31995L0044



Official Journal L 184 , 03/08/1995 P. 0034 - 0046


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 95/44/KE

tas-26 ta’ Lulju, 1995

li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom organiżmi ta’ ħsara, pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Annessi I sa V tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE jistgħu jiddaħħlu jew ikollhom moviment fil-Komunità jew f’ċerti żoni protetti tagħha, għal prova jew għal skopijiet xjentifiċi u għal xogħol fuq għażliet varjetali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta’ Diċembru, 1976, dwar miżuri protettivi kontra d-dħul fil-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għal pjanti jew prodotti ta’ pjanti u kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 95/4/KE [2], u partikolarment l-Artikoli 3(7)(e), 4 (5), 5 (5) u 12 (3c), tagħha,

Billi skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/93/KEE, organiżmi ta’ ħsara elenkati fl-Annessi I u II tagħha, kemm jekk waħedhom u kemm jekk assoċjati mal-pjanti jew prodotti tal-pjanti rilevanti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva msemmija, ma jistgħux jiddaħħlu u jinxterdu permezz ta’ moviment fil-Komunità jew f’ċerti żoni tagħha;

Billi skond l-istess Direttiva, pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Anness III tagħha, ma jistgħux jidħlu fil-Komunità jew f’ċerti żoni protetti tagħha;

Billi wkoll pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva msemmija, jistgħu ma jiddaħħlux jew ma jkollhoms moviment fil-Komunità jew f’ċerti żoni protetti tagħha jekk il-ħtiġijiet speċjali rilevanti ndikati fl-Anness imsemmi ma jkunux imħarsa;

Billi pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Anness V, Taqsima B, tad-Direttiva msemmija, li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi ma jistgħux jidħlu fil-Komunità jekk ma jkunux konformi ma’ l-istandards u l-ħtiġijiet stabbiliti fid-Direttiva msemmija u jkollhom magħhom ċertifikat fitosanitarju uffiċjali li jiżgura li jkun hemm din il-konformità, u li wkoll ikunu spezzjonati fuq bażi uffiċjali għal konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet;

Billi, iżda, l-Artikoli 3(7)(e), 4 (5), 5 (5) u 12 (3ċ) tad-Direttiva msemmija jipprovdu li dawk ir-regoli ma japplikawx għad-dħul u għal-moviment ta’ dawn l-organiżmi ta’ ħsara, pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra, għal prova jew għal skopijiet xjentifiċi u għal xogħol fuq għażliet varjetali, skond kondizzjonijiet speċifiċi li għandhom ikunu stabbiliti fuq livell komunitarju;

Billi għalhekk, jeħtieġ li jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiet li għandhom jitħarsu fil-każ ta’ dan id-dħul jew moviment, sabiex ikun żgurat li ma jkunx hemm riskju ta’ tixrid ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara;

Billi, iżda, il-kondizzjonijiet għal dħul bħal dan ta’ materjal għat-tkabbir tal-patata kienu diġà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 80/862/KEE [3], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 91/22/KEE [4], u li għalhekk m’humiex milquta minn din id-Direttiva; billi, barra dan, il-kondizzjonijiet għal dħul bħal dan ta’ ħamrija u ta’ mezz ta’ tkabbir li joriġinaw minn pajjiżi terzi kienu wkoll diġà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/447/KEE [5], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 94/9/KE [6], u li għalhekk m’humiex milquta minn din id-Direttiva;

Billi l-kondizzjonijiet imsemmija għal materjal skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3626/82 tat-3 ta’ Diċembru, 1982, dwar l-implimentazzjoni fil-Komunità tal-Konvenzjoni dwar il-kummerċ internazzjonali ta’ speċi ta’ fawna u flora salvaġġi mhedda li jinqerdu [7], kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 558/95 [8], u skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April, 1990, dwar ir-rilaxx apposta fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament [9], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 94/15/KEE [10], u dispożizzjonijiet oħra aktar speċifiċi tal-Komunità dwar speċi ta’ fawna/KE u flora salvaġġi u organiżmi modifikati ġenetikament, m’humiex milquta minn din id-Direttiva;

Billi l-miżuri msemmija f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti;

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet imsemmija fid-Deċiżjonijiet 80/862/KEE u 93/447/KEE għal materjal ta’ tkabbir tal-patata, u għall-ħamrija u mezz ta’ tkabbir, rispettivament, Stati Membri għandhom jiżguraw li għal kull attività għal prova jew għall-skopijiet xjentifiċi u għal xogħol fuq għażliet varjetali, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-attivitajiet’, li jkunu jinvolvu l-użu ta’ organiżmi ta’ ħsara, pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra taħt l-Artikoli 3(7)(e), 4 (5), 5 (5) jew 12 (3ċ) tad-Direttiva 77/93/KEE, minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘il-materjal’, għandha tintbagħat applikazzjoni lill-korpi uffiċjali responsabbli qabel id-dħul u l-moviment f’kull Stat Membru jew żoni protetti rilevanti tiegħu, ta’ kull materjal bħal dan.

2. L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, għandha tispeċifika għall-inqas dan li-ġej:

- l-isem u l-indirizz tal-persuna responsabbli mill-attivitajiet,

- l-isem jew l-ismijiet xjentifiċi tal-materjal, inkluż l-organiżmu ta’ ħsara kkonċernat, fejn ikun japplika,

- it-tip ta’ materjal,

- il-kwantità ta’ materjal,

- il-post ta’ l-oriġini tal-materjal, bi prova dokumentata xierqa għal materjal li jkollu jidħol minn pajjiż terz,

- it-tul ta’ żmien, tip u għanijiet ta’ l-attivitajiet maħsuba, inkluż mill-inqas, ġabra fil-qosor tax-xogħol u indikazzjoni tal-provi jew skopijiet xjentifiċi jew ta’ xogħol fuq għażliet varjetali,

- l-indirizz u d-deskrizzjoni tas-sit jew siti speċifiċi għal żamma fi kwarantina u, fejn ikun japplika, biex isiru testijiet,

- il-post ta’ l-ewwel ħażna jew ta’ l-ewwel tħawwil, kif jixraq, wara li l-materjal ikun ġie rilaxxjat uffiċjalment, fejn ikun xieraq,

- il-metodu propost għall-qerda jew trattament tal-materjal meta jitlestew l-attivitajiet approvati, fejn ikun jixraq,

- il-punt propost għad-dħul fil-Komunità ta’ materjal li jkun ġej minn pajjiż terz.

Artikolu 2

1. Stati Membri, malli jirċievu l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, għandhom japprovaw l-attivitajiet konċernati, jekk ikun stabbilit li l-kondizzjonijiet ġenerali msemmija fl-Anness I jitħarsu.

Stati Membri għandhom jirtiraw l-approvazzjoni msemmija f’kull waqt jekk ikun stabbilit li l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Anness I ma jibqgħux jitħarsu.

2. Wara l-approvazzjoni ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, Stati Membri għandhom japprovaw id-dħul jew il-moviment fl-Istat Membru jew f’żoni protetti rilevanti, tal-materjal imsemmi fl-applikazzjoni, iżda li dan il-materjal ikun akkumpanjat f’kull każ b’ittra ta’ awtorizzazzjoni għal dan id-dħul jew moviment ta’ organiżmi ta’ ħsara, pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra għal prova jew għal skopijiet xjentifiċi u għal xogħol fuq għażliet varjetali, minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘ittra ta’ awtorizzazzjoni’, li tkun skond il-mudell li jidher fl-Anness II u maħruġ mill-korp uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru li fih ikunu ser isiru l-attivitajiet, u,

(a) fil-każ ta’ materjal li joriġina fil-Komunità:

(i) meta l-post ta’ l-oriġini jkun fi Stat Membru ieħor, l-imsemmija ittra ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun aċċettata uffiċjalment mill-Istat Membru ta’ l-oriġini għal moviment tal-materjal miżmum f’kondizzjonijiet ta’ kwarantina; u

(ii) għal dawk il-pjanti, prodotti ta’ pjanti, u oġġetti oħra elenkati fl-Anness V, Taqsima A tad-Direttiva 77/93/KEE, il-materjal għandu wkoll ikun akkompoanjat b’passaport ta’ pjanti maħruġ skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 77/93/KEE, fuq il-bażi ta’ l-eżami li jkun sar skond l-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva għall-konformità mad-dispożizzjonijiet msemmija hemmhekk, esklużi dawk li jagħmlu referenza għal kull organiżmu ta’ ħsara li minħabba fih ikunu ġew approvati l-attivitajiet skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1. Il-passaport ta’ pjanti għandu jkun fih din id-dikjarazzjoni: ‘Il-moviment ta’ dan il-materjal huwa skond id-Direttiva 95/44/KE’.

F’każijiet fejn l-indirizz tas-sit jew siti speċifiċi għaż-żamma fi kwarantina jkun jinsab fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru responsabbli mill-ħruġ tal-passaport ta’ pjanti għandu joħroġ passaport ta’ pjanti biss fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni dwar l-approvazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 li tkun waslet uffiċjalment mingħand l-Istat Membru responsabbli għall-approvazzjoni ta’ l-attivitajiet, u fuq l-assigurazzjoni li l-kondizzjonijiet ta’ żamma fi kwarantina għandhom ikunu applikati matul il-moviment tal-materjal; u

(b) fil-każ ta’ materjal li jkun daħal minn pajjiz terz;

(i) Stati Membri għandhom jiżguraw li l-imsemmija ittra ta’ awtorizzazzjoni tinħareġ fuq il-bażi ta’ prova dokumentata xierqa dwar il-post ta’ l-oriġini tal-materjal; u

(ii) għal pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Anness V, Taqsima B tad-Direttiva 77/93/KEE, il-materjal għandu wkoll ikun akkompoanjat, meta jkun possibbli, b’ċertifikat fitosanitarju maħruġ fil-pajjiż ta’ l-oriġini skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 77/93/KEE, fuq il-bażi ta’ l-eżami li jkun sar skond l-Artikolu 6 ta’ dik id-Direttiva għall-konformità mad-dispożizzjonijiet msemmija hemmhekk, esklużi dawk li jagħmlu referenza għal kull organiżmu ta’ ħsara li minħabba fih ikunu ġew approvati l-attivitajiet skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

Iċ-ċertifikat għandu, taħt ‘Dikjarazzjoni addizzjonali’, ikun fih l-indikazzjoni li ġejja: ‘Dan il-materjal huwa importat skond id-Direttiva 95/44/KE’. L-organiżmu jew organiżmi rilevanti ta’ ħsara għandhom ukoll ikunu speċifikati, fejn japplika.

Fil-każijiet kollha Stat Membru għandu jiżgura li l-materjal jinżamm f’kondizzjonijiet ta’ kwarantina matul id-dħul u l-moviment imsemmi, u li jittieħed direttament u mill-ewwel lejn is-sit jew siti speċifikati fl-applikazzjoni.

3. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jissorvelja l-attivitajiet approvati u għandu jiżgura li:

(a) il-kondizzjonijiet ta’ żamma fi kwarantina u kondizzjonijiet ġenerali oħra speċifikati skond l-Anness I jitħarsu sa kemm idumu sejrin l-attivitajiet, b’eżami tal-postijiet u l-attivitajiet f’ħinijiet xierqa;

(b) il-proċeduri msemmija hawn taħt jitħarsu skond it-tip ta’ attivitajiet approvati:

(i) għal pjanti, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra maħsuba għal rilaxx minn kwarantina:

- il-pjanti, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra m’għandhomx ikunu rilaxxati mingħajr l-approvazzjoni tal-korp uffiċjali responsabbli, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ‘rilaxx uffiċjali’. Qabel ir-rilaxx uffiċjali il-pjanti, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra għandhom ikunu tqiegħdu taħt miżuri ta’ kwarantina, kif ukoll eżaminati, u jridu jkunu nstabu ħielsa b’dawn il-miżuri minn kull organiżmu ta’ ħsara, sakemm l-organiżmu ma jkunx identifikat bħala wieħed magħruf li jinsab fil-Komunità u li mhux elenkat fid-Direttiva 77/93/KEE,

- il-miżuri ta’ kwarantina, inklużi testijiet, għandhom isiru minn persunal imħarreġ xjentifikament ta’ dak il-korp jew ta’ korp approvat uffiċjalment, u għandhom isiru skond id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Anness III ta’ din id-Direttiva għall-pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra indikati,

- kull pjanta, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra li ma nstabux ħielsa permezz ta’ dawn il-miżuri, minn organiżmi ta’ ħsara kif speċifikat fl-ewwel sub-inċiż, u kull pjanta oħra, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra li ġew f’kuntatt magħhom jew li setgħu ġew kontaminati għandhom jinqerdu jew isirilhom trattament xieraq jew jitqiegħdu taħt miżura ta’ kwarantina bil-għan li jinqerdu l-organiżmi ta’ ħsara rilevanti; id-dispożizzjonijiet ta’ (ii), it-tieni sub-inċiż, għandhom japplikaw skond il-każ.

(ii) għal kull materjal ieħor (inklużi organiżmi ta’ ħsara), fit-tmiem tal-perjodu ta’ l-attivitajiet approvati, u għal materjal kollu li matul l-attivitajiet jinstab li kien kontaminat:

- il-materjal (inklużi l-organiżmi ta’ ħsara u kull materjal kontaminat) u kull pjanta oħra, prodotti ta’ pjanti jew oġġetti oħra li kienu f’kuntatt magħhom u li setgħu ġew kontaminati għandhom jinqerdu, ikunu sterilizzati jew xort’oħra ttrattati b’mod li għandu jkun indikat mill-korp uffiċjali responsabbli,

- u l-postijiet u l-faċilitajiet li fihom l-attivitajiet in kwistjoni jkunu saru għandhom ikunu sterilizzati jew inkella mnaddfa, kif meħtieġ, skond kif ikun indikat mill-korp uffiċjali responsabbli;

(ċ) kull kontaminazzjoni tal-materjal minn organiżmi ta’ ħsara elenkati fid-Direttiva 77/93/KEE u kull organiżmu ieħor ta’ ħsara kkunsidrat bħala riskju għall-Komunità mill-korp uffiċjali responsabbli u li jkun instab matul l-attività għandhom ikunu komunikati mill-ewwel lill-korp uffiċjali responsabbli mill-persuna responsabbli għall-attivitajiet, flimkien ma’ avviż f’każ li jirriżulta li l-organiżmi msemmija jkunu ħarġu fl-ambjent.

4. Stati Membri għandhom jiżguraw li għall-attivitajiet li fihom isir użu minn pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 77/93/KEE u li m’humiex milquta minn Taqsima A, Sezzjonijiet I sa III ta’ l-Anness III ta’ din id-Direttiva, għandhom jittieħdu miżuri xierqa ta’ kwarantina, inklużi testijiet. Dawn il-miżuri ta’ kwarantina għandhom ikunu komunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. Id-dettalji ta’ dawn il-miżuri ta’ kwarantina għandhom jitlestew u jiddaħħlu fl-Anness III ta’ din id-Direttiva malli l-informazzjoni teknika meħtieġa tkun disponibbli.

Artikolu 3

1. Qabel l-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra lista, bi kwantitajiet, ta’ dħul u movimenti ta’ materjal approvat b’din id-Direttiva matul il-perjodu preċedenti li jintemm fit-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, u b’kontaminazzjoni minn organiżmi ta’ ħsara ta’ materjal bħal dan, li jkun ġie kkonfermat bil-miżuri ta’ kwarantina, inklużi t-testijiet li jkunu saru skond l-Anness III, matul l-istess perjodu.

2. Stati Membri għandhom jikkooperaw amministrattivament permezz ta’ l-awtoritajiet stabbiliti jew maħtura skond l-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 77/93/KEE, fl-għoti tad-dettalji tal-kondizzjonijiet ta’ żamma fi kwarantina u ta’ miżuri mposti għal attivitajiet approvati b’din id-Direttiva.

Artikolu 4

1. Stati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Frar, 1996, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu mill-ewwel b’dan lill-Kummissjoni.

Meta Stati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din meta jkunu ppubblikati uffiċjalment. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri.

2. Stati Membri għandhom mill-ewwel jikkomunikaw lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet kollha tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam milqut minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf b’dan lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 26 ta’ Lulju, 1995.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 20.

[2] ĠU L 44, tat-28.2.1995, p. 56.

[3] ĠU L 248, tad-19.9.1980, p. 25.

[4] ĠU L 13, tat-18.1.1991, p. 21.

[5] ĠU L 209, ta’l-20.8.1993, p. 32.

[6] ĠU L 7, tal-11.1.1994, p. 15.

[7] ĠU L 384, tal-31.12.1982, p. 1.

[8] ĠU L 57, tal-15.3.1995, p. 1.

[9] ĠU L 117, tat-8.5.1990, p. 15.

[10] ĠU L 103, tat-22.4.1994, p. 20.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

1. Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw il-kondizzjonijiet ġenerali li ġejjin:

- it-tip u l-għanijiet ta’ l-attivitajiet li għalihom il-materjal jidħol u jkollu moviment għandhom ikunu ġew eżaminati mill-korp uffiċjali responsabbli u misjuba konformi mal-kunċett ta’ prova jew skopijiet xjentifiċi u għal xogħol fuq għażliet varjetali msemmija fid-Direttiva 77/93/KEE,

- il-kondizzjonijiet dwar żamma fil-kwarantina fil-postijiet u l-faċilitajiet fis-sit jew siti fejn l-attivitajiet għandhom isiru iridu jkunu ġew spezzjonati għal konformità mad-dispożizzjonijiet preskritti f’punt 2 u approvati mill-korp uffiċjali responsabbli,

- il-korp uffiċjali responsabbli għandu jillimita l-kwantità ta’ materjal għal ammont li jkun adegwat għall-attivitajiet approvati u f’kull każ l-ammont m’għandux ikun aktar minn kwantitajiet stabbiliti, meħud kont tal-faċilitajiet disponibbli ta’ żamma fi kwarantina,

- il-kwalifiki xjentifiċi u tekniċi tal-persunal li jkun ser jagħmel l-attivitajiet għandhom ikunu ġew eżaminati u approvati mill-korp uffiċjali responsabbli.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-kondizzjonijiet ta’ żamma fi kwarantina tal-postijiet u l-faċilitajiet fis-sit jew siti fejn l-attivitajiet ikunu ser isiru għandhom ikunu biżżejjed li jiżguraw kontrol bla periklu tal-materjal b’mod li jinżamm kull organiżmu ta’ ħsara tassew u li jkun eliminat ir-riskju ta’ tixrid ta’ dawn l-organiżmi. Għal kull attività msemmija fl-applikazzjoni, ir-riskju ta’ tixrid ta’ l-organiżmi ta’ ħsara miżmuma taħt kondizzjonijiet ta’ kwarantina għandu jkun stabbilit mill-korp uffiċjali responsabbli, meħud kont tat-tip ta’ materjal u l-attività li tkun ser issir, u l-bijoloġija ta’ l-organiżmi ta’ ħsara, il-mezzi li bihom jixterdu, l-azzjoni reċiproka ma’ l-ambjent u fatturi rilevanti oħra li jkollhom x’jaqsmu mar-riskju li jġib il-materjal imsemmi. B’riżultat ta’ l-istima tar-riskju l-korp uffiċjali responsabbli għandu jikkunsidra u jistabbilixxi kif ikun xieraq:

(a) il-miżuri ta’ kwarantina li ġejjin li jkollhom x’jaqsmu mal-postijiet, il-faċilitajiet u l-proċeduri tax-xogħol:

- iżolazzjoni fiżika minn kull materjal ieħor ta’ pjanti jew organiżmi ta’ ħsara, inkluż il-ħsieb li tkun kontrollata l-veġetazzjoni fiż-żoni ta’ madwarhom,

- ħatra ta’ persuna intermedjarja responsabbli għall-attivitajiet,

- aċċess ristrett għal persunal indikat biss għall-postijiet u l-faċilitajiet u għaż-żona ta’ madwarhom, kif ikun jixraq,,

- indikazzjoni tajba tal-postijiet u l-faċilitajiet li juru t-tip ta’ attivitajiet u l-persunal responsabbli,

- żamma ta’ reġistru ta’ l-attivitajiet li jkunu saru u manwal ta’ proċeduri ta’ xogħol, inklużi proċeduri f’każ li joħorġu organiżmi ta’ ħsara mill-post fejn ikunu qed jinżammu,

- sistemi adegwati ta’ sigurtà u allarm,

- miżuri tajba ta’ kontroll biex iżommu d-dħul u t-tixrid ta’ organiżmi ta’ ħsara fil-postijiet,

- proċeduri kkontrollati għat-teħid ta’ kampjuni u għat-trasferiment tal-materjal bejn postijiet u faċilitajiet,,

- tneħħija kontrollata kif jixraq ta’ skart, ħamrija u ilma,,

- proċeduri xierqa ta’ iġjene u disinfezzjoni u faċilitajiet għall-persunal, strutturi u tagħmir,

- miżuri u faċilitajiet xierqa għar-rimi ta’ materjal sperimentali,

- faċilitajiet u proċeduri xierqa ta’ indiċjar (inklużi testijiet) u

(b) aktar miżuri ta’ kwarantina skond il-bijoloġija u l-epidemjoloġija speċifika tat-tip ta’ materjal involut u l-attivitajiet approvati,

- manutenzjoni f’faċilitajiet li jisseparaw aċċess minn kamra b‘bieb doppju’ għall-persunal,

- manutenzjoni taħt pressjoni ta’ arja negattiva,

- manutenzjoni f’kontenituri mingħajr arja f’malji ta’ daqs tajjeb u barrieri oħra e.g. barriera ta’ l-ilma għad-dud, kontenituri tal-ħamrija magħluqa għal nematodi, nases ta’ l-elettriku għall-insetti,

- manutenzjoni f’iżolazzjoni minn organiżmi u materjal ieħor ta’ ħsara e.g materjal viruliferu ta’ ikel ta’ pjanti, materjal li jospita,

- manutenzjoni ta’ materjal għat-trobbija f’gaġeġ ta’ trobbija b’mezzi ta’ manipulazzjoni,

- ebda tgħammir ta’ l-organiżmi ta’ ħsara ma’ razez jew speċi indiġeni,

- organiżmi ta’ ħsara ma jitqegħdux f’koltura kontinwa,

- manutenzjoni f’kondizzjonijiet li jikkontrollaw strettament il-multiplikazzjoni ta’ l-organiżmu ta’ ħsara, e.g. taħt reġim ambjentali li ma jħallix li jkun hemm dijapawsa,

- manutenzjoni li ma tħallix li jsir tixrid permezz ta’ propaguli, e.g. kurrenti ta’ arja għandhom ikunu evitati,

- proċeduri għall-ispezzjoni tal-purità ta’ kolturi ta’ l-organiżmi ta’ ħsara għall-ħelsien minn parassiti u organiżmi oħra ta’ ħsara,

- programmi ta’ kontroll xieraq għall-materjal sabiex ikunu eliminati vektori li jista’ jkun hemm,

- għal attivitajiet in vitro, kontroll tal-materjal f’kondizzjonijiet sterili: tagħmir ta’ laboratorju biex isiru proċeduri asettiċi,

- manutenzjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara mxerrda minn vektori f’kondizzjonijiet li bihom ma jkunx hemm tixrid permezz tal-vektor e.g. xibka ta’ daqs kontrollat, għeluq ta’ ħamrija,

- iżolazzjoni skond l-istaġuni sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet isiru matul perjodi ta’ riskju żgħir għas-saħħa tal-pjanti.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Mudell ta’ Ittra ta’ Awtorizzazzjoni għad-dħul u/jew moviment ta’ organiżmi ta’ ħsara, pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra għal prova jew skopijiet xjentifiċi u għal xogħol fuq għażliet varjetali

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

MIŻURI TA’ KWARANTINA INKLUŻI TESTIJIET FUQ PJANTI, PRODOTTI TA’ PJANTI U OĠĠETTI OĦRA MAĦSUBA GĦAL RILAXX MINN KWARANTINA

TAQSIMA A Għal ċerti pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 77/93/KEE

Sezzjoni I Pjanti taċ-Ċitru L., Fortunella Swingle, Poncirus Raf. u l-ibridi tagħhom, esklużi frott u żerriegħa

1. Il-materjal tal-pjanti, skond il-każ, għandu jkun soġġett għal terapija xierqa, kif stabbilit fil-Linji-gwida Tekniċi tal-FAO/IPGRI.

2. Il-materjal tal-pjanti, wara l-proċeduri ta’ terapija magħmula f’punt 1, għandu jkun soġġett għal proċeduri ta’ indiċjar fl-intier tiegħu. Il-materjal kollu tal-pjanti, inklużi pjanti għall-indiċjar, għandu jinżamm fil-faċilitajiet approvati fil-kondizzjonijiet għal żamma fi kwarantina stabbiliti fl-Anness I. Materjal tal-pjanti maħsub biex ikun approvat għal rilaxx uffiċjali għandu jinżamm f’kondizzjonijiet li jwasslu għal ċiklu normali ta’ tkabbir veġetali u jkun soġġett għal spezzjoni viżwali għal sinjali u sintomi ta’ organiżmi ta’ ħsara inklużi l-organiżmi kollha ta’ ħsara rilevanti elenkati fid-Direttiva 77/93/KEE, mal-wasla u wara, f’ħinijiet xierqa, matul il-perjodu tal-proċeduri ta’ indiċjar.

3. Għall-finijiet ta’ punt 2, il-materjal tal-pjanti għandu jkun indiċjat għal organiżmi ta’ ħsara (ittestjat u identifikat) skond il-proċeduri li ġejjin:

3.1 It-testijiet għandhom isiru b’metodi xierqa ta’ laboratorju u, skond il-każ, bi pjanti indikaturi, inklużi Citrus sinensis (L.) Osbeck, C. aurantifolia Christm. Swing, C. medica L., C. reticulata Blanco u Sesamum L., biex issir tfittxija għall-inqas għall-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(a) Citrus greening bacterium

(b) Citrus variegated chlorosis

(ċ) Citrus mosaic virus

(d) Citrus tristeza virus (l-iżolati kollha)

(e) Citrus vein enation woody gall

(f) Leprosis

(g) Naturally spreading psorosis

(h) Phoma tracheiphila (Petri) Kanchaveli & Gikashvili

(i) Satsuma dwarf virus

(j) Spiroplasma citri Saglio et al

(k) Tatter leaf virus

(l) Witches’ broom (MLO)

(m) Xanthomonas campestris (ir-razez kollha patoġeniċi għaċ-Ċitru).

3.2 Għal mard bħal Blight jew mard ieħor bħal Blight li għalihom m’hemmx proċeduri ta’ indiċjar għal żmien qasir, il-materjal tal-pjanti jrid ikun soġġett mal-wasla tiegħu għat-tilqim tar-rimja fuq ħażniet tan-nebbieta mkabbra f’koltura sterili kif indikat fil-Linji-gwida Tekniċi tal-FAO/IPGRI, u l-pjanti li jirriżultaw li kienu soġġetti għal proċeduri ta’ terapija skond il-punt 1.

4. Il-materjal tal-pjanti soġġett għall-ispezzjonijiet viżwali msemmija fil-punt 2 u li fuqhom kienu ġew osservati sinjali u sintomi ta’ organiżmi ta’ ħsara għandhom ikunu soġġetti għal investigazzjoni inklużi testijiet fejn meħtieġ, sabiex tiġi stabbilita, sa fejn jista’ jkun, l-identità ta’ l-organiżmi ta’ ħsara li huma l-kawża tas-sinjali u s-sintomi.

Sezzjoni II Pjanti ta’ Cydonia Mill., Malus Mill., Prunus L. u Pyrus L. u l-ibridi tagħhom u Fragaria L., maħsuba għat-tħawwil, iżda mhux żerriegħa

1. Il-materjal tal-pjanti, skond il-każ, għandhu jkun soġġett għal proċeduri ta’ terapija xierqa kif indikata fil-Linji-gwida Tekniċi tal-FAO/IPGRI.

2. Il-materjal tal-pjanti, wara l-proċeduri ta’ terapija magħmula f’punt 1, għandu jkun soġġett għal proċeduri ta’ indiċjar fl-intier tiegħu. Il-materjal kollu tal-pjanti, inklużi pjanti għall-indiċjar, għandu jinżamm fil-faċilitajiet approvati fil-kondizzjonijiet għal żamma fi kwarantina msemmija fl-Anness I. Materjal tal-pjanti maħsub biex ikun approvat għal rilaxx uffiċjali għandu jinżamm f’kondizzjonijiet li jwasslu għal ċiklu normali ta’ tkabbir veġetali u jkun soġġett għal spezzjoni viżwali għal sinjali u sintomi ta’ organiżmi ta’ ħsara inklużi l-organiżmi kollha ta’ ħsara rilevanti elenkati fid-Direttiva 77/93/KEE, mal-wasla u wara, f’ħinijiet xierqa, matul il-perjodu tal-proċeduri ta’ indiċjar.

3. Għall-finijiet ta’ punt 2, il-materjal tal-pjanti għandu jkun indiċjat għal organiżmi ta’ ħsara (ittestjat u identifikat) skond il-proċeduri li ġejjin:

3.1 Fil-każ ta’ Fragaria L., irrispettivament mill-pajjiż ta’ l-oriġini tal-materjal tal-pjanti, it-testijiet għandhom isiru b’metodi xierqa ta’ laboratorju u, skond il-każ, bi pjanti indikaturi, inklużi Fragaria vesca, F. virginiana u Chenopodium spp. biex issir tfittxija għall-inqas għall-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(a) il-virus Arabis mosaic

(b) il-virus Raspberry ringspot

(ċ) il-virus Strawberry crinkle

(d) il-virus strawberry latent ‘C’

(e) il-virus Strawberry latent ringshot

(f) il-virus Strawberry mild yellow edge

(g) il-virus Strawberry vein banding

(h) Strawberry witches’ broom mycoplasm

(i) il-virus Tomato black ring

(j) il-virus Tomato ringspot

(k) Colletotrichum acutatum Simmonds

(l) Phytophthora fragariae Hickman var fragariae Wilcox & Duncan

(m) Xanthomonas fragariae Kennedy & King.

3.2 Fil-każ ta’ Malus Mill:

(i) meta l-materjal tal-pjanti joriġina minn pajjiż li ma jkunx magħruf bħala ħieles minn xi wieħed mill-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(a) Apple proliferation mycoplasm; jew

(b) il-virus Cherry rasp leaf (Amerikan),

it-testijiet għandhom isir b’metodi xierqa ta’ laboratorju u, skond il-każ, bi pjanti indikaturi għal tfittxija għall-inqas għall-organiżmi rilevanti ta’ ħsara, u

(ii) irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tal-materjal tal-pjanti, it-testijiet għandhom isir b’metodi xierqa ta’ laboratorju u, skond il-każ, bi pjanti indikaturi biex issir tfittxija għall-inqas għall-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(a) il-virus Tobacco ringspot

(b) il-virus Tomato ringspot

(c) Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al.

3.3 Fil-każ ta’ Prunus L., skond kif jixraq għal kull speċi ta’ Prunus:

(i) meta l-materjal tal-pjanti joriġina minn pajjiż li ma jkunx magħruf li huwa ħieles minn xi wieħed mill-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(a) Apricot chlorotic leafroll mycoplasm;

(b) Cherry rasp leaf virus (Amerikan); jew

(c) Pseudomonas syringae pv. persicae (Prunier et al.) Young et al.,

it-testijiet għandhom isiru b’metodi xierqa ta’ laboratorju u, skond il-każ, bi pjanti indikaturi għal tfittxija għall-inqas għall-organiżmi rilevanti ta’ ħsara, u

(ii) irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tal-materjal tal-pjanti, it-testijiet għandhom isir b’metodi xierqa ta’ laboratorju u, skond il-każ, bi pjanti indikaturi biex issir tfittxija għall-inqas għall-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(a) Little cherry pathogen (iżolati mhux Ewropej)

(b) Peach mosaic virus (American)

(c) Peach phony rickettsia

(d) Peach rosette mosaic virus

(e) Peach rosette mycoplasm

(f) Peach X-disease mycoplasm

(g) Peach yellows mycoplasm

(h) Plum linarda (jew ling) pattern virus (American)

(i) Plum pox virus

(j) Tomato ringspot virus

(k) Xanthomonas campestris pv. pruni (Smith) Dye.

3.4 Fil-każ ta’ Cydonia Mill. u Pyrus L. irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tal-materjal tal-pjanti, testijiet permezz ta’ metodi xierqa ta’ laboratorju, u, fejn jixraq, bi pjanti indikaturi għal tfittxija għall-inqas għall-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(a) Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al.

(b) Pear decline mycoplasm.

4. Il-materjal tal-pjanti soġġett għall-ispezzjonijiet viżwali msemmija fil-punt 2 u li fuqhom kienu ġew osservati sinjali u sintomi ta’ organiżmi ta’ ħsara għandhom ikunu soġġetti għal investigazzjoni inklużi testijiet fejn meħtieġ, sabiex tiġi stabbilita, sa fejn jista’ jkun, l-identità ta’ l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu l-kawża tas-sinjali u s-sintomi.

Sezzjoni III. Pjanti ta’ Vitis L., minbarra frott

1. Il-materjal tal-pjanti għandu jkun soġġett, skond il-każ, għal proċeduri xierqa ta’ terapija kif indikat fil-Linji-gwida Tekniċi tal-FAO/IPGRI.

2. Il-materjal tal-pjanti, wara l-proċeduri ta’ terapija li jkunu saru f’punt 1, għandu jkun soġġett kollu kemm hu għal proċeduri ta’ indiċjar. Il-materjal kollu tal-pjanti, inklużi pjanti ta’ l-indiċjar, għandu jinżamm fil-faċilitajiet approvati fil-kondizzjonijiet ta’ żamma fi kwarantina msemmija f’L-Anness I. Materjal tal-pjanti maħsub biex ikun approvat għal rilaxx uffiċjali għandu jinżamm f’kondizzjonijiet li jwasslu għal ċiklu normali ta’ tkabbir veġetali u jkun soġġett għal spezzjoni viżwali għal sinjali u sintomi ta’ organiżmi ta’ ħsara, inklużi dawk ta’ Daktulosphaira vitifoliae (Fitch) u ta’ l-organiżmi kollha ta’ ħsara rilevanti elenkati fid-Direttiva 77/93/KEE, mal-wasla u wara, f’ħinijiet xierqa, matul il-perjodu tal-proċeduri ta’ indiċjar.

3. Għall-finijiet ta’ punt 2, il-materjal tal-pjanti għandu jiġi indiċjat għal organiżmi ta’ ħsara (ittestjat u identifikat) skond il-proċeduri li ġejjin:

3.1 Meta l-materjal tal-pjanti joriġina minn pajjiż li ma jkunx magħruf bħala ħieles minn xi wieħed mill-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(i) il-marda Ajinashika.

It-testijiet għandhom isiru b’metodu xieraq ta’ laboratorju. Fil-każ ta’ riżultat negattiv, il-materjal tal-pjanti għandu jkun indiċjat fuq il-varjetà tad-dielja Koshu u miżmum għal osservazzjoni għal mill-inqas żewġ ċikli ta’ veġetazzjoni.

(ii) Grapevine stunt virus

It-testijiet għandhom jużaw pjanti indikaturi xierqa, inkluża l-varjetà tad-dielja Campbell Early, u l-osservazzjoni għandha ssir matul sena waħda.

(iii) Summer mottle

It-testijiet għandhom isiru bi pjanti indikaturi xierqa inkluża l-varjetajiet tad-dielja Sideritis, Cabernet-Franc u Mission.

3.2 Irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tal-materjal tal-pjanti, it-testijiet għandhom isiru b’metodi xierqa ta’ laboratorju u, skond il-każ, bi pjanti indikaturi biex issir tfittxija għall-inqas għall-organiżmi ta’ ħsara li ġejjin:

(a) il-virus Blueberry leaf mottle

(b) Grapevine Flavescence dorée MLO u grapevine yellows oħra

(c) il-virus Peach rosette mosaic

(d) il-virus Tabakk ringspo

(e) il-virus Tomato ringspo (razza ‘yellow vein’ u razez oħra)

(f) Xylella fastidiosa (Well & Raju)

(g) Xylophilus ampelinus (Panagopoulos) Willems et al.

4. Il-materjal tal-pjanti soġġett għall-ispezzjonijiet viżwali msemmija fil-punt 2 u li fuqhom kienu ġew osservati sinjali u sintomi ta’ organiżmi ta’ ħsara għandhom ikunu soġġetti għal investigazzjoni inklużi testijiet fejn meħtieġ, sabiex tkun stabbilita, sa fejn jista’ jkun, l-identità ta’ l-organiżmi ta’ ħsara li jkunu l-kawża tas-sinjali u s-sintomi.

TAQSIMA B Għal pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Annessi II u IV tad-Direttiva 77/93/KEE

1. Il-miżuri uffiċjali ta’ kwarantina għandhom jinkludu spezzjoni xierqa jew testijiet għall-organiżmi ta’ ħsara rilevanti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 77/93/KEE u għandhom isiru skond il-ħtiġijiet speċjali msemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 77/93/KEE għal organiżmi speċifiċi ta’ ħsara, skond il-każ. Dwar dawn il-ħtiġijiet speċjali il-metodi wżati għall-miżuri ta’ kwarantina għandhom ikunu dawk imsemmija fl-Anness IV tad-Direttiva 77/93/KEE jew miżuri oħra ekwivalenti u uffiċjalment approvati.

2. Il-pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra jridu jinstabu ħielsa, skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, mill-organiżmi ta’ ħsara rilevanti msemmija fl-Annessi I, II u IV tad-Direttiva 77/93/KEE għal dawk il-pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra.

--------------------------------------------------