31997D0340



Official Journal L 147 , 05/06/1997 P. 0003 - 0004


Deċiżjoni tal-kunsill

tas-26 ta' Mejju 1997

rigward l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-assistenza għar-ritorn volontarju ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

(97/340/AIĠ)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu K.3 (2) (a) tiegħu,

Billi l-Artikolu K.1 (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-Istati Membri għandhom iqisu l-politika ta' l-immigrazzjoni u l-politika dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi bħala affarijiet ta' interess komuni;

Billi l-punt 111 tal-Komunikat tal-Kummissjoni li jġib id-data tat-23 ta' Frar, 1994, dwar il-politika ta' l-immigrazzjoni u refuġju jissottometti li l-politika ta' l-Istati Membri dwar ir-ritorn volontarju ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għandha tkun approssimata;

Billi għadd ta' Stati Membri waqqfu programmi biex jagħtu appoġġ lir-ritorn volontarju ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment jew illegalment;

Billi, fil-każ ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment, il-politika ta' Stati Membri għandha jkollha bħala għan l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u billi l-assistenza għal ritorn volontarju m'għandhiex tkun interpretata bħala rifless ta' politika li tinkoraġġixxi attivament dan ir-ritorn, iżda hija maħsuba biss biex tħaffef ir-ritorn ta' dawk li ddeċidew volontarjament li jagħmlu hekk;

Billi l-assistenza għar-ritorn volontarju ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment hija skond it-tradizzjoni umanitarja Ewropea u tista' tagħti sehma biex tinstab soluzzjoni dinjituża biex jonqos l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti illegalment fl-Istati Membri; billi għandu jkun evitat li din l-assistenza jkollha inċentivi b'effetti mhux mixtieqa;

Billi din id-Deċiżjoni hi bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem ta' l-4 ta' Novembru, 1950, u l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju, 1951, dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, kif emendata bil-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar, 1967,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Skambju ta' Informazzjoni

1. Dawk l-Istati Membri li bdew jiżviluppaw programmi ta' appoġġ għar-ritorn volontarju ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn il-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom għandhom jibagħtu rapport dwarhom kull sena lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jqassam din l-informazzjoni lill-Istati Membri kollha u lill-Kummissjoni.

2. L-informazzjoni fuq dawn il-programmi nazzjonali ta' ritorn għandha, partikolarment, tiġbor fiha l-affarijiet li ġejjin:

- l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tal-programm, i.e. organizzazzjonijiet mhux governattivi u/jew internazzjonali;

- l-għan tal-programm dwar il-persuni milquta;

- ħtiġijiet oħra li persuni li jkunu ser jirritornaw għandhom josservaw biex ikunu kkunsidrati mill-programm ta' assistenza;

- kulma jkun meħtieġ li l-pajjiż ta' l-oriġini josserva taħt il-programm;

- ix-xorta ta' assistenza u kemm għandha tingħata (eż. spejjeż tal-vjaġġ tal-persuna li tirritorna u tal-familja tagħha, spejjeż tal-ġarr, ħlas għar-ripatrijazzjoni);

- stima ta' l-effetti tal-programm, magħduda l-għadd ta' benefiċjarji u x'effetti kien hemm minn inċentivi.

Artikolu 2

Analiżi

1. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni kull sena, abbozz ta' rapport dwar l-informazzjoni li tkun waslitlu skond l-Artikolu 1. Dan ir-rapport m'għandu jħalli xejn barra u għandu jkollu informazzjoni speċifika dwar kulma hemm imsemmi fl-Artikolu 1(2).

2. L-abbozz tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun eżaminat mill-Istati Membri interessati u mill-Kummissjoni u adattat skond kif ikun meħtieġ.

Artikolu 3

Kordinazzjoni

1. Skond l-abbozz tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 2(1), l-Istati Membri interessati u l-Kummissjoni għandhom, fi ħdan il-Kunsill, jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-programmi msemmija fl-Artikolu 1. Meta jagħmlu hekk, huma għandhom, partikolarment, iqabblu l-għan, il-kondizzjonijiet u l-effetti ta' dawk il-programmi bil-ħsieb li, kemm jista' jkun, dawn ikunu approssimati.

2. L-Istati Membri nteressati li għadhom ma daħħlux dawn il-programmi għandhom jeżaminaw ir-riżultati u s-siwi tagħhom.

Artikolu 4

1. Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

2. L-Istati Membri nteressati għandhom iħejju r-rapport imsemmi fl-Artikolu 1 l-ewwel darba fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta' Mejju 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Sorgdrager

--------------------------------------------------