31993R1108



Official Journal L 113 , 07/05/1993 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/93

ta’ l-4 ta’ Mejju 1993

li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Ftehim Bilaterali dwar l-agrikoltura bejn il-Komunità, minn naħa l-waħda, u l-Awstrija, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi l-Komunità ffirmat il-Ftehim Bilaterali dwar xi arranġamenti agrikoli fil-forma ta’ skambji ta’ ittri ma’ l-Awstrija, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvezja u l-Isvizzera f’Oporto fit-2 ta’ Mejju 1992;

Billi dawk il-Ftehim kienu ffirmati fl-istess ħin tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, il-Komunità Ewropea għall-Faħam u l-Azzar u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Istati Membri ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea dwar il-Kummerċ Ħieles, min-naħa l-oħra, minn hawn ‘il quddiem imsejħa ‘il-Ftehim EEA’; billi l-mira tal-partijiet kollha kienet li jiżguraw li l-Ftehim ta’ l-EEA u l-Ftehim Bilaterali dwar l-agrikoltura jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin;

Billi, b’riżultat tad-deċiżjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera li ma tirratifikax il-Ftehim ta’ l-EEA, ftehim fil-forma ta’ skambji ta’ ittri kienu ffirmati fis-17 ta’ Marzu 1993 bejn il-Komunità, minn naħa l-waħda, u l-Awstrija, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja, min-naħa l-oħra, bil-ħsieb li japplikaw il-Ftehim Bilaterali dwar l-agrikoltura ffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992 ma’ dawk il-pajjiżi mill-15 ta’April 1993 u sa meta l-Ftehim ta’ l-EEA jidħol fis-seħħ; billi l-ftehim tas-17 ta’ Marzu 1993 jiddisponu wkoll li, ħlief meta l-Partijiet li qed Jikkuntrattaw jiddeċiedu mod ieħor, dawn il-ftehim provviżorji għandhom jiskadu fl-1 ta’ Jannar 1994 jekk il-Ftehim ta’ l- EEA ma jidħolx fis-seħħ f’dik id-data;

Billi, bid-deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 1993 [1], il-Kunsill approva l-imsemmija ftehim;

Billi d-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta’ l-applikazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehim għandhom ikunu preskritti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dwar il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness II tat-Trattat u koperti mir-regoli ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq, id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw il-Ftehim Bilaterali dwar l-agrikoltura ffirmat fit-2 ta’ Mejju 1992 f’Oporto bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, minn naħa l-waħda, u l-Awstrija, il-Finlandja, l-Islanda, in-Norveġja u l-Isvezja, min-naħa l-oħra, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 tas-27 ta’ Ġunju 1968 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib [2] tas-swieq. Meta l-applikazzjoni tal-ftehim titlob kooperazzjoni mill-viċin ma’ l-Istati firmatarji, il-Kummissjoni tista’ tieħu kull miżura meħtieġa biex tiżgura ko-operazzjoni bħal din.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jgħodd mill-15 ta’April 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-4 ta’ Mejju 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Troejborg

[1] ĠU L 109, 1.5.1993, p. 1.

[2] ĠU L 148, 28.6.1968, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2071/92 (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 1).

--------------------------------------------------