31994R3295



Official Journal L 341 , 30/12/1994 P. 0008 - 0013
Finnish special edition: Chapter 2 Volume 16 P. 0077
Swedish special edition: Chapter 2 Volume 16 P. 0077


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94

tat-22 ta' Diċembru 1994

li jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid jew dħul għal proċedura sospensiva ta' oġġetti falsifikati jew pirati.

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 113,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-Regolament tal-Kunsill(KEE) Nru 3842/86 ta' l-1 ta' Diċembru 1986 jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ta' oġġetti ffalzifikati [4] ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar ta' l-1988; billi għandhom jinġibdu konklużjonijiet mill-esperjenza mirbuħa f'dawn is-snin bikrin ta' l-implimentazjoni tiegħu bil-ħsieb li jiġi mtejjeb l-operat tas-sistema stabbilita minnu;

Billi l-kummerċ ta' oġġetti ffalzifikati u oġġetti pirati jikkawża ħsara konsiderevoli lill-manufatturi u lin-negozjanti li jirrispettaw il-liġi u lil detenturi ta' drittijiet ta' l-awtur u ta' drittijiet viċini u jqarraq bil-konsumaturi; billi oġġetti bħal dawn għandhom kemm jista' jkun ma jitħallewx jitpoġġew fuq is-suq u għandhom jiġu addottati miżuri b'dan il-għan sabiex iwaqqfu effettivament din l-attività illegali mingħajr ma jxekklu il-libertà tan-negozju leġittimu; billi dawn l-għanijiet qegħdin jitmexxew ukoll bis-saħħa ta' inizzjattivi ta' l-istess xorta li qegħdin jittieħdu fuq livell internazzjonali;

Billi, sakemm oġġetti fffalzifikati jew pirati u prodotti simili jiġu importati minn pajjiżi terzi, huwa importanti li jinżammu milli jiġu rilaxxati għal ċirkolazjoni libera fil-Komunità jew milli jitħallew jiddaħlu għal proċedura sospensiva u li tiġi stabbilita proċedura xierqa li tippermetti lill-awtoritajiet tad-dwana li jaġixxu sabiex dawn ikunu jistgħu jiżguraraw li din il-projbizjoni tkun tista' tiġi nforzata sew;

Billi azzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet tad-dwana sabiex oġġetti ffalzifikati jew pirati jinżammu milli jiġu rilaxxati għal ċirkolazjoni libera fil-Komunità jew milli jitħallew jiddaħlu għal proċedura sospensiva għandha tapplika għall-esportazzjoni u l-esportazzjoni mill-ġdid ta' dawn l-oġġetti mill-Komunità;

Billi, fir-rigward ta' proċeduri sospensivi u ta' ri-esportazzjoni soġġetti għal notifikazjoni, għandha tittieħed azzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet tad-dwana biss jekk jinstabu oġġetti ffazifikati jew pirati waqt tfittxija;

Billi l-Komunità timxi skond id-dispożizzjonijiet tal-ftehim GATT dwar kwistjonijiet ta' proprjetà intelletwali relatata man-negozju, inkluż in-negozju ta' oġġetti ffalzifikati, b'mod partikolari il-miżuri li għandhom jittieħdu fil-fruntiera;

Billi għandha ssir dispożizzjoni sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkollhom is-setgħa li jieħdu deċisjonijiet dwar applikazzjonijiet għat-teħid ta' azzjoni li jiġu mogħtija lilhom;

Billi azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana għandha tikkonsisti jew f'li jiġi sospiż ir-rilaxx għaċ-ċirkolazjoni libera, l-esportazzjoni jew ir-riesportazzjoni ta' oġġetti li jkunu suspettati li huma ffalzifikati jew pirati u li jiġu miżmuma dawn l-oġġetti meta jiddaħlu għal proċedura sospensiva jew jiġu riesportati bl-obbligu ta' notifikazzjoni għal kemm ikun hemm bżonn sabiex ikun jista' jiġi stabbilit jekk l-oġġetti humiex fil-fatt veru ffalzifikati jew pirati;

Billi huwa xieraq li l-Istati Membri jingħataw is-setgħa li jżommu l-oġġetti involuti għal ċertu perjodu anki qabel ma tiġi ppreżentata jew approvata applikazzjoni mid-detentur tad-dritt sabiex huwa jkun jista' jippreżenta applikazzjoni għal azzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet tad-dwana;

Billi l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi każijiet mogħtija lilha b'riferenza għall-kriterji li jintużaw sabiex jiġi stabbilit jekk oġġetti mmanufatturati fl-Istat Membru involut jiksrux id-drittijiet dwar il-proprjetà intelletwali; billi d-dispożizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar il-kompetenza ta' l-awtoritajiet ġudizjarji u l-proċeduri mhumiex milquta b'dan ir-Regolament;

Billi huwa neċessarju li jiġu stabbiliti l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' l-oġġetti involuti meta jinstab li dawn ikunu ffalzifikati jew pirati; billi dawn il-miżuri għandhom mhux biss iċaħħdu lil dawk responsabbli għan-negozjar ta' dawn l-oġġetti mill-benefiċji ekonomiċi tat-transazzjoni imma għandhom ukoll ikunu deterrent effettiv għal transazzjonijiet ulterjuri ta' l-istess xorta;

Billi sabiex jiġi evitat xkiel serju waqt il-kontroll ta' oġġetti li jkunu jinsabu fil-bagalji personali ta' vjaġġaturi, huwa neċessarju li jiġu esklużi mill-iskop ta' dan ir-Regolament oġġetti li jistgħu jkunu ffalzifikati jew pirati u li jkunu importati minn terzi pajjiżi fil-limiti stabbiliti fir-regoli Komunitarji fir-rigward ta' eżenzjoni mid-dazju;

Billi għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli komuni stabbiliti f'dan ir-Regolament u billi għal dan il-għan għandha tiġi stabbilita proċedura Komunitarja li tippermetti li jiġu addottati miżuri li jimplimentaw dawn ir-regoli fi żmien perjodi xierqa, kif ukoll li tissaħħaħ l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri, minn naħa waħda, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, minn naħa l-oħra, sabiex tkun żgurata aktar effettività;

Billi jkun xieraq li tiġi kkunsidrata l-possibilità li jiżdiedu n-numru ta' drittijiet dwar proprjetà intelletwali koperti minn dan ir-Regolament fid-dawl, inter alia, ta' l-esperjenza li tinkiseb waqt l-implimentazjoni tiegħu;

Billi ir-Regolament (KEE) Nru 3842/86 għandu għalhekk jitħassar,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITOLU I

Ġenerali

Artikolu 1

1. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi:

(a) il-kondizjonijiet li taħthom l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jieħdu azzjoni jekk oġġetti li jkunu suspettati li huma ffalzifikati jew pirati:

- jiddaħlu għal ċirkolazzjoni libera, esportazzjoni jew riesportazzjoni,

- jinstabu meta jsiru kontrolli fuq oġġetti li jkunu tpoġġew taħt proċedura sospensiva skond l-Artikolu 84(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi il-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità [5], jew li jkunu ġew riesportati soġġetti għal notifikazjoni; u

(b) il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta' dawk l-oġġetti fejn jinstab li dawn ikunu fil-fatt ffalzifikati jew pirati.

2. Għall-iskop ta' dan ir-Regolament:

(a) "oġġetti ffalzifikati" tfisser:

- oġġetti, inkluż l-ippakkjar tagħhom, li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni ta' trade mark li hija identika għat-trade mark li hija rreġistrata b'mod validu fir-rigward ta' l-istess xorta ta' oġġetti, jew li ma tistax tintgħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn tali trade mark, u li b'hekk tikser id-drittijiet tad-detentur tat-trade mark in kwestjoni taħt il-liġi Komunitarja jew taħt il-liġi ta' l-Istati Membri fejn tkun saret l-applikazzjoni għal azzjoni minn naħa ta' l-awtoritajiet tad-dwana,

- kwalunkwe simbolu marbut ma' trade mark (logo, tikketta, tikketta li titwaħħal, brochure, struzzjonijiet għall-użu jew dokument ta' garanzija) kemm jekk dawn jiġu jew ma jiġux ippreżentati separatament, fl-istess ċirkostanzi msemmija fl-ewwel daħla,

- materjal ta' ippakkjar li jkollhom it-trade marks ta' l-oġġetti ffalzifikati, ppreżentati separatament fl-istess ċirkostanzi bħall-oġġetti msemmija fl-ewwel inċiż,

(b) "oġġetti pirati" tfisser oġġetti li huma jew li jinkorporaw kopji magħmulin mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-dritt ta' l-awtur jew drittijiet viċini, jew tad-detentur ta' dritt ta' disinn, kemm jekk irreġistrat taħt il-liġi nazzjonali u kemm jekk le, jew ta' persuna awtorizzata kif suppost mid-detentur fil-pajjiż ta' produzzjoni, fejn il-produzzjoni ta' dawk il-kopji jikser dan id-dritt taħt il-liġi Komunitarja jew il-liġi ta' l-Istati Membri fejn tkun saret applikazzjoni għal azzjoni minn naħa ta' l-awtoritajiet tad-dwana;

(ċ) "detentur ta' dritt" tfisser detentur ta' trade mark, kif imsemmi f'(a), u/jew wieħed mid-drittijiet imsemmija f'(b), jew kull persuna oħra awtorizzata li tuża it-trade mark u/jew id-drittijiet, jew ir-rappreżentant tagħhom;

(d) "dikjarazjoni għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, għall-esportazzjoni jew għar-riesportazzjoni" tfisser dikjarazzjonijiet magħmulin skond l-Artikolu 61 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

3. Kull forma jew matriċi li hija ddisinjata speċifikament jew addattata għall-manufattura ta' trade mark falzifikata ta' oġġetti li juru trade mark bħal din jew ta' oġġetti pirati għandhom jitqiesu bħala "oġġetti ffalzifikati jew pirati" skond kif xieraq, sakemm l-użu ta' forom jew matriċi bħal dawn jikser id-drittijiet tad-detentur ta' dritt taħt il-liġi Komunitarja jew il-liġi ta' l-Istat Membru fejn tkun saret applikazzjoni għal azzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet tad-dwana.

4. Dan ir-Regolament ma japplikax għal oġġetti li juru trade mark bil-kunsens tad-detentur ta' dik it-trade mark jew li huma protetti bid-dritt ta' l-awtur jew dritt viċin jew dritt ta' disinn u li jkun ġie mmanufatturat bil-kunsens tad-detentur tad-dritt iżda li jkun tpoġġa f'waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a) mingħajr il-kunsens ta' dan ta' l-aħħar.

Lanqas ma għandu japplika għal oġġetti msemmija fl-ewwel subparagrafu li jkunu ġew immanufatturati jew li juru trade mark taħt kondizzjonijiet differenti minn dawk li jkunu ġew miftehma mad-detenturi tad-drittijiet imsemmija.

IL-KAPITOLU II

Projbizzjoni tar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, esportazzjoni, riesportazzjoni jew it-tpoġġija ta' oġġetti ffalzifikati u oġġetti pirati taħt proċedura sospensiva

Artikolu 2

Ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, l-esportazzjoni, ir-riesportazzjoni jew it-tpoġġija taħt proċedura sospensiva ta' oġġetti ffalzifikati u oġġetti pirati wara li tiġi kompluta il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 6 huwa projbit.

IL-KAPITOLU III

Applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana

Artikolu 3

1. F'kull Stat Membru, id-detentur ta' dritt jista' jippreżenta applikazzjoni bil-miktub lis-servizz kompetenti ta' l-awtorità tad-dwana għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana meta l-oġġetti jkunu jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1)(a).

2. L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

- deskrizzjoni ta' l-oġġetti li tkun dettaljata biżżejjed sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jagħrfuhom,

- prova li l-applikant huwa d-detentur tad-dritt għall-oġġetti involuti.

Id-detentur tad-dritt irid jipprovdi wkoll kull informazjoni relevanti li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex is-servizzi tad-dwana kompetenti jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni fl-għarfien sħiħ tal-fatti mingħajr, iżda, ma din l-informazzjoni tkun kondizzjoni għall-ammissibilità ta' l-applikazzjoni.

Għall-iskop ta' indikazzjoni, f'każ ta' oġġetti pirati, dik l-informazzjoni għandha, fejn dan ikun possibbli, tinkludi:

- il-post fejn jinsabu l-oġġetti jew id-destinazzjoni maħsuba tagħhom,

- dettalji li jidentifikaw il-kunsinna jew il-pakketti,

- id-data skond l-iskeda tal-wasla jew tluq ta' l-oġġetti,

- il-mezz ta' trasport użat,

- l-identità ta' l-importatur, l-esportatur jew tad-detentur.

3. L-applikazzjoni għandha tispeċifika it-tul tal-perjodu meta l-awtoritajiet tad-dwana huma mitluba li jieħdu azzjoni.

4. L-applikant jista' jintalab iħallas dritt biex ikopri l-ispejjeż amministrattivi li jinqalgħu waqt l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni. Id-dritt ma għandux ikun sproporzjonat għas-servizz provdut.

5. Is-servizz kompetenti tad-dwana fejn tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni li tkun saret skond il-paragrafu 2 għandu jieħu ħsieb l-applikazzjoni u għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu bil-miktub minnufih.

Jekk dak is-servizz jagħti l-applikazzjoni, is-servizz għandu jispeċifika il-perjodu meta l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jieħdu azzjoni. Il-perjodu jista', fuq applikazzjoni tad-detentur tad-dritt, jiġi estiż mis-servizz li jkun ħa d-deċisjoni inizjali.

Kull rifjut għal applikazzjoni għandu jagħti r-raġunijiet għar-rifjut u jista' jkun soġġett għal appell.

6. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu lid-detentur tad-dritt, jekk l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet milqugħa, jew jekk tkun ittieħdet azzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 1(1)(a) skond l-Artikolu 6(1), li jipprovdi garanzija:

- sabiex ikopri kull obbligu min-naħa tiegħu fir-rigward ta' persuni involuti f'waħda mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) fejn il-proċedura mibdija skond l-Artikolu 6(1) tiġi mwaqqfa minħabba att jew omissjoni min-naħa tad-detentur tad-dritt jew jekk l-oġġetti konċernati jinstabu li mhumiex ffalzifikati jew pirati,

- sabiex jiżgura l-ħlas ta' l-ispejjeż li jinqalgħu skond dan ir-Regolament, waqt iż-żamma ta' l-oġġetti taħt il-kontroll tad-dwana skond l-Artikolu 6.

7. Id-detentur tad-dritt huwa obbligat li jinforma lis-servizz msemmi fil-paragrafu 1 jekk id-dritt ma jibqax irreġistrat b'mod validu jew jekk jiskadi.

8. Kull Stat Membru għandu jinnomina s-servizz fi ħdan l-awtorità tad-dwana kompetenti biex jirċievi u biex jipproċessa l-applikazzjonijiet imsemmija f'dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Jekk waqt tfittxija li tkun qiegħda ssir taħt waħda mill-proċeduri tad-dwana msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) u qabel ma tkun ġiet ippreżentata jew approvata applikazzjoni mid-detentur tad-dritt, ikun ċar għall-uffiċċju tad-dwana li l-oġġetti ikunu ffalzifikati jew pirati, l-awtorità tad-dwana tista', skond ir-regoli fis-seħħ fl-Istati Membri konċernati, tinnotifika lid-detentur tad-dritt, jekk dan ikun magħruf, bil-ksur possibbli tiegħu. L-awtorità tad-dwana għandu jkollha s-setgħa li tissospendi r-rilaxx ta' l-oġġetti jew li żżommhom għal perjodu ta' tlett ijiem xogħol sabiex tippermetti lid-detentur tad-dritt li jippreżenta applikazzjoni għal azzjoni skond l-Artikolu 3.

Artikolu 5

Id-deċiżjoni li tilqa' l-applikazzjoni tad-detentur tad-dritt għandha tintbagħat minnufih lill-uffiċċji tad-dwana ta' l-Istat Membru li x'aktarx ikunu konċernati bl-oġġetti li skond l-applikazzjoni huma allegatament iffalzifikati jew pirati.

IL-KAPITOLU IV

Kondizjonijiet li jirregolaw azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana u mill-awtorità kompetenti milli tieħu deċisjoni sostantiva

Artikolu 6

1. Jekk l-uffiċċju tad-dwana fejn tkun intbagħtet id-deċiżjoni li tilqa' l-applikazzjoni tad-detentur ta' dritt skond l-Artikolu 5 ikun sodisfatt, wara li jkun ikkonsulta lill-applikant jekk ikun hemm bżonn, li l-oġġetti li jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) jaqblu mad-deskrizzjoni ta' l-oġġetti ffalzifikati jew pirati li jkunu jinsabu f'dik id-deċisjoni, huwa għandu jew jissospendi ir-rilaxx ta' l-oġġetti jew iżommhom.

L-uffiċċju tad-dwana għandu jinforma minnufih lis-servizz li jkun ħa ħsieb l-applikazzjoni skond l-Artikolu 3. Dak is-servizz jew l-uffiċċju tad-dwana, għandu jinforma minnufih lid-dikjarant u lill-persuna li tkun applikat biex tittieħed azzjoni. Skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali, kummerċjali w industrijali u konfidenzjalità professjonali u amministrattiva, l-uffiċċju tad-dwana jew is-servizz li jkun ħa ħsieb l-applikazzjoni għandu jinnotifika lid-detentur tad-dritt, fuq talba tiegħu, bl-isem u l-indirizz tad-dikjarant u, jekk ikunu magħrufa, dawk tad-destinatarju sabiex id-detentur tad-dritt ikun jista' jsaqsi lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu deċiżjoni sostantiva. L-uffiċċju tad-dwana għandu jagħti lill-applikant u lill-persuni involuti f'xi waħda mill-operazjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) l-opportunità li jispezzjonaw l-oġġetti li r-rilaxx tagħhom jkun ġie sospiż jew li jkunu nżammu.

Waqt l-eżaminazzjoni ta' l-oġġetti, l-uffiċċju tad-dwana jista' jieħu kampjuni sabiex iħaffef il-proċedura.

2. Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-oġġetti jitpoġġew f'waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) għandha tapplika fir-rigward ta':

(a) riferenza lill-awtorità kompetenti sabiex din tieħu deċiżjoni sostantiva u notifikazzjoni immedjata lis-servizz ta' dwana jew uffiċċju msemmi fil-paragrafu 1 dwar dik ir-riferenza, sakemm ir-riferenza ma tkunx saret minn dak is-servizz jew uffiċċju;

(b) it-teħid tad-deċisjoni li għandha tittieħed minn dik l-awtorità. Fin-nuqqas ta' regoli Komunitarji f'dan ir-rigward, il-kriterji li għandhom jintużaw sakemm tintlaħaq dik id-deċiżjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati biex jiġi stabbilit jekk l-oġġetti mmanufatturati fl-Istat Membru konċernat jiksrux id-drittijiet tad-detentur. Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet meħudin mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 7

1. Jekk fi żmien għaxart ijiem xogħol min-notifikazjoni dwar sospensjoni tar-rilaxx jew ta' detenzjoni, l-uffiċċju tad-dwana msemmi fl-Artikolu 6(1) ma jkunx ġie infurmat li l-kwistjoni ġiet riferita lill-awtorità kompetenti milli tieħu deċiżjoni sostantiva dwar il-każ skond l-Artikolu 6(2) jew li l-awtorità li għandha s-setgħa dovuta addottat miżuri proviżorji, l-oġġetti għandhom jiġu rilaxxati, bil-kondizzjoni li l-formalitajiet tad-dwana jkunu ġew osservati u l-ordni ta' detenzjoni tkun ġiet revokata.

Dan il-perjodu jista' jiġi estiż b'massimu ta' għaxart ijiem xogħol f'każijiet xierqa.

2. F'każ ta' oġġetti li jkunu suspettati li jiksru d-drittijiet ta' disinn, is-sid, l-importatur jew id-destinatarju ta' l-oġġetti għandu jkun jista' jġib ir-rilaxx ta' l-oġġetti msemmija jew ir-revoka tad-detenzjoni kontra l-għoti ta' garanzija, sakemm:

- is-servizz tad-dwana jew l-uffiċċju msemmi fl-Artikolu 6(1) jkun ġie nfurmat, fil-limitu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1, li l-kwistjoni ġiet riferita lill-awtorità kompetenti milli tieħu deċiżjoni sostantiva li hemm riferenza għaliha fil-paragrafu 1 imsemmi,

- malli jiskadi it-terminu ta' żmien, l-awtorità li jkollha l-poter għal dan l-iskop ma tkunx imponiet miżuri proviżorji, u

- il-formalitajiet tad-dwana kollha jkunu ġew sodisfatti.

Il-garanzija għandha tkun biżżejjed sabiex tipproteġi l-interessi tad-detentur tad-dritt. Ħlas tal-garanzija għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rimedji l-oħrajn kollha miftuħin għad-detentur tad-dritt. Jekk il-kwestjoni tkun ġiet riferita lill-awtorità kompetenti milli tieħu deċiżjoni sostantiva mhux fuq l-inizjattiva tad-detentur tad-dritt, il-garanzija għandha tiġi rilaxxata jekk dik il-persuna ma teżerċitax id-dritt tagħha biex tiftaħ proċedimenti fi żmien 20 ġurnata xogħol mid-data ta' meta jkun ġie nnotifikat bir-rilaxx jew bid-detenzjoni. Jekk japplika t-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, dan il-perjodu jista' jiġi estiż għal massimu ta' 30 ġurnata xogħol.

3. Il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ħażna ta' l-oġġetti waqt il-perjodu ta' sospensjoni tar-rilaxx jew detenzjoni għandhom jkunu stabbiliti minn kull Stat Membru.

IL-KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet applikabbli għal oġġetti li jinstabu li jkunu oġġetti ffalzifikati jew pirati

Artikolu 8

1. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta' azzjoni miftuħin għad-dispożizzjoni tad-detentur ta' trade mark li tinstab li tkun ġiet iffalzifikata jew tad-detentur ta' dritt ta' l-awtur jew ta' dritt viċin jew ta' dritt ta' f'disinn li jinstabu li ġew pirati, l-Istati Membri għandhom jaddottaw il-miżuri neċessarji sabiex iħallu lill-awtoritajiet kompetenti:

(a) bħala regola ġenerali, u skond id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi nazzjonali, li jeqirdu oġġetti li jinstabu li jkunu ffalzifikati jew pirati, jew li jeħilsu minnhom barra minn swieq kummerċjali b'mod li jevita ħsara lid-detentur tad-dritt, mingħajr kumpens ta' ebda tip u mingħajr ebda spejjeż lit-teżor;

(b) li jieħdu, fir-rigward ta' dawn l-oġġetti, kull miżuri oħra li effettivament iċċaħħad lill-persuni konċernati mill-benefiċċji ekonomiċi tat-transazzjoni.

Dawn li ġejjin, b'mod partikolari ma għandhomx jitqiesu bħala li għandhom dan l-effett:

- l-esportazzjoni mill-ġdid ta' oġġetti ffalzifikati jew pirati fi stat mhux mibdul,

- ħlief f'każijiet eċċezzjonali, sempliċement billi jitneħħew it-trade marks li jkunu twaħħlu ma' l-oġġetti ffalzifikati mingħajr awtorizzazzjoni,

- li jitpoġġew oġġetti taħt proċedura differenti tad-dwana.

2. L-oġġetti ffalzifikati jew pirati jistgħu jiġu mgħoddija lill-iskakkier. F'dak il-każ, għandu japplika il-paragrafu 1 (a).

3. Flimkien ma l-informazzjoni li tingħata skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) u taħt il-kondizzjonijiet li jinsabu fih, l-uffiċċju tad-dwana jew is-servizz kompetenti għandu jinforma lid-detentur tad-dritt, fuq talba, bl-ismijiet u indirizzi tal-fornitur, ta' l-importatur jew ta' l-esportatur u tal-fabbrikant ta' l-oġġetti li jinstabu li huma ffalzifikati jew pirati u tal-kwantità ta' oġġetti involuti.

IL-KAPITOLU VI

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 9

1. Mingħajr preġudizzju għal-liġi ta' l-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni, l-aċċettazzjoni ta' applikazzjoni li tkun saret skond l-Artikolu 3(2) ma tintitolax lid-detentur ta' dritt għal kumpens f'każ li oġġetti ffalzifikati jew pirati ma jinstabux mill-uffiċċju tad-dwana u jiġu rilaxxati jew jekk ebda azzjoni ma tittieħed biex jinżammu skond l-Artikolu 6(1).

2. Mingħajr preġudizzju għal-liġi ta' l-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni, jekk uffiċċju tad-dwana jew awtorità awtorizzata oħra jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom fil-ġlieda kontra oġġetti ffalzifikati jew pirati, dan ma jista' joħloq ebda responsabbiltà lejn il-persuni involuti fl-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) jew fl-Artikolu 4, f'każ li dawn ta' l-aħħar isofru xi telf jew ħsara bħala konsegwenza ta' din l-azzjoni.

3. IIr-responsabbilità ċivili tad-detentur ta' dritt hija rregolata mill-liġi ta' l-Istat Membru fejn l-oġġetti konċernati jkunu instabu f'waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1)(a).

Artikolu 10

Dan ir-Regolament ma japplikax għal oġġetti ta' natura mhux kummerċjali li jkunu jinsabu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi fil-limiti stabbiliti fir-regoli Komunitarji fir-rigward ta' eżenzjoni mid-dazju.

Artikolu 11

Barra dan, kull Stat Membru għandu jintroduċi pwieni li għandhom japplikaw f'każ ta' ksur ta' l-Artikolu 2. Dawn il-pwieni għandhom ikunu iebsin biżżejjed sabiex jinkoraġġixxu l-konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti.

Artikolu 12

Id-dispożizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 13(3) u (4).

Artikolu 13

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 247 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

2. Il-Kumitat għandu jeżamina kull kwistjoni li tikkonċerna l-implimentazjoni ta' dan ir-Regolament li l-President jista' jqajjem, jew fuq inizzjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien stabilit mill-President skond l-urġenza tal-miżuri li għandhom jittieħdu. L-opinjoni għandha tittieħed skond il-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat f'każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jaddotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandu jkollhom il-piż stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President ma jistax jivvota.

4. Il-Kummissjoni għandha taddotta miżuri li għandhom japplikaw immedjatament. Madanakollu, jekk il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. Fil-każ li:

- il-Kummissjoni tiddeferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li hija tkun iddeċidiet għal mhux iktar minn tlett xhur mid-data tal-komunikazzjoni tagħhom,

- il-Kunsill, bis-saħħa ta' maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta' żmien li għalih hemm provdut fl-ewwel inċiż.

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw kull informazjoni relevanti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik l-informazjoni lill-Istati Membri l-oħra kollha.

Għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 1468/81 tad-19 ta' Mejju 1981 dwar assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u l-kooperazjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-liġi dwar dwana u agrikoltura tkun applikata sew [6], għandu japplika mutatis mutandis.

Id-dettalji tal-proċedura ta' informazzjoni għandhom ikunu fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni skond l-Artikolu 13(2), (3) u (4).

Artikolu 15

Fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi ta' l-informazjoni msemmija fl-Artikolu 14, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjoni tas-sistema fir-rigward tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-falzifikazzjoni u għandha tipproponi xi emendi jew żjiediet li jkun hemm bżonn, fi żmien sentejn mill-implimentazjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Ir-Regolament (KEE) Nru 3842/86 għandu jiġi mħassar mid-data ta' implimentazjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 1995.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel,

fit-22 ta' Diċembru 1994.

Il-President

H. Seehofer

[1] ĠU C 238, tat-2.9.1993, p. 9.

[2] ĠU C 61, tat-28.2.1994.

[3] ĠU C 52, tad-19.2.1994, p. 37.

[4] ĠU L 357, tat-18.12.1986, p. 1.

[5] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1.

[6] ĠU L 144, tat-2.6.1981, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 945/87 (ĠU L 90, tat-2.4.1987, p. 3).

--------------------------------------------------