31993R2847



Official Journal L 261 , 20/10/1993 P. 0001 - 0016
Finnish special edition: Chapter 4 Volume 5 P. 0118
Swedish special edition: Chapter 4 Volume 5 P. 0118


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93

tat-12 ta' Ottubru 1993

li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, bis-saħħa ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3760/92 tal-20 ta' Diċembru 1992 li jistabilixxi sistema tal-Komunità għas-sajd u l-akwakultura [4], il-Kunsill għandu jdaħħal sistema tal-Komunità ta' kontroll;

Billi s-suċċess tal-politika komuni tas-sajd tinvolvi l-implimentazzjoni ta' sistema effettiva ta' kontroll li tkopri l-aspetti kollha tal-politika;

Billi, biex jintlaħaq dan il-għan, huwa meħtieġ li jiddaħħlu regolamenti għall-ħarsien ta' miżuri ta' konservazzjoni u ta' tmexxija ta' riżorsi, miżuri strutturali u miżuri dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq, u ċerti dispożizzjonijiet biex jittrattaw man-nuqqas li jtwettqu dawn il-miżuri, li għandhom japplikaw mas-settur kollu tas-sajd mill-produttur għall-konsumatur;

Billi din s-sistema tista' tikseb biss ir-rizultat mixtieq jekk l-industrija tagħraf li dan huwa ġġustifkat;

Billi l-kontroll huwa qabel kollox ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri; billi l-Kummissjoni għandha tfittex ukoll li tiżgura li l-Istati Membri jgħassu u jipprevieni ksur b'mod ekwu; billi, għalhekk, il-Kummissjoni għandha tkun ipprovduta b'mezzi finanzjarji, legali u leġislattivi biex twettaq dil-ħidma b'mod effettiv kemm jista' jkun;

Billi l-esperjenza miksuba mit-tħaddim tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2241/87 tat-23 ta' Lulju 1987 li jistabbilixxi ċerti miżuri ta' kontroll għall-attivitajiet tas-sajd [5] uriet li hemm ħtieġa li jissaħħaħ il-kontroll ta' l-implimentazzjoni tar-regolamenti li jirregolaw il-konservazzjoni ta' riżorsi tas-sajd;

Billi qbil mal-miżuri għall-konservazzjoni u t-tħaddim tar-riżorsi tas-sajd jeħtieġ sens akbar ta' responsabbiltà min-naħa ta' l-operaturi kollha ta' l-industrija tas-sajd;

Billi l-politika fuq it-tħaddim tar-riżorsi tas-sajd, li hija bbażata b'mod partikolari fuq il-qbid totali permess (TACs) u kwoti u miżuri tekniċi, għandha tkun mejgħuna mill-ġestjoni ta' l-isforz tas-sajd, li jinvolvi l-osservazzjoni ta' l-attivitajiet u l-kapaċitajiet tas-sajd;

Billi, biex jiġi żgurat li l-qbid u l-inżul jinżammu taht sorveljanza, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw fl-ibħra marittimi kollha l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Komunità u l-attivitajiet kollha relatati li jħallu verifika ta' l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-politika komuni dwar is-sajd;

Billi huwa vitali li l-Istati Membri jikkooperaw fuq livell operattiv waqt l-ispezzjonijiet fuq il-baħar ta' l-attivitajiet tas-sajd, sabiex ikunu jistgħu jsiru spezzjonijiet effettivi u ġustifikabbli finanzjarjament, partikolarment f'ħidmiet imwettqa barra mill-ġurisdizzjoni jew is-sovranità ta' l-Istati Membri;

Billi l-implimentazzjoni tal-politika tas-sajd komuni tinħtieġ miżuri biex jissorveljaw bastimenti li jkunu qed itajru bandiera ta' terzi pajjizi li jkun jinsabu fl-ibħra tal-Komunità, u b'mod partikolari sistema biex jikkomunikaw il-movimenti tagħhom u l-ispeċi miżmuma abbord, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' passaġġ innokwu fil-baħar territorjali u l-libertà ta' tbaħħir fiż-żona tas-sajd ta' 200 mil;

Billi l-implimentazzjoni tal-proġetti pilota applikabbli għal ċertu kategoriji ta' bastimenti mill-Istati Membri b'kooperazzjoni mal-Kumissjoni tagħmilha possibbli għall-Kunsill sabiex jiddeċiedi, qabel l-1 ta' Jannar 1996, sewwa jekk sistema ta' sorveljanza permezz ta' satellita jew sistema alternattiva għandha tkun implimentata;

Billi t-tmexxija tas-sajd bl-iffissar tal-TACijiet teħtieġ għarfien dettaljat tal-kompożizzjoni tal-qabdiet, tali għarfien ikun ugwalment meħtieġ għall-proċeduri l-oħra pprovduti fir-Regolament (KEE) Nru 3760/92; billi dan jeħtieġ iż-żamma ta' ġurnal ta' abbord minn kull kaptan ta' bastiment tas-sajd;

Billi huwa meħtieġ għall-Istat Membru ta' l-inżul biex jiġu ssorveljati l-qabdiet mniżżla l-art fuq it-territorju tiegħu, u għal dan il-għan huwa xieraq għall-bastimenti tas-sajd irreġistrati fl-Istati Membri l-oħra li jinnotifikaw lill-Istat Membru ta' l-inżul bl-intenzjoni tagħhom li jniżżluhom fit-territorju tagħhom;

Billi jeħtieġ li tiġi kkjarifikata u kkonfermata fil-ħin ta' l-inżul l-informazzjoni li tkun tinsab fil-ġurnali ta' abbord; billi, għal dan il-għan, hu meħtieġ li dawk involuti fl-inżul u fil-bejgħ tal-qbdiet għandhom jiddikjaraw il-kwantitajiet mniżżla, trasbordati, offruti għall-bejgħ jew mixtrija;

Billi, sabiex jiġu pprovduti eżenzjonijiet mill-obbligu li jinżamm ġurnal ta' abbord jew titlesta dikjarazzjoni ta' nżul minn bastimenti tas-sajd żgħar għal liema obbligazzjoni bħal din tkun tfisser oneru sproporzjonat fir-rigward tal-kapaċità tas-sajd tagħhom, huwa meħtieġ għal kull Stat Membru li jissorvelja l-attivitajiet ta' dawn il-bastimenti bl-implimentazzjoni ta' pjan ta' teħid ta' kampjuni;

Billi, sabiex jiġi żgurat ir-rispett lejn il-miżuri ta' konservazzjoni u tal-kummerċ tal-Komunità, il-prodotti kollha tas-sajd imniżżla ġewwa jew importati fil-Komunità għandhom ikunu akkumpanjati, sal-mument ta' l-ewwel bejgħ, b'dokument ta' trasport li jidentifika l-oriġini tagħhom;

Billi limitazzjonijiet fuq il-qabdiet għandhom jitmexxew kemm fuq il-livell ta' l-Istati Membri kif ukoll tal-Komunità; billi l-Istati Membri għandhom jirreġistraw l-inżul u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni bit-trasmissjoni tal-kompjuter; billi għalhekk huwa meħtieġ li jiġi pprovdut għall-eċċezzjonijiet minn dan l-obbligu għall-kwantitajiet zgħar imniżżla, u li jekk dawn jiġu trasmessi bil-kompjuter dan ikun jikkostitwixxi oneru sproporzjonat amministrattiv u finanzjarju għall-awtoritajiet ta' l-Istati Membri;

Billi, sabiex jiġu żgurati l-konservazzjoni u t-tmexxija tar-riżorsi kollha użati, id-dispożizzjonijiet dwar il-ġurnal ta' abbord, id-dikjarazzjonijiet dwar l-inżul u l-bejgħ u l-informazzjoni fuq it-trasbord u r-reġistrazzjoni tal-qabdiet jistgħu jiġu estiżi għall-stokkijiet li mhumiex suġġetti għal kwota TAC;

Billi l-Istati Membri għandhom jiġu informati bir-riżultati ta' l-attivitajiet tal-bastimenti tagħhom fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terżi jew fl-ibħra internazzjonali, billi l-kaptani ta' dawn il-bastimenti għandhom konformament ikunu suġġetti għall-obbligi dwar il-ġurnal ta' abbord u d-dikjarazzjonijiet ta' l-inżul u t-trasbord; billi l-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri għandha tintbagħat lill-Kummissjoni;

Billi t-tmexxija tal-ġbir u t-trattament tad-data teħtieġ il-ħolqien ta' data bases kompjuterizzati li jagħmluha possibbli, b'mod partikolari, li ssir il-verifika akkurata tad-data; billi għalhekk il-Kummissjoni u l-aġenti tagħha għandhom ikollhom aċċess għal dawn id-data bases permezz ta' trasmissjoni bil-kompjuter biex issir il-verifika tad-data;

Billi konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-użu ta' l-attrezzatura tas-sajd ma tistax tiġi żgurata adegwatament fejn jinġarru abbord xbieki bid-daqs tal-malji differenti, ħlief fejn huma suġġetti għall-miżuri ta' kontroll addizzjonali; billi għal ċertu sajd jista' jkun xieraq li jsiru regoli speċifiċi bħar-regola tax-xibka waħda;

Billi huwa meħtieġ li, meta l-kwota ta' Stat Membru tiġi eżawrita jew meta l-TAC nnifisha hija eżawrita, għandu jiġi pprojbit is-sajd permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni;

Billi huwa meħtieġ li jissewwa l-preġudizzju li jkun sofra Stat Membru li ma jkunx eżawrixxa l-kwota tiegħu, l-allokazzjoni tiegħu ta' parti ta' stokk jew grupp ta' stokkijiet meta s-sajd ikun ingħalaq wara li tkun ġiet eżawrita l-TAC; billi għal dan il-għan sistema ta' kumpens għandha tiġi pprovduta;

Billi, fil-każijiet fejn dan ir-Regolament ma jiġix rispettat minn dawk responsabbli għall-bastimenti tas-sajd għandhom ikunu suġġetti għal miżuri ta' kontroll addizzjonali għall-għanijiet ta' konservazzjoni;

Billi huwa meħtieġ, biex tiġi garantita t-tmexxija effiċjenti tal-miżuri adottati, biex jiġu pprovduti mekkaniżmi ta' dikjarazzjoni skond l-għanijiet tat-tmexxija u strateġiji pprovduti fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, applikabbli għal Stat Membru li jkun stad iż-żejjed il-kwota tiegħu;

Billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika komuni dwar is-sajd huwa biex jiġu aġġustati l-kapaċitajiet tas-sajd mar-riżorsi disponibbli; billi l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92 jistipula li huwa x-xogħol tal-Kunsill li jiffissa l-għanijiet u l-istrateġiji għall-isforz tar-ristrutturar tas-sajd; billi huwa wkoll meħtieġ li tiġi assigurata l-konformità mal-miżuri fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq; partikolarment minn persuni għal min japplikaw dawn il-miżuri; billi, għalhekk, huwa vitali li kull Stat Membru jeżegwixxi, b'żieda mal-verifiki finanzjarji diġa' pprovduti fir-regoli Komunitarji, verifiki tekniċi biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet preskritti mill-Kunsill ikunu mħarsa;

Billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ġenerali biex iħallu spetturi tal-Komunità maħtura mill-Kummissjoni biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tar-regoli Komunitarji u biex jivverifikaw il-kontroll imwettaq mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri;

Billi, biex tiġi mħarsa l-oġġettività tal-verifiki, huwa importanti li l-ispetturi tal-Komunità jistgħu, f'ċerti ċirkostanzi, jagħmlu missjonijiet mingħajr notifika minn qabel u b'mod indipendenti, biex jivverifikaw il-ħidmiet ta' kontroll imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri; billi missjonijiet bħal dawn b'ebda mod m'għandhom jimplikaw il-kontroll ta' persuni privati;

Billi l-azzjoni meħuda wara l-ksur tista' tkun differenti minn Stat Membru għall-ieħor; tikkawża s-sajjieda jħossuhom trattati inġustament; billi n-nuqqas ta' sanzjonijiet disswasivi f'ċerti Stati Membri naqqsu l-effettività ta' kontrolli u billi, fid-dawl ta' dawn l-osservazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa mhux diskriminatorji biex iħarsu kontra u jipprosegwixxu irregolaritajiet, partikolarment billi jitwaqqaf roster ta' sanzjonijiet li effettivament iċaħħdu l-malfatturi mill-gwadan kummerċjali li jirriżulta mill-ksur tagħhom;

Billi l-possibbiltà għall-Istat Membru tal-bandiera li jiżgura li r-regoli tal-konservazzjoni u t-tmexxija tar-riżorsi tas-sajd huma osservati hi mnaqqsa f'każijiet fejn l-Istat Membru ta' l-inżul ma jipprosegwix effettivament l-irregolaritajiet; billi għandhom isiru dispożizzjonijiet biex jingħaddu l-qabdiet magħmula illegament kontra l-kwota ta' l-Istat Membru ta' inżul jekk dak l-Istat ma jkunx ġab proċeduri effettivi;

Billi l-Istati Membri għandhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet tagħhom ta' spezzjoni u fuq il-miżuri meħuda wara l-ksur tal-miżuri Komunitarji;

Billi għall-ċerti miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huwa xieraq li jiġu pprovduti regoli dettaljati ta' implimentazzjoni;

Billi l-kunfidenzjalità tad-data miġbura fil-qafas ta' dan ir-Regolament għandha tiġi garantita;

Billi dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-verifika, li, filwaqt li jidħlu fl-ambitu tiegħu, imorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet minimi tiegħu, sakemm, iżda, dawk id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma skond il-liġi tal-Komunità;

Billi r-Regolament (KEE) Nru No 2241/87 għandu jiġi mħassar, b'eċċezzjoni magħmula, iżda, għall-Artikolu 5 li għandu jibqa' fis-seħħ, fil-pendenza ta' l-adozzjoni tal-listi msemmija fl-Artikolu 6(2) ta'dan ir-Regolament;

Billi huwa meħtieġ li jiġi pprovdut perjodu transitorju għall-implimentazzjoni ta' dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu f'ċerti l-Artikoli biex jippermettu l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li jwaqqfu u jadattaw il-proċeduri tagħhom għall-ħtiġijiet ta' dan ir-Regolament ġdid;

Billi d-dispożizzjonijiet ta' ċerti l-Artikoli, safejn jikkonċernaw ħidmiet tas-sajd fil-Baħar Mediterran, fejn il-politika komuni tas-sajd għadha ma ġietx applikata fis-sħiħ, għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1989,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Sabiex tiġi żgurata konformità mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd, qiegħda b'dan tiġi mwaqqfa sistema Komunitarja li tinkludi b'mod partikolari dispożizzjonijiet għall-verifika teknika ta':

- miżuri ta' konservazzjoni u tmexxija ta' riżorsi,

- miżuri strutturali,

- miżuri dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq,

kif ukoll ċerti dispożizzjonijiet dwar l-effettività tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati f'każijiet fejn il-miżuri msemmija hawn fuq ma jiġux osservati.

2. Għal dan il-għan kull Stat Membru għandu jadotta, skond ir-regoli tal-Komunità, miżuri xieraq biex jiżguraw l-effettività tas-sistema. Għandu jpoġġi mezzi suffiċjenti għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti biex ikunu jistgħu jeżegwixxu x-xogħol tagħhom ta' spezzjoni u kontroll kif ipprovdut f'dan ir-Regolament.

3. Is-sistema għandha tapplika għall-attivitajiet kollha tas-sajd u għall-attivitajiet kollha assoċjati magħmula fit-territorju u ġewwa l-ibħra marittimi suġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri inklużi dawk eżerċitati minn bastimenti li jtajru l-bandiera ta', jew li huma rreġistrati fi, pajjiż terz, fiż-żona tas-sajd ta' 200 mil; għandha tapplika ukoll għall-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jaħdmu fl-ibħra ta' pajjiżi mhux membri u fl-ibħra mhux territorjali mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali fi ftehim dwar is-sajd milħuqa bejn il-Komunità u pajjiżi terzi jew f'Konvenzjonijiet Internazzjonali li tagħhom il-Komunità hija parti.

IT-TITOLU I

Spezzjoni u verifika ta' bastimenti tas-sajd u ta' l-attivitajiet tagħhom

L-Artikolu 2

1. Sabiex tiġi żgurata konformità mar-regoli kollha fis-seħħ dwar il-miżuri ta' konservazzjoni u kontroll, kull Stat Membru għandu, fit-territorju u fl-ibħra marittimi tiegħu suġġetti għas-sovranità jew l-ġurisdizzjoni tiegħu, jivverifika l-attività tas-sajd u l-attivitajiet relatati. Għandu jispezzjona l-bastimenti tas-sajd u jinvestiga l-attivitajiet kollha biex b'hekk tkun tista' ssir il-verifika ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż l-attivitajiet ta' l-inżul, bejgħ, trasport u ħażna tal-ħut u r-reġistrazzjoni ta' l-inżul u l-bejgħ.

2. Bastimenti tas-sajd, li jistgħu jeżerċitaw attivitajiet, waqt li jtajru l-bandiera ta' pajjiż terz u waqt li jbaħħru fl-ibħra marittimi suġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, għandhom ikunu suġġetti għall-sistema ta' komunikazzjoni ta' ċaqlieq u tal-qabdiet abbord.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jiżguraw konformità ma' dawn il-proċeduri.

3. Kull Stat Membru għandu jivverifika, barra miż-żona tas-sajd tal-Komunità, l-attivitajiet tal-bastimenti tiegħu fejn dan il-kontroll hu meħtieġ biex tiġi żgurata konformità mar-regoli tal-Komunità applikabbli f'dawk l-ibħra.

4. Sabiex jiġi żgurat li l-ispezzjoni hija kemm jista' jkun effettiva u ekonomika, l-Istati Membri kollha għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom ta' kontroll. Għal dan il-għan, jistgħu jwaqqfu programmi ta' spezzjoni konġunti biex jippermettu l-ispezzjoni ta' bastimenti tal-Komunità tas-sajd fl-ibħra msemmija fil-paragrafi 1 u 3. Għandhom jieħdu miżuri biex jippermettu l-awtoritajiet kompetenti tagħhom u l-Kummissjoni li jiġu mgħarrfa regolarment fuq bażi reċiproka ta' l-esperjenza miksuba.

L-Artikolu 3

1. Sabiex tiġi mtejba l-effettività tas-sorvelljanza ta' l-attivitajiet tas-sajd, il-Kunsill għandu jiddeċiedi qabel l-1 ta' Jannar 1996, skond il-proċedura pprovduta fl-artikolu 43 tat-Trattat, jekk u safejn u meta għandha tiġi installata għall-bastimenti tas-sajd tal-Komunità sistema kontinwa ta' verifika tal-pożizzjoni, jew ibbażata fuq l-art jew bis-satellita u li tuża l-komunikazzjonijiet satellitari għat-trasmissjoni ta' data.

2. Sabiex tiġi valutata t-teknoloġija li għandha tintuża u l-bastimenti li għandhom jiġu inklużi fis-sistema msemmija hawn fuq, l-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jesegwixxu proġetti pilota qabel it-30 ta' Ġunju 1995. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistema kontinwa ta' verifika tal-pożizzjoni, jew ibbażata fuq l-art jew bis-satellita u li tuża l-komunikazzjonijiet satellitari għat-trasmissjoni ta' data, tiġi installata għal-ċerti kategoriji tal-bastimenti tal-Komunità.

L-Istati Membri jistgħu jwettqu fl-istess waqt proġetti pilota sabiex jivvalutaw l-użu ta' reġistraturi awtomatiċi tal-pożizzjoni.

3. Meta jitwettqu l-proġetti pilota msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru li l-bandiera tiegħu tkun qed tittajjar jew bastiment li jkun irreġistrat fih għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li d-data trasmessi minn jew irkuprata mill-bastimenti tas-sajd tiegħu jkunu rreġistrati f'forma li tinqara mill-kompjuter, immaterjalment mill-ibħra li fihom ikunu qed joperaw jew f'liema portijiet ikunu.

Fejn il-bastimenti tas-sajd tiegħu jkunu qed jaħdmu f'ibħra suġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura komunikazzjoni minnufih ta' dawn id-data lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat.

4. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-proġetti pilota għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 36.

L-Artikolu 4

1. L-ispezzjon u l-verifika speċifikati fl-Artikolu 2 għandhom jitwettqu minn kull Stat Membru għalih waħdu permezz ta' sistema ta' spezzjoni deċiż mill-Istat Membru.

Fit-twettieq tax-xogħlijiet fdati lilhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jitħarsu d-dispożizzjonijiet u l-miżuri msemmija fl-Artikolu 2. Kif ukoll, għandhom jaġixxu b'tali mod li jevitaw indħil bla bżonn fl-attivitajiet normali tas-sajd. Għandhom jiżguraw ukoll li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fir-rigward tas-settur u tal-bastimenti magħżula għall-ispezzjon.

2. Il-persuni responsabbli għall-bastimenti tas-sajd, stabbilimenti jew vetturi tat-trasport li jkunu spezzjonati għandhom jikkooperaw fil-tħaffif ta' l-ispezzjonijiet magħmula skond il-paragrafu 1.

L-Artikolu 5

Skond il-proċedura maħsuba fl-Artikolu 36, jistgħu jiġu adottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 2, 3 u 4, dwar, b'mod partikolari:

(a) l-identifikazzjoni ta' spetturi maħtura uffiċjalment, ta' bastimenti ta' spezzjoni u ta' affarijiet oħra ta' spezzjoni bħal dawn kif jista' juża Stat Membru;

(b) il-proċedura li għandha tintuża mill-ispetturi u l-kaptani tal-bastimenti tas-sajd jekk spettur jixtieq jitla' abbord bastiment;

(ċ) il-proċedura li għandha tintuża mill-ispetturi, wara li jkunu telgħu abbord bastiment tas-sajd, f'ispezzjonar ta' dak il-bastiment, l-attrezzatura tiegħu jew il-qabdiet tiegħu;

(d) ir-rapport li għandu jiġi mħejji mill-ispetturi wara kull darba li jkunu telgħu abbord;

(e) il-marki u l-identifikazzjoni tal-bastimenti tas-sajd u l-apparat tagħhom;

(f) iċ-ċertifikazzjoni tal-karatteristiċi tal-bastimenti tas-sajd fir-rigward ta' l-attivitajiet tas-sajd;

(g) ir-reġistrar tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti tas-sajd u t-trasmissjoni ta' dawn id-data lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni;

(h) is-sistema għall-komunikazzjoni taċ-ċaqlieq u l-prodotti tas-sajd miżmuma abbord applikabbli għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta' pajjiż terz.

IT-TITOLU II

Sorveljanza tal-qabdiet

L-Artikolu 6

1. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità li jistadu għall-stokk jew grupp ta' stokk għandhom iżommu ġurnal ta' abbord tal-ħidmiet tagħhom, u jindikaw partikolarment il-kwantitajiet ta' kull speċi maqbuda u miżmuma abbord, id-data u l-post (rettangolu statistiku ICES) ta' dawn il-qabdiet u t-tip ta' attrezzatura użata.

2. L-ispeċi li għandhom jiddaħħlu fil-ġurnal ta' abbord bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk suġġetti għall-TACijiet jew kwoti, kif ukoll oħrajn inklużi fil-listi li għandu jiddeċiedi fuqhom il-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranża kwalifikata wara proposta mill-Kummissjoni.

3. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandhom idaħħlu fil-ġurnal ta' abbord tagħhom il-kwantitajiet maqbuda l-baħar, id-data u l-post ta' dawn il-qabdiet u l-ispeċi msemmija fil-paragrafu 2. Il-kwantitajiet mwarrba l-baħar jistgħu jiġu rreġistrati għall-finijiet ta' valutazzjoni.

4. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandhom ikunu eżenti mill-ħtiġijiet tal-paragrafi 1 u 3 jekk it-tul komplessiv tal-bastimenti huwa anqas minn 10 metri.

5. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni, eżenzjonijiet għajr għal dik imsemmija fil-paragrafu 4.

6. Kull Stat Membru għandu jwettaq, fuq il-bażi ta' kampunarju, verifiki ta' l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd li huma eżenti mill-ħtiġijiet speċifikati fil-paragrafi 4 u 5 sabiex jiżguraw rispett minn dawn il-bastimenti tar-regoli tal-Komunità fis-seħħ.

Għal dan il-għan kull Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan ta' kampunarju u jibagħtu lill-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-verifika mwettqa għandhom jiġu kkomunikati regolarment lill-Kummissjoni.

7. Il-kaptani tal-bastimenti tal-Komunità għandhom jirreġistraw l-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 1 u 3 jew f'forma li tista' tinqara mill-kompjuter jew fuq il-karti.

8. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36, inkluż bażi geografika li mhix ir-rettangolu statistiku ICES, f'ċerti każi speċifiċi.

L-Artikolu 7

1. Il-kaptan ta' bastiment tal-Komunità li jixtieq juża postijiet għall-inżul f'Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma l-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat Membru mhux anqas minn sagħtejn qabel:

- il-post(ijiet) ta' l-inżul u l-ħin stmat tal-wasla hemmhekk,

- il-kwantitajiet ta' kull speċi li għandha titniżżel.

2. Il-kaptan imsemmi fil-paragrafu 1 li jonqos milli jagħmel dawn in-notifiki jista' jkun suġġett għas-sanzjonijiet xierqa mill-awtoritajiet kompetenti.

3. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura maħsuba fl-Artikolu 36, tista' tagħti eżenzjoni għall-ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd tal-Komunità mill-obbligu stipulat fil-paragrafu 1 għall-perjodu limitat u li jista' jiġġedded, jew tiddisponi għall-perjodu ta' notifika ieħor wara li jiġu konsidrati, fost l-oħrajn, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd, il-postijiet ta' l-inżul u l-portijiet fejn il-bastimenti konċernati huma rreġistrati jew skedati.

L-Artikolu 8

1. Il-kaptan ta' kull bastiment tas-sajd tal-Komunità li jkun b'kollox twil daqs, jew iktar minn 10 metri, jew rappreżentant tiegħu, għandu wara kull vjaġġ u fiż-żmien 48 siegħa mill-inżul jagħmel dikjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn l-inżul ikun sar. Il-kaptan għandu jkun responsabbli għall-eżattezza tad-dikjarazzjoni, li għandha tindika, bħala minimu, il-kwantitajiet imniżżla ta' kull speċi stipulati fl-artikolu 6(2) u ż-żona fejn inqabbdu.

2. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi, wara li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, li jestendi l-obbligu preskritt fil-paragrafu 1 lill-bastimenti li b'kollox għandhom tul ta' anqas minn 10 metri. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi wkoll, wara li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, eżenzjonijiet mill-obbligu preskritt fil-paragrafu 1 għall-ċerti kategoriji ta' bastimenti li jkollhom b'kollox tul daqs, jew iżjed minn, 10 metri u li jagħmlu attivitajiet tas-sajd speċifiċi.

3. Kull Stat Membru għandu jagħmel, fuq il-bażi ta' kampjuni, verifiki ta' l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd li huma eżenti mill-ħtiġijiet speċifikati mill-paragrafu 1 biex jiġi żgurat ir-rispett minn dawn il-bastimenti għar-regoli Komunitarji fis-seħħ.

Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan ta' kampunarju u jibagħtu lill-Kummissjoni. Ir-riżultati tal-verifika mwettqa għandhom jiġu kkomunikati regolarment lill-Kummissjoni.

4. Regoli dettaljati għall-implimentazjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 36.

L-Artikolu 9

1. Ċentri ta' rkant jew korpi oħra awtorizzati mill-Istati Membri, li huma responsabbli mill-ewwel bejgħ ta' prodotti tas-sajd mniżżla fl-Istat Membru għandhom jissottomettu, ma' l-ewwel bejgħ, nota ta' bejgħ, li tkun ir-responsabbiltà ta' l-korpi msemmija għall-akkuratezza, lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun sar l-ewwel bejgħ. Din ir-responsabbiltà għandha tkun limitata għat-tagħrif mitlub fil-paragrafu 3.

2. Jekk l-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd imniżżla f'Stat Membru jsir b'mod differenti minn dak ipprovdut fl-ewwel paragrafu, il-prodotti tas-sajd imniżżla m'għandhomx jitneħħew mix-xerrej sakemm nota ta' bejgħ tkun ġiet mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti jew korpi awtorizzati ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun twettqet din il-ħidma. Ix-xerrej għandu jkun responsabbli għall-eżattezza tad-data indikata fil-paragrafu 3 li tinsab fin-nota ta' bejgħ.

3. In-noti ta' bejgħ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikollhom bħala minimu t-tagħrif li ġej:

- għall-ispeċi kollha, fejn xieraq, id-daqs individwali jew il-piż, grad, preżentazzjoni u freskezza,

- il-prezz u l-kwantità fl-ewwel bejgħ għall-kull speċi, u fejn xieraq, fuq bażi ta' daqs individwali jew piż, grad, preżentazzjoni jew freskezza,

- fejn xieraq, id-destinazzjoni tal-prodotti rtirati mis-suq (prodotti sekondarji, konsum mill-bniedem, carry-over),

- l-isem ta' kemm il-bejjiegħ u x-xerrej,

- il-post u d-data tal-bejgħ.

4. Dawn in-noti ta' bejgħ għandhom jitlestew u jiġu trasmessi skond il-liġi ta' l-Istat Membru ta' l-inżul b'tali mod u taħt dawk il-kondizzjonijiet ta' bejgħ li jinkludu id-data li ġejja:

- l-identifikazzjoni esterna u l-isem tal-bastiment tas-sajd li jniżżel il-prodotti konċernati,

- l-isem tal-propjetarju jew tal-kaptan tal-bastiment,

- il-port u d-data ta' l-inżul.

5. In-noti ta' bejgħ imsemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jiġu trasmessi fiż-żmien 48 siegħa lill-awtoritajiet kompetenti jew korpi oħra awtorizzati mill-Istat Membru, jew bil-kompjuter jew bil karti.

6. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu kopja tan-nota ta' bejgħ għall-perjodu ta' sena li jibda mis-sena li tiġi wara dik fejn tkun ġiet irreġistrata l-informazzjoni mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti.

7. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36, tista' tagħti eżenzjoni mill-obbligu li tingħata in-nota ta' bejgħ lill-awtoritajiet kompetenti jew korpi awtorizzati oħra ta' l-Istat Membru għall-prodotti tas-sajd imniżżla minn ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd Komunitarji li jkollhom b'kollox tul ta' anqas minn 10 metri.

Dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jingħataw biss f'każijiet fejn l-Istat Membru kkonċernat ikun installa sistema aċċettabbli ta' sorveljanza.

8. Xerrej li jakkwista prodotti li wara ma jitqegħdux fis-suq imma jiġu użati biss għall-konsum privat għandhom ikunu eżenti mill-ħtiġijiet tal-paragrafu 2.

9. Regoli dettaljati li jiggvernaw l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 36.

L-Artikolu 10

1. (a) Bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta', jew huma rreġistrati fi, pajjiż terz u li huma awtorizzati li jagħmlu attivitajiet tas-sajd fl-ibħra marittimi taht is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru għandhom iżommu ġurnal ta' abbord li jkollu l-informazzjoni deskritta fl-Artikolu 6.

(b) Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kaptan ta' bastiment tas-sajd li jtajjar l-bandiera ta', jew huwa reġistrat fi, pajjiż terz, jew ir-rappreżentant tiegħu, għandu jagħti ma' l-inżul lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn jixtieq juża l-faċilitajiet tiegħu ta' lanqas 72 siegħa bil-quddiem tal-ħin tal-wasla tiegħu fil-port ta' l-inżul.

(ċ) Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd li jtajjar l-bandiera ta', jew huwa rreġistrat fi, pajjiż terz, għandu jinnotifika lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn jixtieq juża l-faċilitajiet tiegħu ta' lanqas 72 siegħa bil-quddiem tal-ħin tal-wasla tiegħu fil-port ta' l-inżul.

Il-kaptan ma jistax jagħmel l-inżul jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ma jikkonfermawx l-irċevuta tan-notifika bil-quddiem.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu regoli dettaljati ta' l-implimentazzjoni ta' dan is-subparagrafu għan-notifika tal-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura maħsuba fl-Artikolu 36, tista' tagħti eżenzjoni għall-ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi mill-obbligu stipulat fil-paragrafu 1ċ għall-perjodu limitat u li jista' jiġġedded, jew tiddisponi għall-perjodu ta' notifika ieħor wara li jiġi kkunsidrat, fost l-oħrajn, id-distanza bejn iż-żoni tas-sajd, il-postijiet ta' l-inżul u l-portijiet fejn il-bastimenti konċernati huma rreġistrati jew skedati.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 and 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet maħsuba fil-ftehim tas-sajd konkluzi bejn il-Komunità u ċerti pajjiżi terzi.

L-Artikolu 11

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7, 8 and 9, il-kaptan ta' bastiment tal-Komunità li:

- jittrasborda lill-bastiment ieħor, minn hawn 'l quddiem msejjah "il-bastiment riċevent", kull kwantità ta' qabdiet ta' stokk jew grupp ta' stokkijiet suġġetti għal TAC jew kwota irrespettivament mill-post tat-trasbord, jew

- iniżżel direttament dawn il-kwantitajiet barra mit-territorju tal-Komunità,

għandu, fil-ħin tat-trasbord jew ta' l-inżul, jinforma lill-Istat Membru li jtajjar il-bandiera tiegħu fil-bastiment tiegħu, jew fejn ikollu l-bastiment tiegħu reġistrat, bl-ispeċi u bil-kwantitajiet involuti u bid-data tat-trasbord jew ta' l-inżul u bil-post tal-qabdiet b'riferenza għall-iżgħar żona li ġiet iffissata għaliha TAC jew kwota.

2. Mhux anqas tard minn 24 siegħa qabel il-bidu u fl-aħħar ta' trasbord jew sensiela ta' trasbord, meta dan iseħħ f'port jew fl-ibħra marittimi suġġetti għas-sovranità jew ġurisdizzjoni ta' Stat membru, il-kaptan tal-bastiment riċevent għandu jinforma l-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru bil-kwantitajiet tal-qabdiet ta' stokk jew grupp ta' stokkijiet suġġetti għal TAC jew kwota abbord il-bastiment tiegħu.

Il-kaptan tal-bastiment riċevent għandu jżomm id-dettalji tal-kwantitajiet tal-qabdiet ta' stokk jew grupp ta' stokkijiet suġġetti għal TAC jew kwota riċevuti minn trasbord, id-data tar-riċevuta, u tal-bastiment li jittrasborda dawn il-qabdiet lill-bastiment riċevent. Din il-ħtieġa għandha titqies li ntlaħqet billi jinzammu kopji tad-dikjarazzjoni ta' trasbord ipprovduti skond ir-regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni tat-tagħrif fuq il-qabdiet tal-ħut ta' l-Istati Membri.

Fl-aħħar tat-trasbord jew sensiela ta' trasbord, il-kaptan tal-bastiment riċevent għandu jittrasmetti dawn id-dettalji lill-awtoritajiet kompetenti msemmija hawn fuq fi żmien 24 siegħa.

Il-kaptan tal-bastiment riċevent għandu jżomm ukoll dettalji tal-kwantitajiet tal-qabdiet ta' stokk jew grupp ta' stokkijiet suġġetti għal TAC jew kwota li huma trasbordati mill-bastiment riċevent lill-bastiment terz, u għandu jinforma l-imsemmija awtoritajiet kompetenti b'dan it-trasbord mill-anqas 24 siegħa qabel ma jseħħ. Wara it-trasbord, il-kaptan għandu jinforma l-imsemmija awtoritajiet tal-kwantitajiet trasbordati.

Il-kaptani tal-bastiment riċevent u tal-bastiment terz imsemmija hawn fuq għandhom iħallu l-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw l-eżattezza tat-tagħrif u d-dettalji meħtieġa minn dan il-paragrafu.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jivverifikaw l-eżattezza tat-tagħrif riċevut taħt il-paragrafi 1 u 2, u għandhom, fejn xieraq, jinformaw l-Istat Membru jew lill-Istati Membri fejn il-bastiment riċevent u l-bastiment tas-sajd li jittrasborda lill-bastiment riċevent huma rreġistrati, jew li jtajru l-bandiera tagħhom, b'dan it-tagħrif u bir-riżultati tal-verifika.

4. Il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw wkoll lill-bastiment riċevent li jtajjar il-bandiera ta', jew reġistrat f'pajjiż terz.

L-Artikolu 12

Fejn it-trasbord jew l-inżul isir iżjed minn 15-il jum wara l-qabda, it-tagħrif meħtieġ fl-Artikoli 8 u 11 għandu jingħata lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li tiegħu l-bastimenti jtajru l-bandiera jew li fih huma rreġistrati l-bastimenti mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-qabda.

L-Artikolu 13

1. Il-prodotti tas-sajd imniżżla fi jew importati ġewwa l-Komunità, kemm jekk mhux proċessati jew wara li jiġu pproċessati abbord u li huma trasportati f'post li ma jkunx dak ta' l-inżul jew ta' l-importazzjoni, għandhom ikunu akkumpanjati b'dokument redatt mit-trasportatur sakemm isir l-ewwel bejgħ.

2. Dan id-dokument għandu:

(a) jindika l-oriġini tal-kunsinna (isem tal-bastiment u l-identifikazzjoni esterna);

(b) jinkludi l-post tad-destinazzjoni tal-kunsinna(i) u l-identifikazzjoni tal-vettura tat-trasport;

(ċ) jindika l-kwantitajiet ta' ħut (f'kilogrammi piż proċessat) għal kull speċi trasportata, l-ismijiet tal-kunsinnatarju u l-post u d-data tat-tagħbija.

3. Kull trasportatur għandu jiżgura li d-dokument imsemmi fl-ewwel paragrafu jkollu bħala minimu t-tagħrif kollu meħtieġ fil-paragrafu 2.

4. It-trasportatur għandu jkun eżenti mill-obbligu magħmul fil-paragrafu 1 jekk waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin tiġi ssodisfata:

(a) id-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 huwa mibdul b'kopja ta' waħda mid-dikjarazzjonijiet ipprovduti fl-Artikoli 8 u 10 dwar il-kwantitajiet trasportati;

(b) id-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 hu sostitwit b'kopja tad-dokument T 2 M li jindika l-oriġini tal-kwantitajiet trasportati.

5. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-obbligu magħmul fil-paragrafu 1 jekk il-kwantitajiet ta' ħut huma trasportati ġewwa reċint ta' żona ta' port jew mhux aktar minn 20 kilometru mill-punt ta' inżul.

6. Kull Stat Membru għandu jwettaq il-kontroll permezz ta' kampjuni fit-territorju tiegħu biex jivverifika li jiġu rispettati l-obbligi stabbiliti b'dan l-Artikolu.

7. L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta' kontroll tagħhom biex jiżguraw li l-ispezzjon huwa effettiv u ekonomiku kemm jista' jkun. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jeżerċitaw sorveljanza fuq iċ-ċaqlieq tal-merkanzija li seta' nġab għall-attenzjoni tagħhom bħala li possibilment ikun suġġett għall-ħidmiet kontra ir-Regolament tal-Komunità.

L-Artikolu 14

1. L-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw li l-inżul kollu f'Stat Membru kif imsemmi fl-artikoli 8, 9, u 10 għandu jiġi rreġistrat. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-ewwel bejgħ għandu jkun bejgħ f'ċentru ta' irkant.

2. Fejn l-inżul tal-qabdiet ma jitpoġġewx fis-suq għall-ewwel darba bl-irkant, kif ipprovdut fl-Artikolu 9(2), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwantitajiet involuti jkunu nnotifikati liċ-ċentri ta' l-irkant jew korpi oħra awtorizzati mill-Istati Membri.

3. L-informazzjoni fuq l-inżul minn ċerti kategoriji ta' bastimenti suġġetti għal derogi msemmija fl-Artikoli 7 u 8 jew għall-inżul fil-portijiet li m'għandhomx strutturi amministrattivi żviluppati biżżejjed biex jirreġistraw l-inżul jistgħu, fuq talba ta' Stat Membru lill-Kummissjoni, fi żmien 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jkunu eżenti mill-ħtieġa li dik l-informazzjoni li tiġi proċessata. Tista' tiġi miftehma eżenzjoni jekk ir-reġistrazzjoni tad-data rikjesta toħloq diffikultajiet sproporzjonati għall-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward ta' l-inżul totali, u jekk l-ispeċi rispettivi imniżżla jinbiegħu lokalment. Lista ta' portijiet u bastimenti li jikkwalifikaw għal din l-eżenzjoni għandha tiġi stabbilita minn kull Stat Membru u nnotifikata lill-Kummissjoni.

4. Stat Membru li jibbenefika mid-deroga msemmija fil-paragrafu 3 għandu jistabbilixxi pjan ta' kampjunarju biex jivvaluta d-daqs ta' l-inżul rispettiv fil-portijiet li jikkwalifikaw. Dan il-pjan għandu jkun approvat mill-Kummissjoni qabel ma tiġi applikata kull deroga. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni r-riżultati tal-valutazzjonijiet.

L-Artikolu 15

1. Qabel il-15 ta' kull xahar, kull Stat Membru għandu jinnotifika l-Kummissjoni b'trasmissjoni tal-kompjuter bil-kwantitajiet ta' kull stokk jew grupp ta' stokk suġġetti għal TACijiet jew kwoti mniżżla matul ix-xahar preċedenti u għandu jgħaddilha kull tagħrif riċevut taħt l-Artikoli 11 u 12.

Notifiki lill-Kummissjoni għandhom jindikaw il-post tal-qabdiet kif ipprovduti fl-Artikoli 6 u 8 u n-nazzjonalità tal-bastimenti tas-sajd konċernati.

Kull Stat Membru għandu jinforma l-Kummissjoni b'tbassir fuq il-konsum tal-kwota bid-data antiċipata ta' meta tispiċċa fir-rigward ta' l-ispeċi ta' liema l-qabdiet magħmula mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew huma rreġistrati fih jitqiesu li eżawrew 70 % tal-kwota, allokazzjoni jew sehem disponibbli għal dak l-Istat Membru.

L-Istati Membri għandhom, fejn il-qabdiet ta' stokkijiet jew gruppi ta' stokkijiet suġġetti għal TACijiet jew kwoti jistgħu jilħqu livelli TAC jew tal-kwota, jipprovdu l-Kummissjoni, b'talba tagħha, b'tagħrif aktar dettaljat jew tagħrif aktar spiss milli jeħtieġ dan il-paragrafu.

2. Il-Kummissjoni għandu jżomm disponibbli għall-Istati Membri fuq il-kompjuter in-notifiki riċevuti bis-saħħa ta' dan l-Artikolu.

3. Fejn il-Kummissjoni ssib li Stat Membru ma ħarisx l-egħluq ta' żmien biex jiġu trasmessi d-data fuq il-qabdiet ta' kull xahar kif ipprovdut fil-paragrafu 1, tista' tiffissa data f'liema, għall-stokk jew grupp ta' stokkijiet, il-qabdiet suġġetti għal kwota jew forma oħra ta' restrizzjoni fil-kwantità u meħuda mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta', jew huma reġistrati fi, dak l-Istat Membru għandhom jitqiesu li eżawrew 70 % tal-kwota, allokazzjoni jew sehem disponibbli għal dak l-Istat Membru u tista' tiffissa d-data stmata li fiha l-kwota, allokazzjoni jew sehem disponibbli jitqiesu li ġew eżawriti.

4. Kull Stat Membru għandu jinnotifika l-Kummissjoni bit-trasmissjoni tal-kompjuter, qabel l-aħħar ta' l-ewwel xahar ta' kull tliet xhur kalendarji tal-kwantitajiet ta' stokkijiet li mhumiex dawk imsemmija fil-paragrafu 1 li jkunu mniżżla matul it-tliet xhur ta' qabel.

L-Artikolu 16

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fuq talba ta' l-Istat Membru interessat, data fuq l-inżul, offerti għall-bejgħ jew trasbord ta' prodotti tas-sajd mwettqa fil-portijiet tagħhom f'ibħra taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom minn bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta', jew huma rreġistrati f'dak l-Istat Membru u bbażati fuq stokk jew grupp ta' stokkijiet suġġetti għall-kwota allokata lil dak l-Istat Membru.

Din l-informazzjoni għandha tikkonsisti fl-isem u l-marka ta' identifikazzjoni esterna tal-bastiment konċernat, il-kwantitajiet ta' ħut skond l-istokk jew gruppijiet ta' stokk, offerti għall-bejgħ jew trasbordati minn dak il-bastiment kif ukoll id-data u l-post ta' l-inżul, l-offerta għall-ewwel bejgħ u t-trasbord. Din l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa fi żmien erbat ijiem tax-xogħol wara d-data tat-talba ta' l-Istat Membru interessat jew f'perjodu ulterjuri ta' żmien li jista' jiġi ddeterminat minn dak l-Istat Membru jew mill-Istat Membru ta' l-inżul.

2. L-Istat Membru fejn saru l-inżul, l-offerta għall-ewwel bejgħ jew it-trasbord, għandu jitrasmetti lill-Kummissjoni fuq talba tagħha din l-informazzjoni fl-istess ħin li din qiegħda tiġi kkomunikata lill-Istat Membru fejn il-bastiment hu rreġistrat.

L-Artikolu 17

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw is-sorveljar tal-qabdiet ta' l-ispeċi magħmula mill-bastimenti tagħhom li joperaw fl-ibħra suġġetti għas-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' pajjiżi terżi u fl-ibħra mhux territorjali, u biex jiżguraw il-verifika u r-reġistrazzjoni tat-trasbord u l-inżul ta' qabdiet bħal dawn.

2. Il-miżuri ta' kontroll u verifika għandhom jiżguraw li jkunu skond l-obbligi li ġejjin fuq in-naħa ta' propjetarji tal-bastimenti u/jew il-kaptani:

- għandu jinżamm ġurnal ta' abbord fil-bastimenti tas-sajd fejn il-kaptani għandhom jirreġistraw il-qabdiet tagħhom,

- dikjarazzjoni ta' inżul għandha tingħata lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru ta' l-inżul matul inżul magħmul fil-portijiet tal-Komunità,

- l-Istat Membru għandu jiġi mgħarraf bid-dettalji ta' kull trasbord ta' ħut lill-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi u fuq l-inżul magħmul f'pajjizi terzi.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 and 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fil-ftehim tas-sajd konkluzi bejn il-Komunità u pajjiżi terzi u l-Konvenzjonijiet Internazzjonali fejn il-Komunità hija parti.

L-Artikolu 18

1. Kull Stat Membru għandu jinnotifika l-Kummissjoni bit-trasmissjoni tal-kompjuter, qabel l-aħħar ta' l-ewwel xahar ta' kull tliet xhur kalendarji tal-kwantitajiet maqbuda fl-ibħra tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 17 u mniżżla matul it-tliet xhur ta' qabel u tat-tagħrif kollu riċevut bis-saħħa ta' l-Artikolu 17(2).

2. Għal qabdiet magħmula fl-ibħra ta' pajjiż terz it-tagħrif notifikat skond il-paragrafu 1 għandu jinqasam f'pajjiż terz u stokk b'riferenza għall-iżgħar żona statistika definita għas-sajda konċernata.

Qabdiet magħmula fl-ibħra mhux territorjali għandhom jiġu mgħarrfa b'riferenza għall-iżgħar żona statistika definita mill-Konvenzjoni Internazzjonali li tiggverna l-post tal-qabda u bl-ispeċi jew grupp ta' speċi għall-istokkijiet kollha fis-sajda konċernata.

3. Qabel l-1 ta' Ottubru ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli lill-Istati Membri l-informazzjoni li tirċevi bis-saħħa ta' dan l-Artikolu.

L-Artikolu 19

1. Biex jiġi żgurat ir-rispett ta' l-obbligi pprovduti fl-Artikoli 3, 6, 8, 9, 10, 14 u 17, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta' validazzjoni li tkun tikkonsisti b'mod partikolari f'verifiki doppji u verifika tad-data li jirriżultaw minn dawn l-obbligi.

2. Biex jiġu ffaċilitati dawn il-verifiki, kull Stat Membru għandu joħloq data base kompjuterizzata fejn id-data msemmija fil-paragrafu 1 huma rreġistrati.

L-Istati Membri jistgħu joħolqu data bases deċentralizzati bil-kondizzjoni li dawn u l-proċeduri relatati mal-ġbir u r-reġistrazzjoni tad-data huma standardizzati biex jiżguraw kumpattibilità bejniethom ġewwa t-territorju kollu ta' l-Istat Membru.

3. Fil-każ fejn Stat Membru ma jkunx jista' jikkonforma minnufih mal-ħtiġijiet tal-paragrafu 2, għal uħud mis-sajdiet jew kollha, il-Kummissjoni tista' fuq talba tagħha tiddeċiedi li takkorda perjodu transitorju sa massimu ta' tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36.

4. Stat Membru li jikseb dawn id-derogi għandu jżomm, permezz ta' dokumentazzjoni mhux kompjuterizzata, dokumentazzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għall-perjodu ta' tliet snin u għandu jistabbilixxi pjan ta' kampjunarju approvat mill-Kummissjoni biex jippermetti verifika fuq il-post ta' l-eżattezza ta' dawn id-data. Il-Kummissjoni tista' twettaq verifika fuq il-post, bid-dritt tagħha, biex tivvaluta l-effettività tal-pjan tal-kampjunarju.

5. Matul it-tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni rapport li jiddeskrivi l-mod kif jinġabru u jiġu vverifikati d-data, fejn jispeċifika l-attendibilità ta' dawn id-data. Il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni ma' l-Istati Membri, għandha tħejji ġabra fil-qosor ta' dawn ir-rapporti li għandha tikkomunikalhom.

6. Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36.

IT-TITOLU III

Sorveljanza ta' l-użu ta' l-attrezzatura tas-sajd.

L-Artikolu 20

1. Il-qabdiet kollha li nżammu abbord kull bastiment tas-sajd tal-Komunità għandhom jikkonformaw mal-kompożizzjoni ta' l-ispeċi pprovduta fir-Regolament tal Kunsill (KEE) Nru 3094/86 tas-7 ta' Ottubru 1986 li jipprovdi ċerti miżuri tekniċi għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd [6] għax-xibka li tinġarr abbord dak il-bastiment.

L-ixbieki abbord bastimenti li ma jintużawx għandhom jintrefgħu biex ma jkunux jistgħu jintużaw faċilment skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) xbieki, piżijiet, u attrezzaturi bħalhom għandhom jitneħħew mit-twavel tax-xbieki u fili u ħbula ta' l-irmonk jew ġbid,

(b) ix-xbieki mgħobbija fuq jew 'l fuq mill-gverta għandhom ikunu marbuta fis-sod ma' parti mill-istruttura ta' fuq tal-bastiment.

2. Jekk qabdiet li jkunu nżammu abbord kull bastiment tas-sajd tal-Komunità jkunu nqabdu bi xbieki bid-daqsijiet minimi tal-malji matul l-istess vjaġġ, għandha tiġi kkalkolata l-komposizzjoni ta' l-ispeċi għal kull parti tal-qabda meħuda taħt kondizzjonijiet differenti.

Għal dan il-għan it-tibdiliet kollha mid-daqs tal-malja użata qabel kif ukoll il-kompożizzjoni tal-qabda abbord fil-mument ta' bidla bħal din għandhom jiddaħħlu fil-ġurnal ta' abbord u fid-dikjarazzjoni ta' l-inżul. F'każijiet speċifiċi, regoli dettaljati fuq iż-żamma abbord ta' pjan ta' stivaġġ, bi speċi, ta' prodotti proċessati, li jindikaw fejn qed jinżammu fl-istiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36.

3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2 il-Kunsill jista', fuq il-bażi ta' rapport mħejji mill-Kummissjoni, jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, li:

(a) l-ebda basitiment tas-sajd tal-Komunità li jipparteċipa f'sajdiet ma jista' jġorr xbieki ta' daqsijiet tal-malji minimi differenti matul vjaġġ wieħed għas-sajd;

(b) regoli speċifiċi għandhom japplikaw għall-użu ta' daqsijiet tal-malji differenti għall-sajdiet speċifiċi.

IT-TITOLU IV

Regolamentazzjoni u sospenzjoni ta' l-attivitajiet tas-sajd

L-Artikolu 21

1. Il-qabdiet kollha ta' stokk jew grupp ta' stokkijet suġġetti għal kwota magħmula mill-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandhom jitnaqqsu mill-kwota applikabbli għall-Istat Membru għall-istokk jew grupp ta' stokkijiet konċernati, irrespettivament mill-post ta' l-inżul.

2. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi d-data minn meta l-qabdiet ta' stokk jew grupp ta' stokkijiet suġġetti għall-kwota magħmula mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew huma rreġistrati f'dak l-Istat Membru għandhom jitqiesu li eżawrew il-kwota applikabbli għalih għal dak l-istokk jew grupp ta' stokkijiet. Minn dik id-data, għandu jipprojbixxi proviżorjament sajd għal dak l-istokk jew grupp ta' stokkijiet minn dawk il-bastimenti kif ukoll iż-żamma tagħhom abbord, it-trasbord u l-inżul ta' ħut meħuda wara dik id-data u għandu jiddeċiedi fuq data sakemm it-trasbord u l-inżul jew dikjarazzjonijiet finali tal-qabdiet huma permessi. Il-Kummissjoni għandha tiġi nnotifikata minnufih b'din il-miżura li mbagħad għandha tgħarraf l-Istati Membri l-oħra.

3. Wara n-notifika taħt il-paragrafu 2 jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tiffissa, fuq il-bażi tat-tagħrif disponibbli, id-data li fiha, għall-stokk jew gruppi ta' stokk, il-qabdiet suġġetti għal TAC, kwota jew limitazzjoni kwantitattiva oħra magħmula mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta', jew huma rreġistrati fi, kwalunkwe Stat Membru jitqiesu li eżawrew il-kwota, allokazzjoni jew sehem disponibbli għal dak l-Istat Membru jew, kif jista' jkun il-każ, għall-Komunità.

Meta ssir stima ta' din is-sitwazzjoni kif imsemmija fl-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni għandha tavża l-Istati Membri konċernati bil-prospetti li s-sajd jitwaqqaf bħala riżultat li TAC tkun eżawrita.

Il-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għandhom jieqfu jistadu fir-rigward ta' stokk jew grupp ta' stokkijiet suġġetti għall-kwota jew TAC fid-data meta l-kwota allokata għall-istokkijiet jew grupp ta' stokkijiet konċernati għal dak l-Istat Membru titqies li ġiet eżawrita jew fid-data meta l-TAC għall-ispeċi li jikkostitwixxu l-istokk jew grupp ta' stokkijiet konċernati titqies li ġiet eżawrita; dawn il-bastimenti għandhom ugwalment jieqfu milli jżommu abbord, jittrasbordaw, jniżżlu jew jirranġaw għat-trasbord jew l-inżul għar-riward ta' qabdiet ta' dawn l-istokkijiet jew grupp ta' stokkijiet meħuda wara dik id-data.

4. Meta l-Kummissjoni tkun waqqfet is-sajd, bis-saħħa ta' l-ewwel sub-paragrafu ta' paragrafu 3, minħabba l-allegat eżawriment tal-TAC, kwota, allokazzjoni jew sehem disponibbli lill-Komunità u jiġri li Stat Membru ma jkunx fil-fatt eżawrixxa l-kwota, allokazzjoni jew sehem ta' l-istokk jew grupp ta' stokkijiet konċernati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw.

Jekk il-preġudizzju li jkun bata Stat Membru li jkun ġie pprojbit mis-sajd qabel il-kwota tiegħu tkun ġiet eżawrita ma tkunx tneħħa b'azzjoni skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, għandhom jiġu addottati miżuri bil-għan li jirrimedjaw b'mod xieraq il-preġudizzju maħluq, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36. Dawn il-miżuri jistgħu jinvolvu li jsir tnaqqis mill-kwota, allokazzjoni jew sehem ta' l-Istat Membru li jkun sdad iżżejjed, bil-kwantitajiet mnaqqsa b'dan il-mod jkunu allokati kif xieraq lill-Istati Membri li l-attivitajiet tas-sajd tagħhom kienu mwaqqfa qabel il-kwoti tagħhom ġew eżawriti. Dan it-tnaqqis u l-allokazzjonijiet konsegwenti għandhom isiru wara li jitqiesu bħala kwistjoni ta' prijorità l-ispeċi u ż-żoni li għalihom ġew fissati l-kwoti, allokazzjonijiet jew ishma annwali. Dan it-tnaqqis jew allokazzjonijiet jistgħu jsiru matul is-sena fejn il-preġudizzju jseħħ jew fis-sena jew snin ta' wara.

Għandhom jiġu adottati regoli għall-applikazzjoni ta' dan il-paragrafu, u b'mod partikolari għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet konċernati, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36.

L-Artikolu 22

Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistabbilixxu li l-attivitajiet ta' bastiment tas-sajd tal-Komunità naqqsu serjament jew ripetutament milli jħarsu dan ir-Regolament, l-Istat Membru tal-bandiera jista' jqiegħed il-bastiment konċernat taħt miżuri ta' kontroll addizzjonali.

L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra l-isem u l-marki ta' identifikazzjoni esterni u n-numri tal-bastiment li fuqu ġew imposti l-imsemmija miżuri ta' kontroll addizzjonali.

L-Artikolu 23

1. Meta jiġi stabbilit mill-Kummissjoni li Stat Membru stad iżżejjed il-kwota, allokazzjoni jew sehem tiegħu ta' stokk jew grupp ta' stokkijiet li jkollu disponibbli, il-Kummissjoni għandha topera tnaqqis mill-kwota, allokazzjoni jew sehem annwali ta' l-Istat Membru li jkun stad iżżejjed. Dan it-tnaqqis għandu jiġi deċiż skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36.

2. Il-Kunsill għandu jadotta regoli b'maġġoranza kwalifikata, fuq proposta tal-Kummissjoni, għat-tnaqqis skond l-għanijiet u l-istrateġiji ta' tmexxija mniżżla fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92 u jagħti każ, bħala kwistjoni ta' prijorità, il-parametri li ġejjin:

- il-grad ta' sajd żejjed,

- kull każ ta' sajd żejjed ta' l-istess stokk fis-sena preċedenti,

- l-istatus bioloġiku tar-riżorsi konċernati.

IT-TITOLU V

L-ispezzjoni u l-kontroll ta' ċerti miżuri biex jittejbu u jiġu aġġustati strutturi fis-settur tas-sajd, l-akwakultura inkluża

L-Artikolu 24

Biex tiġi żgurata konformità ma' l-għanijiet u l-istrateġiji pprovduti mill-Kunsill skond l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, b'mod partikolari l-għanijiet kwantitattivi li jikkonċernaw il-kapaċità għas-sajd tal-flottot tal-Komunità u l-aġġustament ta' l-attivitajiet tagħhom, kull Stat Membru għandu jorganizza verifiki regolari, fit-territorju tiegħu u ġewwa l-ibħra territorjali tiegħu taħt is-sovranità jew ġurisdizzjoni tiegħu, tal-persuni kollha konċernati bl-implimentazzjoni ta' l-għanijiet imsemmija hawn fuq.

L-Artikolu 25

1. Kull Stat Membru għandu jadotta dispożizzjonijiet biex jivverifika l-konformità ma' l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 24. Għal dan il-għan, għandu jagħmel kontrolli tekniċi, partikolarment fl-oqsma li ġejjin:

(a) ristrutturar, rinnovament u modernizzazzjoni tal-flotta tas-sajd;

(b) adattazzjoni tal-kapaċità għas-sajd permezz ta' waqfien temporanju jew definittiv;

(ċ) restrizzjoni ta' l-attività ta' ċerti bastimenti tas-sajd;

(d) restrizzjoni tad-disinn u n-numru ta' l-attrezzatura tas-sajd u tal-metodu li biha tintuża;

(e) l-iżvilupp ta' l-industrija ta' l-akwakultura u ż-żoni tax-xatt.

2. Jekk il-Kummissjoni stabbiliet li Stat Membru ma ħarisx id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jista', mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 169 tat-Trattat, jagħmel proposti lill-Kunsill għall-adozzjoni ta' miżuri ġenerali xierqa. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

L-Artikolu 26

1. Jistgħu jiġu adottati regoli għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 25 skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 36, partikolarment fir-rigward ta';

(a) il-verifika tas-saħħa tal-magna tal-bastimenti tas-sajd;

(b) il-verifika tat-tunnellaġġ reġistrat tal-bastimenti tas-sajd;

(ċ) il-verifika tal-perjodu li matulu l-bastiment tas-sajd hu immobilizzat;

(d) il-verifika ta' l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-attrezzatura tas-sajd u n-numru tagħhom għal kull bastiment tas-sajd.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien it-tagħrif fuq il-metodi tal-kontroll użati, flimkien ma' l-ismijiet u l-indirizzi tal-korpi responsabbli għat-twettieq tal-verifika.

L-Artikolu 27

1. Biex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 25, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta' validazzjoni li għandha tinkludi b'mod partikolari verifika doppja ta' l-informazzjoni fuq il-kapaċità u l-attività tal-flotta tas-sajd li jinsabu fi; fost l-oħrajn:

- fil-ġurnal ta' abbord kif speċifikat fl-Artikolu 6,

- fid-dikjarazzjoni ta' inżul kif speċifikat fl-Artikolu 8,

- fir-reġistru tal-Komunità tal-bastimenti tas-sajd kif speċifikat fir-Regolament (KEE) Nru 163/89 [7].

2. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew ilestu data bases kompjuterizzati li jkollhom il-tagħrif rilevanti dwar il-kapaċità u l-attivitajiet tal-flotta tas-sajd.

3. Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 19(3), (4) u (5) għandhom japplikaw.

4. Għandhom jiġu addottati regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 36.

IT-TITOLU VI

L-ispezzjoni u l-kontroll ta' ċerti miżuri li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tas-suq fil-prodotti tas-sajd.

L-Artikolu 28

1. Sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-aspetti tekniċi tar-regoli dwar il-miżuri definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) No 3759/92 tas-17 Diċembru 1992 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-prodotti tas-sajd u l-akwakultura [8], kull Stat Membru għandu jorganizza fit-territorju tiegħu verifiki regolari tal-persuni kollha involuti fl-applikazzjoni tal-miżuri.

2. Il-verifiki għandhom jolqtu l-aspetti tekniċi ta' l-applikazzjoni ta':

(a) l-istandards tal-bejgħ, u b'mod partikolari d-daqsijiet minimi;

(b) l-arranġamenti dwar il-prezz, b'mod partikolari;

- l-irtirar tal-prodotti mis-suq għall-għanijiet li ma jkunux għall-konsum uman,

- il-ħażna u/jew il-proċessar ta' prodotti irtirati mis-suq.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu paraguni bejn id-dokumenti dwar l-ewwel tqegħid fis-suq tal-kwantitajiet imsemmija fl-Artikolu 9 u l-kwantitajiet imniżżla msemmija mid-dokumenti, b'mod partikolari rigward il-piż tagħhom.

3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-miżuri ta' Kontroll adottati, l-awtoritajiet kompetenti ta' kontroll, it-tip ta' ksur misjub u l-ażjoni meħuda.

Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-uffiċjali u l-aġenti oħra huma obbligati li ma jikxfux t-tagħrif miġjub bis-saħħa ta' dan l-Artikolu li jkun kopert bis-sigriet professjonali.

4. Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-segretezza ta' proċeduri legali.

IT-TITOLU VII

Applikazzjoni u verifika tas-sorveljanza.

L-Artikolu 29

1. Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-Istati Membri permezz ta' l-eżami tad-dokumenti u billi jsiru visti fuq il-post. Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi jekk tikkunsidrax meħtieġa li twettaq verifika mingħajr preavviż.

Biex twettaq visti fuq il-post, il-Kummissjoni għandha toħroġ struzzjonijiet bil-miktub lill-ispetturi li jindikaw l-awtorità tagħhom u l-għanijiet tal-missjonijiet tagħhom.

2. Kull meta jitqies meħtieġ mill-Kummissjoni, l-ispetturi tagħha jistgħu jkunu preżenti f'attivitajiet ta' kontroll u spezzjoni mwettqa mis-servizzi ta' kontroll nazzjonali. Fil-qafas ta' dawn il-missjonijiet, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kuntatti xierqa ma' l-Istati Membri bl-għan, fejn possibbli, li jiġi stabbilit programm ta' spezzjoni li jkun reċiprokament aċċettabbli.

(a) L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiffaċilitawlha l-kompjiment tax-xogħlijiet tagħha. L-Istati Membri għandhom, b'mod partikolari, jieħdu l-passi kollha biex jiżguraw li l-missjonijiet ta' spezzjoni mhumiex suġġetti għall-pubbliċità li tkun ta' ħsara għall-ħidmiet ta' kontroll.

Kull fejn il-Kummissjoni jew l-uffiċjali awtorizzati jiltaqgħu ma' diffikultajiet fil-qadi ta' dmirijiethom, l-Istati Membri konċernati għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bil-mezzi biex tlesti xogħolha u jagħtu lill-ispetturi l-opportunità li jivvalutaw il-ħidmiet speċifiċi ta' kontroll.

(b) Jekk iċ-ċirkustanzi misjuba fuq il-post ma jippermettux l-ispezzjon u l-kontroll ta' ħidmiet maħsuba fil-qafas tal-programm ta' spezzjoni tal-bidu l-ispetturi tal-Komunità, bi ftehim mill-qrib mas-servizz ta' kontroll nazzjonali kompetenti, għandhom jimmodifikaw il-ħidma ta' spezzjoni u kontroll.

(ċ) Fil-qafas ta' spezzjoni mill-baħar jew l-ajru fejn is-servizzi nazzjonali kompetenti ikollhom iwettqu xogħlijiet ta' prijorità dwar, b'mod partikolari, id-difiza u s-sigurezza fil-baħar, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom jirrizervaw id-dritt li jippostponu jew jidderieġu mill-ġdid il-ħidmiet li l-Kummissjoni riedet tosserva. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni fit-twettieq ta' arranġamenti alternattivi.

Fil-każ ta' spezzjonijiet mill-baħar u mill-ajru, il-kmandant tal-bastiment biss għandu jkun responsabbli mill-ħidmiet, wara li jiġi kkunsidrat l-obbligu fuq in-naħa ta' l-awtoritajiet li japplikaw dan ir-Regolament. L-ispetturi awtorizzati mill-Kummissjoni u li jipparteċipaw f'daw il-ħidmiet għandhom jimxu mar-regoli u l-proċeduri pprovduti mill-kmandant.

3. Fejn jidher meħtieġ, partikolarment wara l-missjonijiet imwettqa mill-ispetturi tal-Komunità skond il-paragrafu 2 li juru li jistgħu jiġru irregolaritajiet fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' titlob l-Istati Membri li jinnotifikawha bl-ispezzjoni dettaljata u l-programm ta' kontroll pjanati jew iffissati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-perjodu speċifikat u/jew għas-sajd u r-reġuni msemmija. Mal-wasla ta' din in-notifika, l-ispetturi awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom, kull fejn il-Kummissjoni tqis li hu meħtieġ, twettaq spezzjonijiet indipendenti biex tivverifika l-implimentazzjoni ta' dak il-programm mill-awtoritajiet kompetenti ta' Istat Membru.

Meta l-ispetturi tal-Komunità jivverifikaw l-implimentazzjoni ta' dak il-programm, l-aġenti ta' l-Istat Membru għandhom f'kull ħin ikunu responsabbli għat-twettieq ta' l-imsemmi programm. L-ispetturi tal-Komuniità ma jistgħux fuq l-inizjattiva tagħhom jużaw is-setgħat ta' spezzjoni mogħtija lill-aġenti nazzjonali. L-ispetturi msemmija m'għandhomx ikollhom aċċess għall-bastimenti jew fondijiet ħlief meta jakkumpanjaw aġenti ta' Stat Membru.

Wara dik il-verifika l-Kummissjoni għandha titrasmetti lill-Istat Membru konċernat rapport ta' valutazzjoni fuq il-programm u, jekk xieraq, tirrakkomanda miżuri ta' kontroll biex itejbu l-applikazzjoni ta' kontroll minn dak l-Istat Membru.

4. Fil-kuntest ta' missjonijiet ta' spezzjoni mwettqa minn inġenji ta' l-ajru fuq il-baħar jew l-art, l-ispetturi awtorizzati ma jistgħux jagħmlu kontrolli fir-rigward ta' persuni naturali.

5. Fil-qafas tal-visti tagħhom imsemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-ispetturi awtorizzati mill-Kummissjoni jistgħu jkollhom aċċess fuq il-post, fil-preżenza tas-servizzi responsabbli, għall-informazzjoni f'data bases speċifiċi jew f'forma aggregata jew individwali u jistgħu jeżaminaw ukoll kull dokument li għandu x'jaqam ma' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali jipprovdu għall-kunfidenzjalità ta' l-investigazzjonijiet, il-komunikazzjoni ta' din l-informazzjoni għandha tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-qorti kompetenti.

L-Artikolu 30

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-Kummissjoni b'dik l-informazzjoni li tista' titlob fuq l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Meta ssir talba għall-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tispeċifika limitu taż-żmien raġonevoli li fih l-informazzjoni trid tingħata.

2. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li seħħew irregolaritajiet fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament jew id-dispożizzjonijiet u metodi eżistenti fuq il-verifika mhumiex effettivi hija għandha tinforma l-Istat Membru jew Stati Membri konċernati, li għandhom imbagħad jagħmlu inkjesta amministrattiva fejn l-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw.

L-Istat Membru jew Stati Membri konċernati għandhom jinformaw il-Kummissjoni bil-progress u r-riżultati ta' l-inkjesta u jipprovdu l-Kummissjoni b'kopja tar-rapport ta' l-inkjesta u d-data prinċipali użati fil-preparazzjoni tar-rapport.

Biex jipparteċipaw fl-ispezzjonijiet msemmija f'dan il-paragrafu, l-uffiċjali tal-Kummissjoni għandhom jipproduċu struzzjonijiet bil-miktub fejn jistqarru l-identità u l-mansjonijiet tagħhom.

3. Fejn uffiċjali tal-Kummissjoni jipparteċipaw f'inkjesta, dik l-inkjesta għandha f'kull ħin titmexxa mill-uffiċjali ta' l-Istat Membru; l-uffiċjali tal-Kummissjoni ma jistgħux, fuq l-inizjattiva tagħhom, jużaw il-poteri ta' spezzjoni mogħtija lill-uffiċjali nazzjonali; min-naħa l-oħra, għandhom ikollhom aċċess għall-istess fondi u l-istess dokumenti bħal dawk l-uffiċjali.

Safejn dispożizzjonijiet nazzjonali fuq proċeduri kriminali jirriżervaw ċerti atti għall-uffiċjali speċifikatament imsemmija mil-liġi nazzjonali, l-uffiċjali tal-Komunità m'għandhomx jieħdu sehem f'dawn l-azzjonijiet. B'mod partikolari, m'għandhomx jipparteċipaw f'tiftix f'fondi jew jew f'interrogatorji formali ta' persuni taħt il-liġi kriminali nazzjonali. Għandhom, iżda, jkollhom aċċess għall-informazzjoni li tkun hekk miksuba.

4. Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar is-segretezza ta' proċeduri legali.

IT-TITOLU VIII

Għandhom jittieħdu proċeduri fil-każ ta' nuqqas ta' tħaris tar-regoli fis-seħħ.

L-Artikolu 31

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li miżuri xierqa jittieħdu, inkluż azzjoni amministrattiva jew proċeduri kriminali skond il-liġi nazzjonali tagħhom, kontra l-persuni naturali jew legali responsabbli fejn ma tkunx ġiet rispettata l-politika komuni tas-sajd, partikolarment wara verifika jew spezzjoni mwettqa bis-saħħa ta' dan ir-Regolament.

2. Il-proċeduri mibdija bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandhom ikunu kapaċi, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi nazzjonali, li effettivament iċaħħdu dawk responsabbli mill-benefiċċju ekonomiku tal-ksur jew tal-produzzjoni ta' riżultati proporzjonati għas-serjetà ta' dan il-ksur, li effettivament jiskoraġġixxu reati oħra ta' l-istess tip.

3. Is-sanzjonijiet li joħorġu mill-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jinkludu skond il-gravità tar-reat:

- multi,

- qbid ta' l-attrezzatura tas-sajd u l-qabdiet,

- sekwestru tal-bastiment,

- waqfien temporanju tal-bastiment,

- sospensjoni tal-liċenzja,

- l-irtirar tal-liċenzja.

4. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu m'għandhomx jipprevienu l-Istat Membru ta' l-inżul jew trasbord milli jittrasferixxi l-prosekuzzjoni ta' ksur lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni bi fethim ta' dan ta' l-aħħar u bil-kondizzjoni li t-trasferiment x'aktarx li jikseb iżjed ir-riżultat imsemmi fil-paragrafu 2. Il-Kummissjoni għandha tkun notifikata b'kull trasferiment bħal dan mill-Istat Membru ta' inżul jew trasbord.

L-Artikolu 32

1. Fejn jinstab ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru ta' inżul jew trasbord, dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu azzjoni xierqa skond l-artikolu 31 kontra l-kaptan tal-bastiment involut jew kontra kull persuna oħra responsabbli għall-ksur.

2. Jekk l-Istati Membru ta' l-inżul jew trasbord ma jkunx l-Istat Membru tal-bandiera u l-awtoritajiet kompetenti ma jieħdux, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, miżuri xierqa inkluż il-bidu ta' azzjoni amministrattiva jew proċeduri kriminali kontra l-persuni naturali jew legali responsabbli, jew ma jittrasferixxux il-prosekuzzjoni skond l-artikolu 31(4), il-kwantitajiet mniżżla illegalment jew trasbordati jistgħu jitqiesu kontra l-kwota allokata lil dak l-ewwel Istat Membru.

Il-kwantitajiet ta' ħut li għandhom jiddaħħlu fil-kwota ta' l-Istat Membru għandhom jiġu ffissati skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 36 wara li l-Kummissjoni tkun ikkonsultat iż-żewg Stati Membri konċernati.

Jekk Stat Membru ta' l-inżul jew trasbord m'għandux aktar kwota korrispondenti għad-dispożizzjoni tiegħu, l-Artikolu 21(4) għandu japplika mutatis mutandis, il-kwantitajiet ta' ħut mniżżla illegalment jew trasbordati jitqiesu li jkunu ekwivalenti għall-ammont ta' preġudizzju soffert, kif imsemmi f'dak l-Artikolu, mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

L-Artikolu 33

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom mingħajr dewmien u b'konformità mal-proċeduri tagħhom taħt il-liġi nazzjonali jinnotifikaw l-Istat Membru tal-bandiera jew l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, b'kull ksur tar-regoli tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 1, jindikaw l-isem u l-marki ta' l-identifikazzjoni tal-bastimenti involuti, l-ismijiet tal-kaptan u tal-propjetarju, iċ-ċirkostanzi tal-ksur, kull proċedura kriminali jew amministrattiva jew miżuri oħra meħuda u kull provvediment definittiv fuq ksur bħal dan. Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'dan it-tagħrif f'każijiet speċifiċi.

2. Wara trasferiment ta' prosekuzzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 31(4), l-Istat Membru tal-bandiera jew l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kif dispost fl-Artikolu 31.

3. L-Istat Membru tal-bandiera jew l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni b'kull miżura meħuda skond il-paragrafu 2 flimkien ma' l-isem u l-identifikazzjoni esterna tal-bastiment konċernat.

L-Artikolu 34

1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-Kummissjoni b'kull liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva adottata minnhom biex jipprevienu u jipprosegwixxu l-irregolaritajiet.

Għandhom jinnotifikaw kull sena kull tibdil fl-ammont minimu u massimu tal-multi maħsuba dwar kull tip ta' ksur u n-natura ta' kull sanzjoni oħra disponibbli.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw il-Kummissjoni regolarment bir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet jew verifiki mwettqa bis-saħħa ta' dan ir-Regolament, inkluż in-numru u t-tip ta' ksur misjub u l-azzjoni meħuda. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikawha bl-ammonti ta' multi imposti għall-ksur speċifiku.

3. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-Istati Membri b'ġabra fil-qosor tat-tagħrif riċevut skond il-paragrafi 1 u 2.

IT-TITOLU IX

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Artikolu 35

Qabel l-1 ta' Ġunju ta' kull sena l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport fuq l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament matul is-sena kalendarja ta' qabel, li jkun fih stima tar-riżorsi tekniċi u umani użati u l-miżuri li jistgħu jgħinu jtaffu kull nuqqas misjub. Fuq il-bażi ta' rapporti mogħtija mill-Istati Membri u l-osservazzjonijiet tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tniedi rapport annwali u għandha tikkomunika lil kull Stat Membru t-tagħrif li jikkonċernah. Wara li jiġu nnotati r-risposti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippubblika dan ir-rapport flimkien ma' dawk ir-risposti u, fejn xieraq, proposti għall-miżuri biex itaffu n-nuqqasijiet misjuba.

L-Artikolu 36

Fejn trid tiġi segwita l-proċedura preskritta f'dan l-Artikolu, il-president għandu jirreferi l-materja lill-Kumitat tat-Tmexxija għas-Sajd u l-Akwakultura, minn hawn 'l quddiem imsejjah "il-Kumitat", imwaqqaf mir-Regolament (KEE) Nru 3760/92, jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba ta' rappreżentant ta' Stat Membru.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz imsemmi f'limitu ta' żmien illi jista' jippreskrivi l-President skond l-urġenza tal-materja li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza preskritta fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġewwa l-Komunità għandhom jitwieżnu bil-mod ipprovdut f'dan l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Madankollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat, għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' titfa 'lura l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet għal perjodu taż-żmien ta' mhux iktar minn xahar mid-data ta' din il-komunikazzjoni.

Il-Kunsill, fil-waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu taż-żmien preskritt fil-paragrafu preċedenti.

L-Artikolu 37

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li d-data riċevuta fil-qafas ta' dan ir-Regolament għandha tiġi trattata b'mod kunfidenzjali.

2. L-ismijiet ta' persuni naturali u legali m'għandhomx jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni jew lill-Stat Membru ieħor ħlief fil-każ fejn tali komunikazzjoni hija espressament ipprovduta f'dan ir-Regolament jew jekk ikun neċessarju għall-għan tal-prevenzjoni jew prosegwiment ta' ksur jew il-verifika ta' ksur apparenti.

Id-data msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhomx jiġu trasmessi ħlief jekk huma aggregati ma' data oħra f'formula, li ma tippermettix l-identifikazzjoni diretta jew indiretta ta' persuni naturali jew legali.

3. Id-data mibdula bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni m'għandiex tiġi trasmessa lill-persuni oħra ħlief dawk fl-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet tal-Komunità li l-mansjonijiet tagħhom jeħtiġuhom li jkollhom tali aċċess ħlief jekk l-Istati Membri li jitrasmettu d-data jagħtu l-kunsens espress tagħhom.

4. Id-data kkomunikata jew akkwistata fi kwalunkwe forma bis-saħħa ta' dan ir-Regolament hi mħarsa bis-segretezza professjonali u għandha tgawdi mill-istess ħarsien mogħti lill-data simili mil-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri li jirċevuhom u mid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Komunità.

5. Id-data msemmija fil-paragrafu 1 m'għandhomx jintużaw għall-għan ieħor għajr dak dispost f'dan ir-Regolament ħlief jekk l-awtoritajiet li jipprovdu d-data jagħtu l-kunsens espress tagħhom u bil-kondizzjoni li d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru ta' l-awtorità li tirċievi d-data ma jipprojbux tali użu jew komunikazzjoni.

6. Il-paragrafi 1 sa 5 m'għandhomx jiftiehmu bħala ostaklu għall-użu tad-data, miġjubin bis-saħħa ta' dan ir-Regolament, fil-qafas ta' azzjonijiet u proċeduri legali meħuda wara għan-nuqqas ta' rispett lejn il-leġislazzjoni tal-Komunità fuq is-sajd. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jitrasmetti d-data għandhom jiġu infurmati tad-drabi kollha fejn l-imsemmija data ġew utiliżżati għal dan il-għan.

Dan l-Artikolu m'għandux jippreġudika l-obbligi li joħorġu mill-konvenzjonijiet internazzjonali rigward l-assistenza f'affarijiet kriminali.

7. Kull fejn Stat Membru jinnotifika l-Kummissjoni li ġie stabbilit wara t-tmiem ta' inkjesta li persuna naturali jew legali li isimha ġie kkomunikat lilha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma kienetx imdaħħla fi ksur, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma kull parti jew partijiet lil min tkun ikkomunikat l-isem ta' l-imsemmija persuna, l-eżitu ta' l-imsemmija inkjesta jew proċeduri. Din il-persuna m'għandiex tiġi trattata bħala persuna mdaħħla fl-irregolaritajiet imsemmija fuq il-bażi ta' l-ewwel notifika. Id-data maħżuna f'forma li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna konċernata għandhom jitħassru mingħajr dewmien.

8. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 5 m'għandhomx jiftehmu li jipprojbixxu l-pubblikazzjoni ta' kull data ġenerali jew kull studju li ma jkollhomx referenzi individwali għall-persuni naturali jew legali.

9. Id-data msemmija f'dan ir-Regolament għandha tinħażen f'forma li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuni konċernati biss jekk meħtieġ għall-qadi ta' l-għan konċernat.

10. Id-data riċevuti fil-qafas ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu disponibbli fuq talba lill-persuni naturali jew legali konċernati.

L-Artikolu 38

Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal kull miżura ta' kontroll nazzjonali li jmur lil hinn mill-ħtiġijiet minimi tiegħu, iżda għandhom iħarsu l-liġi tal-Komunità u jkunu skond il-politika komuni tas-sajd.

Il-miżuri nazzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 101/76 tad-19 ta' Jannar 1976 li jppreskrivi politika strutturali komuni għall-industrija tas-sajd [9].

L-Artikolu 39

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 2241/87 għandu jiġi mħassar fl-1 ta' Jannar 1994, ħlief għall-Artikolu 5, li għandu jkompli japplika sakemm ir-Regolamenti li jistabbilixxu l-listi msemmija fl-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament ikunu daħħlu fis-seħħ.

2. Ir-riferenzi għar-Regolament imħassar bis-saħħa tal-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala riferenzi għal dan ir-Regolament.

L-Artikolu 40

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 Jannar 1994.

L-Istati Membri għandhom ikunu eżentati sa l-1 ta' Jannar 1996 mill-obbligu li japplika d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 9, 15, u 18 safejn għandhom x'jaqsmu ma' trasmissjoni bil-kompjuter tan-noti ta' bejgħ u r-reġistrazzjoni ta' l-inżul.

L-Istati Membri għandhom ikunu eżentati sa l-1 ta' Jannar 1999 mill-obbligu li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 6, 8 u 19 safejn għandhom x'jaqsmu ħidmiet ta' sajd fil-baħar Mediterran.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-12 ta' Ottubru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Smet

[1] ĠU C 280, tad-29.10.1992, p. 5.

[2] ĠU C 21, tal-25.1.1993, p. 55.

[3] ĠU C 108, tad-19.4.1993, p. 36.

[4] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1.

[5] ĠU L 207, tad-29.7.1987, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 3483/88 (ĠU L 306, tal-11.11.1988, p. 2).

[6] ĠU L 288, tal-11.10.1986, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 3034/92 (ĠU L 307, tat-23.10.1992, p. 1).

[7] ĠU L 20, tal-25.1.1989, p. 5.

[8] ĠU L 388, tal-31.12.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KEE) Nru 1891/93 (ĠU N. L 172, tal-15.7.1993, p. 1).

[9] ĠU L 20, tat-28.1.1976, p. 19.

--------------------------------------------------