31993R3118



Official Journal L 279 , 12/11/1993 P. 0001 - 0016
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 5 P. 0021
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 5 P. 0021


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3118/93

tal-25 ta' Ottubru 1993

li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' skariġġ bit-triq ġewwa Stat Membru

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, bis-saħħa ta' l-Artikolu 75(1)(b) tat-Trattat, l-istabbiliment ta' strateġija komuni dwar it-trasport tenħtieġ, inter alia, li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom dawk li jġorru li ma jkunux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' trasport ġewwa Stat Membru;

Billi din id-dispożizzjoni timplika t-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha kontra l-persuna li tipprovdi s-servizzi f'dan il-każ għal raġunijiet taċ-ċittadinanza tiegħu jew il-fatt li jkun stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak li fih is-servizz għandu jkun ipprovdut;

Billi, sabiex din id-dispożizzjoni tkun implimentata b'mod mexxej u flessibbli, għandha ssir dispożizzjoni għal sistema ta' kabotaġġ tranżizzjonali qabel l-implimentazzjoni tas-sistema definittiva;

Billi huma biss trasportaturi li jkollhom awtorizzazzjoni tal-Komunità kif ipprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92 tas-26 ta' Marzu 1992 dwar l-aċċess għas-suq ta' trasport ta' merkanzija bl-art ġewwa l-Komunità lejn u mit-territorju ta' Stat Membru jew li jkun għaddej mit-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar [4] jew trasportaturi awtorizzati li joperaw ċerti kategoriji ta' servizzi internazzjonali ta' skariġġ jistgħu ikunu permissi li jagħmlu kabotaġġ;

Billi dik is-sistema tranżizzjonali għandha tinkludi l-introduzzjoni ta' kwota progressiva ta' awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ tal-Komunità;

Billi l-kundizzjonijiet dwar il-ħruġ u l-użu ta' l-istess awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ għandhom ikunu ddeterminati;

Billi d-dispożizzjonijiet ta' l-Istat Membru li jospita li japplikaw għall-operazzjonijiet ta' kabotaġġ għandhom ikunu stabbiliti;

Billi dispożizzjonijiet għandhom ikunu adottati sabiex tittieħed azzjoni fl-eventwalità ta' disturb serju tas-swieq tat-trasport milquta; billi għal dak il-għan hu meħtieġ li tiġi introdotta proċedura xierqa ta' kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u għal dettalji statistiċi meħtieġa li għandhom jinġabru;

Billi hu mixtieq li l-Istati Membri għandhom jagħtu lil xulxin assistenza reċiproka oħra bil-għan li tiġi applikata kif xieraq is-sistema introdotta; b'mod partikolari fir-rigward ta' penali applikabbli fl-eventwalità ta' ksur; billi penali m'għandhomx ikunu diskriminatorji u fi proporzjon tal-gravità tal-ksur; billi hemm il-ħtieġa li jkun hemm il-possibiltà li jsir appell;

Billi l-Kummissjoni għandha perjodikament tagħti rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

Billi sabiex jintlaħqu l-obbligazzjonijiet imposti fuq il-Kunsill, hu meħtie ġli tkun stabbilita d-data tad-dħul fis-seħħ ta' sistema definittiva li tippermetti operazzjonijiet ta' kabotaġġ li jsiru mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Xi trasportatur ta' skariġġ bit-triq għal kiri jew bi ħlas li jkollu awtorizzazzjoni tal-Komunità kif hemm ipprovdut fir-Regolament (KEE) Nru 881/92 għandu jkun intitolat, permezz tal-kundizzjonijiet stabbiliti f' dan ir-Regolament, li jopera fuq bażi temporanja servizzi ta' skariġġ bit-triq għal kiri jew bi ħlas fi Stat Membru ieħor, minn hawn 'il quddiem rriferuti rispettivament bħala "kabotaġġ" u bħala l-"Istat Membru li jospita", mingħajr ma jkollu uffiċċju rreġistrat jew stabbiliment ieħor hemmhekk.

2. B'żieda ma' dan, xi trasportatur li jkun intitolat fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit, skond il-leġislazzjoni ta' dak l-Istat Membru, li jagħmel l-operazzjonijiet ta' skariġġ bit-triq għal kiri jew bi ħlas li huma msemmija fil-punti 1, 2 u 3 ta' l-Anness ta' l-Ewwel Direttiva [5] għandu jkun imħolli, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, li jagħmel, skond ma jkun il-każ, operazzjonijiet ta' kabotaġġ ta' l-istess għamla jew l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ permezz ta' vetturi fl-istess kagegorija.

3. Permess biex isiru l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ, fil-qafas tat-tipi ta' tagħbija msemmija fil-punt 5 ta' l-Anness ta' l-Ewwel Direttiva, m'għandux ikun ristrett.

4. Kull impriża li tkun intitolata fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita, skond il-leġislazzjoni ta' dak l-Istat Membru, li tagħmel operazzjonijiet ta' skariġġ bit-tiq għan-nom tagħha stess għandha tkun imħollija tagħmel l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ għan-nom tagħha stess kif imfisser fil-punt 4 ta' l-Anness ta' l-Ewwel Direttiva.

Il-Kummissjoni għandha tadotta r-regoli ddettaljati biex timplimenta dan il-paragrafu.

L-Artikolu 2

1. Bil-għan li s-sistema definittiva kif definita fl-Artikolu 12 għandha tkun introdotta progressivament, operazzjonijiet ta' kabotaġġ għandhom jitwettqu mill-1 ta' Jannar 1994 sat-30 ta' Ġunju 1998 fil-qafas tal-kwoti ta' kabotaġġ tal-Komunità, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(3).

Awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ għandhom ikunu bħall-mudell fl-Anness I.

Kwota ta' kabotaġġ tal-Komunità għandha tikkonsisti fi 30000 awtorizzazzjoni għal kabotaġġ, kull waħda valida għal xahrejn; din għandha tiżdied kull sena bi 30 % li tibda fl-1 ta' Jannar 1995.

2. Fuq talba ta' Stat Membru, li għandha ssir qabel l-1 ta' Novembru ta' kull sena, awtorizzazzjoni għal kabotaġġ wieħed tista' tkun ikkonvertita f'żewġ awtorizzazzjonijiet ta' tul qasir, kull waħda valida għal xahar wieħed.

Awtorizzazzjonijiet ta' kabotaġġ ta' tul qasir għandhom ikunu bħall-mudell fl-Anness II.

3. Il-kwota għandha tkun allokata fost l-Istati Membri kif ġej:

| 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | l-1 ta' Jannar sat-30 ta' Ġunju 1998 |

il-Belġju | 2593 | 3371 | 4383 | 5698 | 3704 |

il-Danimarka | 2516 | 3271 | 4253 | 5529 | 3594 |

il-Ġermanja | 4252 | 5528 | 7187 | 9344 | 6074 |

il-Greċja | 1146 | 1490 | 1937 | 2519 | 1638 |

Spanja | 2688 | 3495 | 4544 | 5908 | 3841 |

Franza | 3516 | 4571 | 5943 | 7726 | 5022 |

l-Irlanda | 1169 | 1520 | 1976 | 2569 | 1670 |

l-Italja | 3520 | 4576 | 5949 | 7734 | 5028 |

il-Lussumburgu | 1207 | 1570 | 2041 | 2654 | 1726 |

l-Olanda | 3662 | 4761 | 6190 | 8047 | 5231 |

il-Portugall | 1525 | 1983 | 2578 | 3352 | 2179 |

ir-Renju Unit | 2206 | 2868 | 3729 | 4848 | 3152 |

L-Artikolu 3

1. L-awtorizzazzjonijiet għal kabotaġġ li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 2 għandhom jippermettu lir-riċevitur li jagħmel operazzjonijiet ta' kabotaġġ.

2. L-awtorizzazzjonijiet għal kabotaġġ għandhom ikunu mqassma mill-Kummissjoni lejn l-Istati Membri ta' l-istabbiliment u maħruġa lil trasportaturi li japplikaw għalihom mill-awtorità kompetenti jew korp ta' l-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.

Dawn għandu jkollhom is-sinjal distintiv ta' l-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti.

3. L-awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ għandha tinħareġ fuq l-isem tat-trasportatur. Dak it-trasportatur ma jistax jittrasferiha lejn terza persuna. Kull awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ tista' tintuża minn vettura waħda biss f'xi ħin.

"Vettura" tfisser vettura bil-mutur irreġistrata fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita jew ġemgħa mgħaqqda flimkien ta' vetturi li minnhom għall-inqas il-vettura bil-mutur tkun irreġistrata fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita u li jkunu użati esklussivament għall-ġarr ta' merkanzija.

It-trasportatur mhux residenti għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu il-vettura jew bħala proprjetà sħiħa jew fuq xi bażi oħra, inter alia, kuntratt ta' xiri bin-nifs, kiri jew self bi ħlas.

Fil-każ ta' kiri, il-vettura għandha tkun mikrija mit-trasportatur fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita biex tagħmel l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ. B'dana kollu t-trasportatur mhux residenti jista', sabiex ilesti l-operazzjoni ta' kabotaġġ li tkun interrotta minħabba ħsara jew aċċident, jikri vettura fl-Istat Membru li jospitah taħt l-istess kundizzjonijiet bħal trasportatur residenti.

L-awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ u l-kuntratt ta' kiri, jekk ikun hemm, għandhom jakkumpanjaw lill-vettura bil-mutur.

4. L-awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ għandha tintwera kull darba li tkun mitluba minn uffiċjal ta' spezzjoni.

5. Id-data li minnha l-awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ tkun valida għandha tkun miktuba fl-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti jew korp ta' l-Istat Membru li fih tkun stabbilita qabel ma din tintuża.

L-Artikolu 4

Operazzjonijiet ta' trasport effettwati permezz ta' awtorizzazzjoni ta' kabotaġġ għandhom jinkitbu fi ktieb ta' formoli ta' reġistru u l-formolii għandhom jintbagħtu lura ma' l-awtorizzazzjoni lejn l-awtorità kompetenti jew korp ta' l-Istat Membru li fih tkun stabbilita li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni fi żmien tmint ijiem mit-tmiem tal-validita' ta' l-awtorizzazzjoni.

Il-ktieb tal-formoli tar-reġistru għandu jkun jaqbel mal-mudell fl-Anness III.

L-Artikolu 5

1. Fl-aħħar ta' kull kwart tas-sena u fi żmien tliet xhur, li jista' jitnaqqas mill-Kummissjoni għal xahar fil-każ li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 7, l-awtorità kompetenti jew korp ta' kull Stat Membru għandha tikkomunika lejn il-Kummissjoni d-data dwar operazzjonijiet ta' kabotaġġ magħmula matul dak il-quarter minn trasportaturi residenti, meta dik l-informazzjoni tkun espressa f' tunnellati metriċi mgħobbija u f'tunnellati/kilometri.

Il-komunikazzjoni għandha tkun effettwata permezz ta' tabella, li l-mudell tagħha hu elenkat fl-Anness IV.

2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lejn l-Istati Membri kemm jista' jkun malajr dikjarazzjonijiet sommarji magħmula abbażi ta' l-informazzjoni mogħtija permezz tal-paragrafu 1.

L-Artikolu 6

1. It-twettiq ta' l-operazzjonijiet ta' trasport ta' kabotaġġ għandu jkun suġġett, sakemm mhux ipprovdut mod ieħor fir-Regolamenti tal-Komunità, għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru li jospita f' dawn l-oqsma segwenti:

(a) ir-rati u l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratt tat-trasport;

(b) il-piżijiet u d-dimensjonijiet ta' vetturi tat-triq; dawk il-piżijiet u d-dimensjonijiet jistgħu, meta jkun xieraq, jeċċedu dawk applikabbli fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit it-trasportatur, iżda dawn ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jeċċedu l-istandards tekniċi ċċertifikati mix-xhieda ta' konformità li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/364/KEE [6];

(ċ) il-ħtiġijiet li jirrigwardaw it-tagħbija ta' ċerti kategoriji ta' merkanzija, b' mod partikolari merkanzija perikoluża, affarijiet ta' l-ikel li jitħassru, annimali ħajjin;

(d) sewqan u ħin tas-serħan;

(e) taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq servizzi ta' trasport. F' dan il-qasam l-Artikolu 21(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE [7].

2. L-istandards tekniċi ta' kostruzzjoni u apparat li l-vetturi użati biex jagħmlu operazzjonijiet ta' kabotaġġ għandhom jilħqu għandhom ikunu dawk stabbiliti għal vetturi li jkunu fiċ-ċirkolazzjoni fi trasport internazzjonali.

3. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu applikati għall-operaturi tat-trasport mhux residenti bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li l-Istat Membru jimponi fuq dawk li jkunu tan-nazzjonalità tiegħu, sabiex effettivament ma jitħalliex li ssir diskriminazzjoni fil-miftuħ jew fil-moħbi għal raġunijiet ta' nazzjonalità jew post fejn wieħed jistabbilixxi ruħu.

4. Jekk ikun stabbilit li, fid-dawl ta' l-esperjenza, il-lista ta' żoni koperti mil-liġijiet ta' l-Istat Membru li jospita, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 jeħtieġu li jkunu emendati, il-Kunsill għandu jemenda dik il-lista, billi jaġixxi permezz ta' maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 7

1. Fl-eventwalità ta' disturb serju fis-suq tat-trasport nazzjonali f'żona ġeografika partikolari minħabba jew aggravat minn kabotaġġ, kull Stat Membru jista' jirreferi l-każ lejn il-Kummissjoni bil-għan li jiġu adottati miżuri ta' salvagward u għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa u jinnotifikaha bil-miżuri li jkun beħsiebu jieħu fir-rigward tat-trasportatur residenti.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1:

- "disturb serju tas-suq tat-trasport nazzjonali f'żona ġeografika partikolari" tfisser l-eżistenza fis-suq ta' problemi speċifiċi għalih, b'tali mod li jkun hemm eċċess serju jew potenzjali ta' forniment aktar mid-domanda li timplika theddida għall-istabbilità finanzjarja u s-sopravivenza ta' numru sinifikanti ta' impriżi ta' skariġġ fuq it-triq,

- "żona ġeografika" tfisser żona li tkopri t-territorju kollu ta' Membru Stat jew parti minn jew li testendi lejn it-territorju kollu ta' Stati Membri oħra jew parti minnu.

3. Il-Kummissjoni għandha teżamina s-sitwazzjoni, abbażi b' mod partikolari ta' l-aħħar informazzjoni ta' kull kwart tas-sena kif hemm referenza dwaru fl-Artikolu 5 u, wara li tikkonsulta lill-Kumitat konsultattiv stabbilit permezz ta' l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 3916/90 [8], għandha tiddeċiedi fi żmien xahar minn meta tirċievi t-talba relevanti ta' l-Istat Membru jekk miżuri ta' salvagwardja ikunux meħtieġa u għandha taddottahom jekk dawn ikunu meħtieġa.

Dawk il-miżuri jistgħu jinvolvu l-esklużjoni temporanja taż-żona kkonċernata mill-għanijiet ta' dan ir-Regolament.

Il-miżuri introdotti skond dan l-Artikolu jistgħu jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jeċċedix sitt xhur, li jiġġedded darba bl-istess limitu ta' validita.

Il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kunsill b'kull deċiżjoni meħuda bis-saħħa ta' dan il-paragrafu.

4. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tieħu miżuri ta' salvagwardja dwar Stati Membru wieħed jew aktar, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri involuti għanhom ikunu meħtieġa li jieħdu miżuri bi skop ekwivalenti għar-rigward ta' trasportaturi residenti u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b' dan.

Dawn il-miżuri għandhom ikunu applikati mill-inqas sa mill-istess data tal-miżuri ta' salvagward li tkun iddeċidiet dwarhom il-Kummissjoni.

5. Kull Stat Membru jista' jissottometti deċiżjoni tal-Kummissjoni kif hemm referenza dwarha fil-paragrafu 3 lejn il-Komunità fi żmien 30 jum min-notifika tagħha.

Il-Kunsill, li jaġixxi b' maġġoranza kkwalifikata fi żmien 30 jum minn meta ssir ir-referenza minn Stat Membru jew, jekk ikun hemm referti minn diversi Stati Membri, ta' l-ewwel referenza, jista' jieħu deċiżjoni differenti.

Il-limitazzjonijiet ta' validità stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 3 għandhom japplikaw għad-deċiżjoni tal-Kunsill.

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu meħtieġa li jieħdu miżuri b'għanijiet ekwivalenti għar-rigward ta' trasportaturi residenti u għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

Jekk il-Kunsill ma jieħu l-ebda deċiżjoni fil-perjodu li hemm referenza dwaru fit-tieni subparagrafu, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha ssir finali.

6. Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri msemmija fil-paragrafu 3 m'għandhomx għalfejn jitwalu, din għandha tissottometti proposta lejn il-Kunsill, li għandu jieħu deċiżjoni permezz ta' maġġoranza kkwalifikata.

L-Artikolu 8

1. Stati Membri għandhom jassistu lil xulxin fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2. Mingħajr preġudizzju għal xi proċeduri kriminali l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jospita għandhom ikollhom il-jedd li jimponi penali fuq trasportatur mhux residenti li jkun ikkommetta ksur ta' dan ir-Regolament jew tal-Komunità jew dwar leġislazzjoni nazzjonali tat-trasport fit-territorju tagħhom matul operazzjoni ta' kabotaġġ. Dawn għandhom jimponu dawk il-penali fuq bażi mhux diskriminatorja u bi qbil mal-paragrafu 3.

3. Il-penali li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2 jistgħu, inter alia, jikkonsistu fi twissija, jew, fl-eventwalità ta' ksur serju jew ripetut, impediment temporanju fuq trasport b' kabotaġġ ġewwa t-territorju ta' l-Istat Membru li jospita fejn ikun seħħ il-ksur.

Meta awtorizzazzjoni ffalsifikata ta' kabotaġġ tkun murija, id-dokument falz għandu jkun ikkonfiskat minnufih u mogħti kemm jista' jkun malajr lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membri li fih it-trasportatur ikun stabbilit.

4. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jospita għandu jinforma lil dik ta' l-Istat Membru ta' l-istabbiliment bil-ksur irreġistrat u kull penali imposti fuq it-trasportatur u tista', fl-eventwalità ta' ksur serju jew ripetut, fl-istess ħin tittrasmetti talba biex tkun imposta penali.

Fl-eventwalità ta' ksur serju jew ripetut, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' l-istabbiliment għandha tiddeċiedi jekk penali xierqa għandhiex tiġi mposta fuq it-trasportatur ikkonċernat; l-awtorità għandha tieħu akkont ta' kull penali imposta fl-Istat Membru li jospita u tassigura li l-penali imposti fuq it-trasportatur ikkonċernat ikunu, fit-totalità tagħhom, proporzjonali għall-ksur jew il-ksur li jkunu wasslu għal dawk il-penali.

Il-penali imposti mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn tkun stabbilita, wara konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jospita, tista' testendi għall-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni għas-segwiment ta' l-attività ta' operatur ta' skariġġ fuq it-toroq.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' l-istabbiliment tista' wkoll, permezz tal-liġijiet nazzjonali tagħha, tressaq lit-trasportatur ikkonċernat quddiem qorti kompetenti jew tribunal nazzjonali.

Din għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jospita bid-deċiżjoni meħuda bis-saħħa tal-paragrafi preċedenti.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li kull applikant għal, jew pussessur ta', awtorizzazzjoni, jista' jappella kontra deċiżjoni li tiċħad jew li tirtira dik l-awtorizzazzjoni u kontra kull penali oħra amministrattiva imposta fuqu mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fih ikun stabbilit jew ta' l-Istat Membru li jospitah.

L-Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jadottaw fi żmien xieraq u jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirreferu għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 11

Kull sentejn u, għall-ewwel darba sat-30 ta' Ġunju 1996, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lejn il-Komunità dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 12

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1994.

2. L-awtorizzazzjoni tal-Komunità u s-sistema ta' kwoti għal operazzonijiet ta' kabotaġġ li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 2 għandhom jieqfu milli jkunu applikabbli fl-1 ta' Lulju 1998.

3. Minn dik id-data xi trasportatur mhux residenti li jonora l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 għandu jkun intitolat li jopera, fuq bażi temporanja u mingħajr restrizzjonijiet kwantitattivi, servizzi nazzjonali ta' skariġġ fuq it-toroq fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma jkollu uffiċċju rreġistrat jew xi stabbiliment ieħor f'dak l-Istat.

Il-Kummissjoni għandha tissottometti lejn il-Kunsill, meta jkun xieraq, billi tieħu akkont ta' l-esperjenza li tkun kisbet, ta' żviluppi fis-suq tat-trasport u tal-progress magħmul biex ikun hemm armonizzazzjoni fis-settur tat-trasport, proposta dwar ir-regoli ddettaljati li jakkumpanjaw lis-sistema definittiva f'dak li jirrigwarda sistema xierqa biex jiġi osservat is-suq ta' operazzjonijiet ta' kabotaġġ u l-aġġustament tal-miżuri ta' salvagward li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 7.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Ottubru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

Ph. Maystadt

[1] ĠU C 317, tas-7.12.1991, p. 10 u ĠU C 172, tat-8.7.1992, p. 22.

[2] ĠU C 150, tal-15.6.1992, p. 336.

[3] ĠU C 169, tas-6.7.1992, p. 30.

[4] ĠU L 95, tad-9.4.1992, p. 1.

[5] L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta Lulju 1962 dwar it-twaqqif ta' ċerti regoli komuni għat-trasport internazzjonali (skariġġ ta' merkanzija fuq it-toroq). (ĠU Nru 70, tas- 6.8.1962, p. 2005/62). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 881/92 (ĠU L 95, tad-9.4.1992, p. 1).

[6] ĠU L 221, tas-7.8.1986, p. 48.

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq in-negozju globali - sistema Komuni ta' taxxa tal-valur miżjud: il- bażi uniformi dwar assessjar (ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/111/KEE (ĠU L 384, tat-30.12.1992, p. 47) għandu japplika għas-servizzi li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

[8] ĠU L 375, tal-31.12.1990, p. 10.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------