31996L0062



Official Journal L 296 , 21/11/1996 P. 0055 - 0063


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/62/KE

tas-27 ta' Settembru 1996

dwar l-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 130s (1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li kien jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

Billi l-ħames programm ta' azzjoni ta' l-1992 dwar l-ambjent, li l-approċ ġenerali tiegħu ġie endorsjat mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tagħhom 93/C 138/01 ta' l-1 Frar 1993 [4], taħseb għal emendi fil-leġislazzjoni eżistenti dwar l-inkwinanti ta' l-arja; billi l-imsemmi programm jirrakkomanda t-twaqqif ta' għanijiet fuq medda twila dwar il-kwalità ta' l-arja.

Billi, biex jitħares l-ambjent fl-intier tiegħu u s-saħħa tal-bniedem, konċentrazzjonijiet ta' inkwinanti ta' l-arja għandhom jiġu evitati, ipprojbiti jew imnaqqsa u valuri limitu u/jew għetiebi ta' twissija għandhom jinħolqu għal-livelli ta' tniġġis ta' l-arja ċirkostanti;

Billi, biex jitqiesu l-mekkaniżmi speċifiċi tal-formazzjoni ta' l-ożonu, dawn il-valuri limiti u dawn l-għetiebi ta' twissija jistgħu jeħtieġu li jkunu komplimentati jew sostitwiti b'valuri ta' mira.

Billi l-valuri numeriċi tal-valuri limiti, il-limiti tat-twissija u, għar-rigward ta' l-ożonu, il-valuri tal-mira u/jew il-valuri limiti u l-l-limiti tat-twissija għandhom ikunu bbażati fuq ir-riżultati tax-xogħol l;i jkun sar mill-gruppi xjentifiċi internazzjonali attivi f'dan il-qasam;

Billi l-Kummissjoni għandha tagħmel studji biex tanalizza l-effetti ta' l-azzjoni magħquda tad-diversi inkwinanti jew sorsi ta' inkwinament u l-effett tal-klima fuq l-attività tad-diversi inkwinanti eżaminati fil-kuntest ta' din id-Direttiva;

Billi l-kwalità ta' l-arja ċirkostanti teħtieġ li tiġi mistħarrġa ma' valuri limiti u/jew l-għetiebi ta' twissija, u, għar-rigward ta' l-ożonu, il-valuri tal-mira u/jew il-valuri limiti waqt li jitqies id-daqs tal-popolazzjoni u l-ekosistemi esposti għat-tniġġis ta' l-arja, kif ukoll l-ambjent;

Billi, biex l-istħarriġ tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti bbażat fuq il-kejl magħmul mill-Istati Membri jkun komparabbli, il-lokalità u l-għadd ta' postijiet fejn isir it-teħid tal-kampjuni u l-metodi tar-referenza tal-qies użat għandhom jiġu speċifikati meta l-valuri jiġu kkalibrati għal-limiti ta' twissija, il-valuri limiti u l-valuri tal-mira.

Billi, biex biex wieħed jikkonċedi għall-użu ta' tekniki oħra ta' stħarriġ tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti minbarra l-qies dirett, huwa meħtieġ li jiġu ċċarati l-kriterji ta' l-użu u l-eżattezza meħtieġa ta' dawn it-tekniki;

Billi l-miżuri ġenerali stabbiliti taħt din id-Direttiva għandhom jiġu miżjuda minn oħrajn li jkunu speċifiċi għas-sostanzi individwali koperti;

Billi dawn il-miżuri speċifiċi jeħtieġ li jiġu adottati malajr kemm jista' jkun biex jintlaħqu l-għanijiet globali ta' din id-Direttiva;

Billi d-data preliminari rappreżentattivia dwar il-livelli ta' inkwinanti għandha tinġabar;

Billi, biex jitħares l-ambjent fl-intier tiegħu u s-saħħa tal-bniedem, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni meta l-valuri limiti jinqabżu biex ikun hemm konformità ma' dawn il-valuri fiż-żmien stipulat;

Billi l-miżuri meħuda mill-Istati Membri għandhom iqisu l-ħtiġiet stabbiliti mir-regolamenti rigward l-operat ta' l-istallazzjionijiet industrijali b'konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-prevenzjoni integrata u t-tnaqqis tat-tniġġis meta din il-leġislazzjoni tkun tgħodd;

Billi, minħabba li dawn l-azzjonijiet jeħtieġu ż-żmien biex jiġu implimentati u jsiru effettivi, jista' jkun hemm il-ħtieġa li jsir marġini temporanju ta' tolleranza tal-valur limiti,

Billi jistgħu jeżistu żoni fl-Istati Membri fejn il-livelli tat-tniġġis ikunu akbar mill-valuri limiti iżda fil-marġini permess tat-tolleranza; billi l-valur limitu għandu jiġi obdut fiż-żmien stipulat;

Billi l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin dwar jekk il-livell jiskorrix, jew ikunx aktarx sa jiskorri, il-valur limitu biż-żieda tal-marġini tat-tolleranza jew, kif jista' jkun il-każ, l-għatba ta'twissija, wara tniġġis qawwi li jkun ġej minn Stat Membru ieħor.

Billi l-iffissar ta' għetiebi ta' twissija li fihom miżuri ta' prekawzjoni għandhom jittieħdu jagħmilha possibli li jiġi limitat l-impatt ta' episodji ta' tniġġis fuq is-saħħa tal-bniedem;

Billi f'żoni u f'agglomerazzjonijiet fejn il-livelli ta' tniġġis ikunu taħt il-valuri limiti, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex iżommu l-aħjar kwalità ta' arja ċirkostanti kompatibbli ma' żvilupp sostenibbli;

Billi, biex jiġi faċilitat l-immaniġġar u l-ipparagunar tad-data riċevuta, data ta' din ix-xorta għandha tingħata lill-Kummissjoni f'sura standardizzata;

Billi l-implimentazzjoni ta' politika wiesa' u komprensiva għall-istima u l-immaniġġar tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti għandha tkun ibbażata fuq pedamenti tekniki u xjentifiċi sodi u fuq skambju permanenti ta' opinjonijiet bejn l-Istati Membri;

Billi huwa meħtieġ li jiġi evitat awment bla bżonn fl-ammont ta' l-informazzjoni li għandha tintbagħat mill-Istati Membri; billi l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni skond l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva hija meħtieġa għall-Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent (EEA) u għalhekk tista' tintbagħat lilha mill-Kummissjoni;

Billi l-adattament tal-kriterji u t-tekniki użati għall-istima tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti għall-progress xjentifiku u tekniku u l-arranġamenti meħtieġa biex tiġi skambjata l-informazzjoni li għandha tingħata skond din id-Direttiva jistgħu jkunu ta' min jixtieqhom; billi, biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tax-xogħol neċessarju għal dan l-iskop, għandha titwaqqaf proċedura biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan kumitat;

Billi, biex tippromwovi l-iskambju reċiproku ta' l-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-EEA, il-Kummissjoni, bl-għajnuna ta' l-EEA, għandha tippubblika rapport dwar il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti fil-Komunità ta' kull tliet snin;

Billi s-sostanzi diġà koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 80/779 (KEE) tal-15 ta' Lulju 1980 dwar il-valuri limiti u l-valuri gwida tal-kwalità ta' l-arja għad-diossidu tal-kubrit u l-partikolati ta' l-arja [5], id-Direttiva tal-Kunsill 82/844/KEE tat-3 Diċembru 1982 fuq il-valur limitu għaċ-ċomb fl-arja [6], id-Direttiva tal-Kunsill 85/203/KEE tas-7 ta' Marzu 1985 dwar l-i standards tal-kwalità ta' l-arja għad-diossidu tan-nitroġenu [7] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/72/KEE tal-21 ta' Settembru 1992 dwar it-tniġġis ta' l-arja permezz ta' l-ożonu [8] għandhom jiġu ttrattati primarjament,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għanijiet

L-iskop ġenerali ta' din id-Direttiva huwa dak li jiddefinixxi l-prinċipji bażiċi ta' strateġija komuni li:

- tiddefinixxi u twaqqaf għanijiet għall-kwalità ta' l-arja ċirkostanti fil-Komunità maħsuba biex jevitaw, jipprevenu u jnaqqsu effetti ta' ħsara għas-saħħa umana u għal-ambjent kollu kemm hu,

- jagħmlu stima tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti fuq il-bażi tal-metodi u l-kriterji komuni,

- jiksbu biżżejjed informazzjoni fuq il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti u jiżguraw li din tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku inter alia permezz ta' għetiebi

- jikkonservaw il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti meta din tkun tajba u jtejbuha f'każi oħra;

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

1. "arja ċirkostanti" għandha tfisser l-arja ta' barra fit-troposfera, minbarra fil-postijiet tax-xogħol;

2. "inkwinant" għandha tfisser kwalunkwe sustanza introdotta direttament jew indirettament mill-bniedem fl-arja ċirkostanti u li x'aktarx ikollha effetti ta' ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew fuq l-ambjent kollu kemm hu;

3. "livell" għandha tfisser il-konċentrazzjoni ta' inkwinant fl-arja ċirkostanti jew it-tqegħid tiegħu fuq superfiċji matul ċertu żmien;

4. "stima" għandha tfisser kwalunkwe metodu użat biex ikejjel, jikkalkula, ibassar jew jistma l-livell ta' inkwinant fl-arja ċirkostanti;

5. "valur limitu" għandha tfisser livell iffissat fuq bażi ta' għarfien xjentifiku, bl-iskop li jiġu evitati, prevenuti u mnaqqsa l-effetti ta'ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew fuq l-ambjent kollu kemm hu, li għandu jintlaħaq f'ċertu żmien u li m'għandux jinqabeż ġaladarba jintlaħaq;

6. "valur mira" għandha tfissetr livell iffissat bil-għan li jiġu evitati aktar effetti ta' ħsara fuq medda twila fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew fuq l-ambjent kollu kemm hu, li għandu jintlaħaq fejn ikun possibli matul ċertu żmien;

7. "għatba ta'twissija" għandha tfisser livell li lilhinn minnu jkun hemm riskju għas-saħħa tal-bniedem meta jiġi espost għalih għal żmien qasir u li għalih passi immedjati għandhom jittieħdu mill-Istati Membri kif stabbilit f'din id-Direttiva;

8. "marġini ta' tolleranza'" għandha tfisser il-perċentwal tal-valur limiti li bih dan il-valur jista jinqabeż soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva

9. "żona" għandha tfisser parti mit-territorju tagħhom delimitata mill-Istati Membri;

10. "agglomerazzjoni" għandha tfisser żona b'konċentrazzjoni ta' popolazzjoni iżjed minn 250000 abitant jew, fejn il-konċentrazzjoni tal-popolazzjoni tkun ta' 250000 abitant jew anqas, densità_ tal-popolazzjoni kull km kwadru li għall-Istati Membri tiġġustifika l-bżonn li l-kwalità ta' l-arja ċirkostanti tiġi stmata u mmaniġġata.

Artikolu 3

Implimentazzjoni u responsabbiltajiet

Għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinnominaw fil-livelli approprjati l-awtoritajiet kompetenti u l-korpi responsabbli għal:

- l-implimentazzjoni tad-Direttiva,

- l-istima tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti,

- l-approvazzjoni ta' l-apparati tal-kejl (metodi, tagħmir, sistemi, laboratorji),

- l-assigurazzjoni fl-eżattezza tal-kejl perrmezz ta' apparati tat-tikjil u l-verifika li l-eżattezza ta' dawk l-apparati qed tinżamm, b'mod partikolari permezz ta' kontrolli interni fuq il-kwalità li jsiru b'konformità, inter alia, mal-ħtiġiet ta' l-i standards Ewropej dwar l-assigurazzjoni fil-kwalità

- l-analiżi ta' metodi ta' stima,

- il-koordinazzjoni fit-territorju tagħhom ta' programmi li jsiru fil-Komunità kollha rigward l-assigurazzjoni tal-kwalità organizzati mill-Kummissjoni.

Meta jagħtuha lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom ipoġġu l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subpaagrafu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku

Artikolu 4

L-iffissar tal-valuri limiti u ta' l-għetiebi tat-twissija għall-arja ċirkostanti

1. Għal dawk l-inkwinanti elenkati fl-Annness I, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Kunsill proposti għall-iffisar tal-valuri limiti u, kif approprjat, l-għetiebi tat-twissija skond din is-sekwenza:

- mhux aktar tard mill-31 Diċembru 1996 għal inkwinanti mill-1 sa 5,

- b'konformità ma'l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/72/KEE għall -ożonu,

- mhux aktar tard mill-31 Diċembru 1997 għall-inkwinanti 7 u 8,

- mill-aktar fis, u mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1999, għall-inkwinanti minn 9 sa 13.

Fl-iffissar tal-valuri limiti u, kif approprjat, fl-għetiebi ta' twissija, għandhom jitqiesu, bħala eżempju, il-fatturi stabbiliti fl-Anness II.

Fil-każ ta' l-ożonu, dawn il-proposti għandhom iqisu l-mekkaniżmi tal-formazzjon speċifika ta' dan l-inkwinant u, għ al dan l-iskop, jistgħu isiru dispożizzjonijiet għall-valuri mira u/jew għall-valuri limiti.

Jekk valur mira ffissat għall-ożonu jinqabeż, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex jintlaħaq dak il-valur Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni l-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri addizzjonali jkunux meħtieġa f'livell Komunitarju u, jekk il-bżonn jinħass, din għandha tressaq proposti lill-Kunsill.

Għal inkwinanti oħra, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Kunsill proposti għall-iffissar tal-valuri limiti u, kif approprjat, l-għetiebi tat-twissija jekk, fuq il-bażi tal-progress xjentifiku u waqt li jitqiesu l-kriterji stabbiliti fl-Anness III, ikun jidher meħtieġ li jiġu evitati, prevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta' ħsara ta' inkwinianti bħal dawn fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew fuq l-ambjent kollu kemm hu fil-Komunità.

2. Il-Kummissjoni sa tkun responsabbli, waqt li tqis id-data tar-riċerka xjentifika l-aktar reċenti fl-oqsma epidemioloġiċi u ambjentali konċernati u l-avvanzi l-aktar reċenti fil-metroloġija biex jiġu eżaminati mill-ġdid l-elementi li fuqhom il-valuri limiti u l-għetiebi tat-twissija msemmija fil-pararagrafu 1 jkunu bbażati.

3. Meta l-valuri limiti u l-għetiebi ta' twissija jiġu ffissati, sa jiġu stabbiliti kriterji u tekniki għal:

(a) il-kejl li għandu jintuża għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni msemmija fil-paragrafu 1:

- fejn jitqiegħdu l-punti għat-teħid tal-kampjuni,,

- l-għadd minimu ta' punti tat-teħid tal-kampjuni,

- il-kejl tar-referenzi u t-tekniki tat-teħid tal-kampjuni;

(b) l-użu ta' tekniki oħra biex issir stima tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti, partikolarment l-immudellar:

- ir-riżoluzzjoni ta' l-ispazju għall-immodellar u l-metodi ta' stima oġġettiva,

- it-tekniki ta' l-immodellar għar-referenzi.

Dawn il-kriterji u t-tekniki għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward ta' kull inkwinant skond il-qies ta' l-agglomerazzjonijiet jew tal-livelli ta' l-inkwinanti fiż-żoni eżaminati.

4. Biex jitqiesu l-livelli attwali ta' ċertu inkwinant meta jkunu jiġu ssettjati l-valuri limiti u ż-żmien meħtieġ biex jiġu implimentati l-miżuri għat-titjib tal-kwalita ta' l-arja ċirkostanti, il-Kunsill jista' wkoll jissettja marġini temporanju ta' tolleranza għal-valur limiti.

Dan il-marġini għandu jitnaqqas skond il-proċeduri li għandhom jiġu definiti għal kull inkwinant biex jintlaħaq il-livell tal-valur limitu mhux aktar tard mit-tmiem tal-perjodu li għandu jiġi stabbilit għal kull inkwinant meta l-valur jiġi ssettjat.

5. B'konformità mat-Trattat, il-Kunsill għandu jadotta l-leġislazzjoni prevista fil-paragrafu 1 u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4.

6. Meta Stat Membru jagħmel miżuri aktar iebsa minn dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni dwarhom.

7. Meta Stat Membru jkollu l-ħsieb li jistabbilixxi valuri limitu jew għetiebi tat-twissija għal inkwinanti mhux imsemmija fl-Anness I u mhux koperti mid-dispożizzjonijiet Komunitarji rigward il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti fil-Komunità, dan għandu jinforma l-Kumissjoni dwarhom kmieni kemm jista' jkun. Il-Kummissjoni għandha tkun obbligatatforni, kmieni kemm jista jkun, risposta għad-domanda dwar il-ħtieġa li wieħed jaġixxi f'livell Komunitarju skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 5

Stima preliminari ta' l-arja ċirkostanti

L-Istati Membri li m'għandhomx qisien rappreżentattivi tal-livelli ta' l-inkwinanti għaż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha għandhom jidħlu għal sensiliet ta' qisien, stħarriġ jew stimi rappreżentattivi biex id-data tkun disponibbli fil-waqt għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1),

Artikolu 6

Stima tal-kwalità ta' l-arja ċirkostanti

1. Darba l-valuri limiti u l-għetiebi ta' twissija jkunu ġew issettjati, il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti għandha tiġi stmata fit-territorju kollu ta' l-Istati Membri, b'konformità ma'dan l-Artikolu.

2. B'konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 4(3), u fir-rigward ta' l-inkwinanti relevanti taħt l-Artikolu 4(3), il-kejl huwa mandatorju fiż-żoni l ġejjin:

- agglomerazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 2 (10),

- żoni li fihom il-livelli jkunu bejn il-valuri limiti u l-livelli previsti fil-paragrafu 3, u

- żoni oħra fejn il-livelli jiskorru l-valuri limiti.

Il-miżuri previsti jistgħu jiġu supplimentati minn tekniki ta' l-immodellar biex jipprovdu livell adegwat ta' informazzjoni dwar il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti.

3. Taħlita ta' kejl u tekniki ta' l-immodellar tista' tintuża biex tistma l-arja ċirkostanti meta l-livelli matul perjodu rappreżentattiv ikunu aktar baxxi mill-valur limiti, li għandu jiġi stabbilit skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(5).

4. Meta l-livelli jkunu taħt il-livell li għandu jiġi stabbilit skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(5), l-użu uniku tat-tekniki ta' l-immodellar jew ta' stima oġġettiva biex jiġu stmati l-livelli għandha tkun possibli. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tgħodd għal agglomerazzjonijiet fil-każ ta' inkwinanti li għalihom għetiebi ta' twissija jkunu ġew iffissati skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(5).

5. Meta l-inkwinanti jkun meħtieġ li jitkejlu, il-qisien għandhom jittieħdu f'siti fissi jew kontinwament jew permezz ta' teħid ta' kampjuni għal għarrieda; l-għadd ta' qisien għandu jkun kbir biżżejjed biex ikun possibli li l-livelli osservati jiġu stabbiliti.

Artikolu 7

Titjib fil-kwalità ta' l-arja ċirkostantiRekwiżiti ġenerali

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jikkonfomaw ma' din id-Direttiva qabel it-18 ta' Settembru 1992.

2. Miżuri meħuda biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva għandhom:

(a) iqisu approċ integrat għall-protezzjoni ta' l-arja, l-ima u l-ħamrija;

(b) ma jiksrux il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol;

(ċ) ma jkollhomx effetti ħżiena b'mod sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati membri l-oħra.

3. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani għall-azzjoni li jindikaw il-miżuri li sa jittieħdu fuq medda qasira meta jkun hemm riskju li l-għetiebi limitu u/jew ta' twissija jkunu sa jinqabżu, biex jitnaqqas dak ir-riskju u biex jiġi limitat it-tul ta' żmien ta' dik l-okkorrenza. Dawn il-pjani jistgħu, filwaqt li jiddependi fuq il-każi individwali, jipprovdu għal miżuri biex jikkontrollaw, u fejn ikun meħtieġ, jissospendu attivitajiet, inkluż it-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li jikkontribwixxu biex il-valuri limiti jinqabżu.

Artikolu 8

Miżuri applikabbli f'żoni fejn il-livelli jkunu ogħla mill-valur limitu

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta' inkwinant wieħed jew aktar minn wieħed ikunu ogħla mill-valur limitu miżjud bil-marġini tat-tolleranza.

Meta ebda marġini ta' tolleranza ma jkun ġie ffissat għal inkwinant, żoni jew agglomerazzjonijiet speċifiċi li fihom il-livell ta' l-inkwinant jeċċedi l-valur limitu għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaż-żoni u l-agglomerazzjonijiet l-oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu, u l-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jgħoddu għalihom.

2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta' inkwinant wieħed jew aktar minn wieħed ikunu ogħla mill-valur limitu miżjud bil-marġini tat-tolleranza.

3. Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li pjan jew programm jitħejja jew jiġi implimentant biex jintlaħaq il-valur limitu fil-limitu ta' żmien speċifikat.

Il-pjan jew il-programm imsemmi, li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, għandu jħaddan fih talanqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV.

4. Fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, meta l-livell ta' iżjed minn inkwinant wieħed ikun ogħla mil-valuri limitu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu pjan integrat li jkopri l-inkwinanti kollha konċernati.

5. Il-Kummissjoni għandha tiċċekkja regolarment l-implimentazzjoni tal-pjani jew il-programmi mressqa taħt il-paragrafu 3 billi teżamina l-progress tagħhom u t-tendenzi fl-inkwinament ta' l-arja.

6. Meta l-livell ta' l-inkwinant jiskorri, jew aktarx ikun sa jiskorri, il-valur limitu biż-żieda tal-marġini tat-tolleranza jew, kif jista' jkun il-każ, il-limitu tat-twissija, wara tniġġis qawwi li jkun ġej minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri l-oħra għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jsibu soluzzjoni. Il-Kummissjoni tista tkun preżenti għal dawn il-konsultazzjonijiet

Artikolu 9

Rekwiżiti f'żoni fejn il-livelli jkunu aktar baxxi mill-valur limitu

L-Istati Membri għandhom jagħmlu lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet li fihom il-livelli ta' l-inkwinanti jkunu taħt il-valuri limitu.

L-Istati Membri għandhom iżommu l-livelli ta' l-inkwinanti f'dawn iż-żoni u l-agglomerazzjonijiet taħt il-valuri limitu u għandhom jistinkaw biex iħarsu l-aħjar kwalita t'arja ċirkostanti kompatibbli ma żvilupp sostenibbli;

Artikolu 10

Miżuri applikabbli fil-każ li l-għetiebi tat-twissija jinqabżu.

Meta l-għetiebi tat-twissija jinqabżu, l-Istati Membri għandhom jindaħlu biex jiżguraw li l-passi meħtieġa jittieħdu biex jinformaw lill-pubbliku (p.e. permezz tar-radjo, it-televiżjoni jew il-ġurnali) L-Istati Membri għandhom ukoll jibagħtu lill-Kummissjoni fuq bażi proviżorja informazzjoni rigward il-livelli rreġistrati u kemm dam(u) l-episodju(i) tat-tniġġis mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-okkorrenza. Lista bid-dettalji minimi li għandhom jingħataw lill-pubbliku għandha ssir flimkien ma'l-għetiebi tat-twissija.

Artikolu 11

It-trasmissjoni ta' l-informazzjoni u tar-rapporti

Wara li tiġi adottata mill-Kunsill l-ewwel proposta msemmija fl-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 4(1):

1. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummmissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti, il-laboratorji u l-korpi msemmija fl-Artikolu 3 u

(a) fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 8(1) għandhom:

(i) jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-okkorrenza tal-livelli li jaqbżu l-valur limitu miżjud mal-marġini tat-tolleranza, dwar id-dati jew il-perjodi meta dawn il-livelli jkunu ġew osservati u l-valuri rreġistrati fil-perjodu ta' disa' xhur wara t-tmiem ta' kull sena.

Meta ebda marġini ta' tolleranza ma jkun ġie ffissat għal ċertu inkwinant, iż-żona jew l-agglomerazzjonijiet speċifiċi li fihom il-livell ta' l-inkwinant jeċċedi l-valur limitu għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħaż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

(ii) jinformaw lill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet għal kull każ irreġistrat, fil-perjodu ta' disa' xhur wara t-tmiem ta' kull sena;

(iii) jibagħtu lill-Kummissjoni l-pjani u l-programmi msemmija fl-Artikolu 8(3) mhux aktar tard minn sentejn wara t-tmiem tas-sena li fiha l-livelli jkunu ġew osservati;

(iv) jinformaw lill-Kummissjoni kull tliet snin dwar il-progress tal-pjan jew il-programm;

(b) jibagħtu lill-Kummissjoni kull sena, u mhux aktar tard minn disa' xhur wara t-tmiem ta' kull sena, il-lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) u (2) u fl-Artikolu 9;

(ċ) għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni ta' kull tliet snin fl-istruttura tar-rapport settorali msemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 Diċembru 1991 li tistandardizza u tirrazzjonalizza r-rapporti dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti Direttivi li għandhom x'jaqsmu ma'l-ambjent [9], u mhux aktar tard minn disa' xhur wara t-tmiem ta' kull perjodu ta' tliet snin, informazzjoni li tivvaluta mill-ġdid il-livelli osservati u stmati, kif approprjat, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmja fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 9;

(d) għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar u il-metodi użati għall-istima preliminari tal-kwalità ta' l-arja kif previst fl-Artikolu 5.

2. il-Kummissjoni għandha tippubblika:

(a) ta' kull sena, lista taż-żoni u l-agglomerazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1);

(b) kull tliet snin, rapport dwar il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti fil-Komunità. Dan ir-rapport għandu juri f'għamla sommarja l-informazzjoni miksuba permezz tal-mekkaniżmu għall-iskambju ta' l-informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

3. il-Kummissjoni għandha tikkonsulta meta jkun meħtieġ il-kapaċità li teżisti fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent biex tfassal ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2(b).

Artikolu 12

Il-Kumitat u l-funzjonijiet tiegħu

1. L-emendi meħtieġa biex jiġu adattati l-kriterji u t-tekniki msemmija fl-Artikolu 4(2) għall-progress xjentifiku u tekniku, u l-arranġamenti dettaljati biex tintbagħat l-informazzjoni li għandha tiġi provduta taħt l-Artikolu 11, u ħidmiet oħra speċifikati fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(3), għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

Din l-adattazzjoni m'għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-valuri limitu u l-għetiebi tat-twissija kemm direttament kif ukoll indirettament.

2. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'limitu ta' żmien li l-president jippreskrivi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta'deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġewwa l-kumitat għandhom ikunu peżati skond il-mod stabbilit f'dan l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

(a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri previsti ma jkunux konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tressaq quddiem il-Kunsill, mingħajr dewmien, proposta li jkollha x'taqsam mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

(ċ) Jekk, f'għeluq it-tliet xhur minn meta jitressqu quddiem il-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni;

Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn 18-il xahar minn wara li din tidħol fis-seħħ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma'l-Artikoli min 1 sa 4 u12 and l-Anness I, II, III u IV, u mhux aktar tard mid-data li fiha d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(5) jibdew jgħoddu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma'l-Artikoli l-oħra.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn referenza bħal din waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 14

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 15

Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Lowry

[1] ĠU C 216, tas-6.8.1994, p. 4.

[2] ĠU C 110, 2. tal-5. 1995, p. 5.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 Novembru 1996 (ĠU C 166, tas-16.7.1996, p. 173), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-14 April 1997 (ĠU C 59, tat-30.2.1997, p. 24) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 Mejju 1997 (ĠU C 166, tas-16.6.1997).

[4] ĠU C 138, 17. tal-5. 1993, p. 1.

[5] ĠU L 229, tal-21.8.1980, p. 30. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, ta' l-4.12.1991, p. 30).

[6] ĠU L 378, tal-31.12.1982, p. 15, Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/692/KEE.

[7] ĠU L 87, tas-27.3.1985, p. 1, Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/692/KEE.

[8] ĠU L 297, tas-6.10.1992, p. 1.

[9] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

LISTA TA' L-INKWINANTI ATMOSFERIĊI LI GĦANDHOM JITQIESU FL-ISTIMA U L-IMMANIĠĠAR TAL-KWALITÀ TA' L-ARJA ĊIRKOSTANTI

I. Inkwinanti li għandhom jiġu studjati fl-istadju inizjali, inklużi l-inkwinanti rregolati bid-direttivi eżistenti dwar il-kwalità ta' l-arja ċirkostanti.

1. Dijossidu tal-kubrit

2. Dijossidu tan-nitroġenu

3. Partikoli rqaq ta' materja bħan-nugrufun (inkluż 120 mw)

4. Partikoli ta' materja sospiża

5. Ċomb

6. Ożonu

II. Inkwinanti oħra ta' l-arja

7. Benżina

8. Monossidu tal-karbonju

9. Poly-aromatic hydrocarbons

10. Kadmju

11. Arseniku

12. Nikil

13. Merkurju

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

FATTURI LI GĦANDHOM JITQIESU META JIĠU FFISSATI L-VALURI LIMITU U L-GĦETIEBI TA' TWISSIJA

Meta jkunu qed jiġu stabbiliti l-valur limitu u, kif approprjat, l-għatba ta' twissija, il-fatturi li ġejjin għandhom, bħala eżempju, jitqiesu:

- safejn ikunu esposti setturi mill-popolazzjoni, u b'mod partikolari sub-gruppi sensittivi,

- il-kondizzjonijiet klimatiċi,

- is-sensittività tal-flora l-fauna u fejn dawn jgħixu,

- il-wirt storiku espost għal inkwinanti,

- il-fattibilità ekonomika u teknika,

- it-trasmissjoni minn distanzi twal ta' inkwinanti, fosthom l-inkwinanti sekondarji, inkluż l-ożonu.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

LINJI GWIDA GĦALL-GĦAŻLA TA' INKWINANTI TA' L-ARJA BIEX JIĠU EŻAMINATI

1. Il-possibiltà, is-severità u l-frekwenza ta' l-effetti; fir-rigward tas-saħħa umana u l-ambjent kollu kemm hu, l-effetti irreversibbli għandhom ikunu ta' tħassib speċjali.

2. L-ubikwità u l-konċentrazzjoni għolja ta' l-inkwinant fl-atmosfera.

3. It-tibdil ambjentali u l-kambjamenti metaboliċi, billi dawn il-kambjamenti jistgħu jwasslu għall-produzzjoni ta' kimiċi b'tossiċità għolja.

4. Il-persistenza fl-ambjent, partikolarment jekk l-inkwinant ma jkunx bijodegradabbli u jkun jista’ jakkumula fil-bnedmin, fl-ambjent jew fis-sensieliet ta' l-ikel.

5. L-impatt ta' l-inkwinant:

- id-daqs tal-popolazzjoni, ir-riżorsi ħajjin, u l-ekosistemi esposti,

- l-eżistenza ta'bersalli partikolarment sensittivi fiż-żona konċernata..

6. Metodi għall-valutazzjoni tar-riskju jistgħu jintużaw ukoll.

Il-kriterji tal-periklu relevanti taħt id-Direttiva 67/548/KEE (1) u l-adattazzjonijiet suċċessivi tagħhom għandhom jitqiesu fl-għażla ta' l-inkwinanti. [1]

[1] ĠU L 196, tat-30.8.1967, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/632/KEE (ĠU L 338, tal-31.12.1991, p. 23).

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI INKLUŻA FIL-PROGRAMMI LOKALI, REĠJONALI U NAZZJONALI FAVUR TITJIB FIL-KWALITÀ TA' L-ARJA ĊIRKOSTANTI

Informazzjoni li għandha tiġi provduta taħt l-Artikolu 8(3)

1. Il-lokalizzazzjoni tat-tniġġis żejjed

- reġjun

- belt (mappa)

- l-istazzjoni tat-tikjil (mappa, koordinati ġeografiċi).

2. Informazzjoni ġenerali

- tip ta' żona (belt, żona industrijali jew rurali)

- stima taż-żona mniġġsa (Km2) u l-popolazzjoni esposta għat-tniġġis

- data meħtieġa dwar il-klima

- data relevanti dwar it-topografija

- informazzjoni suffiċjenti rigward it-tip ta' bersalli li jeħtieġu l-protezzjoni fiż-żona.

3. L-awtoritajiet responsabbli

L-ismijiet u l-inidirizzi tal-persuni responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjani għat-titjib

4. In-naura u l-valutazzjoni tat-tniġġis

- il-konċentrazzjonijiet osservati matul is-snin preċedenti (qabel l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' titjib)

- konċentrazzjonijiet imkejla mill-bidu tal-proġett

- tekniki użati għall-valutazzjoni.

5. Oriġini tat-tniġġis

- lista tas-sorsi prinċipali ta' l-emissjoni responsabbli għat-tniġġis (mappa)

- it-total tal-kwantità ta' l-emissjonijiet minn dawn is-sorsi (tunnellati metriċi/sena)

- informazzjoni dwar tniġġis importat minn reġjuni oħra.

6. Analiżi tas-sitwazzjoni

- dettalji ta' dawk il-fatturi responsabbli għall-eċċess (trasport, inkluż it-trasport trans-konfinanti, formazzjoni)

- dettalji dwar il-miżuri possibli għat-titjib tfil-kwalità ta' l-arja.

7. Dettalji dwar dawk il-miżuri jew il-proġetti għal titjib li eżistew qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva i.e.

- miżuri lokali, reġjonali, nazzjonali, internazzjonali

- effetti osservati ta' dawn il-miżuri.

8. Dettalji ta' dawk il-miżuri jew il-proġetti adottati bl-iskop li jnaqqsu t-tniġġis wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva

- elenkar u deskrizzjoni tal-miżuri kollha deskritti fil-proġett

- skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni

- kalkolu tat-titjib fil-kwalità ta' l-arja ppjanat u taż-żmien li wieħed jistenna li jkun meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

9. Dettalji dwar il-miżuri u l-proġetti ppjanati jew li qegħdin jiġu riċerkati fuq medda twila.

10. Lista tal-pubblikazzjonijiet, dokumenti, ħidma, eċċ, użati biex iżidu l-informazzjoni mitluba f'dan l-Anness.

--------------------------------------------------