31994L0080



Official Journal L 368 , 31/12/1994 P. 0038 - 0047
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 4 P. 0080
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 4 P. 0080


Id-Direttiva tal-kunsill 94/80/ke

tad-19 ta' Diċembru 1994

li tistipula arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'elezzjonijiet muniċipali minn ċittadini ta' l-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini.

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8b(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Billi t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jimmarka stadju ġdid fil-proċess sabiex tinħoloq unjoni dejjem eqreb bejn il-popli ta' l-Ewropa; billi waħda mill-kompiti ta' l-Unjoni hija li torganizza, b'mod li turi konsistenza u solidarjetà, relazzjonijiet bejn il-popli ta' l-Istati Membri; billi l-għanijiet fundamentali tagħha jinkludu t-tisħiħ tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta' ċittadini ta' l-Istati Membri tagħha permezz ta' l-introduzzjoni ta' ċittadinanza ta' l-Unjoni;

Billi għal dak il-għan it-Titolu II tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jintroduċi ċittadinanza ta' l-Unjoni għal ċittadini ta' l-Istati Membri u jvesti fuq tali ċittadini fuq dik il-bażi numru ta' drittijiet;

Billi d-dritt tal-vot u tal-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza, imniżżel fl-Artikolu 8b (1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huwa każ ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' ugwaljanza u non-diskriminazzjoni bejn ċittadini u dawk li mhumiex u jsegwi mid-dritt għall-moviment u residenza ħielsa ttrattati fl-Artikolu 8a ta' dak it-Trattat;

Billi l-applikazzjoni tal-Artikolu 8b (1) ma tippresupponix l-armonizzazzjoni kompleta tas-sistemi elettorali ta' l-Istati Membri; billi l-għan ta' dik id-dispożizzjoni huwa essenzjalment sabiex tkun abolita l-ħtieġa ta' ċittadinanza li għaliha l-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri fil-preżent jissoġġettaw id-dritt tal-vot u tal-kandidatura; billi, barra dan, sabiex jittieħed kont tal-prinċipju tal-proporzjonalità mniżżel fit-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 3b tat-Trattat, il-kontenut tal-leġislazzjoni tal-Komunità f'dan il-qasam m'għandux imur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jinkiseb l-għan tal-Artikolu 8b(1) tat-Trattat;

Billi l-iskop ta' l-Artikolu 8b (1) huwa li jassigura illi ċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni, kemm jekk huma ċittadini ta' l-Istati Membri fejn joqogħdu u kemm jekk mhumiex, jistgħu jeżerċitaw f'dak l-Istat id-dritt tagħhom tal-vot u tal-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali taħt l-istess kondizzjonijiet; billi l-kondizzjonijiet li japplikaw għall-persuni mhux ċittadini, inklużi dawk dwar il-perijodu u l-prova ta' residenza, għandhom għalhekk ikunu identiċi għal dawk, jekk hemm, li japplikaw għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru kkonċernat; billi persuni li mhumiex ċittadini m'għandhomx ikunu meħtieġa li jimxu ma' kwalunkwe kondizzjonijiet speċjali sakemm, bħala eċċezzjoni, trattament differenti bejn ċittadini u dawk li mhumiex tkun ġustifikata b'ċirkustanzi speċifiċi għal dawn ta' l-aħħar li jiddistingwuhom minn dawk ta' l-ewwel;

Billi l-Artikolu 8b(1) tat-Trattat jagħraf id-dritt tal-vot u tal-kandidatura għall-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza, mingħajr ma effettivament jissostitwixxih mad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin ta' l-Unjoni hu ċittadin; billi l-libertà taċ-ċittadini ta' l-Unjoni li jagħżlu jekk jieħdux sehem jew le fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn joqogħdu għandha tkun rispettata; billi huwa xieraq illi dawk iċ-ċittadini jkunu jistgħu jesprimu x-xewqa illi jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom hemmhekk; billi jistgħu jisiru dispożizzjonijiet għal dawk iċ-ċittadini sabiex ikunu awtomatikament reġistrati fir-reġistru elettorali f'dawk l-Istati Membri fejn il-vot mhux obbligatorju;

Billi l-mod li jaħdem bih il-gvern lokali fl-Istati Membri differenti huwa riflessjoni tat-tradizzjonijiet politiċi u legali differenti u huwa karatterizzat b'abbundanza ta' strutturi; billi t-terminu "elezzjonijiet muniċipali" ma jfissirx l-istess ħaġa f'kull Stat Memru; billi l-għan ta' din id-Direttiva għandu għalhekk ikun kjarifikat permezz ta' definizzjoni tat-terminu; billi l-elezzjonijiet muniċipali huma elezzjoni b'suffraġju dirett universali fil-livell ta' unitajiet ta' gvernijiet lokali bażiċi u s-subdiviżjonijiet tagħhom; billi t-terminu jkopri elezzjonijiet b'suffraġju dirett universali kemm għall-kunsilli rappresentattivi tal-muniċipalitajiet u tal-membri ta' muniċipal eżekuttiv:

Billi tista' tkun ordnata skwalifika minn deċiżjoni individwali ta' l-awtoritajiet kemm ta' l-Istat Membru ta' residenza jew ta' l-Istat Membru ta' oriġini; billi, fir-rigward tas-sinifikat politiku ta' karigi bħala persuna eletta f'elezzjoni muniċpali, l-Istati Membri għandhom ikunu ntitolati sabiex jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw illi persuna li ġiet imċaħħda mid-dritt tal-kandidatura fl-Istat Membru ta' oriġini tagħha ma tkunx kapaċi illi tirkupra dak id-dritt sempliċement bis-saħħa tar-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor; billi din il-problema, li hi speċifika għal kandidati li mhumiex ċittadini, hija importanti biżżejjed li tiġġustifika dispożizzjoni li taħtha dawk l-Istati Membri li jikkonsidrawha neċessarja huna awtorizzati li jagħmlu tali kandidati soġġetti mhux biss għar-regoli dwar skwalifika ta' l-Istat Membru ta' residenza imma ukoll għal dawk ta' l-Istat Membru ta' oriġini; billi, fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, ikun suffiċjenti jekk id-dritt tal-vot ikun soġġett biss għar-regoli dwar skwalifika mill-votazzjoni ta' l-Istat Membru ta' residenza;

Billi, peress li d-drittijiet ta' tmexxija ta' unitajiet ta' gvern lokali bażiċi jistgħu jinvolvu l-parteċipazzjoni fl-eżerċizzju ta' awtorità uffiċjali u fis-salvagwardja ta' l-interess ġenerali, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi illi jirriservaw dawn l-uffiċċji għall-persuni taċ-ċittadinanza tagħhom stess; billi l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu kapaċi li jieħdu miżuri xierqa għal dak il-għan; billi tali miżuri ma jistgħux jirrestrinġu aktar milli hu neċessarju sabiex jinkiseb dak il-għan il-possibilità għaċ-ċittadini ta' Stat Membru ieħor li jkunu eletti;

Billi, għandu jkun bl-istess mod possibbli għal parteċipazzjoni minn uffiċjali muniċipali eletti f'elezzjoni ta' assemblea parlamentari li tkun riservata għal ċittadini;

Billi, fejn il-liġijiet ta' l-Istati Membri jipprovdu illi l-kariga bħala persuna eletta f'elezzjoni muniċpali hija inkompatibbli ma' karigi oħra, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jestendu l-iskop tagħhom sabiex jinkludu karigi ekwivalenti miżmuma fi Stati Membri oħra;

Billi kwalunkwe deroga mir-regoli ġenerali ta' din id-Direttiva għandha tkun awtorizzata, skond l-artikolu 8b (1) tat-Trattat, bi problemi speċifiċi għal Stat Membru; billi kwalunkwe deroga trid, min-natura tagħha, tkun soġġetta għal reviżjoni;

Billi tali problemi speċifiċi jistgħu jinħolqu fi Istat Membru li tiegħu l-proporzjoni ta' ċittadini ta' l-Unjoni ta' età li jivvutaw, li jgħixu fih imma mhumiex ċittadini tiegħu, huwa b'mod sinifikanti ħafna ogħla mill-medja; billi d-derogi huma awtorizzati fejn tali ċittadini jiffurmaw aktar minn 20 % ta' l-elettorat totali; billi tali derogi għandhom ikunu bażati fuq il-kriterju tal-perjodu ta' residenza;

Billi ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni hija maħsuba sabiex tippermetti liċ-ċittadini ta' l-Unjoni li jintegraw aħjar fil-pajjiż li qed jilqgħuhom; billi f'dan il-kuntest huwa skond l-intenzjonijiet ta'l-awturi tat-Trattat li jevitaw kwalunkwe polarizzazzjoni bejn listi ta' kandidati ta' ċittadinanza u oħrajn li mhumiex;

Billi dan ir-riskju ta' polarizzazzjoni jikkonċerna b'mod partikolari Stat Membru li fih il-proporzjon ta' persuni li mhumiex ċittadini ta' l-Unjoni li huma ta' età tal-vot taqbeż l-20 % tan-numru totali ta' ċittadini ta' l-Unjoni li għandhom età tal-vot u li joqogħdu hemm; billi huwa importanti, għalhekk, illi dan l-Istat Membru jkun jista' jipprovdi, b'konformità ma' l-Artikolu 8b tat-Trattat, dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-komposizzjoni ta' listi ta' kandidati;

Billi għandu jittieħed kont tal-fatt illi f'ċerti Stati Membri r-residenti li huma ċittadini ta' Stati Membri oħra għandhom id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet għall-Parlament nazzjonali u billi l-formalitajiet li hemm provduti f'din id-Direttiva jistgħu konsegwentament ikunu faċilitati;

Billi r-Renju tal-Belġju huwa karatterizzat b'fatturi u bilanċi speċifiċi relatati mal-fatt illi l-Artikoli 1 sa 4 tal-Kostituzzjoni tiegħu jipprovdu tliet lingwi uffiċjali u diviżjoni territorjali f'reġjuni u komunitajiet, bir-riżultat ta' liema applikazzjoni sħiħa ta' din id-Direttiva f'ċerti komuni jista' jkollha effetti tali li jinneċessitaw li tkun provvduta l-possibilità ta' deroga mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva sabiex jittieħed kont ta' dawk il-fatturi u bilanċi speċifiċi;

Billi l-Kummissjoni se tagħmel stima ta' l-applikazzjoni tad-Direttiva fil-liġi u fil-fatt, inklużi kwalunkwe bidliet fl-elettorat li jkunu seħħew mid-dħul fis-seħħ tagħha; billi l-Kummissjoni se tissottometti rapport f'dan ir-rigward lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti dettaljati li permezz tagħhom ċittadini ta' l-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru li tiegħu mhumiex ċittadini tiegħu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li joqogħdu bħala kandidati hemmhekk f'elezzjonijiet muniċipali.

2. Xejn f'din id-Direttiva m'għandu jaffetwa d-dispożizzjonijiet ta' Stat Membru li jikkonċernaw id-dritt tal-vot jew tal-kandidatura kemm ta' ċittadini li joqogħdu barra mit-territorju tiegħu kif ukoll ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqgħodu f'dak l-Istat.

Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "unità bażika ta' gvern lokali" tfisser l-entitajiet amministrattivi mniżżla fl-Anness li, skond il-liġijiet ta' kull Stat Membru, jkun fihom korpi eletti b'suffraġju dirett universali u għandhom il-poter li jamministraw, fil-livell bażiku ta' organiżazzjoni politika u amministrativa, ċerti affarijiet lokali tar-responsabilità propja taghħom;

(b) "elezzjonijiet muniċipali" tfisser elezzjonijiet b'suffraġju dirett universali sabiex jinħatru membri tal-kunsill rapreżentattiv u, fejn xieraq, skond il-liġijiet ta' kull Stat Membru, il-kap u l-membri ta' l-eżekuttiv ta' unità bażika ta' gvern lokali:

(ċ) "Stat Membru ta' residenza" tfisser Stat Membru li fih ċittadin ta' l-Unjoni joqgħod imma li mhux ċittadini tiegħu;

(d) "Stat Membru ta' oriġini" tfisser l-Istat Membru li ċittadin ta' l-Unjoni huwa ċittadini tiegħu;

(e) "reġistru elettorali" ifisser ir-reġistru uffiċjali tal-votanti kollha intitolati għall-vot f'unità ta' gvern lokali partikolari jew f'waħda mis-subdiviżjonijiet tagħha, imfassal u miżmum aġġornat mill-awtorità kompetenti skond il-liġi elettorali ta' l-Istat Membru ta' residenza, jew ir-reġistru tal-populazzjoni jekk dan jindika l-eliġibiltà tal-vot;

(f) "data ta' referenza" tfisser il-ġurnata jew ġranet li fihom ċittadini ta' l-Unjoni għandhom jissodisfaw, skond il-liġi ta' l-Istat Membru ta' residenza, il-ħtiġijiet għall-votazzjoni jew il-kandidatura f'dak l-Istat;

(g) "dikjarazzjoni formali" tfisser dikjarazzjoni mill-persuna konċernata, li l-ineżattezzi fiha jirrendu lil dik il-peruna soġġetta għall-pieni, skond il-liġi nazzjonali applikabbli.

2. Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni jekk xi unità ta' gvern lokali msemmija fl-Anness tkun, bis-saħħa ta' xi bidla fil-liġi domestika tiegħu, mibdula minn unità oħra li jkollha l-funzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 (a) ta' dan l-Artikolu jew jekk, bis-saħħa ta' tali bidla, tali unità tkun abolita jew unitajiet oħrajn ikunu maħluqa.

Fi żmien tliet xhur mill-irċevuta ta' tali notifika, flimkien ma' assigurazzjoni minn Stat Membru illi l-ebda drittijiet ta' ebda persuna taħt din id-Direttiva m'huma se jiġu preġudikati, il-Kummissjoni għandha tadotta l-Anness billi tagħmel is-sostituzzjonijiet, tħassir jew żidiet xierqa. L-Anness hekk revedut għandu jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 3

Kwalunkwe persuna li, fid-data ta' referenza:

(a) hija ċittadin ta'l-Unjoni fi ħdan it-tifsir tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 8(1) tat-Trattat; u

(b) mhijiex ċittadin ta' l-Istat Membru ta' residenza, imma fi kwalunkwe każ tissodisfa l-istess kondizzjonijiet fir-rigward tad-dritt tal-vot u li toqghod bħala kandidat kif dak l-Istat jimponi bil-liġi fuq iċ-ċittadini tiegħu,

għandha d-dritt li tivvota u li toqgħod bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza skond din id-Direttiva.

Artikolu 4

1. Jekk, sabiex jivvutaw jew joqogħdu bħala kandidati, ċittadini ta' l-Istat Membru ta' residenza jridu jkunu għamlu ċertu perijodu minimu bħala residenti fit-territorju ta' dak l-Istat, votanti u persuni li jistgħu joqogħdu bħala kandidati fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 għandu jitqiesu li ssodisfaw dik il-kondizzjoni fejn ikunu għexu għal perijodu ekwivalenti fi Stati Membri oħra.

2. Jekk, skond il-liġijiet ta' l-Istat Membru ta' residenza, iċ-ċittadini tiegħu jistgħu jivvutaw u joqogħdu bħala kandidati fl-unità ta' gvern lokali basika li fiha jkollhom ir-residenza prinċipali tagħhom, votanti u persuni ntitolati sabiex ikunu kandidati fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 għandhom ukoll ikunu soġġetti għal din il-kondizzjoni.

3. Il-paragrafu 1 ma għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet ta' kull Stat Membru li taħtu l-eżerċizzju minn kwalunkwe persuna tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura f'unità ta' gvern lokali partikolari hija soġġett għall-fatt li tkun għaddiet perjodu minimu bħala residenti f'dik l-unità.

Lanqas ma għandu paragrafu 1 jaffettwa kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li diġa qiegħda fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, li permezz tagħha l-eżercizzju ta' kwalunkwe persuna ta' tali dritt tal-vot u ta' kandidatura huwa soġġett għall-fatt illi hu jkun għadda perjodu minimu fil-parti kostitwenti ta' l-Istat Membru li tagħha l-unità ta' gvern lokali bażika tifforma parti.

Artikolu 5

1. Stati Membri ta' residenza jistgħu jipprovdu illi kwalunkwe ċittadin ta' l-Unjoni illi, permezz ta' deċiżjoni individwali taħt il-liġi ċivili jew deċiżjoni skond il-liġi kriminali, ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu illi jkun kandidat skond il-liġi ta' l-Istat Membru ta' oriġini tiegħu, għandu jkun jinżamm milli jeżerċita dak id-dritt fl-elezzjonijiet muniċipali.

2. Applikazzjoni minn kwalunkwe ċittadin ta' l-Unjoni sabiex ikun kandidat f'elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza jista' jkun dikjarat inammissibbli fejn dak iċ-ċittadin mhuwiex kapaċi jipproduċi d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2)(a) jew l-istqarrija msemmija fl-Artikolu 9(2)(b).

3. Stati Membri jistgħu jipprovdu illi ċittadini tagħhom biss jistgħu jżommu l-uffiċċju ta' kap elett, deputat jew membru tal-kulleġġ li jiggverna ta' l-eżekuttiv ta' unità bażika ta' gvern lokali jekk eletta li żżomm uffiċċju għat-tul tal-mandat tagħha.

L-Istati Membri jistgħu ukoll jistabbilixxu illi t-twettiq temporanju jew interim tal-funzjonijiet ta' kap, deputat jew membru tal-kulleġġ li jiggverna ta' l-eżekuttiv ta' unità bażika ta' gvern lokali tista' tkun restritta għaċ-ċittadini tagħha.

Wara li jikkunsidraw it-Trattat u l-prinċipji legali ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri xierqa, neċessarji u proporzjonati sabiex jassiguraw illi l-karigi msemmija fl-ewwel subparagrafu ikunu jistgħu jitwettqu biss u l-funzjonijiet interim kif imsemmija fit-tieni subparagrafu jkunu jistgħu jitwettqu biss minn ċittadini tagħhom.

4. Stati Membri jistgħu wkoll jistipulaw illi ċittadini ta' l-Unjoni eletti bħala membri ta' kunsill rappreżentattiv ma jistgħux jieħdu sehem kemm fin-nominazzjoni tad-delegati li jistgħu jivvutaw f'assemblea parlamentari u lanqas fl-elezzjoni tal-membri ta' dik l-assemblea.

Artikolu 6

1. Persuni ntitolati li jkunu kandidati fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 għandhom ikunu soġġetti għall-istess kondizzjonijiet li jikkonċernaw inkompatibilità kif japplikaw, skond il-liġijiet ta' l-Istat Membru ta' residenza, għaċ-ċittadini ta' dak l-Istat.

2. Stati Membri jistgħu jipprovdu illi kariga bħala persuna eletta f'elezzjoni muniċpali fl-Istat Membru ta' residenza hija nkompatibbli mall-karigi fi Stati Membri oħrajn li huma ekwivalenti għal dawk li minnhom tirriżulta l-inkompatibilità fl-Istat Membru ta' residenza.

KAPITOLU II

Eżerċizzju tad-dritt tal-vot u d-dritt tal-kandidatura

Artikolu 7

1. Votant fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 għandu jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu f'elezzjoniijiet muniċipali fl-Istat Membru ta' residenza jekk hu jkun esprima x-xewqa li jagħmel dan.

2. Jekk il-votazzjoni hija obbligatorja fl-Istat Membru ta' residenza, votanti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 li ddaħħlu fir-reġistru elettorali hemmhekk għandhom ukoll ikunu obbligati jivvutaw.

3. Stati Membri fejn il-votazzjoni mhix obbligatorja jistgħu jipprovdu għar-reġistrazzjoni awtomatika fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 fuq ir-reġistru elettorali.

Artikolu 8

1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jippermettu votant fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 sabiex jiddaħħal fir-reġistru elettorali suffiċjentement qabel il-ġurnata tal-votazzjoni.

2. Sabiex jiddaħħal l-isem fir-reġistru elettorali, votant/a fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 għandu jipproduċi l-istess dokumenti bħala votant li hu ċittadini tiegħu.

L-Istat Membru ta' residenza jista' ukoll jitlob votant fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 sabiex jipproduċi dokument ta' identita validu, flimkien ma' dikjarazzjoni formali li tgħid iċ-ċittadinanza tiegħu, u l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta' residenza.

3. Votanti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 li ddaħħlu f'reġistru elettorali fi Stat Membru ta' residenza għandhom jibqgħu hemmhekk, taħt l-istess kondizzjonijiet bħal votanti li huma ċittadini, sa dak iż-żmien illi huma jitneħħew awtomatikament peress illi huma ma jissodisfawx aktar il-ħtiġijiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot.

Votanti li ddaħħlu fir-reġistru elettorali fuq talba tagħhom stess jistgħu ukoll jitneħħew minnu jekk huma jitolbu hekk.

Jekk tali votanti jiċċaqilqu għal unità bażika ta' gvern lokali oħra fl-istess Stat Membru, huma għandhom jiddaħħlu fir-reġistru elettorali ta' dik l-unità taħt l-istess kondizzjonijiet bħal votanti li huma ċittadini ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 9

1. Meta tissottometti l-applikazzjoni tagħha sabiex tkun kandidat, persuna ntitolata sabiex tkun kandidat fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 għandha tipproduċi l-istess dokumenti ta' sostenn bħall-kandidat li hu ċittadin. L-Istat Membru ta' residenza jista' jitolbu sabiex jipproduċi dikjarazzjoni formali li tgħid iċ-ċittadinanza u l-indirizz tiegħu fl-Istat Membru ta' residenza.

2. L-Istat Membru ta' residenza jista' wkoll jitlob persuna ntitolata sabiex tkun kandidat fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 sabiex:

(a) tgħid fid-dikjarazzjoni formali li hi tipproduci skond il-paragrafu 1 meta tissottometti l-applikazzjoni tagħha tal-kandidatura illi hi ma kinitx miċħuda mid-dritt li tkun kandidat fl-Istat Membru ta' oriġini;

(b) f‘każ ta' dubju dwar il-kontenut tad-dikjarazzjoni skond (a), jew fejn meħtieġ mid-dispożizzjonijiet legali ta' Stat Membru, li tipproduċi qabel jew wara l-elezzjoni attestazzjoni mill-awtoritajiet amministrativi kompetenti fl-Istat Membru ta' oriġini li jiċċertifika illi he ma kinitx miċħuda li tkun kandidat f'dak l-Istat jew illi l-ebda tali skwalifika m'hija magħrufa minn dawk l-awtoritajiet;

(ċ) tipproduċi dokument ta' identità validu;

(d) tgħid fid-dikjarazzjoni formali illi tipproduċi skond il-paragrafu 1 illi hi ma żżomm l-ebda uffiċċju li huwa inkompatibbli mat-tifsira ta' l-Artikolu 6(2);

(e) tindika l-aħħar indirizz fl-Istat Membru ta' oriġini tagħha, sakemm kellu wieħed.

Artikolu 10

1. L-Istat Membru ta' residenza għandu jinforma lill-persuna konċernata fi żmien tajjeb bl-azzjoni meħuda dwar l-applikazzjoni għad-dħul fir-reġistru elettorali jew mid-deċiżjoni li tikkonċerna l-ammissibilità ta' l-applikazzjoni tagħha sabiex tkun kandidat.

2. Jekk persuna li ma tiddaħħalx fir-reġistru elettorali jew li jkollha l-applikazzjoni tad-dħul tagħha micħuda jew li jkollha l-applikazzjoni sabiex tkun kandidat mhix aċċettata, il-persuna konċernata għandha tkun intitolata għal rimedji legali fuq l-istess termini skond kif il-liġijiet ta' l-Istat Membru ta' residenza jipprovdi għal votanti jew persuni ntitolati li jkunu kandidati li huma ċittadini tiegħu.

Artikolu 11

L-Istat Membru ta' residenza għandu jinforma lill-votanti u persuni ntitolati li jkunu kandidati fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 fi żmien tajjeb u b'mod xieraq bil-kondizzjonijiet u arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u kandidatura f'elezzjonijiet f'dak l-Istat.

KAPITOLU III

Derogi u dispożizzjonijiet transitorji

Artikolu 12

1. Fejn, fl-1 ta' Jannar 1996, fi Stat Membru partikolari, il-proporzjon ta' ċittadini ta' l-Unjoni ta' età li jistgħu jivvutaw li kienu joqogħdu fih imma mhumiex ċittadini ta' dak l-Istat jaqbeż l-20 % tan-numru totali ta' ċittadini ta' l-Unjoni li joqogħdu f'dak il-pajjiż li huma ta' età li jistgħu jivvutaw, dak l-Istat Membru jista', permezz ta' deroga minn din id-Direttiva:

(a) jirrestrinġi d-dritt għall-vot lill-votanti fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 li jkunu qagħdu f'dak l-Istat Membru għal perjodu minimu, li ma jistax ikun itwal mit-terminu li għalih il-kunsill rapreżentattiv tal-muniċipalità jkun elett;

(b) jirrestrinġi d-dritt tal-kandidatura lill-persuni ntitolati li joqogħdu bħala kandidati fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 li jkunu qagħdu f'dak l-Istat Membru għal perjodu minimu, li ma jistax ikun itwal minn darbtejn it-terminu li għalih jkun elett il-kunsill rappreżentattiv tal-muniċipalità; u

(ċ) jieħu miżuri xierqa dwar il-kompożizzjoni tal-listi tal-kandidati sabiex partikolarment jinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' l-Unjoni, li huma ċittadini ta' Stat Membru ieħor.

2. Ir-Renju tal-Belġju jista', bħala deroga mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, japplika d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 (a) għal numru limitat ta' unitajiet ta' gvernijiet lokali, li l-lista tagħhom għandha tkun komunikata mill-anqas sena qabel l-elezzjonijiet tal-unitajiet tal-gvern lokali li hu maħsub li jinvoka id-deroga.

3. Fejn, fl-1 ta' Jannar 1996, il-liġijiet ta' Stat Membru jipprovdu illi ċittadini ta' Stat Membru ieħor li joqogħdu hemmhekk għandhom id-dritt li jivvutaw għall-Parlament nazzjonali ta' dak l-Istat u, għal dak l-iskop, jistgħu jiddaħħlu fir-reġistru elettorali ta' dak l-Istat eżattament taħt l-istess kondizzjonijiet ta' votanti ċittadini ta' dak l-Istat, l-ewwel Stat Membru jista', permezz ta' deroga minn din id-Direttiva, joqgħod lura milli japplika l-Artikoli 6 sa 11 għar-rigward ta' tali persuni.

4. Sal-31 ta' Diċembru 1998 u kull sitt snin minn dakinhar 'l quddiem, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li fih għandha tikkontrolla jekk l-għoti lill-Istati Membri li jikkonċernaw deroga skond l-Artikolu 8b (1) tat-Trattat għadha valida u għandha tipproponi illi kwalunkwe aġġustament neċessarju għandu jsir. Stati Membri li jinvokaw derogi skond il-paragrafi 1 u 2 għandhom ifornu lill-Kummissjoni b'kull informazzjoni ta'l-isfond neċessarja.

KAPITOLU IV

Dispożizzjonijiet Finali

Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inklużi kwalunkwe bidliet fl-elettorat li seħħew mid-dħul fis-seħħ tagħha, fi żmien sena miż-żamma fl-Istati Membri kollha ta' l-elezzjonijiet muniċipali organizzati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet t'hawn fuq, u għandha, fejn xieraq, tipproponi aġġustamenti xierqa.

Artikolu 14

Stati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 1996. Huma għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fil-mument tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal tali referenza għandha tkun adottata mill-Istati Membri.

Artikolu 15

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ġurnata wara dik li fiha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 16

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Diċembru 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

K. Kinkel

[1] ĠU C 323, tal-21.11.1994.

[2] Opinjoni meħuda fl-14 ta' Settembru 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni meħuda fit-28 ta' Settembru 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"Unità bażika ta' gvern lokali" fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1)(a) ta' din id-Direttiva tfisser kull waħda minn dawn li ġejjin:

fid-Danimarka:

amtskommune, Koøbenhavns kommune, Frederiksberg kommune, primærkommune,

fil-Belġju:

commune/gemeente/Gemeinde,

fil-Ġermanja:

kreisfreie Stadt bzw. Stadtkreis; Kreis;

Gemeinde, Bezirk in der Freien und Hansestadt Hamburg und im Land Berlin;

Stadtgemeinde Bremen in der Freien Hansestadt Bremen,

Stadt-, Gemeinde-, oder Ortsbezirke bzw. Ortschaften,

fil-Greċja:

χοινóτης;

δήμος;

fi Spanja:

municipio,

entidad de ámbito territorial inferior al municipal,

fi Franza:

commune,

arrondissement dans les villes déterminées par la législation interne, section de Komunità

fl-Irlanda:

country, county borough

borough, urban district, town,

fl-Italja:

comune,

circoscrizione,

fil-Lussemburgu:

commune,

fl-Olanda:

gemeente,

deelgemeente

fil-Portugall:

município,

freguesia,

fir-Renju Unit:

counties fl-Ingilterra; counties, county boroughs u communities f'Wales: regions and Islands fl-Iskozja; districts fl-Ingilterra, l-Iskozja u l-Irlanda ta' Fuq; London boroughs; parishes fl-Ingilterra; the City of London fir-rigward ta' elezzjonijiet tal-ward għal Kunsill komuni.

--------------------------------------------------