31995R2869



Official Journal L 303 , 15/12/1995 P. 0033 - 0038


Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KEE) Nru 2869/95

tat-13 ta' Diċembru 1995

dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-Trademarks u d-Disinji)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 Diċembru 1993 dwar it-trade mark tal-Komunità [1], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 3288/94 [2] u b'mod partikolari Artikolu 139 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità [3],

Billi Artikolu 139(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament") jipprovdi li r-regolamenti tad-drittijiet għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 141 tar-Regolament;

Billi Artikolu 139(1) tar-Regolament jipprovdi li r-regolamenti tad-drittijiet għandhom jistabbilixxu b'mod partikolari l-ammont tad-drittijiet u l-modi ta' kif dawn għandhom jitħallsu;

Billi Artikolu 139(2) tar-Regolament jipprovdi li l-ammonti tad-drittijiet għandhom jiġu stabbiliti fuq livell tali li jiżgura li d-dħul fir-rigward tagħhom ikun fi prinċipju biżżejjed sabiex il-budget tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (it-trade marks u d-disinji) ("l-Uffiċċju") jiġi bbilanċjat;

Billi, madankollu, fil-fażi tal-bidu tax-xogħol ta' dan l-Uffiċċju, jista' jkun hemm bilanċ biss jekk ikun hemm sussidju mill-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, bi qbil ma Artikolu 134(3) tar-Regolament;

Billi d-dritt bażiku għall-applikazzjoni għal trade mark tal-Komunità għandu jinkludi l-ammont li l-Uffiċċju jkollu jħallas lil kull uffiċċju ċentrali tal-proprjetà industrijali fl-Istati Membri għal kull rapport ta' riċerka provdut minn dawn l-uffiċċji skond Artikolu 39(4) tar-Regolament;

Billi sabiex tiġi żgurata l-flessibilità meħtieġa, il-President tal-Uffiċċju ("il-President") għandu jingħata s-setgħa, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, li jistabbilixxi il-piżijiet li jistgħu jkunu pagabbli lill-Uffiċċju fir-rigward tas-servizzi li jista' joffri, l-ispejjeż għall-aċċess għall-bank ta' informazzjoni tal-Uffiċċju u talli jagħmel il-kontenut ta' dan il-bank ta' informazzjoni disponibbli fil-forma li tinqara mill-magni, u biex jistabbilixxi l-ħlasijiet għall-bejgħ tal-pubblikazzjonijiet tiegħu;

Billi, sabiex jiffaċilita l-pagament tad-drittijiet u l-piżijiet, il-President għandu jingħata s-setgħa li jawtorizza metodi ta' ħlas li jkunu addizzjonali għal dawk espliċitament msemmija f'dan ir-Regolament;

Billi huwa xieraq li d-drittijiet u l-piżijiet pagabbli lill-Uffiċċju għandhom jiġu maħduma fl-istess munita li tintuża fil-budget tal-Uffiċċju;

Billi l-budget tal-Uffiċċju huwa maħdum f'ecus;

Billi, barra minn hekk, il-ħidma ta' dawn l-ammonti f'ecus jevita diskrepanzi li jistgħu jirriżultaw mill-varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju;

Billi l-pagamenti fi flus kontanti għandhom isiru fil-munita tal-Istat Membru fejn l-Uffiċċju jkollu s-sede tiegħu;

Billi l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond Artikolu 141 ta' dan ir-Regolament,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ġenerali

Dan li ġej għandu jkun intaxxat skond dan ir-Regolament:

(a) drittijiet li għandhom jitħallsu lill-Uffiċċju kif għalihom hemm provdut fir-Regolament u fir-Regolament (KE) Nru 2868/95;

(b) il-piżijiet stabbiliti mill-President skond Artikolu 3(1) u (2)

Artikolu 2

Id-drittijiet li għalihom hemm provdut fir-Regolament u fir-Regolament (KE) Nru 2868/95

Id-drittijiet li għandhom jitħallsu lill-Uffiċċju taħt Artikolu 1(a) għandhom ikunu kif segwit:

(f'ecus) |

1. | Id-dritt bażiku għall-applikazzjoni għal marka individwali (Artikolu 26(2); Regola 4 (a)) | 975 |

2. | Id-dritt għal kull klassi ta' oġġetti u servizzi li jaqbżu tlieta għal marka individwali (Artikolu 26(2); Regola 4 (b)) | 200 |

3. | Id-dritt bażiku għal applikazzjoni għal marka kollettiva (Artikoli 26(2) u 64 (3) Regoli 4 (a) u 42) | 1675 |

4. | Id-dritt għal kull klassi ta' oġġetti u servizzi li jaqbżu tlieta għal marka kollettiva (Artikoli 26(2) u 64 (3); Regoli 4 (b) u 42) | 400 |

5. | Id-dritt tal-oppożizzjoni (Artikolu 42(3); Regola 18 (1)) | 350 |

6. | Id-dritt għall-bidla tar-rappreżentazzjoni tat-trade mark (punt 1 ta' Artikolu 140(2) u Artikolu 44(2); Regola 13 (2)) | 200 |

7. | Id-dritt bażiku għar-reġistrazzjoni ta' marka individwali (Artikolu 45; Regola 23 (1) (a)) | 1100 |

8. | Id-dritt għal kull klassi ta' oġġetti u servizzi li jaqbżu t-tlieta għal marka individwali (Artikolu 45; Regola 23 (1) (b)) | 200 |

9. | Id-dritt bażiku għar-reġistrazzjoni ta' marka kollettiva (Artikoli 45 u 64 (3); Regoli 23 (1) u 42) | 2200 |

10. | Id-dritt għal kull klassi ta' oġġetti u servizzi li jaqbżu t-tlieta għal marka kollettiva (Artikoli 45 u 64 (3), Regoli 23 (1) (b) u 42) | 400 |

11. | Id-dritt addizzjonali għall-pagament tard tad-dritt tar-reġistrazzjoni (punt 2 tal-Artikolu 140(2), Regola 23 (3)) | 25 %tad-dritt tar-registrazzjoni mħallas tard, soggett għal massimu ta' 750 |

12. | Id-dritt bażiku għal tiġdid ta' marka individwali (Artikolu 47(1), Regola 30 (2) (a)) | 2500 |

13. | Id-dritt għal kull klassi ta' oġġetti u servizzi li jaqbżu tlieta għal marka individwali (Artikolu 47(1), Regola 30 (2) (b)) | 500 |

14. | Id-dritt bażiku għal tiġdid ta' marka kollettiva (Artikoli 47(1) u 64 (3), Regoli 30 (2) u 42) | 5000 |

15. | Id-dritt għal kull klassi ta' oġġetti u servizzi li jaqbżu tlieta għal marka kollettiva (Artikoli 47(1) u 64 (3), Regoli 30 (2) (b) u 42) | 1000 |

16. | Id-dritt addizzjonali għal ħlas imħallas tard tad-dritt ta' tiġdid, jew għal talba għal tiġdid mdaħħla tard (Artikolu 47(3), Regola 30 (2) (c)) | 25 %tad-dritt ta' tiġdid imħallas tard, soġġett għal massimu ta' 1500 |

17. | Id-dritt għall-applikazzjoni għal revoka jew għal dikjarazzjoni ta' invalidità (Artikolu 55(2), Regola 39 (2)) | 700 |

18. | Id-dritt tal-appell (Artikolu 59, Regola 49 (1)) | 800 |

19. | Id-dritt għal restitutio in integrum (Artikolu 78(3)) | 200 |

20. | Id-dritt għal applikazzjoni għall-bidla ta' marka f'applikazjoni gћal trade mark nazzjonali (Artikolu 109(1), Regola 45 (2)) | 200 |

21. | Id-dritt għar-registrazzjoni tat-trasferiment totali jew parzjali ta' applikazzjoni għal trade mark tal-Komunità (Artikolu 24 u l-punt 4 ta' Artikolu 140(2); Regola 31 (4) u (8)) | 200għal kull daħla, iżda, fejn tiddaħħal aktar minn talba waħda fl-istess applikazzjoni jew fl-istess ħin, ma ma għandhomx jaqbżu total ta' 1000 |

22. | Id-dritt għal reġistrazzjoni ta' trasferiment totali jew parzjali ta' trade mark tal-Komunità rreġistrata (punt 4 ta' Artikolu 140(2); Regola 31 (4)) | 200għal kull daħla, iżda, fejn tiddaħħal aktar minn talba waħda fl-istess applikazzjoni jew fl-istess ħin, ma ma għandhomx jaqbżu total ta' 1000 |

23. | Id-dritt għal reġistrazzjoni ta' liċenza jew ta' dritt ieħor fir-rigward ta' trade mark tal-Komunità rregistrata (il-punt 5 ta' Artikolu 140(2), Regola 33 (1) jew applikazzjoni għal trade mark tal-Komunità (punt 6 ta' Artikolu 140(2), Regola 33 (4): (a)il-ħruġ ta' liċenza(b)it-trasferiment ta' licenzja(ċ)il-ħolqien tad-dritt in rem(d)it-trasferimnet tad-dritt in rem(e)it-taxxa tal-eżekuzzjoni | 200għal kull daħla, iżda, fejn tiddaħħal aktar minn talba waħda fl-istess applikazzjoni jew fl-istess ħin, ma ma għandhomx jaqbżu total ta' 1000 |

24. | Id-dritt għall-kanċellament tar-registrazzjoni ta' liċenza jew ta' dritt ieħor (punt 7 ta' Artikolu 140(2), Regola 35 (3)) | 200għal kull daħla, iżda, fejn tiddaħħal aktar minn talba waħda fl-istess applikazzjoni jew fl-istess ħin, ma ma għandhomx jaqbżu total ta' 1000 |

25. | Id-dritt għal tibdil fi trade mark irreġistrata tal-Komunità (il-punt 8 ta' Artikolu 140(2), Regola 25 (2)) | 200 |

26. | Id-dritt għal ħruġ ta' kopja tal-applikazzjoni għal trade mark tal-Komunità (il-punt 12 ta' Artikolu 140(2), Regola 89 (5)), il-kopja taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni (punt 3 ta' Artikolu 140(2), Regola 24 (2)), jew estratt mir-reġistru (punt 9 ta' Artikolu 140(2), Regola 84 (6)) | |

(a)kopji jew estratti mhux iċċertifikati | 10 |

(b)kopji jew estratti iċċertifikati | 30 |

27. | Id-dritt għall-ispezzjoni tal-files (punt 10 ta' Artikolu 140(2) Nru 10, Regola 89 (1)) | |

28. | Id-dritt għall-ħruġ ta' kopji tad-dokumenti ta' file (punt 11 ta' Artikolu 140(2), nru 11, Regola 89 (5) | |

(a)kopja mhux iċċertifikata | 10 |

(b)kopja iċċertifikata | 30 |

u għal kull paġna, jekk dawn jaqbżu l-10 | 1 |

29. | Id-dritt għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni f' file (punt 13 ta' Artikolu 140(2), Regola 90) | 10 |

u għal kull paġna, jekk dawn jaqbżu l-10 | 1 |

30. | Id-dritt għar-reviżjoni tal-istabbiliment tal-valuri proċedurali biex dawn jiġu rimborżati (punt 14 ta' Artikolu 140(2), Regola 94 (4)) | 100 |

Artikolu 3

Il-piżijiet stabbiliti mill-President

1. Il-President għandu jistabilixxi l-ammont li għandu jiġi mitlub għal kull servizz mogħti mill-Uffiċċju għajr dawk speċifikati f'Artikolu 2.

2. Il-President għandu jistabilixxi l-ammont li għandu jiġi mitlub għall-Bulletin tat-Trade marks tal-Komunità u għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju kif ukoll għal kull pubblikazzjoni oħra maħruġa mill-Uffiċċju.

3. L-ammonti tal-piżijiet għandhom jiġu stabbiliti f'ecus.

4. L-ammonti tal-piżijiet stabbiliti mill-President skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.

Artikolu 4

Data ta' meta għandhom jitħallsu d-drittijiet u l-piżijiet

1. Id-drittijiet u l-piżijiet li fir-rigward tagħhom, id-data ta' meta għandhom jitħallsu ma tkunx ġiet speċifikata fir-Regolament jew fir-Regolament Nru 2868/95 għandhom ikunu dovuti fid-data li fiha tkun daħlet it-talba għas-servizz li għalih ikun mitlub il-ħlas.

2. Il-President jista' jiddeċiedi li ma jagħmilx is-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 dipendenti fuq ħlas bil-quddiem tad-drittijiet u l-piżijiet li jikkorrespondu.

Artikolu 5

Il-pagament tad-drittijiet u tal-piżijiet

1. Id-drittijiet u l-piżijiet dovuti lill-Uffiċċju għandhom jitħallsu

(a) b'pagament jew trasferiment f'kont bankarju tal-Uffiċċju,

(b) b'għoti jew ħruġ ta' ċekkijiet pagabbli lill-Uffiċċju, jew

(ċ) bi flus kontanti.

2. Il-President jista' jippermetti metodi ta' pagament ta' xorta oħra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, b'mod partikolari permezz ta' depożiti f'kontijiet kurrenti li jkollu ma l-Uffiċċju.

3. Id-deċiżjonijiet magħmula skond il-paragrafu 2 għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.

Artikolu 6

Il-muniti

1. Il-pagamenti jew it-trasferimenti f'kont bankarju msemmija f'Artikolu 5(1)(a), b'għoti jew ħruġ ta'ċekkijiet jew bi kwalunkwe mod ieħor ta' ħlas aċċettat mill-President skond Artikolu 5(2) għandu jsir f'ecus.

2. Il-pagamenti fi flus kontanti msemmija f'Artikolu 5(1)(ċ) għandhom isiru fil-munita tal-Istat Membru fejn l-Uffiċċju jkollu s-sede tiegħu. Il-President għandu jistabilixxi l-ekwivalenti tal-ecus f'din il-munita fuq il-bażi tar-rati tal-kambju fis-seħħ, li jiġu ffissati kuljum mill-Kummissjoni u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3320/94 [4].

Artikolu 7

Id-dettalji li jikkonċernaw il-pagament

1. Kull pagament għandu jagħti l-isem tal-persuna li tagħmel il-pagament u għandu jkollu l-informazzjoni meħtieġa sabiex l-Uffiċċju jkun jista' jistabbilixxi immedjatament l-għan tal-pagament. B'mod partikolari, għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni segwenti:

(a) meta jitħallas id-dritt tal-applikazzjoni, l-għan tal-pagament, jiġifieri "id-dritt tal-applikazzjoni";

(b) meta jitħallas id-dritt tar-reġistrazzjoni, in-numru tal-file tal-applikazzjoni li huwa l-bażi tar-reġistrazzjoni u l-għan tal-pagament, jiġifieri "l-ħlas ta' reġistrazzjoni";

(ċ) meta jitħallas id-dritt ta' oppożizzjoni, in-numru tal-file tal-applikazzjoni u isem l-applikant għat-trade mark tal-Komunità li għaliha tkun qiegħda ssir l-oppożizzjoni, u l-għan tal-pagament, jiġifieri "pagament tal-oppożizzjoni;"

(d) meta jitħallas id-dritt tar-revoka u id-dritt tal-invalidità, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-isem tal-propjetarju tat-trade mark tal-Komunità li l-applikazzjoni tkun indirizzata kontra tiegħu, u l-għan tal-pagament, jiġifieri "id-dritt tar-revoka" jew "id-dritt tal-invalidità".

2. Jekk l-għan tal-pagament ma jkunx jista' jiġi stabbilit immedjatament, l-Uffiċċju għandu jitlob lill-persuna li tkun qiegħda tagħmel il-pagament sabiex tinformah bil-miktub b' dan il-għan, fi żmien li l-Uffiċċju jista' jispeċifika. Jekk il-persuna ma tikkonformax ma' din it-talba fiż-żmien dovut, il-pagament għandu jiġi kkunsidrat bħala li ma jkunx ġie imħallas. L-ammont li jkun diġà tħallas għandu jiġi rimborżat.

Artikolu 8

Id-data ta' meta għandu jsir il-pagament

1. Id-data li fiha kull pagament għandu jitqies bħala li jkun sar lill-Uffiċċju għandha tkun kif segwit:

(a) fil-każijiet li hemm riferenza għalihom f'Artikolu 5(1)(a), id-data li fiha l-ammont tal-pagament jew tat-trasferiment ikun fil-fatt iddaħħal f'kont bankarju ta l-Uffiċċju;

(b) fil-każ li hemm riferenza għalih f'Artikolu 5(1)(b), id-data ta' meta ċ-ċekk jasal fl-Uffiċċju, sakemm iċ-ċekk ikun jissarraf;

(ċ) fil-każijiet imsemmija f'Artikolu 5(1)(ċ), id-data ta' meta jiġi riċevut il-ħlas bil-flus kontanti.

2. Meta l-President jippermetti, skond id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 5(2), metodi oħra ta' ħlas ta' drittijiet għajr dawk imsemmja f'Artikolu 5(1), huwa għandu jistabilixxi wkoll id-data li fiha dawn il-pagamenti għandhom jitqiesu bħala li jkunu saru.

3. Billi, skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-pagament ta' dritt ma jitqiesx li jkun sar sakemm jintemm il-perjodu ta' żmien li fih ikun dovut, għandu jiġi meqjus li dan il-perjodu jkun ġie imħares jekk tiġi provduta xhieda lill-Uffiċċju li l-persuna li tkun għamlet il-pagament -

(a) fi Stat Membru, fil-perjodu ta' żmien li fih il-pagament kien messu sar:

(i) għamlet il-pagament permezz ta' stabbiliment bankarju;

(ii) tat ordni f'waqtha lil stabbiliment bankarju biex jittrasferixxi l-ammont tal-pagament, jew

(iii) tkun bagħtet f'uffiċċju postali jew b'xi mod ieħor ittra bl-indirizz tal-Uffiċċju u li kien fiha ċekk fit-tifsira ta' Artikolu 5(1)(b), sakemm iċ-ċekk ikun jissarraf;

u

(b) tkun ħallset soprataxxa ta' 10 % fuq id-dritt jew id-drittijiet rilevanti, iżda li ma taqbiżx il-200 ECU; ma titħallas l-ebda soprataxxa jekk tkun ġiet sodisfatta kondizzjoni skond is-subparagrafu (a) mhux iktar tard minn 10 t'ijiem qabel l-iskadenza taż-żmien tal-pagament.

4. L-uffiċċju jista' jitlob lill-persuna li tkun għamlet il-pagament biex tipprovdi evidenza dwar id-data li fiha, kondizzjoni, skond il-paragrafu (a) tkun ġiet sodisfatta, u fejn ikun meħtieġ, biex tħallas is-soprataxxa msemmija fil-paragrafu 3 (b), fil-perjodu ta' żmien li għandu jiġi speċifikat minnu. Jekk il-persuna tonqos milli tikkomforma ma' din it-talba jew jekk l-evidenza ma tkunx biżżejjed, jew jekk is-soprataxxa mitluba ma tkunx imħallsa fiż-żmien dovut, il-perjodu ta' żmien għall-pagament għandu jitqies bħala li ma jkunx ġie imħares.

Artikolu 9

Insuffiċjenza fl-ammont imħallas

1. Fi prinċipju, limitu ta' żmien għall-pagament għandu jitqies li jkun ġie mħares biss jekk l-ammont kollu tad-dritt ikun tħallas fiż-żmien dovut. Jekk id-dritt ma jitħallasx kollu, l-ammont li jkun tħallas għandu jiġi rimborżat wara li jkun intemm il-perjodu taż-żmien tal-pagament.

2. L-Uffiċċju jista', madankollu, sa fejn dan ikun possibbli fiż-żmien li jkun fadal qabel it-tmiem ta' dan il-perjodu, jagħti lill-persuna li tkun qiegħda tagħmel il-pagament l-opportunità li tħallas l-ammont li jkun fadal jew, fejn dan jitqies ġustifikat, mingħajr ma tagħti każ tal-ammonti żgħar kollha li jkun fadal mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-persuna li tkun qiegħda tagħmel il-pagament.

Artikolu 10

Ir-rifużjoni ta' ammonti mhux sinnifikanti

1. Meta jiġi mħallas ammont eċċessiv biex ikopri dritt jew piż, iż-żejjed ma għandux jiġi rimborżat jekk l-ammont ma jkunx sinnifikanti u jekk il-parti konċernata ma tkunx talbet b′ mod espliċitu għal rimborż. Il-President għandu jistabbilixxi x jikkostitwixxi ammont mhux sinnifikanti.

2. Id-deċiżjonijiet mill-President skond il-paragrafu 1 għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, fit-13 Diċembru 1995.

Għall-Kummissjoni

Mario Monti

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 11, tal-14.1.1994, p. 1.

[2] ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 83.

[3] Ara p. 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[4] ĠU L 350, tal-31.12.1994, p. 27.

--------------------------------------------------