31997D0281



Official Journal L 112 , 29/04/1997 P. 0056 - 0057


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta' April 1997

dwar ir-rwol tal-Eurostat rigward il-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja

(97/281/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u speċjalment l-Artikolu 155 tiegħu,

Billi r-Regolament (KE) Nru 322/97 tal-Kunsill tal-17 ta' Frar 1997 dwar l-istatistika Komunitarja [1] (minn issa 'l quddiem msejjaħ "ir-Regolament Bażiku") jassenja ċerti xogħolijiet u obbligi lill-awtorità tal-Komunità involuta fil-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja;

Billi l-Artikolu 2 tar-Regolament Bażiku jiddefinixxi, għall-fini ta' dan ir-Regolament, l-"awtorità tal-Komunità" bħala "id-dipartiment tal-Kummissjoni li huwa responsabbli sabiex iwettaq ix-xogħlijiet li jaqgħu fuq il-Kummissjoni rigward il-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja (Eurostat)";

Billi l-implimentazzjoni tar-Regolament Bażiku jeħtieġ iktar definizzjoni dwar ir-rwol ta' l-Eurostat rigward il-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja;

Billi l-Eurostat għandu jkun jista’ jaġixxi skond il-prinċipji ta' l-imparzjalità, il-kredibilità, ir-rilevanza, l-effettività fin-nefqa, il-kunfidenzjalità statistika u t-trasparenza;

Billi sabiex jiġu żgurati l-koerenza, il-possibilità tat-twettiq u l-konsistenza ta' l-istatistika Komunitarja, għandha tiġi affermata mill-ġdid l-importanza tal-proċeduri ta' koperazzjoni u ta' kordinazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni li jipparteċipaw fil-produzzjoni ta' dan it-tagħrif fil-livell Komunitarju;

Billi l-implimentazzjoni tar-Regolament Bażiku tirrikjiedi l-protezzjoni ta' l-informazzjoni konfidenzjali li l-awtoritajiet nazzjonali u tal-Komunità jiġbru għall-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja;

Billi l-implimentazzjoni tar-Regolament Bażiku jirrikjedi l-organizzazzjoni tad-disseminazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-mira

Il-mira ta' din id-Deciżjoni hija li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 322/97 ("ir-Regolament Bażiku") ġewwa l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari sabiex tiddefinixxi r-rwol u r-responsabiltajiet tal-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) skond l-iżvilupp tax-xogħlijiet ta' l-awtorità Komunitarja sabiex timplimenta l-istatistika Komunitarja, u tal-prinċipji kif definiti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku.

Artikolu 2

Eurostat

L-Eurostat hija l-awtorità Komunitarja li għaliha hemm referenza fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 2 tar-Regolament Bażiku.

L-Eurostat huwa servizz tal-Kummissjoni, immexxi minn Direttur-Ġenerali.

Artikolu 3

Il-prinċipji

L-Eurostat għandu jesegwixxi x-xogħolijiet tiegħu skond il-prinċipji ta' l-imparzjalità, il-fiduċja, l-effettività tal-prezz, il-konfidenzjalità statistika u t-trasparenza definiti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Bażiku.

Artikolu 4

Ix-xogħlijiet ta' l-Eurostat

Fi ħdan il-Kummissjoni, l-Eurostat, f'orkestrazzjoni mal-Kumitat tat-Tmexxija dwar it-Tagħrif Statistiku [2], huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm statistiku tal-Komunità u b'mod partikolari:

(a) sabiex jiżviluppa sett ta' normi li jippermettu statistika imparzjali, ta' fiduċja, rilevanti u effettiva għall-prezz li jridu jiġu prodotti fil-Komunità kollha.

(b) sabiex tagħmel l-istatistika Komunitarja aċċessibbli, skond il-prinċipji li jirrigwardaw id-disseminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 11 tar-Regolament Bażiku, lill-korpi tal-Komunità, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-operaturi soċjali u ekonomiċi, liċ-ċirkoli akkademiċi u lill-pubbliku ġenerali, bil-ħsieb li jiġu fformolati, implimentati, immonitorjati u evalwati l-politiki tal-Komunità.

Għal dan l-iskop l-Eurostat għandu:

(a) imexxi r-riċerka dwar il-metodoloġija u l-metodi tat-teknika ta' l-statistika u jiżviluppahom iktar;

(b) jipprepara, jiżviluppa aktar u jippromwovi l-adozzjoni tal-livelli statistiċi Komunitarji mill-Istati Membri sabiex itejbu l-komparabilità ta' l-istatistika Komunitarja kif ukoll l-effettività għall-prezz tal-produzzjoni tagħhom;

(ċ) jagħti pariri u jappoġġa l-Istati Membri fuq materji ta' l-istatistika;

(d) jiġbor tagħrif statistiku fuq il-bażi ta' informazzjoni adegwata, jindaħal għall-analiżi u jipprovdi l-ispjega teknika għalbiex jiġu evitatati l-interpretazzjonijiet jew l-analiżijiet żbaljati;

(e) jiġbor l-istatistika mingħand l-awtoritajiet statistiċi nazzjonali u mingħand is-segretarjati ta' l-organizzazzjonijiet internazzjonali l-informazzjoni meħtieġa għall-iskopijiet ta' l-istatistika Komunitarja;

(f) jirrinforza l-proċess ta' kooperazzjoni ma’ u bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-istatistika permezz ta' l-iskambju ta' l-esperti, il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet statistiċi u l-izvilupp tas-sistemi tat-taħriġ;

(g) jikkoopera ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-pajjiżi terzi sabiex jiffaċilita l-komparabilità ta' l-istatistika Komunitarja ma’ l-istatistika prodotta f'sistemi statistiċi oħra, u, fejn xieraq, jappoġġa pajjiżi terzi fit-titjib tas-sistemi tagħhom ta' l-istatistika;

(h) jgħolli l-grad tal-livell tal-għerf statistiku professjonali u tal-kapaċità tal-persunal tal-Kummissjoni li jaħdmu fil-qasam ta' l-istatistika Komunitarja.

Artikolu 5

L-awtonomija teknika

Fil-firxa tal-kompetenza tiegħu, l-Eurostat huwa responsabbli mill-għażla tat-teknika, id-definizjonijiet u l-metodoloġiji xjentifiċi l-iktar xierqa għall-kisba tal-prinċipji u l-miri stabbiliti bir-Regolament Bażiku.

Artikolu 6

Il-parteċipazzjoni tas-servizzi l-oħra tal-Kummissjoni fil-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċidi illi servizzi oħra għajr l-Eurostat għandhom jipparteċipaw fil-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja, u f'liema attivitajiet u safejn u sakemm.

Artikolu 7

Ir-responsabilitajiet għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni

Ġewwa l-Kummissjoni, l-Eurostat, assisstit mill-Kumitat tat-Tmexxija dwar it-Tagħrif Statistiku (SCSI), skond id-deċiżjoni addottata mill-Kummissjoni fit-28 ta' Frar 1990 dwar il-koordinazzjoni tax-xogħol statistiku u r-rwol ta' l-Eurostat [3] u fid-29 ta' Frar 1996 dwar it-titjib tax-xogħol statistiku fil-Kummissjoni [4]:

(a) għandu jikkoordina l-attivitajiet statistiċi kollha rigward it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam ta' l-istatistika; u

(b) għandu jassigura livell xieraq ta' kooperazzjoni mal-korpi oħra tal-Komunità.

Artikolu 8

Il-programm statistiku Komunitarju

Skond id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I u II tar-Regolament Bażiku, l-attivitajiet tas-servizzi kollha tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-istatistika Komunitarja, għandhom jiġu stabbiliti mill-programm Komunitarju dwar l-istatistika.

Artikolu 9

L-użu ta' l-informazzjoni konfidenzjali

L-informazzjoni meqjusa konfidenzjali skond l-Artikolu 13 tar-Regolament Bażiku għandha ssir aċċessibli ġewwa l-Kummissjoni, skond l-Artikolu fil-Kapitolu V tar-Regolament Bażiku, lill-uffiċjali ta' l-Eurostat biss, lill-membri oħra tal-persunal ta' l-Eurostat u lil persuni oħra naturali li jaħdmu fil-fond ta' l-Eurostat b'kuntratt, u li għandhom jintużaw biss għall-iskopijiet definiti fil-qafas tar-Regolament Bażiku.

Artikolu 10

L-aċċess għall-informazzjoni amministrattiva u l-użu ta' din l-informazzjoni

Skond l-Artikolu 16 tar-Regolament Bażiku, l-Eurostat għandu jkollu aċċess għas-sorsi kollha ta' l-informazzjoni amministrattiva f'idejn is-servizzi tal-Kummissjoni, kull fejn din l-informazzjoni tkun meħtieġa għall-produzzjoni ta' l-statistika Komunitarja.

Artikolu 11

Id-disseminazzjoni

L-Eurostat għandu jassigura illi l-istatistika Komunitarja, flimkien mal-ispjegi tekniċi meħtieġa għall-użu tagħhom, jiġu disseminati b'mod hekk illi l-aċċess għat-tagħrif statistiku Komunitarju jkun sempliċi u imparzjali fil-Komunità kollha.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' April 1997.

Għall-Kummissjoni

Yves-Thibault De Silguy

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 52, tat-22.2.1997, p. 1.

[2] Stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 1991 (SEC (91) 1793).

[3] Ara SEC (90) 337.

[4] Ara SEC (96) 253/4.

--------------------------------------------------