31996L0082



Official Journal L 010 , 14/01/1997 P. 0013 - 0033


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE

tad-9 ta' Diċembru 1996

dwar il-kontroll ta' perikoli ta' aċċidenti kbar fl-użu ta' sustanzi perikolużi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 130s(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxi f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

(1) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 82/501/KEE tal-24 ta' Ġunju 1982 dwar il-perikoli ta' aċċidenti kbar ta' ċerti attivitajiet industrijali [4] hija kkonċernata mal-prevenzjoni ta' aċċidenti kbar li jistgħu jseħħu minn ċerti attivitajiet industrijali u mal-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent;

(2) Billi l-għanijiet u l-prinċipji tal-politika tal-Komunità dwar l-ambjent, kif stabbiliti fl-Artikoli 130r(1) u (2) tat-Trattat u ddettaljati fil-programmi ta' azzjoni tal-Komunità Ewropea dwar l-ambjent [5], jimmiraw, b'mod partikolari, għall-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-kwalità ta' l-ambjent, u għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, permezz ta' azzjoni ta' prevenzjoni;

(3) Billi l-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tagħhom li tikkonċerna r-raba' Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent [6], saħqu fuq il-bżonn għal aktar implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 82/501/KEE u sejħu biex id-Direttiva tiġi riveduta biex tinkludi, jekk hemm bżonn, twessigħ possibbli ta' l-għan tagħha u skambju akbar ta' informazzjoni dwar din il-materja bejn l-Istati Membri; billi l-ħames Programm ta' Azzjoni, li d-dħul ġenerali tiegħu kien approvat mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tagħhom ta' l-1 ta' Frar 1993 [7], jisħaq ukoll fuq immaniġġjar aħjar ta' riskji u aċċidenti;

(4) Billi, fid-dawl tad-disgrazzji ta' Bhopal u l-Belt tal-Messiku, li wrew il-periklu li jista' jiġri meta siti u djar perikolużi jkunu viċin xulxin ħafna, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 1989 sejħet biex il-Kummissjoni tinkludi fid-Direttiva 82/501/KEE dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontroll fuq l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art meta jiġu awtorizzati ininstallazzjonijiet ġodda u meta jseħħ żvilupp urban madwar installazzjonijiet eżistenti;

(5) Billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill imsemmija stiednet lill-Kummissjoni biex taħdem ma' l-Istati Membri lejn ftehim reċiproku u armonizzazzjoni akbar tal-prinċipji u prattiċi nazzjonali li jirrigwardaw rapporti ta' sigurtà;

(6) Billi huwa mixtieq li tiġi amalgamata l-esperjenza kollha li ġiet akkwistata minn mezzi differenti biex b'hekk jiġu kkontrollati perikoli li jistgħu jwasslu għal aċċidenti kbar; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-entitajiet internazzjonali rilevanti u jfittxu li jistabbilixxu miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva għall-użu f'terzi pajjiżi;

(7) Billi l-Konvenzjoni dwar l-Effetti Transkonfinanti ta' Aċċidenti Industrijali tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa tipprovdi għal miżuri dwar il-prevenzjoni ta', preparament għal u r-rispons għal aċċidenti industrijali li kapaċi jikkawżaw effetti transkonfinanti kif ukoll kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam;

(8) Billi d-Direttiva 82/501/KEE stabbiliet fażi primarja fil-proċess ta' l-armonizzazzjoni; billi d-Direttiva msemmija għandha tkun riveduta u msaħħa biex tiżgura livelli għoljin ta' protezzjoni fil-Komunità kollha b'mod konsistenti u effiċjenti; billi l-armonizzazzjoni preżenti hija ristretta għall-miżuri meħtieġa biex idaħħlu fis-seħħ sistema aktar effettiva ta' prevenzjoni minn aċċidenti kbar b'firxa wiesgħa ta' effetti u biex jillimitaw il-konsegwenzi tagħhom;

(9) Billi aċċidenti kbar jista' jkollhom konsegwenzi li jmorru lil hinn mill-konfini; billi l-kost ekonomiku u ekoloġiku ta' aċċident jinġarr mhux biss mill-istabbiliment affettwat iżda wkoll mill-Istati Membri kkonċernati; billi huwa għalhekk meħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni fil-Komunità kollha;

(10) Billi d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol;

(11) Billi l-użu ta' lista li tispeċifika ċerti installazzjonijiet waqt li fl-istess ħin teskludi oħrajn li huma kkaratterizzati b'perikoli simili ma hijiex prattika xierqa, u tista' twassal sabiex sorsi potenzjali ta' aċċidenti maġġuri ma jaqgħux taħt ir-regola; billi l-iskop tad-Direttiva 82/501/KEE għandu jinbidel biex jifformula dispożizzjonijiet li jkunu applikabbli għall-istabbilimenti kollha fejn sustanzi perikolużi jkunu preżenti fi kwantitajiet suffiċjentement kbar u li bħala konsegwenza jistgħu iwasslu għal perikoli kbar u disgrazzji;

(12) Billi, waqt li jikkunsidraw bil-mod dovut it-Trattat u f'konformità mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri xierqa għal attivitajiet marbuta mat-trasport fil-baċiri, fuq mollijiet u f'postijiet fejn titpoġġa l-merkanzija, li huma esklużi minn din id-Direttiva, biex jiġi żgurat livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak stabbilit b'din id-Direttiva;

(13) Billi t-trasferiment ta' sustanzi perikolużi permezz ta' sistemi ta' pajpijiet jista' wkoll iwassal biex ikun hemm aċċidenti kbar; billi l-Kummissjoni għandha, wara li tkun ġabret u eżaminat l-informazzjoni dwar il-mekkaniżmi eżistenti fil-Komunità użati biex jikkontrollaw dawn l-attivitajiet u s-seħħ ta' inċidenti rilevanti, tipprepara komunikazzjoni li fiha jiġi stabbilit il-każ, u l-iktar strument addattat, għal azzjoni f'din iż-żona jekk ikun meħtieġ;

(14) Billi, waqt li jikkunsidraw bil-mod dovut it-Trattat u f'konformità mal-leġislazzjoni rilevanti tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jadottaw miżuri fuq radam, li ma jkunux jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' din id-Direttiva;

(15) Billi l-analiżi ta' l-aċċidenti maġġuri rrappurtati fil-Komunità turi li l-maġġoranza tagħhom huma r-riżultat ta' nuqqas ta' immaniġġjar u/jew ta' organizzazzjoni tajba; billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti fuq livell tal-Komunità prinċipji għal sistemi ta' immaniġġjar, li għandhom ikunu addattati biex jipprevjenu u jikkontrollaw perikoli kbar u biex jillimitaw il-konsegwenzi ta' dawn;

(16) Billi xi differenzi fl-arranġamenti għall-ispezzjonar ta' l-istabbilimenti mill-awtoritajiet kompetenti jistgħu jwasslu għal livelli differenti ta' protezzjoni; billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti fuq livell tal-Komunità, il-ħtiġiet essenzjali li magħhom għandhom jikkonformaw is-sistemi dwar spezzjonar stabbiliti mill-Istati Membri;

(17) Billi, biex jintwera li kull ma huwa meħtieġ twettaq biex jipprevjeni inċidenti kbar, biex jiġu ppreparati pjani għal kull eventwalità u miżuri ta' rispons, l-operatur għandu, fil-każ li ta' stabbilimenti li fihom ikun hemm il-preżenza ta' sustanzi perikolużi fi kwantitajiet sinifikanti, jipprovdi lill-awtorità kompetenti b'informazzjoni fil-forma ta' rapport ta' sigurtà li jkun fih dettalji dwar l-istabbiliment, is-sustanzi perikolużi li jkun hemm fih, l-installazzjoni jew il-faċilitajiet ta' ħażna, il-possibilità ta' disgrazzji kbar u s-sistemi ta' immaniġġjar disponibbli, biex jipprevjenu u jnaqqsu r-riskju ta' inċidenti kbar u biex ikunu jistgħu jitwettqu l-miżuri neċessarji biex jirrestrinġu l-konsegwenzi ta' dan kollu;

(18) Billi, biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti li ma jidhrux, fejn l-istabbilimenti jkunu sitwati b'tali mod jew tant qrib xulxin li jistgħu jżidu l-probabilità u l-possiblità ta' inċidenti kbar, jew jaggravaw il-konsegwenzi tagħhom, għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-iskambju ta' informazzjoni xierqa u għal kooperazzjoni dwar informazzjoni pubblika;

(19) Billi, biex ikun hemm aktar aċċess ta' informazzjoni dwar l-ambjent, il-pubbliku għandu jkollu aċċess għar-rapporti ta' sigurtà magħmulin mill-operaturi, u persuni li x'aktarx ikunu affettwati minn xi inċident kbir għandhom jingħataw informazzjoni suffiċjenti biex jinfurmawhom dwar l-azzjoni eżatta li għandha tittieħed f'każ ta' xi eventwalità;

(20) Billi, biex ikun hemm preparamenti adatti f'każ ta' xi emerġenza, fil-każ ta' stabbilimenti fejn ikun hemm sustazi perikolużi fi kwantitajiet sinifikanti, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti pjani ta' emerġenza esterni u interni u li jinħolqu sistemi biex jiżguraw li dawk il-pjani jkunu ttestjati u riveduti kif ikun meħtieġ u implimentati fl-eventwalità ta' xi disgrazzja jew ta' xi ħaġa simili bħal din;

(21) Billi l-persunal ta' stabbiliment għandu jkun ikkonsultat fuq il-pjan ta' emerġenza interna u l-pubbliku għandu jkun mgħarraf dwar il-pjan ta' emerġenza esterna;

(22) Billi, biex ikun hemm aktar protezzjoni għal żoni residenzjali, żoni ta' użu pubbliku sostanzjali u oħrajn ta' interess jew sensittività naturali partikolari, huwa meħtieġ li l-politika dwar l-użu ta' l-art u/jew xi politika rilevanti oħra li tkun applikata fl-Istati Membri tikkunsidra l-bżonn, fuq perjodu twil ta' żmien, biex tinżamm distanza kif jixraq bejn dawn iż-żoni u l-istabbilimenti li jippreżentaw dawn il-perikoli u, fejn ikunu kkonċernati stabbilimenti eżistenti, biex jikkunsidraw miżuri tekniċi oħra biex ir-riskju għall-persuni ma jiżdiedx;

(23) Billi, biex jiġi żgurat li jittieħdu miżuri ta' rispons adekwati jekk jiġri xi inċident kbir, l-operatur għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti u jikkomunikalhom l-informazzjoni neċessarja biex jagħmlu stima ta' l-impatt ta' dak l-inċident;

(24) Billi, biex ikun hemm skambju ta' informazzjoni u biex jiġu evitati inċidenti fil-futur ta' natura simili, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar inċidenti kbar li jseħħu fit-territorju tagħhom, biex il-Kummissjoni tkun tista' tanalizza l-perikoli involuti, u tħaddem sistema għad-distribuzzjoni ta' l-informazzjoni li tikkonċerna, b'mod partikolari, inċidenti kbar u l-lezzjonijiet li wieħed ikun tgħallem minnhom; billi dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jkopri wkoll ċerti sitwazzjonijiet li l-Istati Membri jikkunsidrawhom bħala ta' interess tekniku partikolari biex jiġu evitati inċidenti kbar u jnaqqsu l-konsegwenzi tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiġu evitati inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi u l-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent, bil-ħsieb li tiżgura livelli għoljin ta' protezzjoni fil-Komunità kolha b'mod konsistenti u effettiv.

L-Artikolu 2

L-iskop

1. Id-Direttiva għandha tgħodd għal stabbilimenti fejn is-sustanzi perikolużi jkunu preżenti fi kwantitajiet ugwali għal jew fi kwantitajiet akbar minn dawk imniżżla fl-Anness I, il-Partijiet 1 u 2, il-kolonna 2, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikoli 9, 11 u 13 li għandhom jgħoddu għal kull stabbiliment fejn is-sustanzi perikolużi jkunu preżenti fi kwantitajiet ugwali għal jew fi kwantitajiet akbar minn dawk imniżżla fl-Anness I, il-Partijiet 1 u 2, il-kolonna 3.

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, il-"preżenza ta' sustanzi perikolużi" għandha tfisser il-preżenza attwali jew antiċipata ta' dawn is-sustanzi li jkun hemm fl-istabbiliment, jew il-preżenza ta' dawk li huma maħsuba li jiġu ġġenerati waqt nuqqas ta' kontroll ta' proċess kimiku industrijali, fi kwantitajiet ugwali għal jew akbar mil-limiti li jidhru fil-Partijiet 1 u 2 ta' l-Anness I.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità li jikkonċernaw l-ambjent tax-xogħol, u, b'mod partikolari, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol [8].

L-Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

1. "stabbiliment" għandu jfisser iż-żona kollha taħt il-kontroll ta' operatur fejn ikunu preżenti sustanzi perikolużi fi stabbiliment wieħed jew aktar, inklużi infrastrutturi jew attivitajiet komuni jew relatati;

2. "installazzjoni" għandha tfisser unità teknika fi ħdan stabbiliment li fiha jkunu prodotti, użati jew maħżuna sustanzi perikolużi. Dan għandu jinkludi t-tagħmir kollu, strutturi, xogħol ta' pajpijiet, makkinarju, għodod, binarji żgħar u privati tal-ferrovija, baċiri, mollijiet ta' ħatt kollha li jaqdu dawn l-installazzjoni, mollijiet li joħorġu 'l barra fil-baħar, imħażen jew strutturi simili oħra, li jżommu f'wiċċ l-ilma jew mod ieħor, meħtieġa għall-operat ta' l-installazzjoni;

3. "operatur" għandha tfisser kull individwu jew entità li jħaddem jew iżomm stabbiliment jew installazzjoni jew, jekk awtorizzat bil-leġislazzjoni nazzjonali, ikun ingħata poter ekonomiku deċisiv fit-tħaddim tekniku ta' dan;

4. "sustanza perikoluża" għandha tfisser sustanza, taħlita jew preparazzjoni mniżżla fl-Anness 1, il-Parti 1, jew dik li tissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fl-Anness 1, il-Parti 2, u li tkun preżenti bħala materja prima, prodott, prodott li joħroġ minn ieħor, residwu jew intermedju, inklużi dawk is-sustanzi li x'aktarx li jistgħu jiġu ġġenerati fl-eventwalità ta' xi inċident;

5. "aċċident kbir" għandha tfisser okkorrenza bħalma huma xi emissjoni kbira, ħruq, jew splużjoni li tiġi kkawżati minn żviluppi mhux ikkontrollati waqt l-operat ta' kwalunkwe stabbiliment kopert b'din id-Direttiva, u li jwassal għal periklu serju għas-saħħa tal-bniedem u/jew ta' l-ambjent, immedjat jew mhux, ġewwa jew barra l-istabbiliment, u li jkun jinvolvi sustanza perikoluża jew saħansitra aktar minn waħda;

6. "perikolu" għandu jfisser il-proprjetà intrinsika ta' sustanza perikoluża jew sitwazzjoni fiżika, b'potenzjal li toħloq ħsara lis-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent;

7. "riskju" għandu jfisser il-possibilità ta' effett speċifiku li jiġri f'perjodu speċifiku jew f'ċirkustanzi speċifiċi;

8. "ħażna" għandha tfisser il-preżenza ta' kwantità ta' sustanzi perikolużi għall-għanijiet ta' ħżin, ta' tpoġġija taħt kustodja tajba jew taż-żamma ta' dawn f'ħażniet.

L-Artikolu 4

Esklużjonijiet

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal dawn li ġejjin:

(a) stabbilimenti, installazzjonijiet jew faċilitajiet ta' ħażna militari;

(b) perikoli li jiġu minn radjazzjoni ta' atomi li jkollhom fihom kurrent elettriku (ionizing radiation);

(ċ) it-trasport ta' sustanzi perikolużi u l-ħażna temporanja intermedja permezz tat-triq, linji tat-tren, mogħdiji interni tal-ilma, baħar jew ajru, barra l-istabbilimenti koperti b'din id-Direttiva, inklużi t-tagħbija u l-ħatt u t-trasport lejn u minn mezzi oħra ta' trasport f'baċiri, mollijiet u postijiet fejn titpoġġa l-merkanzija;

(d) it-trasport ta' sustanzi perikolużi f'sistemi ta' pajpijiet, inklużi stazzjonijiet ta' pompi, barra l-istabbilimenti koperti b'din id-Direttiva;

(e) l-attivitajiet ta' l-industriji ta' l-estrazzjoni kkonċernati mat-tiftix għal, u l-esplojtazzjoni ta', minerali f'minjieri u barrieri jew permezz ta' boreholes;

(f) radam.

L-Artikolu 5

Obbligi ġenerali ta' l-operatur

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ikun obbligat li jieħu l-miżuri neċessarji kollha biex jipprevjeni inċidenti kbar u biex jillimita l-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ikun mitlub biex jagħti prova lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 16, minn issa 'l quddiem imsejħa "l-awtorità kompetenti", f'kull ħin, b'mod partikolari għall-għanijiet ta' l-ispezzjonijiet u l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 18, li huwa jkun ħa l-miżuri neċessarji kollha kif speċifikat f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

Dikjarazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operatur biex jibgħat dikjarazzjoni lill-awtorità kompetenti fil-limiti ta' żmien li ġejjin:

- għal stabbilimenti ġodda, perjodu raġonevoli ta' żmien qabel il-bidu tal-kostruzzjoni jew ta' l-operat,

- għal stabbilimenti eżistenti, sena mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1).

2. Id-dikjarazzjoni meħtieġa mill-paragrafu 1 għandu jkun fiha d-dettalji li ġejjin:

(a) l-isem jew l-isem tad-ditta ta' l-operatur u l-indirizz sħiħ ta' l-istabbiliment ikkonċernat;

(b) il-post ta' reġistrazzjoni tan-negozju ta' l-operatur, bl-indirizz sħiħ;

(ċ) l-isem jew il-kariga tal-persuna responsabbli mill-istabbiliment, jekk differenti minn (a);

(d) informazzjoni suffiċjenti biex jiġu identifikati s-sustanzi perikolużi jew il-kategorija tas-sustanzi involuti;

(e) il-kwantità u l-forma fiżika tas-sustanza perikoluża jew sustanzi involuti;

(f) l-attività jew l-attività proposta ta' l-istallazzjoni jew faċilità ta' ħażna;

(g) l-ambjent immedjat ta' l-istabbiliment (elementi li jistgħu jikkawżaw aċċidenti serji jew li jaggravaw il-konsegwenzi tiegħu).

3. Fil-każ ta' stabbilimenti eżistenti li għalihom l-operatur ikun diġà pprovda l-informazzjoni kollha taħt il-paragrafu 2 lill-awtorità kompetenti taħt il-ħtiġijiet tal-liġi nazzjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, id-dikjarazzjoni taħt il-paragrafu 1 ma hijiex meħtieġa.

4. F'każ ta':

- żjieda sinifikanti fil-kwantità jew bidla sinifikanti fin-natura jew forma fiżika tas-sustanza perikoluża preżenti, kif indikat fid-dikjarazzjoni pprovduta mill-operatur f'konformità mal-paragrafu 2, jew xi bidla fil-proċessi li jagħmlu użu minnha, jew

- għeluq permanenti ta' l-installazzjoni,

l-operatur għandu jinforma immedjatament lill-awtorità kompetenti dwar il-bidla fis-sitwazzjoni.

L-Artikolu 7

Politika ta' prevenzjoni minn aċċidenti serji

1. L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operatur biex ifassal dokument li fih jistabbilixxi l-politika tiegħu ta' prevenzjoni minn aċċidenti serji u jiżgura li din tkun implimentata kif suppost. Il-politika ta' prevenzjoni minn aċċidenti serji stabbilita mill-operatur għandha tkun imfassla biex tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni għall-bniedem u għall-ambjent b'mezzi, strutturi u sistemi ta' immaniġġjar xierqa.

2. Id-dokument għandu jikkunsidra l-prinċipji li hemm fl-Anness III u jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti għall-għanijiet ta', fost ħwejjeġ oħra, l-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 5(2) u 18.

3. Dan l-Artikolu ma għandux jgħodd għall-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 8

Effetti domino

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti, li tuża l-infomazzjoni li hija tirċievi mingħand l-operaturi f'konformità ma' l-Artikoli 6 u 9, tidentifika stabbilimenti jew gruppi ta' stabbilimenti fejn il-probabilità u l-possibilità jew il-kosegwenzi ta' xi aċċident serju tista' tiżdied minħabba l-pożizzjoni u l-prossimità ta' dawn l-istabbilimenti, u l-inventarji tagħhom tas-sustanzi perikolużi.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każ ta' stabbiliment identifikat b'dan il-mod:

(a) informazzjoni konvenjenti tiġi skambjata b'mod xieraq biex dawn l-istabbilimenti jikkunsidraw in-natura u l-limitu tal-perikolu ġenerali ta' xi aċċident serju fil-politika tagħhom dwar il-prevenzjoni minn aċċidenti serji, is-sistemi ta' immaniġġjar tas-sigurtà, rapporti tas-sigurtà u pjani ta' emerġenza interna;

(b) qed issir dispożizzjoni għal kooperazzjoni biex il-pubbliku jkun infurmat u biex tiġi mghoddija informazzjoni lill-awtorità komptenti għall-preparazzjoni ta' pjani ta' emerġenza esterna.

L-Artikolu 9

Rapport tas-sigurtà

1. L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operatur biex jagħmel rapport tas-sigurtà biex:

(a) juri li l-politika tiegħu ta' prevenzjoni minn aċċidenti serji u li sistema ta' immaniġġjar tas-sigurtà li timplimenta din ikunu daħlu fis-seħħ f'konformità ma' l-informazzjoni stabbilita fl-Anness III;

(b) juri li l-perikoli ta' aċċidenti serji ġew identifikati u li ttieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġu evitati inċidenti bħal dawn u biex jillimitaw il-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u l-ambjent;

(ċ) juri li s-sigurtà u r-responsabilità adegwati ġew inkorporati fid-disinn, il-kostruzzjoni, it-tħaddim u ż-żamma ta' kull installazzjoni, faċilità ta' ħażna, tagħmir u infrastruttura marbuta mat-tħaddim ta' dawn, li kollha jistgħu joħolqu b'xi mod jew ieħor perikoli ta' aċċidenti serji ġewwa l-istabbiliment;

(d) juri li l-pjani ta' emerġenza interna ġew imfassla u li jkun għadda l-informazzjoni meħtieġa biex ikun jista' jitfassal il-pjan estern biex jittieħdu l-miżuri kollha f'każ ta' xi aċċident serju;

(e) jipprovdi informazzjoni suffiċjenti lill-awtoritajiet kompetenti biex jittieħdu deċiżjonijiet f'termini tat-tqegħid ta' attivitajiet jew żviluppi ġodda qrib stabbilimenti eżistenti.

2. Ir-rapport tas-sigurtà għandu jkollu minn ta' lanqas d-data u l-informazzjoni mniżżla fl-Anness II. Għandu jkollu wkoll inventarju aġġornat tas-sustanzi perikolużi li jkun hemm fl-istabbiliment.

Rapporti tas-sigurtà, jew partijiet mir-rapporti, jew rapporti oħra ekwivalenti li jkunu ġew magħmula bħala risposta għas-sejħa ta' leġislazzjoni oħra, jistgħu jingħaqdu biex jiffurmaw rapport tas-sigurtà wieħed għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, fejn dan il-format iwarrab id-dupplikazzjoni mhux meħtieġa ta' informazzjoni u r-repetizzjoni ta' xogħol mill-operatur jew mill-awtorità kompetenti, fuq il-kondizzjoni li l-ħtiġiet kollha ta' dan l-Artikolu ikunu ġew imħarsa.

3. Ir-rapport tas-sigurtà li għalih hemm ipprovdut fil-paragrafu 1 għandu jintbagħat lill-awtorità kompetenti f'dawn il-limiti ta' żmien:

- għal stabbilimenti ġodda, perjodu raġonevoli ta' żmien qabel ma dawn jibdew jinbnew jew jitħaddmu,

- għal stabbilimenti eżistenti li ma kinux koperti minn qabel bid-Direttiva 82/501/KEE, tliet snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1),

- għal stabbilimenti oħra, sentejn mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1),

- f'każ ta' konsiderazzjonijiet perjodiċi li għalihom hemm ipprovdut fil-paragrafu 5, mingħajr dewmien.

4. Qabel ma l-operatur jibda jibni jew iħaddem, jew fil-każijiet imsemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba' inċiż tal-paragrafu 3, l-awtorita' kompetenti għandha fi żmien raġonevoli minn mindu tirċievi r-rapport:

- tikkomunika lill-operatur ir-riżultati ta' l-istħarriġ tagħha fuq ir-rapport tas-sigurtà, jekk hemm bżonn wara li din tkun għamlet talba għal aktar informazzjoni, jew

- tipprojbixxi l-użu, jew il-kontinwazzjoni ta' l-użu, ta' l-istabbiliment ikkonċernat, f'konformità mas-setgħat u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 17.

5. Ir-rapport tas-sigurtà għandu jiġi rrivedut perjodikament u fejn meħtieġ aġġornat:

- għal ta' lanqas kull ħames snin,

- f'kull żmien ieħor fuq inizjattiva ta' l-operatur jew fuq talba ta' l-awtorità komptenti, fejn ikun iġġustifikat b'fatti ġodda jew jikkunsidra għarfien tekniku ġdid dwar materji ta' sigurtà, bħal per eżempju dawk li jkunu ġejjin minn analiżi ta' xi inċidenti jew, kemm jista' jkun possibbli, minn ċerti sitwazzjonijiet, u l-iżviluppi li jikkonċernaw l-istima tal-perikoli.

6. (a) fejn jintwera għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità kompetenti li sustanzi partikolari preżenti fl-istabbiliment, jew f'xi parti minnu, ikunu fi stat li ma joħolqu l-ebda periklu ta' xi aċċident serju, l-Istat Membru jista', f'konformità mal-ħtiġiet msemmija fis-sotto-paragrafu (b), jillimita l-informazzjoni meħtieġa fir-rapporti ta' sigurtà għal dawk il-materji li huma rilevanti għall-prevenzjoni minn perikoli ta' aċċidenti serji li jibqgħu u l-limitazzjoni tal-konsegwenzi tagħhom għall-bniedem u għall-ambjent.

(b) Qabel ma din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni, li taġixxi f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 82/501/KEE, għandha tistabbilixxi kriterji armonizzati għad-deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li stabbiliment partikulari ikun fi stat li ma joħloq l-ebda periklu ta' xi aċċident serju fi ħdan it-tifsira tas-subparagrafu (a). Is-subparagrafu (a) ma għandux ikun japplika qabel ma jkunu ġew stabbiliti dawk il-kriterji.

(ċ) L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tikkomunika lista ta' l-istabbilimenti kkonċernati lill-Kummissjoni, waqt li jagħtu raġunijiet. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-listi kull sena lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 22.

L-Artikolu 10

Modifikazzjoni ta' installazzjoni, stabbiliment jew faċilità ta' ħażna

F'każ li jkun hemm modifikazzjoni f'installazzjoni, stabbiliment, faċilità ta' ħażna, jew proċessi tan-natura jew tal-kwantità ta' sustanzi perikolużi li jista' jkollhom riperkussjonijiet sinifikanti fuq perikoli ta' aċċidenti serji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur:

- jirrevedi fejn meħtieġ il-politika ta' prevenzjoni minn aċċidenti serji, u s-sistemi u l-proċeduri ta' immaniġġjar msemmija fl-Artikoli 7 u 9,

- jirrevedi fejn neċessarju, ir-rapport tas-sigurtà u jinforma lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 16 dwar id-dettalji ta' din ir-reviżjoni qabel ma jseħħu dawn il-modifiki.

L-Artikolu 11

Pjani ta' emerġenza

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-istabbilimenti kollha li għalihom japplika l-Artikolu 9:

(a) l-operatur ifassal pjan ta' emerġenza interna għall-miżuri li għandhom jittieħdu ġewwa l-istabbiliment,

- għal stabbilimenti ġodda, qabel ma dan jibda jitħaddem,

- għal stabbilimenti eżistenti li ma kinux koperti minn qabel bid-Direttiva 82/501/KEE, tliet snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1),

- għal stabbilimenti oħra, sentejn mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1);

(b) l-operatur jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti, biex dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jfasslu pjanti ta' emerġenza esterna, l-informazzjoni meħtieġa f'dawn il-limiti ta' żmien:

- għal stabbilimenti ġodda, qabel ma dawn jibdew jitħaddmu,

- għal stabbilimenti eżistenti li ma kinux koperti minn qabel bid-Direttiva 82/501/KEE, tliet snin mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1),

- għal stabbilimenti oħra, sentejn mid-data stabbilita fl-Artikolu 24(1);

(ċ) l-awtoritajiet innominati għal dak il-għan mill-Istat Membru ifasslu pjan ta' emerġenza esterna għall-miżuri li għandhom jittieħdu barra l-istabbiliment.

2. Il-pjani ta' emerġenza għandhom jiġu stabbiliti bl-għanijiet ta':

- li jkun fihom u jikkontrollaw inċidenti biex jimminimizzaw l-effetti, u biex jillimitaw il-ħsara lill-bniedem, lill-ambjent u lill-proprjetà,

- jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lill-bniedem u lill-ambjent mill-effetti ta' aċċidenti serji,

- jikkomunika l-informazzjoni neċessarja lill-pubbliku u lis-servizzi jew lill-awtoritajiet ikkonċernati fiż-żona,

- jipprovdu għar-restawr u t-tindif ta' l-ambjent wara aċċident maġġuri.

Il-pjani ta' emerġenza għandu jkollhom l-informazzjoni stabbilita fl-Anness IV.

3. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta' l-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjani interni ta' emerġenza li għalihom hemm ipprovdut f'din id-Direttiva jkunu mfassla f'konsultazzjoni mal-personal impjegat fl-istabbiliment, u li l-pubbliku jkun ikkonsultat dwar pjani ta' emerġenza esterna.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li pjani ta' emereġenza interna u esterna jkunu riveduti, ittestjati, u fejn meħtieġ riveduti u aġġornati mill-operaturi u l-awtoritajiet innominati f'intervalli konvenjenti ta' mhux aktar minn tliet snin. Ir-reviżjoni għandha tikkunsidra bidliet li jseħħu fl-istabbilimenti kkonċernati jew fi ħdan is-servizzi ta' emerġenza kkonċernati, għarfien tekniku ġdid, u għarfien li jikkonċerna r-rispons għal aċċidenti serji.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pjani ta' emerġenza jkunu fis-seħħ mingħajr dewmien mill-operatur u, jekk ikun meħtieġ, mill-awtorità kompetenti nnominata għal dan il-għan:

- meta jiġru aċċidenti serji, jew

- meta jseħħ każ mhux ikkontrollat li minħabba n-natura tiegħu jista' faċilment iwassal għal aċċident serju.

6. L-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi, waqt li tagħti raġunijiet għad-deċizjoni tagħha, minħabba l-informazzjoni li jkun hemm fir-rapport tas-sigurtà, li l-ħtieġa biex ikun hemm pjan ta' emerġenza esterna taħt il-paragrafu 1 ma tkunx tapplika.

L-Artikolu 12

Ippjanar ta' l-użu ta' l-art

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għanijiet biex ikunu evitati aċċidenti serji u li jillimitaw il-konsegwenzi ta' dawn l-inċidenti ikunu kkunsidrati fil-politika tagħhom dwar l-użu ta' l-art u/jew xi politika rilevanti oħra. Huma għandhom jissuktaw dawn l-għanijiet billi jagħmlu kontrolli fuq:

(a) il-post partikolari ta' stabbilimenti ġodda,

(b) modifiki għal stabbilimenti eżistenti koperti bl-Artikolu 10,

(ċ) żviluppi ġodda bħalma huma sistemi ta' trasport, postijiet iffrekwentati mill-pubbliku u żoni residenzjali li jkunu fil-qrib ta' stabbilimenti eżistenti, fejn il-post partikolari jew l-iżviluppi jkunu tali li jżidu r-riskju u l-konsegwenzi ta' xi aċċident serju.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-politika tagħhom dwar l-użu ta' l-art u/jew xi politika rilevanti oħra u l-proċeduri li jwasslu għall-implimentazzjoni ta' din il-politka jikkunsidraw il-bżonn, fuq medda ta' perjodu twil ta' żmien, li jżommu distanzi xierqa bejn l-istabbilimenti koperti b'din id-Direttiva u ż-żoni residenzjali, żoni ta' użu pubbliku u żoni ta' sensittività naturali jew interess partikolari, u, fil-każ ta' stabbilimenti eżistenti, tal-bżonn għal aktar miżuri tekniċi f'konformità ma' l-Artikolu 5 biex ma jiżdidux ir-riskji għan-nies.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti kollha u l-awtoritajiet ta' l-ippjanar responsabbli għal deċiżjonijiet f'din iż-żona, jistabbilixxu proċeduri ta' konsultazzjoni xierqa biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-politika stabbilita taħt il-paragrafu 1. Il-proċeduri għandhom ikunu mfassla biex jiżguraw li jkun disponibbli parir tekniku fuq ir-riskji li jiġu kkawżati mill-istabbiliment, jew fuq bażi ta' każ b'każ jew fuq bażi ġenerika, meta jittieħdu xi deċiżjonijiet.

L-Artikolu 13

Informazzjoni dwar miżuri ta' sigurtà

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-miżuri ta' sigurtà u dwar l-imġieba meħtieġa f'każ ta' xi aċċident tkun ipprovduta, mingħajr ma jkun hemm il-bżonn li dawn joqogħdu jagħmlu talba għaliha, lill-persuni li jistgħu jkunu affettwati b'xi aċċident serju li jiġi kkawżat fi stabbiliment kopert bl-Artikolu 9.

L-informazzjoni għandha tkun riveduta kull tliet snin u, fejn ikun meħtieġ, ripetuta u aġġornata, ta' lanqas jekk ikun hemm xi modifikazzjoni fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 10. Din għandha tkun disponibbli b'mod permanenti lill-pubbliku. Il-perjodu massimu bejn ir-repetizzjoni ta' l-informazzjoni lill-pubbliku ma għandhiex, fi kwalunkwe każ, tkun aktar minn ħames snin.

Din l-informazzjoni għandha jkollha, minn ta' lanqas, l-informazzjoni mniżżla fl-Anness V.

2. L-Istati Membri għandhom, fejn ikun hemm il-possibilità ta' xi aċċident serju li jħalli effetti transkonfinanti li joriġinaw minn stabbiliment taħt l-Artikolu 9, jipprovdu informazzjoni suffiċjenti lill-Istati Membri li jkunu potenzjalment milquta biex id-dispożizzjonijiet rilevanti kollha li hemm fl-Artikoli 11, 12 u dan l-Artikolu jkunu jistgħu jiġu applikati, fejn ikunu applikabbli, mill-Istat Membru affettwat.

3. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun iddeċieda li stabbiliment li jkun qrib it-territorju ta' Stat Membru ieħor ma jkunx kapaċi joħloq perikoli ta' aċċidenti serji lil hinn mill-konfini tiegħu għall-għanijiet ta' l-Artikolu 11(6) u għalhekk ma jkunx meħtieġ li dan jagħmel pjan ta' emerġenza esterna taħt l-Artikolu 11(1), dan għandu jinforma lill-Istat Membru l-ieħor dwar dan.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapport tas-sigurtà jkun disponibbli għall-pubbliku. L-operatur jista' jitlob lill-awtorità kompetenti biex ma tiżvelax lill-pubbliku ċerti partijiet mir-rapport, għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità industrijali, kummerċjali jew personali, sigurtà pubblika jew difiża nazzjonali. F'każijiet bħal dawn, fuq approvazzjoni ta' l-awtorità kompetenti, l-operatur għandu jipprovdi lill-awtorità, u jagħmel disponibbli għall-pubbliku, rapport emendat li jkun jeskludi dawn il-materji.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pubbliku jkun jista' jagħti l-opinjoni tiegħu f'dawn il-każijiet li ġejjin:

- ippjanar ta' stabbilimenti ġodda koperti bl-Artikolu 9,

- modifiki fi stabbilimenti eżistenti taħt l-Artikolu 10, fejn dawn il-modifiki jkunu soġġetti għal obbligi li għalihom hemm ipprovdut f'din id-Direttiva fejn ikun ikkonċernat l-ippjanar,

- żviluppi madwar stabbilimenti eżistenti bħal dawn.

6. Fil-każ ta' stabbilimenti soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 9, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-inventarju tas-sustanzi perikolużi li għalihom hemm ipprovdut fl-Artikolu 9(2) ikun disponibbli għall-pubbliku.

L-Artikolu 14

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-operatur wara xi aċċident serju

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, kemm jista' jkun b'mod prattiku wara aċċident serju, l-operatur ikun mitlub, waqt li juża l-iktar mezzi xierqa:

(a) jinforma lill-awtoritajiet kompetenti;

(b) jipprovdilhom l-informazzjoni segwenti hekk kif din tkun disponibbli:

- iċ-ċirkostanzi ta' l-aċċident,

- is-sustanzi perikolużi involuti,

- l-informazzjoni disponibbli biex issir stima ta' l-effetti ta' l-aċċident fuq il-bniedem u fuq l-ambjent, u

- il-miżuri ta' emerġenza meħuda;

(ċ) jinfurmahom dwar il-miżuri maħsuba biex:

- itaffu l-effetti ta' l-aċċident, kemm dawk li jkunu ta' terminu imdaqqas ta' żmien u kemm dawk li huma ta' perjodu itwal,

- jipprevjenu li aċċidenti bħal dawn jerġgħu iseħħu;

(d) jaġġorna l-informazzjoni pprovduta jekk aktar investigazzjoni turu fatti addizzjonali li jibdlu dik l-informazzjoni jew il-konklużjonijiet li kienu waslu għalihom.

2. L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-awtorità kompetenti:

(a) biex tiżgura li kull miżura għal perjodu imdaqqas jew twil ta' żmien li tkun meħtieġa tittieħed;

(b) biex tiġbor, permezz ta' spezzjonijiet, investigazzjonijiet jew mezzi oħra xierqa, l-informazzjoni meħtieġa għal analiżi sħiħa ta' l-aspetti tekniċi, ta' organizzazzjoni u maniġerjali ta' l-aċċident serju;

(ċ) li tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tiżgura li l-operatur ikun ħa l-miżuri ta' rimedju li jkunu meħtieġa; u

(d) li tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar miżuri preventivi għall-futur.

L-Artikolu 15

Informazzjoni li għandha tkun ipprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

1. Għall-għan ta' prevenzjoni minn u trażżin ta' aċċidenti serji, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni kemm jista' jkun b'mod prattiku dwar aċċidenti serji li jissodisfaw il-kriterji ta' l-Anness VI u li jkunu ġraw fil-konfini tagħhom. Huma għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'dawn id-dettalji li ġejjin:

(a) l-Istat Membru, l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità responsabbli għar-rapport;

(b) id-data, il-ħin u l-post ta' l-aċċident serju, inkluż l-isem sħiħ ta' l-operatur u l-indirizz ta' l-istabbiliment involut;

(ċ) deskrizzjoni fil-qosor dwar iċ-ċirkustanzi ta' l-aċċident, inklużi s-sustanzi perikolużi involuti, u l-effetti immedjati fuq il-bniedem u fuq l-ambjent;

(d) deskrizzjoni fil-qosor dwar il-miżuri ta' emerġenza li jkunu ttieħdu u l-prekawzjonijiet immedjati meħtieġa biex ikunu każijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.

2. L-Istati Membri għandhom, hekk kif l-informazzjoni li għaliha hemm ipprovdut fl-Artikolu 14 tkun inġabret, jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati ta' l-analiżi tagħhom u tar-rakkomandazzjonijiet billi jużaw forma ta' rapport stabbilita u miżmuma dejjem taħt eżaminazzjoni permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 22.

Ir-rappurtar ta' din l-informazzjoni mill-Istati Membri jista' jiddewwem biss biex jitlestew il-proċeduri legali fejn dan ir-rappurtar x'aktarx li jaffettwa dawk il-proċeduri.

3. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-isem u l-indirizz ta' kwalunkwe korp li jista' jkollu informazzjoni rilevanti dwar aċċidenti serji u li jkun kapaċi jagħti parir lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra li jkollhom jintervjenu f'każ ta' aċċident serju bħal dan.

L-Artikolu 16

Awtorità kompetenti

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbilitajiet ta' l-operatur, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli milli jwettqu d-dmirijiet stabbiliti f'din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, korpi biex jassistu lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fuq livell tekniku.

L-Artikolu 17

Projbizzjoni ta' użu

1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-użu, jew li jinġieb fl-użu, ta' kwalunkwe stabbiliment, installazzjoni jew faċilità ta' ħażna, jew kwalunkwe parti minn dawn fejn il-miżuri li jkunu ttieħdu mill-operatur biex jiġu evitati jew imnaqqsa r-riskji minn aċċidenti serji jkunu żbilanċjati ħafna.

L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu l-użu, jew li jinġieb fl-użu, ta' kwalunkwe stabbiliment, installazzjoni jew faċilità ta' ħażna, jew kwalunkwe parti minn dawn jekk l-operatur ma jkunx issottometta n-notifika, ir-rapporti jew l-informazzjoni oħra meħtieġa b'din id-Direttiva fiż-żmien speċifikat.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi jkunu jistgħu jappellaw kontra ordni ta' projbizzjoni li tkun ingħatat minn awtorità kompetenti taħt il-paragrafu 1 lill-korp xieraq stabbilit bil-liġi u l-proċeduri nazzjonali.

L-Artikolu 18

Spezzjonijiet

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jorganizzaw sistema ta' spezzjonijiet, jew miżuri oħra ta' kontroll addattati għat-tip ta' stabbiliment ikkonċernat. Dawk l-ispezzjonijiet jew miżuri ta' kontroll ma għandhomx ikunu dipendenti fuq l-irċevuta tar-rapport ta' sigurtà jew kwalunkwe rapport ieħor li jkun ġie sottomess. Dawn l-ispezzjonijiet jew miżuri oħra ta' kontroll għandhom ikunu suffiċjenti għal eżami ppjanat u sistematiku tas-sistemi li jkunu qed jintużaw fi stabbiliment, kemm jekk ikunu ta' natura teknika, ta' organizzazzjoni jew maniġerjali, biex jiġi żgurat b'mod speċjali:

- li l-operatur juri li huwa jkun ħa l-miżuri xierqa, f'rabta ma' l-attivitajiet varji involuti fl-istabbiliment, biex jiġu evitati aċċidenti serji;

- li l-operatur ikun jista' juri li huwa jkun ipprovda l-mezzi xierqa biex jillimitaw il-konsegwenzi ta' aċċidenti serji, fuq il-post jew lil hinn mill-post;

- li d-data jew l-informazzjoni li jkun hemm fir-rapport ta' sigurtà, jew fi kwalunkwe rapport ieħor li jkun ġie sottomess, ikunu jirriflettu l-kondizzjonijiet fl-istabbiliment;

- li l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lill-pubbliku skond l-Artikolu 13(1).

2. Is-sistemi ta' sorveljanza speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu konformi mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) għandu jkun hemm programm ta' ispezzjonijiet għall-istabbilimenti kollha. Kemm-il darba l-awtorità kompetenti tistabbilixxi programm ta' spezzjonijiet ibbażat fuq kalkolu sistematiku tal-perikoli ta' aċċidenti serji mill-istabbiliment partikolari ikkonċernat, il-programm għandu jkollu għal ta' lanqas spezzjoni waħda fuq il-post li din issir mill-awtorità kompetenti kull tnax-il xahar f'kull stabbiliment kopert bl-Artikolu 9;

(b) wara kull spezzjoni, għandu jiġi ppreparat rapport mill-awtorità kompetenti;

(ċ) fejn ikun meħtieġ, kull spezzjoni mwettqa mill-awtorità kompetenti għandha tkun segwita mill-amministrazzjoni li tmexxi l-istabbiliment, fi żmien perjodu raġonevoli wara li tkun saret l-ispezzjoni.

3. L-awtorità kompetenti tista' titlob lill-operatur biex jipprovdi aktar informazzjoni meħtieġa biex l-awtorità tkun tista' tagħmel stima sħiħa fuq il-possibilità ta' aċċident serju u tistabilixxi l-għan ta' żjieda fil-probabilità u/jew aggravar ta' aċċidenti serji, biex tippermetti l-preparazzjoni ta' pjan ta' emerġenza estern, u li tikkunsidra wkoll is-sustanzi li, minħabba n-natura fiżika tagħhom, il-kondizzjonijiet partikolari jew il-pożizzjoni, ikunu x'aktarx jeħtieġu aktar konsiderazzjoni.

L-Artikolu 19

Sistema u skambji ta' informazzjoni

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar l-esperjenzi li kellhom fuq il-prevenzjoni minn aċċidenti serji u t-trażżin tal-konsegwenzi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tikkonċerna, b'mod partikolari, it-tħaddim tal-miżuri li għalihom hemm ipprovdut f'din id-Direttiva.

2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri, reġistru u sistema ta' informazzjoni li jkun fihom, b'mod speċjali, dettalji dwar aċċidenti serji li jkunu ġraw fil-konfini ta' l-Istati Membri, għall-għan ta':

(a) ċ-ċirkulazzjoni mgħaġġla ta' l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri skond l-Artikolu 15(1) fost l-awtoritajiet kompetenti kollha;

(b) it-tqassim lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-analiżi tal-kawżi ta' aċċidenti serji u l-lezzjonijiet li dawn ikunu ħadu minnhom;

(ċ) il-proviżjoni ta' informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti dwar miżuri ta' prevenzjoni;

(d) id-dispożizzjoni ta' informazzjoni dwar organizzazzjonijiet li jistgħu jagħtu parir jew informazzjoni rilevanti dwar l-inċidenza, il-prevenzjoni u t-trażżin ta' aċċidenti serji.

Ir-reġistri u s-sistemi ta' informazzjoni għandu jkollhom minn ta' l-anqas:

(a) l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri f'konformità ma' l-Artikolu 15(1);

(b) analiżi tal-kawżi ta' l-aċċidenti;

(ċ) il-lezzjonijiet li wieħed ikun tgħallem minn dawn l-inċidenti;

(d) il-miżuri ta' prevenzjoni meħtieġa biex jiġu evitati repetizzjonijiet ta' inċidenti simili.

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, ir-reġistru u s-sistemi ta' informazzjoni għandhom ikunu disponibbli għal dipartimenti tal-gvern ta' l-Istati Membri, għaqdiet industrijali jew kummerċjali, għaqdiet trejd-unjonistiċi, organizzazzjonijet mhux governattivi fil-qasam tal-protezzjoni ta' l-ambjent u organizzazzjonijiet oħra internazzjonali jew ta' riċerka li jaħdmu f'dan il-qasam.

4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport ta' tliet snin f'konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta' Diċembru 1991 li tistandardizza u tirrazzjonalizza rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' ċertu Direttivi dwar l-ambjent [9] għal stabbilimenti koperti bl-Artikoli 6 u 9. Il-Kummissjoni għandha tippubblika taqsira ta' din l-informazzjoni kull tliet snin.

L-Artikolu 20

Kunfidenzjalità

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fl-interessi ta' trasparenza, li l-awtoritajiet kompetenti ikunu mitluba biex jagħmlu l-informazzjoni rċevuta skond din id-Direttiva disponibbli għal kull persuna naturali jew legali li jagħmel talba għaliha.

Informazzjoni miksuba mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-Kummissjoni tista', fejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jkunu jitolbu hekk, li din tibqa' kunfidenzjali jekk tkun tikkonċerna:

- il-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet ta' l-awtoritajiet kompetenti u tal-Kummissjoni,

- il-kunfidenzjalità tar-relazzjonijiet internazzjonali u d-difiża nazzjonali,

- is-sigurtà pubblika,

- il-kunfidenzjalità tal-proċeduri ta' investigazzjonijiet preliminari jew tal-proċeduri legali kurrenti,

- sigrieti kummerċjali u industrijali, inkluża proprjetà intellettwali,

- informazzjoni personali u/jew fajls,

- informazzjoni fornuta minn parti terza jekk dik il-parti tkun talbet biex din tinżamm kunfidenzjali.

2. Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi l-konklużjoni minn Stat Membru ta' ftehim ma' terzi pajjiżi dwar skambju ta' informazzjoni li għalihom tkun meqjusa bħala privata fuq livell intern.

L-Artikolu 21

Termini ta' riferenza tal-Kumitat

Il-miżuri meħtieġa biex jiġu addattati l-kriterji msemmija fl-Artikolu 9(6)(b) u l-Annessi II sa VI għall-progress tekniku biex titfassal il-forma tar-rapport msemmija fl-Artikolu 15(2), għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 22.

L-Artikolu 22

Il-Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat, abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li jista' jiġi stabbilit mill-President skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġornanza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun mitlub jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom jiġu evalwati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President ma għandux vot.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu f'konformità ma' l-opinjoni tal-kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux f'konformità ma' l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tkun ittieħdet l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, meta jiskadi l-perjodu ta' tliet xhur mid-data ta' riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 23

Revoka tad-Direttiva 82/501/KEE

1. Id-Direttiva 82/501/KEE għandha tiġi revokata 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

2. Notifiki, pjani ta' emerġenza u informazzjoni għall-pubbliku li jiġu ppreżentati jew imfassla f'konformità mad-Direttiva 82/501/KEE għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu ssostitwiti taħt id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 24

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew inkella għandhom jkunu akkumpanjati minn tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-riferenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam ikkontrollat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

L-Artikolu 26

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, id-9 ta' Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Howlin

[1] ĠU C 106, ta' l-14.4.1994, p. 4 u ĠU C 238, tat-13.9.1995, p. 4.

[2] ĠU C 295, tat-22.10.1994, p. 83.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 1995 (ĠU C 56, tas-6.3.1995, p. 80), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 1996 (ĠU C 120, ta' l-24.4.1996, p. 20) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Lulju 1996 (ĠU C 261, tad-9.9.1996, p. 24).

[4] ĠU L 230, tal-5.8.1982, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, tal-31 12.1991, p. 48).

[5] ĠU C 112, ta' l-20.12.1973, p. 1.ĠU C 139, tat-13.6.1977, p. 1.ĠU C 46, tas-17.2.1983, p. 1.ĠU C 70, tat-18.3.1987, p. 1.ĠU C 138, tas-17.5.1993, p. 1.

[6] ĠU C 328, tas-7.12.1987, p. 3.

[7] ĠU C 138, tas-17.5.1993.

[8] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[9] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.

--------------------------------------------------

Lista ta' Annessi

| | Paġna |

L-Anness I | — Applikazzjoni tad-Direttiva … | 421 |

L-Anness II | — Data u informazzjoni minimi li għandhom ikunu kkunsidrati fir-rapport ta' sigurtà speċifikat fl-Artikolu 9 … | 426 |

L-Anness III | — Il-prinċipji msemmija fl-Artikolu 7 u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 dwar is-sistema ta' immaniġġjar u l-organizzazzjoni ta' l-istabbiliment biex jiġu evitati aċċidenti serji … | 427 |

L-Anness IV | — Id-data u l-informazzjoni li għandhom ikunu inklużi fil-pjan ta' emerġenza speċifikat taħt l-Artikolu 11 … | 428 |

L-Anness V | — Informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata lill-pubbliku kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 13(1) … | 429 |

L-Anness VI | — Kriterji għan-notifika ta' aċċident lill-Kummissjoni kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 15(1) … | 430 |

--------------------------------------------------