31995R3051



Official Journal L 320 , 30/12/1995 P. 0014 - 0024


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3051/95

tat-8 ta' Diċembru 1995

dwar l-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-bastimenti tal-passiġġieri roll-on/roll-off (il-bastimenti ro-ro)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li kien jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

Billi l-Komunità hija mħassba serjament dwar id-disgrazzji b'telf ta' ħajja fuq il-baħar;

Billi l-Kodiċi Internazzjonali għall-Amministrazzjoni tas-Sigurtà li jipprovdi l-ħarsien tas-sigurtà fl-operat tal-bastimenti u l-prevenzjoni tat-tniġġis, minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-"Kodiċi ISM", kien ġie adottat mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) permezz tar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea A.741(18) ta' l-4 ta' Novembru 1993 fil-preżenza ta' l-Istati Membri u, permezz ta' l-inkorporazzjoni tiegħu fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar 1974, għandu japplika għall-bastimenti tal-passiġġieri ro-ro mill-1 ta' Lulju 1998;

Billi dan jirrappreżenta waħda minn serje ta' miżuri biex tittejjeb is-sigurtà fuq il-baħar; billi l-Kodiċi ISM għadu mhuwiex ta' natura mandatorja imma rakkomandatorja;

Billi s-sigurtà tal-ħajja tal-bniedem fuq il-baħar tista' tiżdied effettivament billi jiġi applikat il-Kodiċi ISM fuq bażi strettament mandatorja;

Billi t-tħassib l-iżjed urġenti tal-Komunità huwa dak dwar l-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-bastimenti tal-passiġġieri ro-ro; billi implimentazzjoni uniformi u koerenti tal-Kodiċi ISM fl-Istati Membri kollha tista' tikkostitwixxi pass lejn l-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-bastimenti tal-passiġġieri ro-ro;

Billi fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Diċembru 1994 dwar is-sigurtà tal-bastimenti li jgħabbu/jniżżlu l-passiġġieri [4], il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar l-applikazzjoni mandatorja bil-quddiem tal-Kodiċi ISM fil-każ tas-servizzi tal-bastimenti kollha regolari li jgħabbu/jniżżlu l-passiġġieri li joperaw lejn jew mill-portijiet Ewropej, b'konformità mal-liġi internazzjonali;

Billi l-applikazzjoni mandatarja u stretta tal-Kodiċi ISM hija meħtieġa biex tassigura t-twaqqif u l-manuntenzjoni xierqa tas-sistemi għall-amministrazzjoni tas-sigurtà minn kumpanniji li joperaw fuq il-baħar bastimenti ro-ro tal-passiġġieri, kemm fuq livell ta' bastiment kif ukoll ta' kumpannija;

Billi azzjoni fuq livell Komunitarju hija l-aħjar mod biex jiġi assigurat it-twettiq mandatarju bil-quddiem tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ISM u l-kontroll effettiv ta' l-applikazzjoni tiegħu, filwaqt li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn id-diversi portijiet tal-Komunità u bejn il-bastimenti ro-ro; billi regolament biss, li jkollu applikabilità diretta, jista' jassigura dan l-infurzar; billi l-implimentazzjoni bil-quddiem titlob li r-Regolament ikun applikabbli sa mill-1 ta' Lulju 1996;

Billi l-implimentazzjoni mandatorja bil-quddiem tal-Kodiċi ISM għall-bastimenti ro-ro irrispettivament mill-bandiera tagħhom tikkunsidra wkoll it-talba fil-punt 2 tar-Riżoluzzjoni ta' l-IMO A.741(18) li tħeġġeġ bis-sħiħ lill-Gvernijiet biex jimplimentaw il-Kodiċi kemm jista' jkun malajr, billi tagħti l-prijorità inter alia lill-bastimenti tal-passiġġieri;

Billi s-sigurtà tal-bastimenti hija r-responsabbiltà primarja ta' l-Istati tal-bandiera; billi l-Istati Membri jistgħu jassiguraw il-konformità ma' regoli adegwati għall-amministrazzjoni tas-sigurtà fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u l-kumpanniji li jħaddmuhom; billi l-uniku mod biex tiġi assigurata s-sigurtà tal-bastimenti ro-ro kollha, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, li jaħdmu jew li jixtiequ li jaħdmu fuq servizz regolari mill-portijiet tagħhom huwa li l-Istati Membri jirrikjedu konformità effettiva mar-regoli ta' sigurtà bħala kondizzjoni biex dawn ikunu jistgħu jaħdmu fuq servizz regolari mill-portijiet tagħhom;

Billi l-kumpanniji li jħaddmu l-bastimenti ro-ro esklussivament fl-ibħra kennija ta' bejn il-portijiet fl-istess Stat Membru jikkostitwixxu riskju aktar limitat u jkollhom bżonn jassumu ammont ta' xogħol amministrattiv proporzjonalment akbar minn kumpanniji oħra, u għandhom għalhekk igawdu minn deroga temporanja;

Billi huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-ħtiġiet li taħthom id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ISM jiġu osservati u biex jiġu mfissra l-kondizzjonijiet għall-ħruġ u l-verifika tad-dokument tal- konformità u taċ-ċertifikat ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà;

Billi l-Istati Membri jistgħu jħossu l-ħtieġa li jiddelegaw jew joqogħdu fuq korpi speċjalizzati biex iwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom skond dan ir-Regolament; billi l-mod xieraq biex jiġi assigurat livell uniformi u adegwat ta' kontroll huwa li jkun obbligatorju li dawn il-korpi jkunu biss dawk li jkunu konformi mal-ħtiġiet tad-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet rilevanti ta' l-amministrazzjoniet marittimi [5];

Billi Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jissospendi l-operat ta' ċerti bastimenti ro-ro mill-portijiet tiegħu fejn iqis li jkun hemm riskju ta' periklu serju għas-sigurtà tal-ħajja jew tal-proprjetà jew ta' l-ambjent, mingħajr ħsara għal deċiżjoni li għandha tittieħed fil-qafas ta' kumitat regolatorju, li miegħu l-Istati Membri għandhom ikunu konformi;

Billi proċedura ssimplifikata li tinvolvi kumitat ta' natura regolatorja hija meħtieġa sabiex temenda dan ir-Regolament waqt li jitqiesu l-iżviluppi fuq livell internazzjonali;

Billi l-introduzzjoni malajr ta' dawn ir-regoli ta' sigurtà toħloq problemi tekniċi u amministrattivi speċifiċi għall-Greċja minħabba l-għadd kbir ħafna ta' kumpanniji stabbiliti fil-Greċja li joperaw taħt il-bandiera Griega u esklussivament bejn il-portijiet Griegi; billi deroga ta' perjodu limitat li tkopri din is-sitwazzjoni għandha għalhekk tingħata iżjed u iżjed meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li s-servizzi regolari tal-passiġġieri u tal-bastimenti bejn il-portijiet Griegi ġew esklużi sal-1 ta' Jannar 2004 mill-libertà li jipprovdu s-servizzi mogħtijin mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju tal-libertà li jkunu provduti servizzi lit-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (il-kabotaġġ marittimu) [6],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiżdiedu s-sigurtà fl-amministrazzjoni, is-sigurtà fl-operat u l-prevenzjoni tat-tniġġis fir-rigward tal-bastimenti tal-passiġġieri ro-ro li joperaw lejn jew mill-portijiet ta' l-Istati Membri tal-Komunità fuq servizz regolari billi jassigura li l-kumpanniji li jħaddmu l-bastimenti ro-ro jkunu konformi mal-Kodiċi ISM permezz ta':

- l-istabbiliment u l-manutenzjoni xierqa ta' sistemi għall-amministrazzjoni tas-sigurtà abbord u l-art mill-kumpanniji, u

- il-kontroll tagħhom mill-amministrazzjonijiet ta' l-Istat tal-bandiera u tal-port.

L-Artikolu 2

Għall-iskop ta' dan ir-Regolament u bil-għan ta' l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ISM:

(a) "bastiment ro-ro" tfisser bastiment tal-baħar bil-faċilitajiet li jkunu jippermettu li l-vetturi tat-triq u tal-ferrovija jitilgħu u jinżlu mill-bastiment, u li jġorru iżjed minn 12-il passiġġier;

(b) "servizz regolari" tfisser serje ta' qsim bil-bastimenti ro-ro li jaħdmu b'mod li jservu t-traffiku bejn l-istess żewġ punti jew iżjed, jew:

1. skond orarju ppubblikat; inkella

2. bi qsim tant regolari jew frekwenti li jkun jikkostitwixxi serje sistematika rikonoxxibbli;

(ċ) "kumpannija" tfisser is-sid ta' bastiment ro-ro jew ta' kull organizazzjoni jew persuna oħra bħalma huwa l-maniġer, jew in-nolleġġatur tal-bastiment vojt, li jkun assuma r-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment ro-ro mingħand is-sid;

(d) "organizzazzjoni rikonoxxuta" tfisser korp rikonoxxut li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/57/KE;

(e) "Kodiċi ISM" tfisser il-Kodiċi Internazzjonali għall-Amministrazzjoni tas-Sigurtà fl-Operat tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni mit-Tniġġis, adottat mill-OMI permezz tar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea A.741(18) ta' l-4 ta' Novembru 1993, u li jkun anness ma' dan ir-Regolament;

(f) "amministrazzjoni" tfisser il-Gvern ta' l-Istat li l-bandiera tiegħu l-bastiment ro-ro jkun intitolat li jtajjar;

(g) "dokument ta' konformità" jfisser id-dokument maħruġ lill-kumpanniji b'konformità mal-paragrafu 13.2 tal-Kodiċi ISM;

(h) "ċertifikat ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà" tfisser iċ-ċertifikat maħruġ lill-bastimenti ro-ro b'konformità mal-paragrafu 13.4 tal-Kodiċi ISM;

(i) "ibħra kennija" tfisser żoni fejn il-probabbiltà annwali ta' l-għoli sinifikanti tal-mewġ li jeċċedi 1,5 m ikun inqas minn 10 %, u li fihom il-bastiment ro-ro ma jkun fl-ebda ħin iżjed minn sitt mili nawtiċi bogħod minn post ta' refuġju fejn il-persuni nawfragati jistgħu jinżlu l-art.

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jgħodd għall-kumpanniji kollha, li jħaddmu mill-inqas bastiment ro-ro wieħed lejn jew minn port ta' Stat Membru tal-Komunità fuq servizz regolari mingħajr konsiderazzjoni għall-bandiera tiegħu.

L-Artikolu 4

1. Il-kumpanniji kollha għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1.2 sa 13.1 u tal-paragrafu 13.3 tal-Kodiċi ISM, bħalli kieku d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu mandatarji, bħala kondizzjoni biex il-bastimenti tagħhom jipprovdu servizzi regolari lejn jew minn port ta' Stat Membru tal-Komunità.

2. Bħala deroga mill-paragrafu 1, il-kumpanniji li joperaw il-bastimenti ro-ro jew il-bastimenti fuq servizz regolari esklussivament f'ibħra kennija bejn il-portijiet li jinsabu fl-istess Stat Membru jistgħu jipposponu l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament safl-1 ta' Lulju 1997

L-Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-disposizzonijiet tal-paragrafi 13.2, 13.4 u 13.5 tal-Kodiċi ISM bħallikieku d-dispożizzjonijiet ta' dan kienu mandatarji, fir-rigward tal-kumpanniji u tal-bastimenti ro-ro.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw biss, jew joqogħdu fuq, kompletament jew parzjalment, organizzazzjoni rikonoxxuta.

Għall-finijiet tal-paragrafu 13.2 tal-Kodiċi ISM, Stat Membru jista' joħroġ biss id-dokumenti tal-konformità lil kumpannija li jkollha l-post tan-negozju prinċipali tagħha fuq it-territorju tiegħu stess. Qabel dawn jinħarġu l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw l-amministrazzjoni ta' l-Istati li l-bandiera tagħhom il-bastimenti ro-ro jkunu intitolati li jtajru, jekk dik l-amministrazzjoni ma tkunx dik ta' l-Istat Membru li tkun ħarġithom.

3. Id-dokument tal-konformità għandu jibqa' validu biss għal ħames snin mid-data tal-ħruġ tiegħu, dejjem sakemm issir verifika darba fis-sena, sabiex jiġi kkonfermat il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà, u biex jiġi kkonfermat li l-modifiki possibbli introdotti mill-aħħar verifika jkunu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ISM.

4. Iċ-ċertifikat ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà għandu jibqa' validu biss għal ħames snin mid-data tal-ħruġ tiegħu, dejjem sakemm issir verifika intermedja talanqas darba kull 30 xahar jew iżjed spiss sabiex jiġi kkonfermat il-funzjonament tajjeb tas-sistema ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà, u sabiex jiġi kkonfermat li l-modifiki possibbli introdotti mill-aħħar verifika jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ISM.

5. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikolari ta' l-Artikolu 6, kull Stat Membru għandu jaċċetta dokument tal-konformità jew ċertifikat ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà maħruġ mill-amministrazzjoni ta' kull Stat Membru ieħor jew minn organizzazzjoni rikonoxxuta li taġixxi f'ismu.

6. Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-dokumenti tal-konformità u ċ-ċertifikat ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà maħruġin minn, jew f'isem, l-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi jekk ikun sodisfatt li dawn juru konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Id-dokumenti tal-konformità u ċ-ċertifikati ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà maħruġin f'isem l-amministrazzjonijiet ta' pajjiżi terzi jistgħu jiġu rikonoxxuti biss jekk ikunu nħarġu minn organizzazzjoni rikonoxxuta.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jissodisfaw ruħhom li l-kumpanniji kollha li jipprovdu s-servizzi tal-bastimenti ro-ro lejn jew mill-portijiet tagħhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 7

Fejn Stat Membru jikkunsidra li kumpannija, minkejja l-fatt li jkollha dokument tal-konformità, ma tkunx tista' tħaddem bastiment ro-ro fuq servizz regolari lejn jew mill-portijiet tiegħu minħabba li jkun hemm riskju ta' periklu serju għas-sigurtà tal-ħajja jew tal-proprjetà, jew ta' l-ambjent, l-operat ta' dan is-servizz jista' jiġi sospiż saż-żmien meta l-periklu jitneħħa.

Fiċ-ċirkustanzi fuq imsemmija l-proċedura li ġejja għandha tgħodd:

(a) l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar id-deċiżjoni tiegħu mingħajr dewmien, u jagħti raġunijiet sostanzjati għaliha;

(b) il-Kummissjoni għandha teżamina jekk is-sospensjoni tkunx iġġustifikata għal raġunijiet ta' periklu serju għas-sigurtà u l-ambjent;

(ċ) għandu jiġi deċiż, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(2), jekk id-deċiżjoni ta' l-Istat Membru li jissospendi l-ħidma ta' dan is-servizz tkunx iġġustifikata jew le għal raġunijiet ta' periklu serju għas-sigurtà tal-ħajja jew tal-proprjetà, jew ta' l-ambjent u, jekk is-sospensjoni ma tkunx iġġustifikata, li l-Istat Membru kkonċernat jintalab jirtira s-sospensjoni.

L-Artikolu 8

Sabiex jiġu kkunsidrati t-termini ġenerali tal-Kodiċi ISM, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu u tipproponi l-miżuri xierqa.

L-Artikolu 9

Sabiex jitqiesu l-iżviluppi fuq livell internazzjonali u, b'mod partikolari, fl-IMO,

(a) id-definizzjoni tal-"Kodiċi ISM" fl-Artikolu 2;

(b) il-perjodi tal-validità tad-dokument tal-konformità u/jew iċ-ċertifikat ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà u l-frekwenza tal-verifika li għandha x'taqsam ma' l-istess fl-Artikolu 5(3) u (4);

(ċ) l-Anness;

(d) id-definizzjoni ta' "organizzazzjoni rikonoxxuta" fl-Artikolu 2;

tista' tiġi emendata, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(2), b'mod partikolari biex jiġu introdotti fl-Anness linji gwida għall-amministrazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ISM.

L-Artikolu 10

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE [7].

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jressaq quddiem il-Kumitat abbozz dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz sa dak iż-żmien li l-president jista' jistipula skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikollu jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu peżati skond il-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kkontemplati jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

(b) Jekk il-miżuri kkontemplati ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tressaq quddiem il-Kunsill proposta relatata mal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

(ċ) Jekk, ma' l-iskadenza tal-perjodu ta' 40 gurnata mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 11

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1996

Dan għandu jkun applikabbli mill-1 ta' Lulju 1996

Permezz ta' deroga mill-ewwel subparagrafu, dan ir-Regolament m'għandux japplika sal-31 ta' Diċembru 1997 għall-kumpanniji li jkunu inkorporati taħt il-liġi Griega, li jkollhom il-post tan-negozju prinċipali tagħhom fil-Greċja, u li jkunu joperaw il-bastimenti ro-ro rreġistrati fi u jtajru l-bandiera tal-Greċja waqt li jkunu jipprovdu servizzi regolari esklussivament bejn portijiet li jinsabu fil-Greċja.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-8 ta' Diċembru 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Borrell Fontelles

[1] ĠU C 298, tal-11.11.1995, p. 23, u l-proposta emendata mressqa fil-15 ta' Ġunju 1995 (ĠU C 288, tal-11.11.1995, p. 31).

[2] ĠU C 236, tal-11.9.1995, p. 42.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropej ta' l-14 ta' Ġunju 1995 (ĠU C 166, tat-3.7.1995, p. 55), il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-28 ta' Settembru 1995 (ĠU C 297, ta' l-10.11.1995, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 1995 (għadhom mhumiex ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU C 379, tal-31.12.1994, p. 8.

[5] ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 20.

[6] ĠU L 364, tat-12.12.1992, p. 7.

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE tat-13 ta' Settembru 1993 rigward il-ħtiġiet minimi għall-bastimenti li jkunu sejrin lejn jew li jkunu sa jitilqu mill-portijiet tal-Komunità u li jkunu jġorru oġġetti perikolużi jew ta' tniġġis (ĠU L 247, tal-5.10.1993, p. 19).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-KODIĊI INTERNAZZJONALI DWAR IS-SIGURTÀ FL-OPERAT TAL-BASTIMENTI U GĦALL-PREVENZJONI TAT-TNIĠĠIS (IL-KODIĊI INTERNAZZJONALI DWAR L-AMMINISTRAZZJONI TAS-SIGURTÀ (ISM))

Ħtiġiet għall- amministrazzjoni tas-sigurtà u l-prevenzjoni mit-tniġġis

KONTENUT

| Paġna |

Il-Preambolu … | 324 |

1.Ġenerali … | 324 |

1.1.Id-Definizzjonijiet … | 324 |

1.2.L-Għanijiet … | 324 |

1.3.L-Applikazzjoni … | 325 |

1.4.Il-ħtiġiet għall-funzjonament tas-sistema dwar l-amministrazzjoni tas-sigurtà (SMS) … | 325 |

2.Il-polza tal-protezzjoni dwar is-sigurtà u l-ambjent … | 325 |

3.Ir-responsabbiltajiet u l-awtorità tal-kumpanniji … | 325 |

4.Il-persuna(i) nnominata(i) … | 326 |

5.Ir-responsabbilitajiet u l-awtorità tal- kaptan … | 326 |

6.Ir-riżorsi u l-impjegati … | 326 |

7.L-iżvilupp tal-pjani għall-operazzjonijiet ta'abbord … | 327 |

8.It-tħejjija għall-emerġenzi … | 327 |

9.Ir-rapporti u l-analiżi dwar in-nuqqasijiet fil-konformità, l-inċidenti u l-avvenimenti perikolużi … | 327 |

10.Il-manutenzjoni tal-bastiment u t-tagħmir … | 328 |

11.Id-dokumentazzjoni … | 328 |

12.Il-verifika, ir-reviżjoni u l-valutazzjoni tal-kumpannija … | 328 |

13.Iċ-ċertifikazzjoni, il-verifika u l-kontroll … | 329 |

Il-preambolu

1. L-iskop ta' dan il-Kodiċi huwa dak li jipprovdi normi internazzjonali għas-sigurtà fl-amministrazzjoni u l-operat tal-bastimenti u għall-prevenzjoni tat-tniġġis.

2. L-Assemblea adottat ir-Riżoluzzjoni A.443(XI) li biha stiednet lill-gvernijiet kollha biex jieħdu l-passi neċessarji biex jissalvagwardjaw il-kaptan fil-qadi sewwa tar-responsabbiltajiet tiegħu fir-rigward tas-sigurtà marittima u l-protezzjoni tal-ambjent marittimu.

3. L-Assemblea adottat ukoll ir-Riżoluzzjoni A.680(17) li biha kompliet tirrikonixxi l-bżonn għall-organizzazzjoni xierqa ta' l-amministrazzjoni sabiex jippermettilha twieġeb għall-bżonn ta' dawk li jkunu abbord il-bastimenti biex jilħqu u jżommu livelli għolja ta' sigurtà u ta' protezzjoni ambjentali.

4. Waqt li tirrikonoxxi li l-ebda żewġ kumpanniji tal-bastimenti jew sidien ta' bastimenti ma jkunu l-istess, u li l-bastimenti joperaw taħt firxa wiesgħa ta' diversi kondizzjonijiet, il-Kodiċi huwa bbażat fuq prinċipji u għanijiet ġenerali.

5. Il-Kodiċi huwa spjegat f'termini wesgħin biex ikollu applikazzjoni mifruxa. Hija ħaġa ovvja, li diversi livelli ta' amministrazzjoni, sija dawk ibbażati l-art sija dawk fuq il-baħar, sa jkunu jeħtieġu livelli differenti ta' tagħlim u għarfien dwar l-artikoli spjegati.

6. Il-bażi għall-amministrazzjoni serja tas-sigurtà huwa l-impenn mill-kapijiet. F'materji ta' sigurtà u ta' prevenzjoni tat-tniġġis huma l-impenn, il-kompetenza, l-attitudnijiet u l-motivazzjoni ta' l-individwi fil-livelli kollha li jiddeterminaw ir-riżultat aħħari.

1. ĠENERALI

1.1. Id-definizzjonijiet

1.1.1. "Il-Kodiċi Internazzjonali għall-Amministrazzjoni tas-Sigurtà (ISM)" tfisser il-Kodiċi Internazzjonali għall-Amministrazzjoni tas-Sigurtà fl-Operat tal-Bastimenti u għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis; kif adottat mill-Assemblea, u kif jista' jiġi emendat mill-Organizzazzjoni.

1.1.2. "Kumpannija" tfisser is-sid ta' bastiment jew kull organizzazzjoni jew persuna oħra bħalma huwa l-maniġer jew in-nolleġġatur tal-vapur vojt, li jkun assuma r-responsabilitajiet għat-tħaddim tal-bastiment mis-sid tal-bastiment u li meta assuma din ir-responsabbilità jkun ftiehem li jieħu fuq spallejh id-doveri u r-responsabbilitajiet kollha imposti mill-Kodiċi.

1.1.3. "Amministrazzjoni" tfisser il-gvern ta' l-Istat li l-bandiera tiegħu l-bastiment ikun intitolat li jtajjar.

1.2. L-għanijiet

1.2.1. L-għanijiet ta' dan il-Kodiċi huma li tkun assigurata s-sigurtà fuq il-baħar, il-prevenzjoni tal-korrimenti jew it-telf tal-ħajja umana, u l-prevenzjoni tal-ħsara lill-ambjent, b'mod partikolari, lill-ambjent marittimu, u lill-proprjetà.

1.2.2. L-għanijiet ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà tal-Kumpannija għandhom, inter alia:

1.2.2.1. jipprovdu li jkun hemm prattiċi bla periklu fl-operat tal-bastiment u ambjent tax- xogħol mingħajr periklu;

1.2.2.2. jistabbilixxu salvagwardji kontra r-riskji kollha identifikati; u

1.2.2.3. jtejbu kontinwament l-abbiltà ta' l-impjegati fuq l-art u abbord fl-amministrazzjoni tas-sigurtà, inklużi l-preparamenti għall-emerġenzi relatati kemm mas-sigurtà kif ukoll mal-protezzjoni ta' l-ambjent.

1.2.3. Is-sistema ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà għandha tassigura:

1.2.3.1. il-konformità mar-regoli mandatarji kif ukoll mar-regolamenti; u

1.2.3.2. li l-kodiċijiet applikabbli, il-linji gwida u n-normi rrakkomandati mill-Organizzazzjoni, l-amministrazzjonijiet, is-soċjetajiet tal-klasssifka kif ukoll l-organizzazzjonijiet ta' l-industrija marittima jiġu kkunsidrati.

1.3. L-applikazzjoni

Il-ħtiġiet ta' dan il-Kodiċi jistgħu jiġu applikati għall-bastimenti kollha.

1.4. Il-ħtiġiet funzjonali għal sistema ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà (SMS)

Kull kumpannija għandha tiżviluppa, timplimenta u żżomm sistema ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà (SIS) li tkun tinkludi dawn il-ħtiġiet funzjonali li ġejjin:

1.4.1. il-polza tas-sigurtà u tal-protezzjoni ta' l-ambjent;

1.4.2. l-istruzzjonijiet u l-proċeduri li jassiguraw is-sigurtà fl-operat tal-bastimenti u l-protezzjoni ta' l-ambjent b'konformità mal-leġislazzjoni internazzjonali u ma' dik tal-bandiera ta' l-Istat relevanti;

1.4.3. il-livelli definiti ta' l-awtorità u l-linji tal- komunikazzjoni bejn, u fost, l-impjegati ta' fuq l-art u dawk ta' abbord;

1.4.4. il-proċeduri dwar ir-rapportar ta' inċidenti u nuqqasijiet ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kodiċi;

1.4.5. il-proċeduri biex tħejji u twieġeb għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza; u

1.4.6. il-proċeduri dwar ir-verifiki interni u r-reviżjonijiet tat-tmexxija.

2. IL-POLZA DWAR IS-SIGURTÀ U L-PROTEZZJONI TA' L-AMBJENT

2.1. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi polza għall-protezzjoni tas-sigurtà u ta' l-ambjent li tkun tiddeskrivi kif l-għanijiet, mogħtija fil-paragrafu 1.2, jistgħu jintlaħqu.

2.2. Il-Kumpannija għandha tassigura li l-polza tiġi implimentata u tinżamm fuq il-livelli kollha ta' l-organizzazzjoni kemm dawk ta' abbord kif ukoll dawk ta' l-art.

3. IR-RESPONSABILTAJIET U L-AWTORITÀ TAL-KUMPANNIJA

3.1. Jekk l-entità li tkun responsabbli għall-operat tal-bastiment tkun differenti mis-sid, is-sid għandu jirrapporta l-isem sħiħ u d-dettalji ta' din l-entità lill-amministrazzjoni.

3.2. Il-kumpannija għandha tiddefinixxi u tiddokumenta r-responsabbiltà, l-awtorità u l-interrelazzjoni ta' l-impjegati kollha li jimmaniġġaw, jesegwixxu u jivverifikaw ix-xogħol li jkollu x'jaqsam ma' u li jeffettwa s-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis.

3.3. Il-kumpannija tkun responsabbli biex tassigura li riżorsi adegwati u appoġġ mill-art jiġu pprovduti li jkunu jippermettu lill-persuna jew lill-persuni nnominati biex dawn iwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

4. IL-PERSUNA(I) NNOMINATA(I)

Biex tiġi assigurata s-sigurtà fl-operat ta' kull bastiment u biex tiġi pprovduta komunikazzjoni bejn il-kumpannija u dawk li jkunu abbord, kull kumpannija, kif inhu approprjat, għandha tinnomina persuna jew persuni fuq l-art li jkollhom aċċess dirett għall-ogħla livell ta' l-amministrazzjoni. Ir-responsabbiltà u l-awtorità tal-persuna jew tal-persuni nnominati għandha tinkludi l-monitoraġġ ta' l-aspetti tas-sigurtà u tal-prevenzjoni mit-tniġġis fl-operat ta' kull bastiment u tassigura li riżorsi u appoġġ adegwati ibbażati fuq l-art jingħataw, kif ikunu meħtieġa.

5. IR-RESPONSABBILTÀ U L-AWTORITÀ TAL-KAPTAN

5.1. Il-kumpannija għandha tiddefinixxi u tiddokumenta b'mod ċar ir-responsabbiltajiet tal-kaptan fir-rigward ta':

5.1.1. l-implimentazzjoni tal-polza tal-kumpannija dwar is-sigurtà u l-protezzjoni ta' l-ambjent;

5.1.2. il-motivazzjoni ta' l-ekwipaġġ fl-osservanza ta' dik il-polza;

5.1.3. il-ħruġ ta' ordnijiet u istruzzjonijiet approprjati b'mod ċar u sempliċi;

5.1.4. il-verifika li l-ħtiġiet speċifiċi jiġu osservati; u

5.1.5. ir-reviżjoni ta' l-SMS u l-irrapportar tan-nuqqasijiet tagħha lill-amministrazzjoni fuq l-art.

5.2. Il-kumpannija għandha tassigura li -SMS li topera abbord ikun fiha dikjarazzjoni ċara li tenfasizza l-awtorità tal-kaptan. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi fl-SMS li l-kaptan ikollu l-awtorità suprema u r-responsabbiltà li jieħu d-deċiżjonijiet fir-rigward tas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġis u li jitlob l-assistenza tal-kumpannija skond il-każ.

6. IR-RIŻORSI U L-IMPJEGATI

6.1. Il-kumpannija għandha tassigura li l-kaptan ikun:

6.1.1. ikkwalifikat kif suppost għall-kmand;

6.1.2. ikun familjari kif imiss ma' l-SMS tal-kumpannija; u

6.1.3. jingħata s-sostenn meħtieġ sabiex id-dmirijiet ta' kaptan ikunu jistgħu jitwettqu b'sigurtà.

6.2. Il-kumpannija għandha tassigura li kull bastiment ikun ekwipaġġat minn baħħara li jkunu kkwalifikati, iċċertifikati u medikament f'sikkithom skond il-ħtiġiet nazzjonali u internazzjonali.

6.3. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi proċeduri biex tassigura li l-impjegati ġodda u l-impjegati ttrasferiti fuq dmirijiet ġodda relatati mas-sigurtà u l-protezzjoni ta' l-ambjent jitrawmu sewwa fid-doveri tagħhom.

L-istruzzjonijiet li jkun essenzjal li jiġu pprovduti għat-tbaħħir għandhom jiġu identifikati, iddokumentati u kkonsenjati.

6.4. Il-kumpannija għandha tassigura li l-impjegati kollha involuti fl-SMS tal-kumpannija jkunu jifhmu biżżejjed ir-regoli, ir-regolamenti, il-kodiċijiet u l-linji gwida rilevanti.

6.5. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi u trawwem proċeduri għall-identifikazzjoni ta' kull taħriġ li jista' jkun meħtieġ biex tissaħħaħ l-SMS u tassigura li dan it-taħriġ jiġi pprovdut għall-impjegati kkonċernati kollha.

6.6. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi proċeduri li bihom l-impjegati tal-bastiment jirċievu l-informazzjoni relevanti dwar l-SMS b'ilsien jew b'ilsna prattiċi li huma jkunu jifhmu.

6.7. Il-kumpannija għandha tassigura li l-impjegati tal-bastiment ikunu kapaċi jikkomunikaw effettivament fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom relatati ma' l-SMS.

7. L-IŻVILUPP TAL-PJANI GĦALL-OPERAZZJONIJIET TA' ABBORD

Il-kumpannija għandha tistabbilixxi l-proċeduri għall-preparazzjoni tal-pjanijiet u l-istruzzjonijiet għall-operazzjonijiet importanti ta' abbord rigward is-sigurtà tal-bastiment u l-prevenzjoni mit-tniġġis. Id-diversi xogħlijiet involuti għandhom jiġu definiti u assenjati lill-impjegati kkwalifikati.

8. IT-TĦEJJIJA GĦALL-EMERĠENZI

8.1. Il-kumpannija għandha tistabbilixi l-proċeduri li jidentifikaw, jiddeskrivu u jeħduha kontra sitwazzjonijiet abbord li jistgħu jkunu ta' emerġenza.

8.2. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi programmi għal taħriġ u eżerċizzji bħala preparazzjoni għal azzjonijiet ta' emerġenza.

8.3. L-SMS għandha tipprovdi għal miżuri li jassiguraw li l-organizzazzjoni tal-kumpannija tkun tista' twieġeb f'kull ħin għall-perikli, l-inċidenti u s-sitwazzjonijiet ta'emerġenza li jinvolvu l-bastimenti tagħha.

9. IR-RAPPORTI U L-ANALIŻI TA' NUQQASIJIET TA' KONFORMITÀ, INĊIDENTI U INĊIDENTI PERIKOLUŻI

9.1. Is-SMS għandha tinkludi proċeduri li jassiguraw li n-nuqqasijiet fil-konformità, l-inċidenti u s-sitwazzjonijiet ta' periklu jiġu rrapportati lill-kumpannija, investigati u analizzati bil-għan ta' titjib fis-sigurtà u l-prevenzjoni mit-tniġġis.

9.2. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi l-proċeduri għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni korrettiva.

10. IL-MANUTENZJONI TAL-BASTIMENT U TAT-TAGĦMIR

10.1. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi proċeduri li jassiguraw li l-bastiment jiġi miżmum b'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regoli u r-regolamenti rilevanti u mal-ħtiġiet addizzjonali kollha li jistgħu jiġu stabbiliti mill-kumpannija.

10.2. Biex jintlaħqu dawn il-ħtiġiet il-kumpannija għandha tassigura li:

10.2.1. l-ispezzjonijiet isiru f'intervalli xierqa;

10.2.2. kull non-konformità tiġi rrapportata bil-kawża possibbli tagħha, jekk din tkun magħrufa;

10.2.3. l-azzjoni korrettiva apprprjata tittieħed; u

10.2.4. dawn l-attivitajiet jiġu dokumentati.

10.3. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi proċeduri fis-SMS biex tidentifika t-tagħmir u s-sistemi tekniċi li l-waqfien istantanju tagħhom jista' jirriżulta f'sitwazzjonijiet ta' periklu. Is-SMS għandha tipprovdi għal miżuri speċifiċi maħsubin biex jippromwovu l-affidabilità ta' dan it-tagħmir jew dawn is-sistemi. Dawn il-miżuri għandhom jinkludu l-ittestjar regolari ta' arranġamenti alternattivi u ta' tagħmir jew sistemi tekniċi temporanji li ma jkunux jintużaw regolarment.

10.4. L-ispezzjonijiet imsemmijin f'10.2 kif ukoll il-miżuri msemmija f'10.3 għandhom jiġu integrati fil-manutenzjoni/fir-rutina ta' l-operat tal-bastiment.

11. ID-DOKUMENTAZZJONI

11.1. Il-kumpannija għandha tistabbilixxi u trawwem proċeduri biex tikkontrolla d-dokumenti u d-data kollha li jkunu rilevanti għall-SMS.

11.2. Il-kumpannija għandha tassigura li:

11.2.1. d-dokumenti validi jkunu disponibbli fil-postijiet rilevanti kollha;

11.2.2. it-tibdiliet fid-dokumenti jiġu riveduti u approvati mill-impjegati awtorizzati; u

11.2.3. id-dokumenti skaduti jitwarrbu mill-ewwel.

11.3. Id-dokumenti użati biex jiddeskrivu u jimplimentaw l-SMS jistgħu jissejħu "il-manwal ta' amministrazzjoni tas-sigurtà". Id-dokumentazzjoni għandha tinżamm f'forma li l-kumpannija tikkunsidra l-iżjed effettiva. Kull bastiment għandu jkollu abbord id-dokumentazzjoni kollha rilevanti għal dak il-bastiment.

12. IL-VERIFIKA, IR-REVIŻJONI U L-VALUTAZZJONI TAL-KUMPANNIJA,

12.1. Il-kumpannija għandha tagħmel reviżjonijiet interni fis-sigurtà biex tivverifika jekk l-attivitajiet tas-sigurtà u tal-prevenzjoni mit-tniġġis ikunux konformi mal-SMS.

12.2. Il-kumpannija għandha tivvaluta perjodikament l-effiċjenza u meta jkun meħtieġ tirrevedi l-SMS skond il-proċeduri stabbiliti mill-kumpannija.

12.3. Ir-reviżjonijiet u l-azzjonijiet korrettivi possibli għandhom isiru skond il-proċeduri dokumentati.

12.4. L-impjegati li jagħmlu r-reviżjonijiet għandhom ikunu indipendenti mill-oqsma li jkunu qegħdin jiġu vverifikati sakemm dan ma jkunx imprattikabbli minħabba d-daqs u n-natura tal-kumpannija.

12.5. Ir-riżultati tal-verifiki u r-reviżjonijiet għandhom jinġiebu għall-attenzjoni ta' l-impjegati kollha li jkollhom responsabbiltà fil-qasam involut.

12.6. L-impjegati amministrattivi responsabbli għall-qasam involut għandhom jieħdu azzjoni korrettiva fil-pront dwar in-nuqqasijiet li jkunu nstabu.

13. IĊ-ĊERTIFIKAZZJONI, IL-VERIFIKA U L-KONTROLL

13.1. Il-bastiment għandu jiġi operat minn kumpannija li jkun inħarġilha d-dokument rilevanti tal-konformità għal dak il-bastiment.

13.2. Id-dokument tal-konformità għandu jinħareġ għal kull kumpannija li tkun konformi mal-ħtiġiet tal-Kodiċi ta' l-SIS mill-amministrazzjoni, minn organizzazzjoni rikonoxxuta mill-amministrazzjoni jew mill-gvernijiet tal-pajjiż, li jaġixxu f'isem l-amministrazzjoni li fiha l-kumpannija tkun għażlet li tmexxi n-negozju tagħha. Dan id-dokument għandu jiġi aċċettat bħala evidenza li l-kumpannija tkun kapaċi tikkonforma mal-ħtiġiet tal-Kodiċi.

13.3. Kopja ta' dokument ta' din ix-xorta għandha titqiegħed fuq il-bastiment sabiex il-kaptan, jekk ikun mitlub, ikun jista' jipproduċiha għall-verifika ta' l-amministrazzjoni jew l-organizzazzjonijiet rikonoxxuti minnha.

13.4. Iċ-ċertifikat, imsejjaħ iċ-ċertifikat ta' l-amministrazzjoni tas-sigurtà, għandu jinħareġ lill- bastiment mill-amministrazzjoni jew mill-organizzazzjoni rikonoxxuta mill-amministrazzjoni. L-amministrazzjoni għandha, meta toħroġ iċ-ċertifikat, tivverifika li l-kumpannija u l-amministrazzjoni tagħha abbord ikunu joperaw skond l-SMS approvat.

13.5. L-amministrazzjoni jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta mill-amministrazzjoni għandhom minn żmien għal żmien jivverifikaw li l-SMS tal-bastiment ikun qed jiffunzjona sewwa kif approvat.

--------------------------------------------------