31996R0753



Official Journal L 103 , 26/04/1996 P. 0005 - 0005


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 753/96

tat-22 ta' April 1996

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3906/89 bl-għan li jestendi l-għajnuna ekonomika lill-Bosnja u l-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi r-Regolament (KEE) Nru 3906/89 [2] jipprovdi ghall-għajnuna ekonomika biex jappoġġa l-proċess tar-riforma ekonomika u soċjali f'ċerti pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant;

Billi l-Anness għal dak ir-Regolament fih il-lista tal-pajjiżi li jistgħu jirċievu din l-għajnuna;

Billi, wara l-ftehim tal-paċi ffirmat mill-Bosnja u l-Ħerzegovina f'Pariġi nhar l-14 ta' Diċembru 1995, dak l-Istat għandu jkun magħdud mal-lista tal-pajjiżi benefiċjarji biex b'hekk ikun jista' jirċievi l-għajnuna taħt dan l-imsemmi Regolament;

Billi l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-Bosnja u l-Ħerzegovina li jiġu inklużi fost il-pajjiżi benefiċjarji issa jistgħu jiġu kkunsidrati li ntlaħqu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-pajjiż li ġej għandu jiġi magħdud mal-lista ta' l-Anness tar-Regolament (KEE) Nru 3906/89: "Il-Bosnja u l-Ħerzegovina".

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara li jkun ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-22 ta' April 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

S. Agnelli

[1] ĠU C 96, ta' l-1.4.1996.

[2] ĠU L 375, tat-23.12.1989, p. 11. Ir-Regolament kif l-aħħar li ġie emendat bir-Regolament (KE) Nru 463/96 (ĠU L 65, tal-15.3.1996, p. 3).

--------------------------------------------------