31996L0093



Official Journal L 013 , 16/01/1997 P. 0028 - 0030


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE

tas-17 ta’ Diċembru 1996

dwar ċ-ċertifikazzjoni ta’ l-annimali u tal-prodotti ta’ l-annimali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 rigward iċċekkjar veterinarju fil-kummerċ intra-komunitarju bl-iskop tal-kompletament tas-suq intern [3] u d-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 rigward iċċekkjar veterinarju u żotekniku applikabbli fil-kummerċ intra-komunitarju f’ċerti annimali ħajjin u prodotti ta’ l-annimali minħabba l-kompletament tas-suq intern [4], iqiegħed ir-responsabbiltà fuq l-Istat Membru tal-produzzjoni jew tad-dispaċċ biex jassigura li l-iċċekkjar veterinarju, u fejn applikabbli, iċ-ċertifikazzjoni, jitwettqu bil-metodu xieraq;

Billi biex jassiguraw l-iffunzjonar bla xkiel tas-suq intern f’annimali ħajjin u fi prodotti ta’ l-annimali, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jistrieħu kompletament fuq l-integrità taċ-ċertifikazzjoni fil-postijiet tal-produzzjoni u d-dispaċċ;

Billi dan l-għan ma jistax ikun milħuq mill-Istati Membri individwalment; billi għalhekk, regoli komuni għandhom ikunu adottati dwar l-obbligi ta’ l-awtoritajiet kompetenti u l-uffiċjali ċertifikanti u b’rigward lejn iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-annimali u l-prodotti ta’ l-annimali skond il-leġislazzjoni tal-Komunità;

Billi huwa xieraq li jkun assigurat li r-regoli u l-prinċipji applikati minn uffiċjali ċertifikanti minn pajjiżi barra l-Komunità jipprovdu garanziji li jkunu ta’ l-anqas ekwivalenti għal dawk stipulati f’din id-Direttiva;

Billi miżuri effettivi għandhom jittieħdu biex jevitaw ċertifikazzjoni qarrieqa jew frawdolenti,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li għandhom jiġu osservati fil-ħruġ taċ-ċertifikati meħtieġa mil-leġislazzjoni veterinarja.

Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

leġislazzjoni veterinarja’ tfisser il-leġislazzjoni elenkata fl-Anness A għad-Direttiva 89/662/KEE u l-Annessi A u B għad Direttiva 90/425/KEE;

uffiċjal ċertifikanti’ tfisser uffiċjal veterinarju jew - fil-każijiet ipprovdut għalihom fil-leġislazzjoni veterinarja - kwalunkwe persuna awtorizzata mill-awtorità kompetenti biex tiffirma ċ-ċertifikati meħtieġa minn dik il-leġislazzjoni.

2. Barra minn dan mad-definizzjonijiet fil-paragrafu 1, id-definizzjonijiet kontenuti fl-Artikolu 2 tad-Direttivi 89/662/KEE u 90/425/KEE għandhom jgħoddu mutatis mutandis.

Artikolu 3

1. L-awtorità għandha tassigura li l-uffiċjali ċertifikanti jkollhom għarfien sodisfaċenti tal-leġislazzjoni veterinarja rigward l-annimali jew il-prodotti ta’ l-annimali u, ġeneralment, jkunu informati dwar liema regoli għandhom isegwu biex jiktbu u joħorġu ċ-ċertifikati u - jekk ikun meħtieġ - dwar in-natura u l-medda ta’ l-inkjesti, testijiet jew eżamijiet li għandhom jitwettqu qabel iċ-ċertifikazzjoni.

2. L-uffiċjal ċertifikanti m’għandux jiċċertifika data dwar liema m’għandhom ebda għarfien personali jew dwar liema ma jistgħux ikunu ċerti.

3. L-uffiċjali ċertifikanti m’għandhomx jiffirmaw ċertifikati vojta jew mhux mimlijin għal kollox jew ċertifikati relatati ma’ annimali jew prodotti li ma jkunux ispezzjonaw jew li jkunu għaddew barra mill-kontroll tagħhom. Fejn ċertifikat ikun iffirmat fuq il-bażi ta’ ċertifikat jew attestazzjoni oħra, l-uffiċjali ċertifikanti għandu jkollu fil-pussess tiegħu dak id-dokument qabel ma jiffirma.

4. Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jżomm uffiċjal veterinarju milli jiċċertifika data li tkun:

(a) aċċertata fuq il-bażi tal-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu minn persuna oħra hekk awtorizzata mill-awtorità kompetenti u li taġixxi taħt il-kontroll ta’ l-uffiċjal veterinarju, sakemm huwa jew hija tkun tista’ tivverifika l-eżattezza tad-data, jew

(b) tikseb, fil-kuntest ta’ programmi ta’ monitorjar, b’riferenza għal skemi t’assigurazzjoni ta’ kwalità magħrufa jew b’mezzi ta’ sistema ta’ sorveljanza epidemjoloġika

Fejn dan huwa awtorizzat taħt leġislazzjoni veterinarja.

5. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 7.

Artikolu 4

1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw l-integrità taċ-ċertifikazzjoni. Partikolarment għandhom jassiguraw li l-uffiċjali ċertifikanti ddisinjati minnhom:

(a) ikollhom status li jassigura l-imparzjalità tagħhom u ma jkollhom ebda interess dirett fl-annimali jew il-prodotti li jkunu qed jiġu ċċertifikati jew fl-impriżi jew stabbilimenti li fihom joriġinaw;

(b) ikunu jafu sewwa s-sinifikat tal-kontenuti ta’ kull ċertifikat li huma jiffirmaw.

2. Ċertifikati għandhom jintlew ta’ l-anqas f’lingwa mifhuma mill-uffiċjal ċertifikanti u ta’ l-anqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tad-destinazzjoni kif ipprovdut għalih fil-leġislazzjoni tal-Komunità.

3. Kull awtorità kompetenti għandha tkun f’posizzjoni ma’ l-uffiċjal ċertifikanti relevanti u tassigura li kopja taċ-ċertifikati kollha maħruġa tkun disponibbli għal perjodu li għandu jkun iddeterminat minnha.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jintroduċu tali ċċekkjar u jieħdu tali miżuri ta’ kontroll kif ikun meħtieġ biex jevitaw il-ħruġ ta’ ċertifikazzjoni falza u qarrieqa u l-produzzjoni jew l-użu frawdolenti ta’ ċertifikati li suppost jinħarġu għall-iskopijiet tal-leġislazzjoni veterinarja.

2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċedimenti legali jew penalitajiet, l-awtoritajiet għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet u l-iċċekkjar u jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkastigaw kwalunwe mumenti ta’ ċertifikazzjoni falza jew qarrieqa li tinġieb għall-attenzjoni tagħhom. Tali miżuri jistgħu jinkludu s-sospensjoni temporanja ta’ l-uffiċjali ċertifikanti mid-dmirijiet tagħhom sakemm tkun għaddiet l-investigazzjoni.

Partikolarment, jekk jinstab fil-korsa ta’ l-iċċekkjar li:

(a) uffiċjal ċertifikanti jkun jaf li ħareġ ċertifikat frawdolenti, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tassigura, sa fejn hu possibbli, li l-persuna konċernata ma tkunx tista’ tirrepeti l-offiża;

(b) Individwu jew impriża għamlet użu frawdolenti ta’ jew bidlet ċertifikat uffiċjali, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tassigura, sa fejn hu possibbli, li l-individwu jew l-impriża ma jkunx/tkunx jista’/tista’ jirrepeti/tirrepeti l-offiża. Tali miżuri jistgħu jinkludu rifjut sussegwenti biex jinħareġ ċertifikat uffiċjali lill-persuna jew l-impriża konċernata.

Artikolu 6

Fil-kuntest ta’ l-ispezzjonijiet li hemm provdut għalihom mil-leġislazzjoni veterinarja tal-Komunità u l-audits li għandhom jitwettqu taħt il-ftehim ta’ ekwivalenza bejn il-Komunità u pajjiżi barra l-Komunità, il-Kummissjoni għandha tassigura lir-regoli u l-prinċipji applikati minn uffiċjali ċertifikanti ta’ pajjiżi barra l-Komunità joffru garanziji ta’ l-anqas ekwivalenti għal dawk stipulati f’din id-Direttiva.

Jekk minn dawn l-ispezzjonijiet u/jew audits jew mill-iċċekkjar provdut għalih fid-Direttivi 90/675/KEE u 91/496/KEE joħroġ li uffiċjali ċertifikanti ta’ pajjiżi barra l-Komunità ma jkunux ikkomformaw ma’ dawn il-prinċipji, garanziji addizzjonali jew kondizzjonijiet speċifiċi jistgħu jkunu deċiżi skond il-proċedura li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 7

Fejn referenza ssir għall-proċedura li hemm provdut għaliha f’dan l-Artikolu, il-Kumitat Veterinarju Attwali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 68/361/KEE [5] għandu jaġixxi skond ir-regoli stipulati fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 89/662/KEE.

Artikolu 8

Qabel il-31 ta’ Diċembru 1998 il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill, akkumpanjat bi proposti dwar l-użu possibbli ta’ metodi żguri ta’ trasmissjoni u ċertifikazzjoni elettronika.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata dwar dawk il-proposti.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 1998. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex isiru tali referenzi għandhom ikunu stabbiliti minn l-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 17 ta’ Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU C 373, tad-29. 12. 1994, p. 16.

[2] ĠU C 56, tas-6. 3. 1995, p. 165.

[3] ĠU L 395, tat-30. 12. 1989, p. 13. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE (ĠU Nru L 62, 15. 3. 1993, p. 49).

[4] ĠU L 224, tat-18. 8. 1990, p. 29. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE.

[5] ĠU L 255, tat-18. 10. 1968, p. 23.

--------------------------------------------------