31995R0603



Official Journal L 063 , 21/03/1995 P. 0001 - 0006


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/95

tal-21 ta’ Frar 1995

dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-għalf imnixxef

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42 u 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi r-Regolament (KEE) Nru 1117/78 [3] stabbilixxa organizzazzjoni komuni tas-suq f’għalf imnixxef; billi r-Regolament (KEE) Nru 1417/78 [4] stabbilixxa sistema ta’ għajnuna għal għalf imnixxef;

Billi għandu jsir ħlas ta’ għajnuna b’rata uniformi sempliċi għal għalf imnixxef; billi r-rata għal għalf li jkun imnixxef bis-sħana artifiċjali għandha tkun ogħla minn dik għal għalf imnixxef bix-xemx sabiex jittieħed kont ta’ l-ispejjeż addizzjonali involuti;

Billi sabiex tiġi limitata l-produzzjoni ta’ għalf imnixxef fil-Komunità, l-ammont li għalih l-għajnuna tista’ tingħata l-għajnuna għandu jkun soġġetti għal-limiti massimi;

Billi żewġ kwantitajiet garantiti massimi differenti (MGQ) għandhom jiġi ffissati, waħda għal għalf imnixxef bis-sħana artifiċjali u l-oħra għal dak imnixxef bix-xemx;

Billi dawn l-MGQs għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri fuq bażi ekwa waqt li jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-medja tal-produzzjoni tagħhom li għalihom ingħatat l-għajnuna skond l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 1117/78 fis-snin tas-suq 1992/93 u 1993/94 skond id-data disponibbli għall-Kummissjoni f’Lulju 1994;

Billi sabiex jiġi assigurat li l-MGQs ikunu rispettati u sabiex tiġi skoraġġita produzzjoni żejda fil-Komunità, fil-każ ta’ produzzjoni eċċessiva, l-għajnuna għal għalf imnixxef għandha titnaqqas; billi dak it-tnaqqis għandu jkun applikat ugwalment fl-Istati Membri kollha għall-ewwel 5 % li bihom jinqabżu l-MGQs; billi fil-każ ta’ eċċess akbar, dawk l-Istati Membri li jkunu qabżu l-kwantitajiet garantiti nazzjonali tagħhom għandhom ikunu soġġetti għal tnaqqis addizzjonali;

Billi l-ammont finali ta’ l-għajnuna ma jistax jitħallas sakemm ikun ġie kkalkolat jekk l-MGQ ikunx inqabeż; billi huwa għalhekk neċessarju li ħlasijiet bil-quddiem ta' l-għajnuna jsiru wara li il-għalf imnixxef ikun telaq mill-impriża ta’ l-ipproċessar;

Billi l-Parlament Ewropew talab għal avvanz aktar sostanzjali mill-50 % previsti fil-proposta tal-Kummissjoni; billi l-Kummissjoni qablet ma’ dik il-fehma; billi, bħala konsegwenza, l-ammonti li jidhru fl-Artikolu 6 saru proviżorji; billi, sabiex jissodisfa din it-talba, il-Kunsill mil-lum ’il quddiem jeżamina l-kwistjoni ta’ l-ammont ta’ l-avvanzi fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni, sabiex regolament li jistabbilixxi l-eżitu definittivament jista’ jiġi adottat mill-aktar fis possibbli;

Billi s-sena tas-suq għal għalf imnixxef li għalih tkun tħallset l-għajnuna għandha tibda mill-1 ta’ April kull sena sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara ladarba l-produzzjoni fl-Istati Membri tan-Nofsinhar tibda diġà f’April;

Billi l-kriterji relattivi għall-kwalità minima ta’ l-għalf imnixxef intitolat għall-għajnuna għandhom jiġu stabbiliti;

Billi, sabiex tiġi inkoraġġita fornitura regolari ta’ għalf aħdar lill-proċessuri u sabiex il-produtturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna, l-għoti ta’ għajnuna għandu f’ċerti każijiet ikun kondizzjonat għall-konklużjoni ta’ kuntratti bejn il-produtturi u impriżi ta’ l-ipproċessar;

Billi l-kuntratti għandhom, minn banda, jippromwovu provvisti regolari għall-impriżi ta’ l-ipproċessar u, mill-banda l-oħra, jippermettu lill-produtturi li jibbenefikaw mill-għajnuna; billi, għal dan l-iskop, għandu jiġi stabbilit li l-kuntratti jinkludu ċerta informazzjoni;

Billi l-impriżi ta’ l-ipproċessar għandhom jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet neċessarji biex ikunu intitolati għall-għajnuna; billi dawn l-impriżi għandhom għalhekk iżommu kontijiet tal-ħażniet, inklużi d-dettalji neċessarji għall-verifika ta’ l-intitolament għall-għajnuna u għandhom ifornu kull prova oħra neċessarja;

Billi, meta ma jkunx hemm kuntratti bejn il-produtturi u l-impriżi ta’ l-ipproċessar, informazzjoni oħra għandha tingħata minn ta’ l-aħħar bl-iskop tal-verifika ta’ l-intitolament għall-għajnuna;

Billi, fil-każ ta’ kuntratti ta’ ordni speċjali dwar l-ipproċessar ta’ għalf ikkunsinnat mill-produttur, għandha ssir dispożizzjoni biex l-għajnuna tkun tista’ tingħata lura lill-produttur;

Billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri maħsuba, għandha tiġi provduta proċedura li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat ta’ Amministrazzjoni;

Billi, skond l-Uruguay Round dwar in-negozjati multilaterali tal-kummerċ, il-Komunità nnegozjat diversi ftehim (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa bħala il-ftehim tal-GATT); billi diversi minn dawk il-ftehim jikkonċernaw l-agrikoltura, b’mod partikolari l-Ftehim dwar l-Agrikoltura (hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa bħala "il-Ftehim");

Billi, ladarba il-Ftehim dwar Salvagwardji jistabbilixxi regoli ċari dwar l-applikazzjoni ta’ klawżoli protettivi kif inkorporati fl-organizzazzjonijiet tas-suq, il-klawżola ta’ salvagwardja applikabbli għall-għalf imnixxef għandha tkun miżjuda b’referenza għall-obbligi li jirriżultaw minn ftehim internazzjonali;

Billi huwa neċessarju li jiġi assigurat li d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi jikkoinċidi mad-data li fiha jidħlu fis-seħħ l-obbligi għall-Komunità li jirriżultaw min-Negozjati Multilaterali tal-Kummerċ ta’ l-Uruguay Round;

Billi r-Regolamenti (KEE) Nru 1117/78 u (KEE) Nru 1417/78 għandhom jitħassru, bl-eċċezzjoni, għal dak li jirrigwarda l-ewwel Regolament, għal ċerti artikoli li għandhom jibqgħu fis-seħħ sad-data ta’ l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni li tinforza r-riżultati tan-negozjati ta’ l-Uruguay Round,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għandu jkun hemm organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-għalf imnixxef li tkopri l-prodotti li ġejjin:

Kodiċi NM | Deskjrizzjoni |

(a)ex12141000 | —Dqiq u gerbub ta’ xnien imnixxef artifiċjalment bis-sħana |

| —Dqiq u gerbub ta’ xnien imnixxef u mitħun mod ieħor |

ex12149091 u ex12149099 | —Xnien, ħuxlief, silla, ġulbiena tal-lupina u prodotti oħra ta’ l-għalf, imnixxfa artifiċjalment bis-sħana, minbarra tiben u kaboċċi ta’ l-għalf u prodotti li jkun fihom it-tiben |

| —Xnien, ħuxlief, silla, lupina, kaboċċi, kliel is-sultan, ċiċri u sieq l-għasfur, imnixxfa u mitħuna mod ieħor |

(b)ex23099098 | —Konċentrati ta’ proteini miksuba mill-meraq tax-xnien u mill-meraq tal-ħaxix |

| —Prodotti deidrati miksuba esklussivament mill-fdal solidu u meraq li jirriżulta mill-preparazzjoni tal-konċentrati msemmija fl-ewwel inċiż |

L-Artikolu 2

Is-sena tas-suq għall-prodotti msemmija fl- Artikolu 1 għandha tibda fl-1 ta’April ta’ kull sena u tispiċċa fil-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.

IT-TITOLU 1

Sistema ta’ Għajnuna

L-Artikolu 3

1. L-għajnuna għandha tingħata għall-prodotti elenkati fl- Artikolu 1.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 l-għajnuna għall-prodotti elenkati fl-ewwel u fit-tielet inċiżi ta’ l-Artikolu 1(a) u fl-Artikolu 1(b) għandhom ikunu 68,83 ECU/tunnellata metrika.

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 l-għajnuna għall-prodotti elenkati fit-tieni u fir-raba’ inċiżi ta’ l-Artikolu 1(a) għandhom ikunu 38,64 ECU/tunnellata metrika.

L-Artikolu 4

1. L-ogħla kwantità garantita (MGQ) għal kull sena tas-suq ta’ 4394 miljun tunnellata metrika ta’ għalf deidrat li għalih l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3(2) tista’ tingħata hija b’din stabbilita.

2. L-MGQ imsemmija fl-ewwel paragrafu għandha tinqasam kif ġej fost l-Istati Membri:

Kwantità nazzjonali garantita (NGQ)

| (tunnellati metriċi) |

Il-Belġju u l-Lussemburgu | 8000 |

Id-Danimarka | 334000 |

Il-Ġermanja | 421000 |

Il-Greċja | 32000 |

Spanja | 1224000 |

Franza | 1455000 |

L-Irlanda | 5000 |

L-Italja | 523000 |

L-Olanda | 285000 |

Il-Portugall | 5000 |

Ir-Renju Unit | 102000 |

3. L-ogħla kwantità garantita (MGQ) għal kull sena tas-suq ta’ 443500 tunnellata metrika ta’ għalf imnixxef bix-xemx li għalih l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3(3) tista’ tingħata, hija b’din stabbilita.

4. L-MGQ msemmija fil-paragrafu 3 għandha tinqasam kif ġej fost l-Istati Membri:

Kwantità nazzjonali garantita (NGQ)

| (tunnellati metriċi) |

Il-Belġju u l-Lussemburgu | — |

Id-Danimarka | — |

Il-Ġermanja | — |

Il-Greċja | 5500 |

Spanja | 101000 |

Franza | 150000 |

L-Irlanda | — |

L-Italja | 162000 |

L-Olanda | — |

Il-Portugall | 25000 |

Ir-Renju Unit | — |

L-Artikolu 5

Meta l-ammont ta’ għalf imnixxef li għalih għajnuna tiġi mitluba bi pretensjoni skond l-Artikoli 3(2) jew 3(3) f’kull sena kummerċjali jeċċedi l-MGQ imsemmija fl-Artikoli 4(1) jew 4(3) rispettivament, l-għajnuna li għandha titħallas f’dik is-sena għandha tiġi kkalkolata kif ġej:

- għall-ewwel 5 % li bihom tinqabeż l-MGQ, l-għajnuna għandha titnaqqas fl-Istati Membri kollha b’ammont li jkun proporzjonali għal dak l-eċċess,

- għal kull eċċess aktar minn 5 % tnaqqis addizzjonali jista’jsir f’kull Stat Membru li fih il-produzzjoni taqbeż l-NGQ miżjud b’5 % inproporzon ma’ dan l-eċċess.

It-tnaqqis li għandu jiġi applikat għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 17 u għandu jkun hekk li jassigura li l-ispiża murija f’ecu agrikolu ma taqbiżx dak li kien jinkiseb kieku l-MGQ relattiva ma tkunx inqabżet.

L-Artikolu 6

1. L-impriżi li jipproċessaw għalf imnixxef li japplikaw għall-għajnuna skond dan ir-Regolament għandhom ikunu intitolati għall-ħlas bil-quddiem:

- tal-34,41 ECU/tunnellata metrika fil-każ ta’ għalf imnixxef li għalih l-għajnuna fl-Artikolu 3(2) tkun mitluba bi pretensjoni, u

- ta’ 19,32 ECU/tunnellata metrika fil-każ ta’ għalf imnixxef li għalih tintalab l-għajnuna ta’ l-Artikolu 3(3).

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-verifiki meħtieġa biex jiżguraw li d-dritt għall-ħlas bil-quddiem ikun ġustifikat. Ladarba jiġi stabbilit id-dritt għall-ħlas, il-ħlas bil-quddiem għandu jsir.

2. Sabiex jikkwalifika għall-ħlas bil-quddiem, l-għalf imnixxef inkwistjoni għandu jkun telaq mill-impriża ta’ l-ipproċessar.

3. Meta ikun sar avvanz, għandu jitħallas bilanċ ugwali għad-differenza, jekk ikun hemm, bejn l-ammont ta’ l-avvanz u l-ammont totali ta’ għajnuna li għandha tingħata lill-impriża ta’ l-ipproċessar ta’ l-għalf imnixxef, waqt li tingħata kunsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ kull sena, bil-kwantitajiet ta’ għalf imnixxef eliġibbli għall-għajnuna skond l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) fis-sena tas-suq preċedenti.

L-Artikolu 8

L-għajnuna skond l-Artikolu 3 għandha tingħata, fuq applikazzjoni mill-parti kkonċernata, dwar l-għalf imnixxef li jkun telaq mill-impriża ta’ l-ipproċessar u li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-kontenut ta’ ndewwa għandu jinżel għal bejn il-11 u l-14 % u jista’ jvarja skond il-mod kif jiġi preżentat l-prodott;

(b) il-kontenut minimu ta’ proteina kruda fil-materja niexfa għandu jkun anqas minn:

- 15 % fil-każ ta’ prodotti elenkati fl-Artikolu 1(a) u t-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 1(b),

- 45 % fil-każ tal-prodotti elenkati fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1(b);

(ċ) l-għalf imniffex għandu jkun ta’ kwalità soda, ġenwina u li tista’ tkun innegozjata.

Kundizzjonijiet oħra, b’mod partikulari rigward il-kontenut ta’ karotina u ta’ fibra, jistgħu jkunu stipulati skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 17.

L-Artikolu 9

L-għajnuna skond l-Artikolu 3 għandha tingħata biss lill-impriżi li jipproċessaw il-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 li:

(a) jirreġistaw il-ħażniet b’mod li juri ta’ l-anqas:

- il-kwantitajiet utilizzati ta’ għalf aħdar, u meta applikabbli, għalf imnixxef bix-xemx; b’danakollu, meta ċ-ċirkustanzi partikulari hekk jeħtieġu, il-kwantitajiet jistgħu jiġu stmati fuq il-bażi ta’ l-uċuħ miżrugħa,

- il-kwantitajiet ta’ għalf imnixxef li jkun prodott u l-kwantitajiet u l-kwalita ta’ dan il-għalf li jitlaq mill-impriża;

(b) jipreżentaw kull dokument ieħor bħala prova meħtieġa biex jiġi vverifikat id-dritt għall-għajnuna;

(ċ) jidħlu f’ta’ l-anqas waħda minn dawn il-kategoriji:

- impriżi li jkunu ffirmaw kuntratti mal-produtturi ta’ l-għalf għat-tnixxif,

- impriżi li jkunu pproċessaw l-uċuħ tagħhom jew, fil-każ ta’ gruppi, dawk tal-membri tagħhom,

- impriżi li jkunu kisbu l-provvisti tagħhom mingħand persuni morali jew fiżiċi li joffru ċerti garanziji li għandhom jiġu determinati, u li jkunu ffirmaw kuntratti ma’ produtturi ta’ l-għalf għall-inxif; dawk il-persuni morali jew fiżiċi għandhom ikunu xerrejja approvati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li fihom l-għalf jinħasad, skond il-kondizzjonijiet stipulati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

L-Artikolu 10

Impriżi li jipproċessaw l-uċuħ tagħhom jew, fil-każ ta’ gruppi dawk tal-membri tagħhom, għandhom jissottomettu dikjarazzjonijiet annwali dwar l-uċuh li ħsad ta’ l-għalf tagħhom għandu jiġi pproċessat, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri sad-data li għandha tiġi determinata.

L-Artikolu 11

1. Il-kuntratti msemmija fl-Artikolu 9(ċ) għandhom jiddikjaraw mhux biss il-prezz li għandu jitħallas lill-produtturi għall-għalf u, fejn applikabbli, għall-għalf imnixxef mix-xemx, iżda wkoll ta’ l-anqas:

- l-area li minnha il-wiċċ għandu jiġi kkonsenjat lill-impriża ta’ l-ipproċessar,

- il-kondizzjonijiet tal-provvista u tal-pagament.

2. Meta l-kuntratti msemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 9(ċ) huma kuntratti ta’ ordni speċjali għall-ipproċessar ta’ l-għalf ipprovdut mill-istess produtturi, il-kuntratti għandhom jispeċifikaw ta’ l-anqas l-inħawi li l-wiċċ tagħhom għandu jiġi konsenjat u għandhom jinkludu klawsola li tistipula l-obbligu fuq l-impriżi ta’ proċessar biex iħallsu lill-produtturi l-għajnuna speċifikata fl-Artikolu 3 li huma jkunu rċevew għall-kwantitajiet ipproċessati skond il-kuntratti.

L-Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom jintroduċu sistema ta’ sorveljanza biex jivverifikaw, rigward kull impriża ta’ pproċessar, illi:

- il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli ta’ qabel ikunu mħarsa,

- il-kwantitajiet koperti bl-applikazzjonijiet għall-għajnuna jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta’ għalf imnixxef li jitilqu mill-impriżi.

2. L-għalf imnixxef għandu jintiżen u jittieħdu kampjuni minnu meta jitlaq mill-impriżi ta’ l-ipproċessar.

3. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet li jaħsbu li japplikaw biex jimplimentaw l-ewwel paragrafu, qabel ma dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew adottati.

IT-TITOLU II

Kummerċ ma’ pajjiżi terzi

L-Artikolu 13

Kemm-il darba dan ir-Regolament ma jipprovdix xort’oħra, ir-rati tad-dazju fit-Tariffa Doganali Komuni għandhom japplikaw għall-prodotti elenkati fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 14

1. Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda u r-regoli speċjali għall-applikazzjoni tagħha għandhom japplikaw għall-klassifika tariffarja tal-prodotti koperti f’dan ir-Regolament; in-nomenklatura tariffarja li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi inkorporata fin-nomenklatura magħquda.

2. Ħlief meta pprovdut xort’oħra f’dan ir-Regolament jew skond dispożizzjoni tiegħu, dan li ġej għandu jiġi pprojbit fil-kummerċ ma pajjiżi terzi:

- l-imposta ta’ kwalunkwe piż li jkollu effett ekwivalenti għal dazju doganali,

- l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni kwantitattiva jew miżura li jkollha effett ekwivalenti.

L-Artikolu 15

1. Jekk, minħabba żieda fl-importazzjoni jew fl-esportazzjoni, is-suq Komunitarju fi prodott wieħed jew aktar elenkati fl-Artikolu 1 ikun milqut minn, jew mhedded minn, disturb serju li x’aktarx jipperikola li jintlaħqu l-miri indikati fl-Artikolu 39 tat-Trattat, il-Kummissjoni tista’ tapplika miżuri approprjati fil-kummerċ ma’ pajjiżi terzi sakemm dan id-disturb jew theddid ikun waqaf.

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, skond il-proċedura ta’ votazzjoni stabbilita fl-Artikolu 43(2) tat-Trattat, għandu jadotta r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu u jfisser il-każijiet u limiti li fihom l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri interim protettivi.

2. Jekk tinħoloq is-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha, fuq talba minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, tiddeċiedi dwar il-miżuri neċessarji; l-Istati Membri għandhom jiġu notifikati b’dawn il-miżuri, li għandhom japplikaw immedjatament. Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, għandha tieħu deċiżjoni dwarha fi żmien tliet ġranet tax-xogħol wara li tirċievi t-talba.

3. Kwalunkwe Stat Membru jista’ jirreferi lill-Kunsill il-miżuri deċiżi mill-Kummissjoni fi żmien tlett ijiem utli mill-jum li fih kienu notifikati. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ mingħajr dewmien. Huwa jista’ waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jemenda jew iħassar il-miżura inkwistjoni.

4. Dan l-Artikolu għandu jiġi applikat inkonformità ma’ l-obbligi li joħorġu mill-ftehim konkluż skond l-Artikolu 228(2) tat-Trattat.

IT-TITOLU III

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 16

Ħlief kif provdut xort’oħra f’dan ir-Regolament, l-Artikoli 92, 93 u 94 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-produzzjoni tal-prodotti u l-kummerċ tagħhom imsemmija fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 17

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u ppreseduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Meta il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-president għandu jirreferi l-kwistjoni lill-kumitat jew fuq l-inizjattiva tiegħu proprja jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz fit-terminu taż-żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi-kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-president m’għandux jivvota.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Madanakollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux konformi ma’ l-opinjoni tal-kumitat, għandhom jiġu kkomunikati minnufih mill-Kummissjoni lill-Kunsill. F’dak il-każ:

- il-Kummissjoni tista’ tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahar mid-data ta’ din in-notifika,

- il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti bit-terminu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu ta’ qabel.

5. Il-kumitat jista’ jikkunsidra kull kwistjoni oħra mqajma mill-president tiegħu jew fuq l-inizjattiva proprja tiegħu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

L-Artikolu 18

Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 għandu jiġi adottat dan li ġej:

(a) regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk relatati ma’:

- l-għoti ta’ l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 3 u l-ħlas bil-quddiem previst fl-Artikolu 6,

- il-verifika u l-istabbiliment ta’ l-intitolament għall-għajnuna, inkluż kull kontroll neċessarju, li kollha jistgħu jagħmlu użu minn ċerti elementi tas-sistemà integrata,

- il-kriterji biex tiġi stabbilita l-kwalità minima,

- il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw l-impriżi msemmija fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 9(ċ), kif ukoll il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10,

- il-miżura ta’ kontroll li għandha ssir, kif imsemmi fl-Artikolu 12(2),

- il-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati għall-konklużjoni tal-kuntratti msemmija fl-Artikolu 9 u l-informazzjoni li għandu jkollhom, flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11,

- l-applikazzjoni tal-kwantità massima garantita (MGQ);

(b) miżuri transitorji jekk ikunu neċessarji biex jiffaċilitaw il-bidla mis-sistema ta’ għajnuna mfissra fir-Regolament (KEE) Nru 1117/78 għas-sistema stabbilita f’dan ir-Regolament.

L-Artikolu 19

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament.

L-Artikolu 20

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 1117/78 huwa hawmhekk imħassar ħlief għall-Artikoli 7 u 8 li għandhom jibqgħu fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 1995.

2. Ir-Regolament (KEE) Nru 1417/78 huwa hawnhekk imħassar.

L-Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 1995 ħlief għat-Titolu II, li għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 1995.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta’ Frar 1995.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Puech

[1] ĠU C 365, tal-21.12.1994, p. 8.

[2] ĠU C 56, tas-6.3.1995.

[3] ĠU L 142, tat-30.5.1978, p. 2. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3496/93 (ĠU L 319, tal-21.12.1993, p. 17).

[4] ĠU L 171, tat-28.6.1978, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1110/89 (ĠU L 118, tad-29.4.1989, p. 1).

--------------------------------------------------