel subparagrafu tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi, b'Deċiżjoni 93/98/KEE [3], il-Komunità approvat il-Konvenzjoni fuq il-kontroll tal-moviment bejn il-fruntieri ta' skart perikoluż u r-rimi tiegħu komunement magħrufa bħala l-Konvenzjoni ta' Basilea, u saret Parti sħiħa fil-Konvenzjoni fis-7 ta' Mejju ta' l-1994;

Billi, permezz ta' Deciżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1995, il-Kummissjoni pparteċipat f'isem il-Komunità, b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta' l-Istai Membri, fin-negozjati fil-kuntest tat-tielet laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni ta' Basilea, bil-ħsieb li tiġi emendata l-Konvenzjoni skond id-Deċiżjoni II/12 tal-Konferenza tal-Partijiet; billi skond dik id-Deciżjoni l-esportazzjoni ta' skart perikoluż destinat għar-rimi finali tiegħu minn pajjiżi tal-OECD lejn pajjiżi mhux tal-OECD kellha tiġi pprojbita immedjatament u l-esportazzjoni ta' skart perikoluż destinat għall-operazzjonijiet ta' rkupru kellhom jiġu mnaqqsa u mwaqqfa sal-31 ta' Diċembru ta' l-1997 u pprojbiti minn dik id-data;

Billi, bħala riżultat ta' dawk in-negozjati, fit-22 ta' Settembru 1995 il-Konferenza tal-Partijiet adottat id-Deċiżjoni III/1, daħħlet paragrafu ta' prejambolu ġdid Nru. 7 bis, Artikolu ġdid 4A u l-Anness VII ġdid fil-Konvenzjoni; billi d-Deċiżjoni III/1 għandha l-intenzjoni li tipprojbixxi immedjatament l-esportazzjoni ta' l-iskart perikoluż destinat għar-rimi finali minn Partijiet elenkati fl-Anness VII lejn l-Istati mhux elenkati u li tnaqqas u twaqqaf sal-31 ta' Diċembru 1997 u tipprojbixxi minn dik id-data l-esportazzjoni ta' skart perikoluż destinat għall-operazzjonijiet ta' rkupru mill-Partijiet elenkati fl-Anness VII lejn Stati mhux elenkati fih;

Billi l-leġislazzjoni tal-Komunità dwar konsenji ta' skart ġiet emendata kif miftiehem bir-Regolament tal-Kunsill (KE) No 120/97 tal-20 ta' Jannar ta' l-1997 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 259/93 dwar is-sorveljanza u l-kontrol fuq konsenji ta' skart fi ħdan il-Komunità Ewropea, lejha u minnha 'l barra [4];

Billi, skond l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni, l-emenda tal-Konvenzjoni ta' Basilea hija miftuħa għar-ratifika, approvazzjoni, konferma formali jew aċċettazzjoni; billi l-emenda ser tidħol fis-seħħ bejn il-Partijiet li aċċetawha fid-90 jum wara li d-Depożitarju jirċievi l-istrumenti tar-ratifika, l-approvazzjoni, il-konferma formali jew l-aċċettazzjoni mingħand mill-anqas tliet kwarti tal-Partijiet li aċċettaw l-emenda,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-emenda tal-Konvenzjoni fuq il-kontrol tal-moviment bejn il-fruntieri ta' skart perikoluż u r-rimi tiegħu, kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru III/1 adottata mill-Konferenza tal-Partijiet fit-22 ta' Settembru 1995, hija hawn approvata f'isem il-Komunità.

It-test ta' din l-emenda huwa mehmuż ma' din id-Deċizjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa hawn awtorizzat biex jinnomina lil persuna/i bil-poter li jiddepożita, f'isem il-Komunità, l-istrument ta' l-approvazzjoni mas-Segretarju-Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda, kif provdut fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Settembru 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

F. Boden

[1] ĠU C 197, tas-27.6.1997, p. 12.

[2] Opinjoni mogħtija fis-16 ta' Settembru 1997 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 39, tas-16.2.1993, p. 1.

[4] ĠU L 22, ta' l-24.1.1997, p. 14.

--------------------------------------------------