31997D0182



Official Journal L 076 , 18/03/1997 P. 0030 - 0031


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

ta’ l-24 ta’ Frar 1997

li temenda l-Anness li jinsab mad-Direttiva 91/629/KEE li tipprovdi standards minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġġiela

(Test b’relevanza għall-KEE)

(97/182/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/629/KEE tad-19 ta’ Novembru 1991 li tistabbilixxi n-normi minimi għall-protezzjoni ta’ l-għoġġiela [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/2/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Billi, skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/629/KEE, il-Kumitat Veterinarju Xjentifiku ta l-opinjoni tiegħu fid-9 ta’ Novembru 1995, li fuq il-bażi tagħha l-Kummissjoni ħejjiet rapport li kien tressaq quddiem il-Kunsill u l-Parlament;

Billi fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport, huwa approprjat li jiġu emendati ċerti disposizzjonijiet ta’ l-Anness li jinsab mad-Direttiva 91/629/KEE;

Billi l-għoġġiela li jinżammu ġewwa għandhom jiġu spezzjonati mis-sid jew mill-persuna responsabbli għall-annimali talanqas darbtejn kuljum u l-għoġġiela li jinżammu barra ta’ l-anqas darba kull jum;

Billi skond it-tagħrif dwar l-inċidenza tal-mard, il-funzjoni tas-sistema ta’ l-immunità u l-eżerċizzju, l-għoġġiela għandhom jingħalfu b’tali mod li l-emoglobina tad-demm tagħhom ma titbaxxiex taħt ċertu livell minimu;

Billi meta l-għoġġiela jinżammu marbuta jinħolqu l-problemi; billi għal dik ir-raġuni l-għoġġiela li jinżammu f’imqajel għalihom m’għandhomx jintrabtu u l-għoġġiela li jinżammu flimkien jistgħu jintrabtu biss għal ħin qasir waqt li jinsqew il-ħalib;

Billi l-għoġġiela għandhom jingħalfu materjal li jiffermenta, tal-kwalità addattata u bi kwantità suffiċjenti biex iżomm il-flora mikrobika ta’ l-imsaren u b’fibra biżżejjed biex jistimula l-iżvilupp tal-villi fir-rumen;

Billi b’żieda mal-ħtiġiet eżistenti għall-provvista ta’ ilma, jew likwidi oħra, l-għoġġiela li jkunu morda jew li jkunu soġġetti għall-kondizzjonijiet tat-temp sħun għandu jkollhom aċċess għall-ilma tax-xorb;

Billi biex jiġu żgurati livelli adegwati ta’ immunoglobulina fid-demm, l-għoġġiela għandhom jirċievu biżżejjed kolostrum fl-ewwel sitt sigħat tal-ħajja tagħhom u kemm jista’ jkun malajr wara li jitwieldu;

Billi l-miżuri previsti minn din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness li jinsab mad-Direttiva 91/629/KE qiegħed b’hekk jiġi emendat kif ġej:

1. Il-punt 6 qed jinbidel bit-test li ġej:

"6. L-għoġġiela li jinżammu ġewwa għandhom jiġu spezzjonati mis-sid jew mill-persuna responsabbli għall-annimali ta’ l-anqas darbtejn kull jum u l-għoġġiela li jinżammu barra ta’ l-anqas darba kull jum; Kull għoġol li jkun jidher marid jew korrut għandu jiġi kkurat kif imiss mingħajr dewmien u għandu jinkiseb il-parir veterinarju kemm jista’ jkun malajr għal kull għoġol li ma jkunx jirrispondi għall-kura ta’ dak li jkun irabbih. Fejn meħtieġ, l-għoġġiela morda jew korruti għandhom jiġu iżolati f’akkommodazzjoni adegwata b’post fejn jimteddu li jkun niexef u komdu."

2. Il-punt 7 qed jinbidel bit-test li ġej:

"7. L-akkommodazzjoni għall-għoġġiela għandha tkun mibnija b’tali mod li tkun tippermetti li kull għoġol ikun jista’ jimtedd, jistrieħ, iqum bil-wieqfa u jnaddaf lilu nnifsu mingħajr diffikultà."

3. Il-punt 8 qed jinbidel bit-test li ġej:

"8. L-għoġġiela m’għandhomx jintrabtu bl-eċċezzjoni ta’ l-għoġġiela li jinżammu fi gruppi li jistgħu jintrabtu għal perjodi ta’ mhux aktar minn siegħa waqt li jinsqew il-ħalib jew is-sostitut tal-ħalib. Meta jintuża l-irbit, dan m’għandux ikorri lill-għoġġiela u għandu jiġi spezzjonat regolarment u aġġustat skond kif meħtieġ biex jiġi żgurat li ma jkunx issikkat. Kull irbit għandu jkun magħmul biex jevita r-riskju ta’ strangolazzjoni jew korriment u jkun jippermetti li l-għoġol jiċċaqlaq skond il-punt 7."

4. Il-punt 11 qed jinbidel bit-test li ġej:

"11. L-għoġġiela kollha għandhom jiġu pprovduti b’dieta tajba li tkun addattata għall-età, il-piż u l-ħtiġiet tagħhom f’dak li huwa komportament u fiżjoloġija, biex jikbru b’saħħithom u kkurati kif imiss. Għal dan il-għan, l-ikel tagħhom għandu jkun fih ħadid biżżejjed biex jiġi żgurat li l-livell medju ta’ l-emoglobina fid-demm ikun talanqas ta’ 4,5 mmol/litru u r-razzjon minimu ta’ l-ikel fibruż ta’ kull jum għandu jiġi pprovdut għal kull għoġol li jkollu aktar minn ġimgħatejn, filwaqt li l-kwantità tiegħu tiżdied minn 50 g għall-250 g kull jum fil-każ ta’ l-għoġġiela ta’ minn tmienja sa 20 ġimgħa. L-għoġġiela m’għandux ikollhom sarima."

5. Fl-ewwel sentenza tal-punt 12, "darba" għandha tinbidel u ssir "darbtejn".

6. Fil-punt 13 għandha tiżdied din it-tieni sentenza:

"Iżda, f’kondizzjonijiet ta’ temp sħun jew fil-każ ta’ l-għoġġiela li jkunu morda, l-ilma tax-xorb għandu jkun disponibbli l-ħin kollu."

7. Punt ġdid Nru 15 għandu jiżdied kif ġej:

"15. Kull għoġol għandu jirċievi kolostrum bovin kemm jista’ jkun malajr malli jitwieled u f’kull każ fl-ewwel sitt sigħat tal-ħajja."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1998.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-24 ta’ Frar 1997.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 340, tal-11.12.1991, p. 28.

[2] ĠU L 25, tat-18.1.1997, p. 24.

--------------------------------------------------