31994L0057



Official Journal L 319 , 12/12/1994 P. 0020 - 0027
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 5 P. 0178
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 5 P. 0178


Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE

tat-22 ta' Novembru 1994

dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti ta' l-amministrazzjoniet marittimi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

Billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 1993 dwar politika komuni fuq ibħra siguri, il-Kunsill stabbilixxa l-għan li jneħħi l-bastimenti kollha substandard mill-ibħra tal-Komunità u ta prijorità lill-azzjoni Komunitarja biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva u uniformi tar-regoli internazzjonali billi jelabora l-istandards komuni għas-soċjetajiet tal-klassifika [4];

Billi s-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġiż fil-baħar jistgħu jittejbu b'mod effettiv billi jiġu applikati b'mod riġidu l-konvenzjonijiet internazzjonali, il-kodiċijiet u r-riżoluzzjonijiet filwaqt li jitmexxa 'l quddiem il-għan tal-libertà għalbiex jiġu pprovduti s-servizzi;

Billi l-kontroll tal-konformità tal-bastimenti ma' l-istandards internazzjonali uniformi għas-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġiż ta' l-ibħra huma r-responsabbilità ta' l-Istati tal-bandiera u tal-portijiet;

Billi l-Istati Membri huma responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikati internazzjonali għas-sigurtà u t-tniġġiż ipprovduti skond konvenzjonijiet bħas-Solas 74, il-Linji tat-Tagħbija 66 u l-Marpol 73/78, u għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom;

Billi skond dawn il-konvenzjonijiet l-Istati Membri kollha jistgħu jawtorizzaw sa limitu varjat l-organizzazzjonijiet tekniċi għaċ-ċertifikazzjoni ta' din il-konformità u jistgħu jiddelegaw il-ħruġ taċ-ċertifikati tas-sigurtà rilevanti;

Billi mad-dinja kollha numru kbir tas-soċjetajiet eżistenti tal-klassifika ma jiżgurawx l-implimentazzjoni adegwata tar-regoli u l-affidabilità meta jaġixxu f'isem l-amministrazzjonijiet nazzjonali għaliex ma għandhomx l-istrutturi u l-esperjenza adegwati ta' min joqgħod fuqhom u sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-dmirijiet tagħhom f'manjiera mill-iktar professjonali ;

Billi l-għan illi s-soċjetajiet tal-klassifika jiġu sottomessi għal standards adegwati ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri waqt li jaġixxu individwalment u jistgħu jinkisbu aħjar mill-Komunità;

Billi l-mod xieraq huwa li dak li jkun jaġixxi permezz ta' Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi l-kriterji minimi għar-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet, filwaqt li r-rikonoxximent innifsu, il-mezzi ta' l-infurzar u l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jitħallew lill-Istati Membri;

Billi l-istandards EN 45004 u EN 29001 ikkombinati ma' l-istandards ta' l-Assoċjazzjonijiet Internazzjonali tas-Soċjetajiet tal-Klassifika (IACS) jikkostitwixxu garanzija adegwata tal-kwalità tal-qadi tax-xogħol ta' l-organizzazzjonijiet;

Billi l-ħruġ taċ- Ċertifikat tas-Sigurtà bir-Radju tal-Bastimenti tat-Tagħbija jista' jiġi fdat lil korpi privati li għandhom esperjenza suffiċjenti u l-persunal ikkwalifikat;

Billi l-organizzazzjonijiet li jixtiequ jiġu rrikonoxxuti għall-għan ta' din id-Direttiva jridu jissottomettu lill-Istati Membri tagħrif u xhieda kompleti tal-konformità tagħhom mal-kriterji minimi, u l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-organizzazzjonijiet li huma jkunu rrikonoxxew;

Billi jista' jiġi konċess rikonoxximent għal tliet snin mill-Kummissjoni lill-organizzazzjonijiet li ma jilħqux il-kriterji li jistabbilixxu n-numru minimu u t-tunnellaġġ metriku tal-bastimenti kklassifikati u n-numru minimu tas-surveyors esklużivi stabbilit fl-Anness iżda jilħqu l-kriterji l-oħra kollha; billi dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jingħataw estensjoni tar-rikonoxximent wara l-perjodu taż-żmien ta' tliet snin sakemm jissoktaw jilħqu l-istess kriterji; billi l-effetti tar-rikonoxximent għal tliet snin għandhom jiġu limitati għall-Istati Membri li jitolbuh, u għal dan il-perjodu taż-żmien biss;

Billi l-istabbiliment tas-suq intern jinvolvi ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tas-servizzi sabiex l-organizzazzjonijiet li jiħqu sett ta' kriterji komuni li jiggarantixxu l-professjonalità u l-fiduċja ma jistgħux ma jitħallewx jagħtu s-servizzi tagħhom ġewwa l-Komunità sakemm Stat Membru jiddeċiedi illi jiddelega dawn id-dmirijiet statutorji; billi dan l-Istat Membru jista' madankollu jirrestrinġi n-numru ta' l-organizzazzjonijiet illi jawtorizza skond il-ħtiġiet tiegħu msejsa fuq raġunijiet oġġettivi u trasparenti, bla ħsara għall-kontroll eżerċitat mill-Kummissjoni permezz tal-proċeduri tal-komitoloġija;

Billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' libertà sabiex jiġu pprovduti s-servizzi ta' l-ispezzjoni u tal-perizja tal-bastimenti tista' tkun gradwali, iżda mhux lil hemm mil-limiti preskritti taż-żmien;

Billi huwa meħtieġ involviment aktar strett ta' l-amministrazzjonijiet nazzjonali fil-perizji tal-bastimenti u fil-ħruġ taċ-ċertifikati li għandhom x'jaqsmu magħhom għalbiex tiġi żgurata konformità sħiħa mar-regoli internazzjonali tas-sigurtà saħansitra jekk l-Istati Membri joqogħdu fuq organizzazzjonijiet barra mill-amministrazzjoni tagħhom għalbiex iwettqu d-dmirijiet statutorji; billi huwa, għahekk, xieraq illi tiġi sabbilita relazzjoni mill-qrib tax-xogħol bejn l-amministrazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet, li jistgħu jeħtieġu illi l-organizzazzjoni jkollha rappreżentanza lokali fit-territorju ta' l-Istat Membru li f'ismu twettaq id-dmirijiet tagħha;

Billi għandu jiġi stabbilit kumitat ta' natura regolatorja sabiex jgħin lill-Kummissjoni fl-isforz tagħha sabiex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tas-sigurtà fuq il-baħar u l-istandards ambjentali eżistenti filwaqt li tqis il-proċeduri nazzjonali tar-ratifika;

Billi l-Kummissjoni trid taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 sabiex jitqies il-progress fil-fora internazzjonali u sabiex taġġorna l-kriterji minimi;

Billi fuq il-bażi tat-tagħrif ipprovdut skond l-Artikolu 11 mill-Istati Membri dwar il-qadi tax-xogħol ta' l-organizzazzjonijiet li jaħdmu f'isimhom, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi jekk titlobx lill-Istati Membri li jirtiraw ir-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti li ma jwettqux iktar is-sett tal-kriterji minimi, filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura ta' l-Artikolu 13;

Billi l-Istati Membri jrid ikollhom mandankollu l-possibbilità li jissospendu l-awtorizzazzjoni tagħhom lil organizzazzjoni għar-raġunijiet ta' perikolu serju għas-sigurtà jew għall-ambjent; billi l-Kummissjoni trid tiddeċiedi bil-ħeffa skond il-proċedura riferita hawn fuq jekk hux meħtieġ li tannulla din il-miżura nazzjonali;

Billi kull wieħed mill-Istati Membri għandu jevalwa perjodikament il-qadi tax-xogħol ta' l-organizzazzjonijiet li jaħdmu f' ismu u jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'tagħrif preċiż dwar dan il-qadi tax-xogħol;

Billi L-Istati Membri, bħala awtoritajiet tal-port, huma meħtieġa illi jkabbru s-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġiż fl-ibħra tal-Komunità bi spezzjonijiet ta' prijorità tal-bastimenti li għandhom iċ-ċertifikati ta' l-organizzazzjonijiet li ma jwettqux il-kriterji komuni, biex b'hekk jiżguraw illi ma jingħatax trattament iktar vantaġġjuż lill-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat terz;

Billi l-proċedura li biha l-kumitat irid jiddeċiedi għandha tkun il-Proċedura III A ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 87/373/KEE tat-13 ta' Lulju 1987 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' implimentazzjoni tal-poteri konferiti fuq il-Kummissjoni [5];

Billi s-soċjetajiet tal-klassifika għandhom jaġġornaw u jinfurzaw l-istandards tekniċi tagħhom sabiex jarmonizzaw ir-regoli tas-sigurtà u jiżguraw l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli internazzjonali ġewwa l-Komunità;

Billi fil-preżent ma jeżistux standards internazzjonali uniformi rilevanti li magħhom iridu jikkonformaw il-bastimenti kollha fil-fażi tal-kostruzzjoni u matul il-ħajja kollha tagħhom, rigwrd il-buq, il-makkinarju u l-istallazjonijiet elettriċi u tal-kontroll; billi dawn l-istandards jistgħu jiġu ffissati skond ir-regoli tas-soċjetajiet irrikonxxuti tal-klassifika jew għal standards ekwivalenti li jridu jiġu deċiżi mill-amministrazzjonijiet nazzjonali skond il-proċedura stabbilita fid-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-provvediment tat-tagħrif fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi [6],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri li jridu jiġu segwiti mill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet interessati bl-ispezzjoni, il-perizja u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti għall-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sigurtà fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġiż tal-baħar, filwaqt li tmexxi 'l quddiem l-għan tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi.. Dan il-proċess jinkludi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-ħtiġiet ta' sigurtà għall-buq, il-makkinarju, u l-istallazjonijiet elettriċi u tal-kontroll tal-bastimenti li jidħlu fl-iskop tal-konvenzjonijiet internazzjonali..

L-Artikolu 2

Għall-għan ta' din id-Direttiva:

(a) "bastiment" ifisser bastiment li jidħol fl-iskop tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

(b) "bastiment li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru" ifisser bastiment irreġistrat fi Stat Membru u jtajjar il-bandiera tiegħu skond il-leġislazzjoni tiegħu, inklużi l-bastimenti rreġistrati fl-Euros ġaladarba dan ir-reġistru huwa approvat mil-Kunsill. Il-bastimenti li ma jikkorispondux ma' din id-definizzjoni jiġu magħduda mal-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' pajjiż terz;

(ċ) "spezzjonijiet u perizji" ifissru l-ispezzjonijiet u l-perizji magħmula mandatorji bil-kovenzjonijiet internazzjonali;

(d) "konvenzjonijiet internazzjonali" l- jfissru l-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1974 dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, il-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1966 dwar il-Linji tat-Tagħbija u l-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1873/78 dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Bastimenti, flimkien mal-protokolli u l-emendi tagħhom, u l-kodiċijiet li għandhom x'jaqsmu magħhom tal-livell mandatorju fl-Istati Membri kollha, fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva;

(e) "organizzazzjoni" tfisser soċjetà tal-klassifika jew korp privat ieħor li jwettqu x-xogħol ta' l-istima tas-sigurtà għal amministrazzjoni;

(f) "organizzazzjoni rikonoxxuta" tfisser organizzazzjoni rikonoxxuta skond l-Artikolu 4;

(g) "awtorizzazjoni" tfisser att li bih Stat Membru jagħti awtorizzazjoni jew jiddelega poteri lil organizzazzjoni rikonoxxuta;

(h) "ċertifikat" ifisser ċertifikat maħruġ minn jew f'isem Stat Membru skond il-konvenzjonijiet internazzjonali;

(i) "ċertifikat tal-klassi" jfisser dokument maħruġ minn soċjetà tal-klassifika li jiċċertifika kemm ikunu b'saħħithom l-istruttura u l-makkinarju ta' bastiment għal użu jew servizz partikolari skond ir-regoli u r-regolamenti tiegħu;

(j) "ċertifikat ta' sigurtà bir-radju tal-bastimenti tat-tagħbija" ifisser iċ-ċertifikat introdott bir-Regolamenti emendati dwar ir-Radju tas-Solas 74/78 adottati mill-IMO u jinkludi, matul perjodu transitorju ta' żmien li jintemm fl-1 ta' Frar 1999, iċ-Ċertifikat tas-Sigurtà bir-Radjotelegrafija tal-Bastimenti tat-Tagħbija u ċ-Ċertifikat tas-Sigurtà bir-Radjotelefonija tal-Bastimenti tat-Tagħbija;

(k) "lokazzjoni" tirreferi għall-post ta' l-uffiċċju rreġistrat, il-post ta' l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju ta' organizzazzjoni.

L-Artikolu 3

1. Meta jidħlu għar-responsabbilitajiet u l-obbligi tagħhom skond il-konvenzjonijiet internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-amministrazzjonijiet kompetenti tagħhom jistgħu jiżguraw l-infurzar xieraq tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari rigward l-ispezzjoni u l-perizja tal-bastimenti u l-ħruġ taċ-ċertifikati u taċ-ċertifikati ta' eżenzjoni.

2. Fejn għall-għan tal-paragrafu 1 Stat Membru jiddeċiedi rigward bastimenti li jtajru bandiera tiegħu:

(i) li jawtorizza lill-organizzazzjonijiet biex jindaħlu bis-sħiħ jew f'parti fl-ispezzjonijiet u l-perizji li għandhom x'jaqsmu maċ-ċertifikati inklużi dawk għall-istima tal-konformità ma' l-Artikolu 14 u, fejn xieraq, biex joħorġu jew iġġeddu ċ-ċertifikati rrelatati; jew

(ii) li joqgħod fuq l-organizzazzjonijiet sabiex jindaħlu bis-sħiħ jew f'parti fl-ispezzjonijiet u l-perizji riferiti fis-subparagrafu (i);

għandu jafda dawn id-dmirijiet lill-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti biss.

L-amministrazzjoni kompetenti għandha fil-każijiet kollha tapprova l-ewwel ħarġa taċ-ċertifikati ta' eżenzjoni.

Madankollu, għaċ-ċertifikat tas-sigurtà bir-radju tal-bastimenti tat-tagħbija dawn id-dmirijiet jistgħu jiġu fdati f'idejn korp privat rikonoxxut minn amministrazzjoni kompetenti u li jkollu l-kompetenza biżżejjed u l-persunal ikkwalifikat biex iwettaq ix-xogħol speċifikat ta' l-istima tas-sigurtà bil-komunikazzjoni bir-radju f'ismu.

3. Dan l-Artikolu ma jirrigwardax iċ-ċertifikazzjoni ta' oġġetti speċifiċi tat-tagħmir tal-baħar.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu biss dawk l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-kriterji ddikjarati f'dan l-Anness. L-organizzazzjonijiet għandhom jissottomettu lill-Istati Membri li minn għandhom ikun ġie mitlub ir-rikonoxximent tagħrif komplet, u evidenza tal-konformità ma' dawn il-kriterji. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-organizzazzjonijiet f'manjiera xierqa bir-rikonoxximent tagħhom.

2. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jinnotifika lill-Koumissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dawk l-organizzazzjonijiet li jkun irrikonoxxa.

3. L-Istati Membri jistgħu jissottomettu lill-Kummissjoni talba għar-rikonoxximent għal tliet snin għal dawk l-organizzazzjonijiet li jilħqu l-kriterji kollha ta' l-Anness għajr dawk iddikjarati fil-paragrafi 2 u 3 tat-taqsima "Ġenerali" ta' l-Anness.

Dan ir-rikonoxximent għandu jingħata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13. L-effetti ta' dan ir-rikonoxximent għandhom ikunu limitati għall-Istati Membri li jkunu ssottomettew talba għal dan ir-rikonoxximent.

4. L-organizzazzjonijiet kollha li jiġu konċessi r-rikonoxximent għandhom jiġu mmonitorjati mill-qrib mill-kumitat stabbilit skond l-Artikolu 7, ukoll bil-ħsieb li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tar-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet riferiti fil-paragrafu 3. Deċiżjoni dwar l-estensjoni ta' dan ir-rikonoxximent ma għandhiex tqis il-kriterji ddikjarati fil-paragrafi 2 u 3 tat-taqsima "Ġenerali" ta' l-Anness. Il-limitazzjoni ta' l-effetti tar-rikonoxximent ipprovdut fil-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika aktar.

5. Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna lista ta' l-organizzazzjonijiet innotifikati mill-Istati Membri skond il-paragrafi 1, 3 u 4. Il-lista tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 5

1. Meta japplikaw l-Artikolu 3(2)(i), L-Istati Membri ma għandhomx fil-prinċipju jirrifjutaw illi jawtorizzaw xi waħda mill-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti lokati fil-Komunità milli jindaħlu għal dawn il-funzjonijiet, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 6 u 11. Madankollu, jistgħu jirrestrinġu n-numru ta' l-organizzazzjonijiet illi jawtorizzaw skond il-ħtiġiet tagħhom sakemm ikun hemm raġunijiet trasparenti u oġġettivi għalbiex jagħmlu dan. Fuq it-talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri xierqa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13.

2. Bħala deroga, l-Istati Membri jistgħu jiġu temporanjament eżentati mill-Kummissjoni milli jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 sal-31 ta' Diċembru 1997.

3. Sabiex Stat Membru jaċċetta illi organizzazzjoni lokata fi Stat terz twettaq id-dmirijiet msemmija fl-Artikolu 3 jew parti minnhom tista' titlob illi l-Istat terz imsemmi jagħti rikonoxximent reċiproku lil dawk l-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti li jkunu lokati fil-Komunità.

L-Artikolu 6

1. L-Istati Membri illi jiddeċiedu li jaġixxu kif deskritt fl-Artikolu 3(2), għandhom jistabbilixxu konnessjoni tax-xogħol bejn l-amministrazzjoni kompetenti tagħhom u l-organizzazzjonijiet li jaġixxu f'isimhom.

2. Il-konnessjoni tax-xogħol għandha tkun regolata bi ftehim formalizzat bil-miktub u mhux diskriminatorju jew b'arranġamenti legali ekwivalenti illi jistabbilixxu d-doveri u l-funzjonijiet speċifiċi midħula għalihom mill-organizzazzjonijiet u jinkludu għall-inqas:

- id-dispożizzjonijiet iddikjarati fl-Appendiċi II tar-Riżoluzzjoni A.739(18) ta' l-IMO dwar il-linjigwida għall-awtorizzazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet li jaġixxu f'isem l-amministrazzjoni kif tkun tinsab fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva,

- id-dispożizzjonijiet għal verifika perjodika mill-amministrazzjoni jew minn korp imparzjali estern maħtur mill-amministrazzjoni dwar id-dmirijiet li l-organizzazzjonijiet jkunu qegħdin iwettqu f'isimha,

- il-possibbilità ta' spezzjonijijiet iddettaljati u mingħajr għażla bil-quddiem tal-bastimenti,

- id-dispożizzjonijiet sabiex jirrappurtaw tagħrif essenzjali dwar il-flotta tagħhom skond il-klassi, il-bdil tal-klassi jew it-tneħħija mill-klassi tal-bastimenti.

3. Il-ftehim jew l-arranġament legali ekwivalenti jistgħu jistabbilixxu l-ħtieġa illi l-organizzazzjoni rrikonoxxuta jkollha rappreżentanza lokali fit-territorju ta' l-Istat Membru li f'isimha taqdi x-xogħol riferit fl-Artikolu 3. Tista' tissodisfa din il-ħtieġa rappreżentanza lokali ta' natura legali li tiżgura l-personalità legali skond il-liġi ta' l-Istat Membru u l-kompetenza tal-qrati nazzjonali tiegħu.

4. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'tagħrif preċiż dwar il-konnessjoni tax-xogħol stabbilita skond dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha sussegwentement tgħarraf lil Istati Membri l-oħra.

L-Artikolu 7

Huwa hawnhekk stabbilit kumitat kompost mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni għalbiex jgħin lill-Kummissjoni. Dan il-kumitat għandu jissejjaħ mill-Kummissjoni mill-inqas darba fis-sena u kull meta jkun meħtieġ fil-każ tas-sospensjoni ta' l-awtorizzazzjoni ta' organizzazzjoni minn Stat Membru skond id-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 10.

Il-kumitat għandu jfassal ir-regoli ta' proċedura tiegħu.

L-Artikolu 8

1. Din id-Direttiva tista' tiġi emendata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13, sabiex:

- tapplika, għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, l-emendi sossegwenti għall-kodiċijiet u r-riżoluzzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikoli 2(d) u 6(2), li jkunu daħlu fis-seħħ,

- taġġorna l-kriterji fl-Anness, billi tqis, b'mod partikolari, id-deċiżjonijiet rilevanti ta' l-IMO.

2. Wara l-adozzjoni ta' l-istrumenti jew il-protokolli l-ġodda mal-konvenzjonijiet riferiti fl-Artikolu 2(d), il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi, waqt li jqis il-proċeduri parlamentari ta' l-Istati Membri kif ukoll il-proċeduri rilevanti fl-IMO, dwar l-arranġamenti dettaljati sabiex jirratifika dawn l-istrumenti jew protokolli ġodda, filwaqt li jiżgura li jiġu applikati b'mod uniformi u simultanju fl-Istati Membri.

L-Artikolu 9

1. Kull wieħed mill-Istati Membri jista' jintalab, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13, sabiex jirtira r-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti riferiti fl-Artikolu 4 li ma jwettqux iktar il-kriterji ddikjarati fl-Anness, fejn japplika.

2. Waqt it-tħejjija ta' l-abbozzi għal deċiżjoni li jkollha x'taqsam mal-materji riferiti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rapporti u t-tagħrif imsemmija fl-Artikoli 11 u 12. Fit-tħejjija ta' dawn l-abbozzi, il-Kummissjoni għandha tqis b'mod partikolari r-reġistrazzjonijiet ta' l-organizzazzjonijiet dwar is-sigurtà u l-prevenzjoni tat-tniġġiż. L-abbozzi tad-deċiżjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-materji riferiti fil-paragrafu 1 għandhom ukoll jiġu sottomessi lill-kumitat mill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq it-talba ta' Stat Membru.

L-Artikolu 10

Minkejja l-kriterji speċifikati fl-Anness, fejn Stat Membru jikkonsidra illi organizzazzjoni rrikonoxxuta ma tistax tibqa' aktar awtorizzata sabiex twettaq f'ismu d-dmirijiet speċifikati fl-Artikolu 3 jista' jissospendi din l-awtorizzazjoni.

Fiċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq tapplika l-proċedura li ġejja:

(a) l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-deċiżjoni tiegħu mingħajr dewmien, u jagħti raġunijiet issostanzjati għaliha;

(b) il-Kummissjoni għandha teżamina jekk is-sospensjoni hijiex ġustifikata għal raġunijiet ta' perikolu serju għas-sigurtà jew għall-ambjent;

(ċ) filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istat Membru jekk id-deċiżjoni tiegħu li jissospendi l-awtorizzazjoni hix iġġustifikata għar-raġunijiet ta' perikolu serju għas-sigurtà jew għall-ambjent u, jekk mhix iġġustifikata, titlob lill-Istat Membru sabiex jirtira s-sospensjoni tiegħu.

L-Artikolu 11

1. Kull wieħed mill-Istati Membri jrid jissodisfa lilu nnifsu illi l-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti li jaġixxu f'ismu għall-għan ta' l-Artikolu 3(2), iwettqu effettivament il-funzjonijiet riferiti f'dan l-Artikolu għas-sodisfazzjon ta' l-amminsitrazzjoni kompetenti tiegħu u li dawn l-organizzazzjonijiet iwettqu l-kriterji speċifikati fl-Anness. Jista' wkoll jagħmel dan billi jkollu l-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti immonitorjati direttament mill-amminstrazzjoni kompetenti tiegħu jew, fil-każ ta' l-organizzazzjonijiet lokati fi Stat Membru ieħor, billi joqgħod fuq il-monitorjar korrispondenti ta' dawn l-organizzazjonijiet mill-amministrazzjoni ta' Stat Membru ieħor.

2. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu fuq bażi ta' kull sentejn u għandu jipprovdi lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'rapport tar-riżultati ta' dan il-monitorjar l-iktar tard sal-31 ta' Marzu ta' kull sena li tiġi wara s-snin li għalihom tkun ġiet evalwata l-konformità.

3. Meta Stat Membru jagħżel bil-għan li jaqdi dan ix-xogħol, li joqgħod fuq il-monitorjar minn Stat Membru ieħor, ir-rapport tiegħu għandhu jiġi pprovvdut l-iktar tard sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena li tiġi wara s-sena li għaliha kienet evalwata l-konformità.

4. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kull tagħrif rilevanti dwar l-evalwazzjoni tat-twettiq tax-xogħol ta' l-organizzazzjonijiet.

L-Artikolu 12

1. Fl-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom ta' spezzjon bħala stati tal-portijiet:

(a) l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat terz ma jiġux ittrattati b'mod aktar vantaġġjuż mill-bastimenti intitolati li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru. Għal dan il-għan il-fatt illi ċ-ċertifikati tal-bastimenti u ċ-ċertifikat tal-klassi jkunu magħrufa li jkunu ġew ikkunsinjati minn organizzazzjoni li ma twettaqx il-kriterji ta' dan l-Anness, bl-eċċezzjoni ta' organizzazzjoni rrikonoxxuta skond l-Artikolu 4(3) u (4), għandu jittieħed bħala wieħed mill-kriterji primarji għalbiex jingħażlu l-bastimenti għall-ispezzjon.

(b) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa meta l-bastimenti ma jilħqux l-istandards internazzjonali miftiehma u għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-Memorandum ta' Ftehim dwar il-Kontroll Statali tal-Portijiet bl-iskoperta ta' kull ħruġ ta' ċertifikati validi minn organizzazzjonijiet li jaġixxu f'isem Stat tal-bandiera lil bastiment li ma jwettaqx il-ħtiġiet rilevanti tal-konvenzjonijiet internazzjonali, jew kull nuqqas ta' bastiment milli jġorr ċertifikat validu tal-klassi u li għandu x'jaqsam ma' oġġetti koperti b'dan iċ-ċertifikat.

2. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jistabilixxi reġistru tal-qadi tax-xogħol ta' l-organizzazzjonijiet li jaġixxu f'isem l-Istati tal-bandiera. Dan ir-reġistru tal-qadi tax-xogħol għandu jiġi aġġornat kull sena u mqassam lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 13

Il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-materji koperti bl-Artikolu 4(3) u (4), L-Artikolu 5(1) u l-Artikoli 8, 9, 10 u l-Artikolu 14(2):

(a) Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat riferit fl-Artikolu 7 abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu.

(b) Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill jeħtieġ jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikunu peżati fil-manjiera ddikjarata f'dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

(ċ) Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri previsti jekk huma skond l-opinjoni tal-kumitat.

(d) Jekk il-miżuri previsti mhumiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li jkollha x'taqsam mal-miżura li trid tittieħed. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata. Jekk, fi żmien tliet xhur mid-data tar-riferiment lilu, il-Kunsill ma jaġixxix, il-miżura proposta għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 14

1. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jiżgura illi l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu għandu jiġi mibni u miżmum skond il-ħtiġiet tal-buq, il-makkinarju u l-istallazzjoniijiet ta' l-elettriku u tal-kontroll ta' organizzazzjoni rikonoxxuta.

2. Stat Membru jista' jiddeċiedi illi juża r-regoli biss li jikkonsidra ekwivalenti għal dawk ta' organizzazzjoni rrikonoxxuta bil-kondizzjoni illi jkun innotifikahom immedjatament lill-Kummissjoni skond il-proċedura tad-Direttiva 83/189/KEE u lill-Istati Membri l-oħra u li ma jkunx hemm oġġezzjonijiet għalihom minn Stat Membru ieħor jew mill-Kummissjoni għaliex ikunu ġew misjuba mhux ekwivalenti skond il-proċedura ta' l-Artikolu 13.

L-Artikolu 15

1. L-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti għandhom jikkonsultaw bejniethom perjodikament bil-ħsieb li jżommu l-ekwivalenza ta' l-istandards tekniċi u l-implimentazzjoni tagħhom. Għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapporti perjodiċi dwar il-progress bażiku fl-istandards.

2. L-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti għandhom juru r-rieda li jikkooperaw ma' l-amministrazzjonijiet tal-kontroll ta' l-Istat tal-port meta jinteressa bastiment tal-klassi tagħhom, b'mod partikolari, sabiex jiffaċilitaw il-korrezzjoni tan-nuqqasijiet u d-diskrepanzi l-oħra rrapportati.

3. L-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti għandhom jipprovdu t-tagħrif rilevanti kollu lill-amminstrazzjoni rigward il-bdil tal-klassi jew it-tneħħija mill-klassi tal-bastimenti.

4. L-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti ma għandhomx joħorġu ċertifikati lil bastiment li jkun ġie ddeklassat jew li nbidlitlu l-klassi għar-raġunijiet tas-sigurtà qabel ma jikkonsultaw lill-amminsitrazzjoni kompetenti ta' l-Istat tal-bandiera sabiex jiddeċiedu jekk tkunx meħtieġa spezzjoni sħiħa.

L-Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijet amministrattivi meħtieġa għalbiex jikkonformaw mad-Direttiva mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 1995.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati minn din ir- referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif trid issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijet kollha fil-liġijiet domestiċi li jadottaw fis-settur irregolat minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri b'dan.

L-Artikolu 17

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Novembru 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

M. WISSMANN

[1] ĠU C 167, tat-18. 6. 1993, p. 13.

[2] ĠU C 34, tat-2. 2. 1994, p. 14.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 (ĠU 91, tat-28. 3. 1994, p. 9), Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Settembru 1994 (ĠU C 301, tas-27. 10. 1994, p. 75) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU C 271, tas-7. 10. 1993, p. 1.

[5] ĠU L 197, tat-18. 7. 1987, p. 33.

[6] ĠU L 109, tas-26. 4. 1983, p. 8. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 94/10/KE (ĠU L 100, tad-19. 4. 1994, p. 30).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-KRITERJI MINIMI GĦALL-ORGANIZZAZJONIET RIFERITI FL-ARTIKOLU 3

A. ĠENERALI

1. L-organizzazzjonijiet irrikonoxxuti jridu jkunu kapaċi jiddokumentaw esperjenza estensiva fl-evalwazzjoni tad-disinn u l-kostruzzjoni tal-bastimenti tal-merkanzija.

2. L-organizzazzjoni għandu jkollha fil-klassi tagħha flotta ta' mill inqas 1000 bastiment li jaqsmu l-oċejani ('il fuq minn 100 GRT) li t-total tagħhom ma jkunx inqas minn 5 miljun GRT.

3. L-organizzazzjoni trid timpjega persunal tekniku pproporzjonat man-numru tal-bastimenti mogħtija l-klassi. Bħala minimu, ikunu jinħtieġu 100 perit esklużiv għalbiex josservaw il-ħtiġiet fil-paragrafu 2.

4. L-organizzazzjoni għandu jkollha regoli u regolamenti komprensivi għad-disinn, il-kostruzzjoni u l-perizja perjodika tal-bastimenti tal-merkanzija, ippubblikati u kontinwament aġġornati u ameljorati mill-programmi tar-riċerka u l-iżvilupp.

5. L-organizzazzjoni għandha tippubblika r-reġistru tagħha tal-bastimenti fuq bażi annwali.

6. L-organizzazzjoni ma għandhiex tkun ikkontrollata mis-sidien jew mill-benneja tal-bastimenti, jew minn oħrajn imqabbda b'mod kummerċjali fil-fabbrikazzjoni, it-tagħmir, it-tiswija jew ix-xogħol tal-bastimenti. L-organizzazzjoni ma għandhiex tkun sostanzjalment dipendenti fuq id-dħul finanzjarju ta' impriża kummerċjali waħda.

B. SPEĊIFIKU

1. L-organizzazzjoni hija stabbilita bi:

(a) persunal tekniku b'mod sinifikanti, maniġerjali, ta' appoġġ u ta' riċerka pproporzjonat max-xogħol u mal-bastimenti mogħtija l-klassi, li jservu wkoll għall-kapaċità — żvilupp u jħarsu r-regoli u r-regolamenti;

(b) kopertura dinjija mill-persunal esklużiv tekniku tagħha jew permezz tal-persunal esklużiv tekniku ta' organizzazzjonijiet oħra rrikonoxxuti.

2. L-organizzazzjoni għandha tkun irregolata b'kodiċi ta' etika.

3. L-organizzazzjoni għanha tkun immaniġġjata u amministrata fil-manjiera li tiżgura l-kunfidenzjalità tat-tagħrif meħtieġ mill-amministrazzjoni.

4. L-organizzazzjoni għandha tkun lesta li tipprovdi t-tagħrif relevanti lill-amministrazzjoni.

5. Il-korp maniġerjali ta' l-organizzazzjoniji għandu jkun iddefinixxa u ddokumenta l-politika u l-għanijiet u l-impenn tiegħu rigward il-kwalità u jkun żgura illi din il-politika tiġi mifhuma, implimentata u miżmuma fil-livelli kollha fl-organizzazzjoni.

6. L-organizzazzjoni għandha tkun żviluppat, implimentat, u żżomm sistema interna effettiva ta' kwalità msejsa fuq il-partijiet xierqa ta' l-istandards tal-kwalità rrikonoxxuti internazzjonalment u skond l-EN 45004 (il-korpi ta' l-ispezzjon) u l-EN 29001, kif interpretati mill-Ħtiġiet ta' l-Iskema tas-Sistema ta' l-IACS dwar iċ-Ċertifikazzjoni tal-Kwalità, u li, inter alia, tiżgura illi:

(a) ir-regoli u r-regolamenti ta' l-organizzazzjoni jkunu stabbiliti u miżmuma f'manjiera sistematika;

(b) ir-regoli u regolamenti ta' l-organizzazzjoni jkunu mħarsa;

(ċ) il-ħtiġiet tax-xogħol statutorju li għalih hija awtorizzata l-organizzazzjoni ikunu ssodisfati;

(d) ir-responsabbilitajiet, l-awtoritajiet u l-interrelazzjoni tal-persunal li x-xogħol tagħhom jafffetwa l-kwalità tas-servizzi ta' l-organizzazzjoni jkunu ddefiniti u ddokumentati;

(e) ix-xogħol kollu jitwettaq taħt kondizzjonijiet ikkontrollati;

(f) teżisti sistema ta' sorveljanza li timmonitorja l-azzjonijiet u x-xogħol imwettqa mill-periti u l-persunal tekniku u amministrattiv impjegati direttament mill-organizzazzjoni;

(g) il-ħtiġiet tax-xogħol statutorju maġġuri li għalih l-organizzazzjoni hija awtorizzata jitwettqu jew jiġu direttament issorveljati biss mill-periti esklużivi tagħha jew permez tal-periti esklużivi ta' organizzazzjonijiet oħra rrikonoxxuti;

(h) tiġi implimentata sistema għall-kwalifika tal-periti u l-aġġornament kontinwu tat-tagħrif tagħhom;

(i) jinżammu reġistri, li juru l-kisba ta' l-istandards meħtieġa fl-oġġetti koperti mis-servizzi mwettqa, kif ukoll il-ħidma effettiva tas-sistema tal-kwalità; u

(j) sistema komprensiva ta' verifiki interni ppjanati u ddokumentati li għandhom x'jaqsmu ma' l-attivitajiet tal-kwalità fil-postijiet kollha.

7. L-organizzazzjoni trid turi ħila:

(a) li tiżviluppa u żżomm aġġornat sett sħiħ u adegwat tar-regoli u r-regolamenti tagħha nfisha dwar il-buq u t-tagħmir ta' l-elettriku u tal-kontroll li jkollhom il-kwalità ta' l-istandards tekniċi rrikonoxxuti internazzjonalment li fuq il-bażi tagħhom jistgħu jinħarġu ċ-Ċertifikati tas-Sigurtà tal-Bastimenti tal-Passiġġieri tal-Konvenzjoni Solas (rigward l-adegwatezza ta' l-istruttura tas-sistemi essenzjali tal-makkinarju abbord) u ċ-Ċertifikati tal-Linji tat-Tagħbija (rigward adegwatezza tas-saħħa tal-bastiment);

(b) għalbiex iwettqu l-ispezzjonijiet u l-perizji kollha meħtieġa mill-konvenzjonijiet internazzjonali għall-ħruġ taċ-ċertifikati, inklużi l-mezzi ta' l-evalwazzjoni, permezz ta' l-użu ta' persunal professjonali ikkwalifikat, l-applikazzjoni u ż-żamma tas-sistema tal-maniġġjar tas-sigurtà, kemm ibbażati l-art u kemm abbord, maħsuba li jkunu koperti fiċ-ċertifikazzjoni.

8. L-organizzazzjoni għandha tkun bla ħsara għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistema tagħha tal-kwalità minn korp indipendenti ta' awdituri rrikonoxxuti mill-amministrazzjoni ta' l-Istat fejn tkun lokalizzata.

9. L-organizzazzjoni għandha tippermetti l-parteċipazzjoni fl-iżvilupp tar-regoli u/jew ir-regolamenti tagħha mir-rappreżentanti ta' l-amministrazzjoni u tal-partijiet l-oħra kkonċernati.

--------------------------------------------------