31995L0028



Official Journal L 281 , 23/11/1995 P. 0001 - 0030


Id-Direttiva 95/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-24 ta' Ottubru 1995

dwar il-mod kif iġibu ruħhom fi ħruq ċerti materjali użati fil-kostruzzjoni minn ġewwa ta' ċerti kategoriji ta' vetturi bil-mutur

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

Billi s-suq intern jinkludi qasam mingħajr fruntieri interni li fih, il-moviment ħieles ta' oġġetti, persuni, servizzi u ta' kapital huwa żgurat; billi huwa importanti li jiġu adottati miżuri għal dak il-għan;

Billi l-ħtiġiet tekniċi li ċerti kategoriji ta' vetturi għandhom jissodisfaw bi qbil mal-liġi nazzjonali, għandhom x'jaqsmu, inter alia, mal-mod kif iġibu ruħhom fi ħruq il-materjali użati fil-kostruzzjoni minn ġewwa ta' ċerti kategoriji ta' vetturi bil-mutur;

Billi dawn il-ħtiġiet huma differenti minn Stat Membru għal ieħor;

Billi għalhekk huwa meħtieġ li l-Istati Membri kollha jadottaw l-istess ħtiġiet jew b'żieda ma', jew minflok ir-regoli eżistenti tagħhom, sabiex, b'mod partikolari, jippermettu li l-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [4], li tiġi implimentata aktar;

Billi din id-Direttiva sejra tkun waħda mid-Direttivi separati ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE li ġiet stabbilita bid-Direttiva 70/156/KEE; billi, konsegwentament, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 70/156/KEE li għandhom x'jaqsmu mas-sistemi ta' vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati għandhom ikunu applikabbli għall-għanijiet ta' din id-Direttiva;

Billi huwa xieraq li ssir referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 77/649/KEE [5], li fiha l-proċedura għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-punt ta' referenza dwar in-numru ta' postijiet (il-"punt-R");

Billi, bil-għan li tkun żgurata is-sigurtà ta' l-okkupant u dik stradali, huwa importanti li l-materjali użati fil-kostruzzjoni ta' l-intern tal-qafas tal-karozzi tal-linja u tal-coaches jissodisfaw il-ħtiġiet minimi sabiex ikun evitat jew għallinqas ittardjat l-iżvilupp ta' fjammi sabiex l-okkupanti jilħqu jevakwaw il-vetturi fil-każ ta' nar;

Billi huwa mixtieq li jkunu introdotti rotot alternattivi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bħala sistemi bi qbil ma' din id-Direttiva, i.e. jew fuq il-bażi ta' testijiet dwar il-mod kif iġibu ruħhom fi ħruq il-materjali ta' ġewwa użati f'vetturi bil-mutur jew fuq il-bażi ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' komponent tal-KEE għal kull materjal u/jew it-tagħmir bħalma huma s-sedili, il-purtieri, eċċ. li għandhom jitwaħħlu fil-kostruzzjoni interna ta' dawn il-vetturi li bihom għandha tkun ivverifikata l-istallazzjoni korretta ta' materjali approvati u/jew ta' tagħmir bħal dawn,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

- "vettura": tfisser kwalunkwe vettura kif definita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156/KEE,

- "komponent": tfisser apparat kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 70/156/KEE.

L-Artikolu 2

Stat Membru ma jistax jirrifjuta:

- approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal vettura jew jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta' vettura għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu mal-mod kif iġibu ruħhom fi ħruq il-materjali użati fil-kostruzzjoni ta' ġewwa tal-qafas tagħha,

- approvazzjoni tat-tip tal-KEE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal komponent użat fil-kostruzzjoni ta' ġewwa tal-qafas ta' vettura jew jipprojbixxi l-bejgħ tiegħu jew l-użu tiegħu għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu mal-mod kif iġibu ruħhom il-materjali użati fil-kostruzzjoni tagħha fi ħruq,

jekk il-ħtiġiet relevanti stabbiliti fl-Annessi I, IV, V u VI ta' din id-Direttiva jiġu ssodisfati.

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva fi żmien 18-il xahar mid-data ta' l-adozzjoni tagħha. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Mid-data msemmija hawn fuq, l-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu aktar id-dħul tal-bidu fis-servizz ta' vetturi jew tal-bejgħ jew ta' l-użu ta' komponenti li jkunu konformi ma' din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet 48 xahar wara d-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

2. Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodu ta' kif għandha ssir referenza bħal din għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-24 ta' Ottubru 1995.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

K. Hänsch

Għall-Kunsill

Il-President

L. Atienza Serna

[1] ĠU C 154, tad-19.6.1992, p. 4.

[2] ĠU C 332, tas-16.12.1992, p. 12.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Ottubru 1992 (ĠU C 305, tat-23.11.1992, p. 109), il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 1994 (ĠU C 384, tal-31.12.1994, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Ġunju 1995 (ĠU C 166, tat-3.7.1995).

[4] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 93/81/KEE (ĠU L 264, tat-23.10.1993, p. 49).

[5] ĠU L 267, tad-19.10.1977, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 90/630/KEE (ĠU L. 341, tas- 6.12.1990, p. 20).

--------------------------------------------------

LISTA TA' L-ANNESSI

| | | Paġna |

L-Anness I: | Kamp ta' applikazzjoni, definizzjonijiet, applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KEE, għoti ta' approvazzjoni tat-tip tal-KEE, speċifikazzjonijiet, modifikazzjonijiet tat-tip, konformità ta' produzzjoni, ħtiġiet li jikkonċernaw l-istallazzjoni fil-vettura … | 292 |

L-Appendiċi: | Mudell għal marka ta' approvazzjoni tat-tip tal-komponent tal-KEE … | 297 |

L-Anness II: | Dokumenti ta' Informazzjoni … | 298 |

L-Appendiċi 1: | Dokument ta' informazzjoni (vettura) … | 298 |

L-Appendiċi 2: | Dokument ta' informazzjoni (komponent) … | 301 |

L-Anness III: | Ċertifikati ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE … | 303 |

L-Appendiċi 1: | Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KEE (vettura) … | 303 |

L-Appendiċi 2: | Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KEE (komponent) … | 305 |

L-Anness IV: | Test biex tiġi stabbilita r-rata ta' ħruq orizzontali tal-materjali … | 307 |

L-Anness V: | Test biex tiġi stabbilita l-imġiba tat-tidwib tal-materjali … | 313 |

L-Anness VI: | Test biex tiġi stabbilita r-rata ta' ħruq vertikali tal-materjali … | 315 |

--------------------------------------------------