31993R0404



Official Journal L 047 , 25/02/1993 P. 0001 - 0011
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0129
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0129


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93

tat-13 ta' Frar 1993

dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42 and 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-kwota tat-tariffi fuq l-importazzjoni tal-banana anness mal-Konvenzjoni ta' l-Implimentazzjoni dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji Lil Hemm mill-Baħar tal-Komunità provduta fl-Artikolu 136 ta' Trattat, u b'mod partikolari l-paragrafu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-ħidma u l-iżvilupp tas-suq komuni għall-prodotti agrikoli jridu jkunu akkumpanjati bid-dħul ta' politika agrikoli komuni li tinkludi b'mod partikolari l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli li jistgħu jieħdu għamliet differenti skond il-prodotti;

Billi bħalissa jeżistu ġewwa l-Istati Membri tal-Komunità organizzazzjonijiet tas-suq nazzjonali li jipproduċu l-banana li jfittxu li jiżguraw li l-produtturi jistgħu jiddisponu mill-prodotti tagħhom fis-suq komuni u jdaħħlu introjtu skond l-ispiża tal-produzzjoni; billi dawn l-organizzazzjonijiet tas-suq nazzjonali jimponu restrizzjonijiet kwantitattivi li jfixklu l-ħolqien ta' suq komuni għall-banana; billi xi wħud mill-Istati Membri li ma jipproċudux il-banana jipprovdu postijiet tal-bejgħ bi trattament preferenzjali għall-banana mill-Istati ta' l-AKP waqt li oħrajn għandhom regoli liberi ta' importazzjoni, li saħansitra f'każ wieħed jinkludu sitwazzjoni privileġġjata tat-tariffa; billi dawn l-arranġamenti speċjali jipprevjenu l-moviment ħieles tal-banana fil-Komunità u l-implimentazzjoni ta' arranġamenti komuni għan-negozju ma' pajjiżi oħra; billi għall-iskop tal-kisba ta' suq komuni, organizzazzjoni komuni flessibbli u bbilanċjata tas-suq fis-settur tal-banana trid tieħu l-post ta' dawn l-arranġamenti nazzjonali varji;

Billi, sabiex il-Komunità tkun tista' tirrispetta l-Preferenza Komunitarja u l-obbligi varji internazzjonali tagħha, din l-organizzazzjoni komuni tas-suq għandha tippermetti illi l-banana prodotta fil-Komunità u dik fl-Istati ta' l-AKP li huma fornituri tradizzjonali sabiex jiġu disposti fis-suq tal-Komunità hekk li jipprovdu introjtu adegwat lill-produtturi u bi prezzijiet ġusti għall-konsumatur mingħajr ma jimminaw l-importazzjoni tal-banana minn pajjiżi oħra fornituri;

Billi, sabiex jippermettu illi s-suq ikun fornit bi prodotti ta' kwalità uniformi u sodisfaċenti b'qies xieraq għall-karatteristiċi lokali u l-varjetajiet prodotti u sabiex jiġi żgurat id-disponiment tal-prodotti tal-Komunità bi prezzijiet li jħallu profitt li jiggarantixxi introjtu adegwat, għandhom jiddaħħlu standards kwalitattivi għall-banana friska u, jekk meħtieġa, regoli tas-suq għall-prodotti pproċessati mill-banana;

Billi sabiex jiġi mmassimizzat l-introjtu mill-banana prodotta fil-Komunità, għandha tiġi inkoraġġita l-formazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, prinċipalment bl-għoti ta' għajnuna għalbiex jibdew; billi sabiex dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol effettiv li jikkonċentraw il-provvista, il-membri tagħhom għandhom jindaħlu sabiex iqiegħdu fis-suq il-produzzjoni kollha tagħhom; billi għandha tiġi permessa wkoll il-formazzjoni ta' tipi oħra ta' assoċjazzjonijiet, li jikkomprendu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u r-rappreżentanti tagħhom fl-istadji l-oħra tal-produzzjoni; billi f'data iktar tard għandhom jiġu ddefiniti l-kondizzjonijiet li fuqhom dawn l-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-aspetti varji tas-settur tal-banana jistgħu jindaħlu għal miżuri ta' interess ġenerali u jkollhom ir-regoli tagħhom estiżi għal dawk li mhux membri jew lokalment jew reġjonalment; billi dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jiġu kkonsultati meta jitfasslu l-programmi-oqfsa u jistgħu jieħdu parti attiva fl-implimentazzjoni tal-miżuri strutturalli introdotti bħala parti mill-organizzazzjoni tas-suq;

Billi għandhom jiġu mtaffija n-nuqqasijiet strutturali li jirrestrinġu l-kapaċità tal-produzzjoni Komunitarja milli tikkompeti, prinċipalment sabiex tiżdied il-produttività; billi għandhom jiġu stabbiliti l-programmi sabiex jiksbu dan f'kull reġjun tal-produzzjoni skond l-oqfsa ta' appoġġ tal-Komunità permezz tal-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u bit-tipi varji ta' organizzazzjonijiet fis-settur riferit iktar 'il fuq u li jkunu assoċjati mill-iktar qrib possibbli mat-tħejjija tal-miżuri li jridu jiġu mdaħħla;

Billi l-organizzazzjonijiet nazzjonali tas-swieq sa issa għenu lill-produtturi nazzjonali tal-banana sabiex jiksbu mis-suq introjtu adegwat sabiex ikopru l-ispejjez tal-produzzjoni tagħhom; billi, l-introduzzjoni ta' l-organizzazzjoni tas-suq ma għandhiex tpoġġi lill-produtturi f'sitwazzjoni agħar minn dik ta' issa, u billi huwa probabbli illi (din l-introduzzjoni) tbiddel il-livell tal-prezzijiet f'dawn is-swieq, għandha ssir disposizzjoni għal kumpens sabiex ikopri t-telf ta' l-introjtu li jista' joħroġ mill-implimentazzjoni tas-sistema l-ġdida għalbiex tippermetti l-kontinwazzjoni tal-produzzjoni Komunitarja bil-prezzijiet miġrura mis-sitwazzjoni strutturali speċifika sakemm dan jibqa' mhux aġġustat mill-miżuri strutturali implimentati; billi għandha ssir disposizzjoni sabiex tiġi aġġustata l-għajnuna biex tqis iż-żieda fil-produttività u x-xejriet fil-kategoriji varji tal-kwalità;

Billi f'ċerti reġjuni żgħar ħafna fil-Komunità fejn il-kondizzjonijiet mhumiex addattati b'mod partikolari għall-produzzjoni tal-banana iżda aktar addattati għal uċuħ alternattivi, il-waqfien definittiv tal-produzzjoni tal-banana għandu jkun inkoraġġit bi primjum għall-waqfien tal-produzzjoni tal-banana; billi, sabiex tiġi llimitata l-ispiża għal din il-ħidma, għandu jkun hemm għażieq għat-tnaqqija mill-iktar fis possibbli;

Billi l-bilanċ previst tal-provvista mfassal kull sena għandu jevalwa l-prospetti dwar il-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità; billi għandu jkun possibbli li dan il-bilanċ jiġi rivedut matul is-sena skond iċ-ċirkostanzi, inklużi l-ġrajjiet speċifiċi tal-klima;

Billi sabiex jiġi żgurat it-tqegħid fis-suq sodisfaċenti tal-banana prodotta ġewwa l-Komunità u tal-prodotti li joriġinaw mill-istati ta' l-AKP ġewwa l-qafas tal-Ftehimijiet tal-Konvenzjoni ta' Lomé, għandha ssir disposizzjoni sabiex kull sena tinfetaħ kwota tat-tariffa; billi, minn naħa waħda, l-importazzjonijiet tal-banana minn pajjiżi terzi għandhom ikunu bla ħsara għat-tariffa ta' 100 ECU fuq kull elf tunnelleta metrika, li tikkorrispondi mar-rata korrenti skond it-Tariffa Komuni Doganali u, min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet tal-banana mhux tradizzjonali mill-istati ta' l-AKP trid tkun bla ħsara għal dazju ta' żero skond il-ftehimijiet msemmija hawn fuq; billi għandha ssir disposizzjoni sabiex tiżgura l-addattazzjoni ta' l-ammont tal-kwota tat-tariffa msejsa fuq bdil fid-domanda fil-Komunità rreġistrata fil-bilanċ tal-provvista prevista;

Billi l-importazzjonijiet li ma jidħlux fil-kwota tat-tariffa jridu jkunu bla ħsara għal rati ta' taxxa suffiċjentement għolja sabiex jiġi żgurat illi l-produzzjoni fil-Komunità u l-kwantitajiet tradizzjonali jkunu mqiegħda fuq kondizzjonijiet aċċettabbli;

Billi l-importazzjonijiet tradizzjonali tal-banana mill-istati ta' l-AKP mhumiex inklużi fil-kwota mingħajr dazju tat-tariffa bħala parti mill-kwantità tradizzjonali li tqis l-investimenti speċifiċi diġà magħmula skond il-programmi sabiex tiżdied il-produzzjoni;

Billi sabiex jitħarsu l-għanijiet iddikjarati hawn fuq, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċjali tas-suq tal-banana, trid issir distinzjoni meta tiġi amministrata l-kwota tat-tariffa bejn, mill-banda l-waħda, l-operaturi li qabel kienu qiegħdu fis-suq il-banana minn pajjiżi terzi u l-banana mill-istati ta' l-AKP mhux tradizzjonali, u mill-banda l-oħra, l-operaturi li qabel kienu qiegħdu fis-suq il-banana prodotta fil-Komunità filwaqt li jħallu kwantità disponnibli għall-operaturi l-ġodda li riċentament daħlu jew kienu sejrin jidħlu f'attività kummerċjali f'dan is-settur;

Billi, sabiex ma jiġux sfrattati r-rabtiet kummerċjali eżistenti, filwaqt li illi fl-istess ħin jitħalla xi żvilupp fl-istrutturi tat-tqegħid fis-suq, il-ħruġ għal kull wieħed mill-operaturi ta' liċenzji separati dwar l-importazzjoni għal kull waħda mill-kategoriji ddefiniti hawn fuq irid tkun fuq il-bażi tal-kwantità medja tal-banana mqiegħda fis-suq mill-operatur fit-tliet snin ta' qabel li għalihom kienet disponibbli l-informazzjoni statistika;

Billi meta jiġu adottati l-kriterji addizzjonali illi l-operaturi għandhom jirrispettaw, il-Kummissjoni hija ggwidata mill-prinċipju fejn il-liċenzji jridu jiġu mogħtija lil persuni naturali jew legali li jkunu daħlu għar-riskju kummerċjali fit-tqegħid fis-suq tal-banana u bil-ħtieġa li jiġi evitat id-disturb tar-relazzjonijiet normali tal-kummerċ bejn persuni li jokkupaw postijiet differenti fil-katina tat-tqegħid fis-suq;

Billi, filwaqt li jitqiesu l-istrutturi tat-tqegħid fis-suq, l-Istati Membri jridu, fuq il-bażi tal-proċeduri u tal-kriterji adottati mill-Kummissjoni, jagħmlu ċensiment ta' l-operaturi u jistabbilixxu l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq sabiex jintużaw bħala referenza għall-ħruġ taċ-ċertifikati;

Billi l-monitorjar ta' l-importazzjonijiet fil-qafas tal-kwoti tat-tariffa jeħtieġ skema dwar il-liċenzja ta' l-importazzjoni appoġġjata b'garanzija;

Billi l-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tieħu l-miżuri xierqa sabiex tittratta disturbi serji, jew it-theddida ta' dawn id-disturbi, li x'aktarx jipperikolaw il-kisba ta' l-għanijiet ta' Artikolu 39 ta' Trattat;

Billi x-xogħol ta' l-organizzazzjoni tas-suq tiġi mminata bl-għoti ta' ċerta assistenza; billi għalhekk id-disposizzjonijiet tat-Trattat li jippermettu l-konsiderazzjoni ta' l-għajnuniet nazzjonali mogħtija mill-Istati Membri u l-projbizzjoni ta' dawk inkopatibbli mas-suq komuni għandhom jiġu applikati għas-settur tal-banana;

Billi, sabiex tiġi fffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dawn id-disposizzjonijiet, għandha tiġi inkluża proċedura li tinvolvi l-koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġewwa l-Kumitat Maniġerjali;

Billi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana trid tqis ukoll l-għanijiet iddikjarati fl-Artikoli 39 u 110 tat-Trattat;

Billi s-sostituzzjoni ta' l-arranġamenti nazzjonali varji mħaddma meta dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b'din l-organizzazzjoni komuni tas-suq tista' tiddisturba s-suq intern; billi, mill-1 ta' Lulju 1993, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi tieħu kull miżura transitorja meħtieġa sabiex tegħleb id-diffikultajiet għalbiex timplimenta l-arranġamenti l-ġodda;

Billi l-iskop tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1319/85 tat-23 ta' Mejju 1985 dwar ir-rinfurzar tas-sorveljanza sabiex jiġu applikati r-regoli Komunitarji dwar il-frott u l-ħaxix ta' l-ikel [4] għandu jiġi estiż għas-settur tal-banana sabiex jippermetti l-kontrolli dwar li jkunu qegħdin jitħarsu l-istandards stabbiliti għall-banana skond dan ir-Regolament;

Wara li kkunsidra l-importanza soċjali, ekonomika, kulturali u ambjentali tat-tkabbir tal-banana fir-reġjuni Komunitarji tad-dipartimenti barranin Franċiżi, il-Madeira, l-Azores, l-Algarve, Kreta, il-Lakonja u l-Gżejjer Kanarji, li huma reġjuni kkaratterizzati bl-insularità, bil-bogħod u b'ritardazzjoni strutturali, aggravati f'ċerti każi bid-dipendenza ekonomika tagħhom fuq it-tkabbir tal-banana,

Billi t-tħaddim ta' dan ir-Regolament għandu jiġi eżaminat wara perjodu interim taż-żmien ta' l-applikazzjoni u qabel l-aħħar ta' l-għaxar sena mid-data li jkun daħal fis-seħħ sabiex jitqiesu l-arranġamenti l-ġodda li jridu japplikaw wara din id-data,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Hija hawnhekk stabbilita organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana.

2. L-organizzazzjoni għandha tkopri l-prodotti li ġejjin:

Kodiċi tan-NK | Deskrizzjoni |

ex0803 | Banana, esklużi l-pjantaġġini, friska jew imnixxfa |

ex08119090 | Banana ffriżata |

ex08129090 | Banana proviżorjament ippriservata |

11063010 | banana |

ex20060090 | Banana ppriservata fiz-zokkor |

ex200710 | omoġeneizzati tal-banana, |

ex20079939 | jellies, marmellati, purejiet u pejstijiet tal-banana |

ex20079990 |

ex20089948 | Banana xort'oħra preparata jew preżervata |

ex20089969 |

ex20089999 | |

ex20089250 | Taħlit tal-banana mħejjija jew ippriservati xorta oħra |

ex20089279 |

ex20089291 | |

ex20089299 | |

ex200980 | Banana juice |

3. Is-sena tas-suq għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

Titolu I L-istandards komuni tal-kwalità u tat-tqegħid fis-suq

Artikolu 2

1. Għandhom jiġu stabbiliti l-istandards tal-kwalità għall-banana maħsuba biex tiġi fornita friska lill-konsumatur, bl-esklużjoni tal-pjantaġġini, u għandhom jitqiesu l-varjetajiet differenti prodotti.

2. Jistgħu jiġu wkoll stabbiliti l-istandards tat-tqegħid fis-suq għall-prodotti proċessati magħmula mill-banana.

Artikolu 3

1. Għajr jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi xorta oħra skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27, il-prodotti li għalihom ikunu ġew stabbiliti standards komuni jistgħu jiġu mqiegħda fis-suq fil-Komunità jekk jikkoformaw ma' dawn l-istandards.

2. Bl-għan li jiġi stabbilit jekk il-prodotti jħarsux l-istandards tal-kwalità, jistgħu jsiru kontrolli mill-korpi nnominati mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Għandhom jiġu stabbiliti l-istandards tal-kwalità, l-istadji tat-tqegħid fis-suq li fihom il-prodotti jridu jikkonformaw ma' dawn l-istandards u l-miżuri sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni uniformi tad-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3, inklużi dawk li jirrigwardaw it-testijiet, skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 27.

Titolu II L-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-mekkaniżmi tal-konċentrazzjoni

Artikolu 5

1. Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, "organizzazzjoni tal-produtturi" tfisser kull organizzazzjoni tal-produtturi stabbilita fil-Komunità li:

(a) hija stabbilita mill-produtturi nfushom sabiex:

- tikkonċentra l-provvista u tirregola l-prezzijiet fl-istadju tal-produzzjoni għal wieħed jew aktar mill-prodotti riferiti fl-Artikolu 1,

- tagħmel disponibbli lill-membri produtturi l-faċilitajiet tekniċi xierqa għall-pakkjar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti fil-kwistjoni;

(b) kapaċi turi volum minimu ta' produzzjoni li tista' tiġi mqiegħda fis-suq u numru minimu ta' produtturi;

(ċ) għandha regoli li fihom disposizzjonijiet:

- li jeħtieġu lill-produtturi sabiex iqiegħdu fis-suq permezz ta' l-organizzazzjoni l-produzzjoni totali tagħhom tal-prodott jew il-prodotti li għalihom ingħaqdu ma' din l-organizzazzjoni,

- li jagħtu lill-produtturi l-kontroll ta' l-organizzazzjoni u l-proċeduri tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet

- li jippenalizzaw kull vjolazzjoni mill-membri produtturi tar-regoli stabbiliti mill-organizzazzjoni,

- li jimponu imposti fuq il-membri tagħha,

- li jirrigwardaw id-dħul ta' membri ġodda;

(d) tistabbilixxi r-regoli li jirrigwardaw il-ġbir tat-tagħrif dwar il-produzzjoni, il-produzzjoni u, b'mod partikolari, ir-regoli mfassla sabiex itejbu l-kwalità u r-regoli tat-tqegħid fis-suq;

(e) iżżomm kontijiet separati għall-attivitajiet tagħha li jirrigwardaw il-banana;

(f) tiġi rikonoxxuta mill-Istat Membru interessat skond il-paragrafu 2.

2. Ma' l-applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu lill-organizzazzjonijiet interessati sakemm joffru garanzija adegwata dwar it-tul u l-effettività tax-xogħol tagħhom, b'referenza partikolari għax-xogħol stabbilit fil-paragrafu 1, u sakemm jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

Artikolu 6

1. Għall-ħames snin mid-data tar-rikonoxximent, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi rikonoxxuti assistenza sabiex jinkoraġġixxu x-xogħol tagħhom u jassistu l-ħidma amministrattiva tagħhom.

2. Għandhom japplikaw l-Artikolu 14 (1), (3) u (5) u l-Artikolu 36 (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1035/72 tat-18 ta' Mejju 1972 dwar l-organizzazzjoni tas-suq komuni fil-frott u l-ħaxix ta' l-ikel [5].

Artikolu 7

1. L-assoċjazjonijiet tal-produtturi jew ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi stabbiliti sabiex jieħdu miżuri ta' interess komuni jistgħu jipparteċipaw fit-tħejjija tal-miżuri pprovduti fil-programmi operattivi riferiti fl-Artikolu 10. Il-membri ta' dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jinkludu proċessuri u negozjanti bħala membri.

2. Il-miżuri ta' interess komuni riferiti fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu r-riċerka, it-taħriġ tal-produtturi, l-istrateġija dwar il-kwalità u l-iżvilupp ta' metodi tal-produzzjoni ambjentalment sodi.

Artikolu 8

1. Skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 43 (2) tat-Trattat, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent u l-ħidma tal-gruppi li jikkomprendu attività ekonomika jew attivitajiet ekonomiċi li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq jew il-proċessar tal-banana skond l-ordni b'mod partikolari:

- sabiex jittejjeb il-ġbir tat-tagħrif dwar is-suq u l-għerf fl-iżvilupp probabbli tas-swieq u l-kondizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq;

u

- sabiex jitnaqqas it-tifrix tal-provvista, tiġi ggwidata l-produzzjoni u mmexxi 'l quddiem it-titjib fil-kwalità tal-banana biex b'hekk tilħaq aħjar il-ħtiġiet tas-suq u d-domanda mill-konsumaturi.

2. Id-disposizzjonijiet li jridu jiġu adottati jrid ikun fihom, fuq kondizzjonijiet li jridu jiġu stabbiliti, il-possibbiltà li jiġu estiżi għal dawk li mhux membri r-regoli adottati minn dawn il-gruppi sakemm dawn ir-regoli jkunu ta' interess ġenerali għas-settur u sakemm l-estensjoni tagħhom tħares ir-regoli tal-kompetizzjoni fit-Trattat.

Artikolu 9

Ir-regoli sabiex jiġi implimentat dan it-Titolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Titolu III L-assistenza

Artikolu 10

1. Filwaqt li jaġixxu fil-qafas tal-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jfasslu programmi operattivi fl-oqfsa ta' appoġġ Komunitaru għar-reġjuni eliġibbli għalbiex jiddefinixxu l-miżuri li għandhom jidħlu għalihom fis-settur tal-banana sabiex jiksbu mill-inqas tnejn mill-għanijiet li ġejjin:

- strateġija ta' kwalità u kummerċjali għall-prodotti tal-post fid-dawl ta' l-iżviluppi probabbli fl-ispejjeż u fis-swieq;

- l-utilizzazzjoni mtejba tar-risorsi filwaqt li jiġi rrispettat l-ambjent;

- kompetittività akbar.

2. Filwaqt li jaġixxu bil-koperazzjoni riferita fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sa fejn hu possibbli, jassoċjaw fit-tħejjija tal-miżuri riferiti fil-paragrafu 1 il-gruppi, l-assoċjazjonijiet u l-organizzazzjonijiet fis-settur tal-banana, kif riferit fl-Artikoli 5, 7 u 8 rispettivament, u ċ-ċentri tar-riċerka teknika u ekonomika.

3. Rigward il-miżuri fil-programmi tal-ħidma, l-organizzazzjoni, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni għandhom jitwettqu skond ir-regolamenti fis-seħħ sabiex jiġu mmaniġġjati l-Fondi strutturali.

Artikolu 11

Fil-qafas tal-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazjonijiet u l-gruppi riferiti fl-Artikoli 5, 7 u 8 jistgħu jiġu mitluba jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-veduti tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri li jridu jiġu proposti.

Artikolu 12

1. Għandu jingħata kumpens għal kull telf ta' introjtu lill-produtturi Komunitarji li huma membri ta' organizzazzjoni rrikonoxxuta tal-produtturi li tkun qiegħda tqiegħed fis-suq Komunitarju banana li tikkonforma ma' l-istandards komuni stabbiliti. Madankollu, il-kumpens jista' jitħallas lil produttur individwali li, minħabba is-sitwazzjoni speċifika tiegħu, u, b'mod partikolari l-lokazzjoni ġeografika tiegħu, ma jistax jingħaqad ma' organizzazzjoni tal-produtturi.

2. Il-kwantità massima tal-banana prodotta fil-Komunità u mqiegħda fis-suq li għaliha jista' jitħallas kumpens għandha tiġi ffissata għal 854000 tunnellata metrika (użin nett) li jinqasmu kif ġej għal kull reġjun produttur fil-Komunità:

1. 420000 elf tunnellata metrika għall-Gżejjer Kanarji,

2. 150000 elf tunnellata metrika għall-Guadeloupe,

3. 219000 elf tunnellata metrika għall-Martinique,

4. 50000 elf tunnellata metrika għall-Madeira, l-Azores u l-Algarve,

5. 15000 elf tunnellata metrika għall-Kreta u l-Lakonja.

Bla ħsara għall-kwantità massima għall-Komunità, il-kwantità għall-kull reġjun tista' tiġi aġġustata.

3. Il-kumpens għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tad-differenza bejn:

- l-"introjtu ta' referenza b'rata uniformi" għall-banana prodotta u mqiegħda fis-suq fil-Komunità, u

- l-"introjtu medju mill-produzzjoni" miksub fis-suq Komunitarju matul is-sena fil-kwistjoni għall-banana prodotta u mqiegħda fis-suq fil-Komunità.

4. L-"introjtu ta' referenza b'rata uniformi" għandu jkun:

- il-prezz medju tal-banana prodotta fil-Komunità u mqiegħda fis-suq matul perjodu taż-żmien ta' referenza qabel l-1 ta' Jannar 1993 li jrid jiġi stabbilit skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27;

- imnaqqas bl-ispiża medja tat-trasport u tal-kunsinja bil-frank abbord (f.o.b.).

Dan għandu jiġi rivedut mill-Kummissjoni meta l-għajnuna tiġi ffissata wara tliet snin sabiex iqis b'mod partikolari l-produttività u x-xejriet fil-kategoriji varji ta' kwalità.

5. L-"introjtu medju tal-produzzjoni" għall-banana tal-Komunità għandu jiġi kkalkolat kull sena minn:

- il-prezz medju tal-banana prodotta fil-Komunità u mqiegħda fis-suq matul is-sena fil-kwistjoni,

- imnaqqas bil-prezz medju tat-trasport u l-kunsinja bil-frank abbord (f.o.b.).

6. Qabel l-1 ta' Marzu ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-għajnuna kumpensatorja għas-sena ta' qabel skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Għandha tingħata għajnuna supplimentari lil reġjun produttur jew aktar meta l-introjtu mill-produzzjoni jkun iktar baxx b'mod sinifikanti mill-introjtu normali fil-Komunità.

7. Jistgħu jitħallsu ħlasijiet bil-quddiem, fuq garanzija, fuq il-bażi ta' l-għajnuna kumpensatorja mogħtija fis-sena ta' qabel.

8. Il-Kummissjoni għandha twettaq fis-sena 1993 eżami interim ta' l-introjtu medju fuq il-produzzjoni għal din is-sena. Fuq il-bażi ta' dan l-eżami, il-Kummissjoni tista' tagħmel ħlasijiet bil-quddiem skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Artikolu 13

1. Għandu jingħata primjum waħdieni lill-produtturi tal-banana fil-Komunità li jieqfu milli jipproduċu l-banana

2. L-għotja tal-primjum għandha tkun bla ħsara għall-qbil bil-miktub tar-riċevitur:

(a) sabiex jindaħal jew ikun indaħal għal ħidma waħda li sseħħ matul perjodu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit fl-1993 jew fl-1994;

- l-għażieq għat-tnaqqija tas-siġar kollha tal-banana fuq l-impriża fejn il-medda miżrugħa bil-banana hija inqas minn ħames ettari;

- l-għażieq għat-tnaqqija ta' nofs is-siġar tal-banana fuq l-impriża fejn il-medda miżrugħa bil-banana hija ta' ħames ettari jew aktar

(b) biex ma jitħawlux siġar tal-banana fuq l-impriża interessata għal perjodu taż-żmien ta' għoxrin sena mis-sena li jkun sar l-għażiq għat-tnaqqija.

L-erji mħawla bil-banana wara li jkun daħal fis-seħħ dan ir-Regolament u l-impriżi ta' inqas minn 0,2 ettari ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-primjum.

3. Il-primjum għandu jkun ta' 1000 ECU għal kull ettaru. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27, dan l-ammont jista' jiġi aġġustat sabiex jitqiesu l-kondizzjonijiet speċifiċi f'ċerti erji.

4. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27, il-Kummissjoni tista' tawtorizza Stat Membru li jeskludi mill-eliġibilità l-primjum għall-waqfien mill-produzzjoni tal-banana lill-produtturi tal-banana lokati f'erji fejn l-għibien ta' dan il-wiċċ ikollu konsegwenzi negattivi, b'mod partikolari dwar iż-żamma tal-ħamrija miċroklimatika, jew il-kondizzjonijiet ambjentali jew il-pajsaġġ.

5. Dan il-primjum għandu jkun kompattibli ma' l-għotja ta' l-għajnuna skond Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 3763/91 [6], it-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1600/92 [7] u t-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 1601/92 [8] u l-għotja ta' assistenza strutturali skond ir-Regolamenti (KEE) Nru 2052/88 [9] u (KEE) Nru 4253/88 [10].

Artikolu 14

Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan it-Titolu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Madankollu, ir-regoli dettaljati sabiex jiġu applikati l-Artikoli 6 u 10 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 29 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88.

TITOLU IV Il-kummerċ ma' pajjiżi terzi

Artikolu 15

Dan it-titolu għandu japplika biss għall-prodotti friski li jidħlu fil-kodiċi tan-NK ex0803, bl-esklużjoni tal-pjantaġġini

Għall-għan ta' dan it-Titolu:

1. "importazzjonijiet tradizzjonali mill-istati ta' l-AKP" ifissru l-kwantitajiet tal-banana kif iddikjarat fl-Anness esportati minn kull stat ta' l-AKP li tradizzjonalment kien jesporta l-banana lill-Komunità. Din il-banana għandha tiġi riferita bħala "banana tradizzjonali mill-AKP";

2. "importazzjonijiet mhux tradizzjonali mill-Istati ta' l-AKP" ifissru l-kwantità tal-banana esportata mill-Istati ta' l-AKP li jaqbżu l-kwantità ddefinita fil-1 hawn fuq. Din il-banana għandha tkun riferita bħala "banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP";

3. "importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ta' l-AKP" ifissru l-kwantitàjiet esportati minn pajjiżi terzi oħra. Din il-banana għandha tkun riferita bħala "banana minn pajjiżi terzi";

4. "Banana tal-Komunità" tfisser il-banana prodotta fil-Komunità;

5. "suq" u "tqegħid fis-suq" ifissru t-tqegħid fis-suq, u ma jinkludux illi l-prodott jintgħamel disponibbli lill-konsumatur aħħari.

Artikolu 16

1. Kull sena, għandu jiġi mħejji bilanċ tal-provvista prevista dwar il-produzzjoni u l-konsum fil-Komunità u ta' l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

2. Il-bilanċ tal-provvista prevista għandu jitħejja fuq il-bażi ta':

- iċ-ċifri disponibbli li jirrigwardaw il-kwantità tal-banana mqiegħda fis-suq fil-Komunità matul is-sena ta' qabel, imqassma skond l-oriġini tagħha,

- il-previżjoniet tal-produzzjoni u tat-tqegħid fis-suq tal-banana tal-Komunità,

- il-previżjonijiet ta' l-importazzjonijiet tal-banana tradizzjonali ta' l-AKP,

- il-previżjonijiet tal-konsum ibbażati b'mod partikolari fuq ix-xejriet reċenti fil-konsum u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq.

3. Fejn meħtieġ, b'mod partikolari sabiex jitqiesu l-effetti ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li jaffetwaw il-produzzjoni jew il-kondizzjonijiet ta' l-importazzjoni, il-bilanċ jista' jiġi aġġustat matul is-sena tas-suq. F'dan il-każ, il-kwota tat-tariffa pprovduta fl-Artikolu 18 għandha tiġi addattata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Artikolu 17

Kull importazzjoni tal-banana fil-Komunità għandha tkun bla ħsara għas-sottomissjoni ta' liċenzja ta' l-importazzjoni maħruġa mill-Istati Membri fuq it-talba ta' kull persuna interessata, irrispettivament mill-post ta' l-istabbiliment tagħha fil-Komunità, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet speċjali magħmula sabiex jiġu implimentati l-Artikoli 18 u 19.

Il-liċenzja ta' l-importazzjoni għandha tkun valida fil-Komunità kollha. Għajr fejn jingħataw derogi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27, il-ħruġ ta' dawn il-liċenzji għandu jkun bla ħsara għall-provvediment ta' garanzija sabiex jitħares l-impenn ta' l-importazzjoni, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament matul il-perjodu taż-żmien tal-validità tal-liċenzja, li d-dritt għaliha għandu jintilef fl-intier tiegħu jew f'parti minnu jekk it-transazzjoni ma titwettaqx matul dan il-perjodu taż-żmien jew tiġi mwettqa f'parti minnha biss.

Artikolu 18

1. Għandha tiġi miftuha kwota tat-tariffa ta' zewġ miljuni tunnellati metriċi (użin nett) kull sena sabiex isiru importazzjonijiet tal-banana minn pajjiżi terzi u l-banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP.

Ġewwa l-qafas tal-kwota tat-tariffa, l-importazzjonijiet tal-banana minn pajjiżi terzi għandhom ikunu bla ħsara għal impost ta' 100 ECU fuq kull tunnellata metrika u l-importazzjonijiet tal-banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP għandhom ikunu bla ħsara għal dazju ta' żero.

Għat-tieni nofs tas-sena 1993, il-volum tal-kwota tat-tariffa għandha tiġi stabbilita għal miljun tunnellata metrika (użin nett).

Fejn tiżdied id-domanda mill-Komunità stabbilita fuq il-bażi tal-bilanċ tal-provvista riferita fl-Artikolu 16, il-volum tal-kwota għandu jiġi miżjud bħala konsegwenza, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27. Fejn meħtieġ, dan l-aġġustament għandu jitwettaq qabel id-data tat-30 ta' Novembru ta' qabel is-sena tas-suq fil-kwistjoni.

2. Barra mill-kwota riferita fil-paragrafu 1,

- l-importazzjonijiet tal-banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP għandha tkun bla ħsara għal imposta ta' 750 ECU fuq kull tunnellata metrika,

- l-importazzjoni tal-banana minn pajjiżi terzi għandha tkun bla ħsara għal impost ta' 850 ECU fuq kull tunnellata metrika.

3. Il-kwantitajiet tal-banana minn pajjiżi terzi u tal-banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP esportati mill-ġdid barra mill-Komunità għandhom ikunu bla ħsara għall-kwota riferita fil-paragrafu 1.

Artikolu 19

1. Il-kwota tat-tariffa għandha tinfetaħ mill-1 ta' Lulju 1993 għal

(a) 66,5 % għall-kategorija ta' l-operaturi li qiegħdu fis-suq il-banana minn pajjiżi terzi u/jew il-banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP;

(b) 30 % għall-kategorija ta' l-operaturi li qiegħdu fis-suq il-banana milll-Komunità u/jew il-banana tradizzjonali ta' l-AKP;

(ċ) 3,5 % għall-kategorija ta' l-operaturi stabbiliti fil-Komunità li jkunu bdew iqiegħdu fis-suq il-banana mhux tal-Komunità u/jew il-banana tradizzjonali ta' l-AKP mis-sena 1992.

L-opportunitajiet ta' l-importazzjoni skond il-(a) u l-(b) għandhom ikunu disponibbli lill-operaturi stabbiliti fil-Komunità li jkunu qiegħdu fis-suq f'isimhom kwantità minima ta' banana ta' l-oriġini msemmija hawn fuq, li trid tiġi stabbilita.

Il-kriterji supplimentari li jridu jintlaħqu mill-operaturi għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 27. L-Istati Membri għandhom ifasslu l-lista ta' l-importaturi u l-kwantità medja għal kull operatur riferit fil-paragrafu 2.

2. Fuq il-bażi ta' kalkoli separati għal kull waħda mill-kategoriji ta' l-operaturi riferiti fil-paragrafu 1 (a) u (b), kull operatur għandu jikseb il-liċenzja ta' l-importazzjoni fuq il-bażi tal-kwantitajiet medji tal-banana li jkun biegħ fit-tliet snin l-iktar reċenti li dwarhom ikunu disponibbli ċ-ċifri. Għall-kategorija ta' l-operaturi riferiti fil-paragrafu 1 (a), il-kwantitajiet li jridu jiġu kkunsidrati għandhom ikunu l-bejgħ tal-banana minn pajjiżi terzi u/jew tal-banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP. Fil-każ ta' l-operaturi riferiti fil-paragrafu 1(b), għandu jitqies il-bejgħ tal-banana tradizzjonali ta' l-AKP u/jew tal-banana mill-Komunità. Il-banana minn pajjiżi terzi jew il-banana mhux tradizzjonali ta' l-AKP importati fuq il-bażi tal-liċenzji maħruġa skond il-paragrafu 1 (b) ma għandhomx jitqiesu sabiex jiġu stabbiliti d-drittijiet li jridu jiġu stabbiliti skond il-paragrafu 1 (a), biex b'hekk l-allokazjoni inizjali tal-liċenzji bejn iż-żewġ kategoriji ta' operaturi tibqa' identika.

Għat-tieni nofs tas-sena 1993, għandha tinħareġ il-liċenzja lil kull operatur fuq il-bażi ta' nofs il-kwantità medja annwali mqiegħda fis-suq bejn is-sena 1989 u s-sena 1991.

3. Jekk il-volum ta' l-applikazzjonijiet minn operaturi ġodda jaqbeż il-kwantitajiet stabbiliti skond il-paragrafu 1 (ċ), kull applikazzjoni għandha titnaqqas b'perċentwali ekwivalenti.

Kull kwantità disponibbli għandha tiġi allokata mill-ġdid lill-operaturi riferiti fil-paragrafu 1(a) u (b) fuq il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-proċeduri riferiti fl-Artikolu 27.

4. Jekk il-kwota tat-tariffa tiġi mgħollija, il-kwantità disponibbli addizzjonali għandha tiġi allokata lill-importaturi fil-kategoriji riferiti fil-paragrafu 1 skond il-paragrafu preċedenti.

Artikolu 20

Il-Kumissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27, taddatta u taġġusta l-bilanċ tal-provvista prevista riferita fl-Artikolu 16.

Skond l-istess proċedura, il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati sabiex timplimenta dan it-Titolu. Dawn ir-regoli jistgħu jkopru b'mod partikolari:

- il-miżuri addizjonali li jirrigwardaw il-ħruġ tal-liċenzji, l-iskond tal-validità tagħhom, il-kondizzjonijiet li jirregolaw it-trasferibbiltà tagħhom u l-mekkaniżmu meħtieġ tal-garanziji; dawn ir-regoli jistgħu jinkludu wkoll li jiġi stabbilit perjodu taż-żmien ta' konsiderazzjoni mill-ġdid,

- il-frekwenza tal-ħruġ tal-liċenzji,

- il-kwantità minima tal-banana mqiegħda fis-suq riferita fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 19 (1).

Titolu V Disposizzjonijiet ġenerali

Artikolu 21

1. Għajr fejn ipprovdut xorta oħra f'dan ir-Regolament,

- l-impożizzjoni ta' kull imposta li jkollha effett ekwivalenti għal dazju tad-dwana,

- l-applikazzjoni ta' kull restrizzjoni kwantitativa jew miżura li jkollha effett ekwivalenti,

għandhom jiġu pprojbiti rigward l-importazzjoni tal-prodotti riferiti fl-Artikolu 1.

2. Il-kwota tat-tariffa stabbilita fil-Protokoll dwar il-kwota tat-tariffa għall-importazzjonijiet tal-banana annessa mal-Konvenzjoni ta' Implimentazzjoni dwar l-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi u t-Territorji Lil Hemm mill-Baħar ipprovduti fl-Artikolu 136 tat-Trattat ma għandhiex tibqa' fis-seħħ.

Artikolu 22

Ir-regoli ġenerali sabiex jiġu interpretati t-tariffa komuni tad-dwana u r-regoli partikolari sabiex din tiġi applikata għandhom japplikaw għall-klassifika tal-prodotti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament. In-nomenklatura tat-tariffa li tirriżulta mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tinsab fit-tariffa komuni tad-dwana.

Artikolu 23

1. Jekk, għar-raġuni ta' l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet, is-suq tal-Komunità f'wieħed jew aktar mill-prodotti mniżżla fil-lista fl-Artikolu 1, jew imhedda b'disturbi serji li jistgħu jipperikolaw l-għanijiet dikjarati fl-Artikolu 39 tat-Trattat, jistgħu jiġu applikati miżuri xierqa fil-kummerċ ma' pajjiżi terzi sakemm dawn id-disturbi jew dan it-thedid ta' disturbi jkunu waqfu.

2. Jekk tfeġġ is-sitwazzjoni riferita fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha, fuq it-talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha nfisha, tiddeċiedi dwar il-miżuri meħtieġa; il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri u għandhom japplikaw minnufih. Jekk il-Kummissjoni tirċievi talba minn Stat Membru, għandha tieħu deċizjoni dwarha fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mindu tkun irċviet it-talba.

3. Il-miżuri deċiżi mill-Kummissjoni jistgħu jiġu riferiti lill-Kunsill minn kull Stat Membru fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mindu jkunu ġew ikkomunikati. Il-Kunsill għandu jiltaqa' mingħajr dewmien. Jista', b'maġġoranza kkwalifikata, jemenda jew iħassar il-miżuri fil-kwistjoni.

4. L-arranġamenti sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Artikolu 24

Għajr fejn ipprovvdut xorta oħra f'dan ir-Regolament, l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat għandhom japplikaw għall-produzzjoni u l-kummerċ tal-prodotti riferiti fl-Artikolu 1.

Artikolu 25

1. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13 għandhom jikkostitwixxu intervent maħsub għalbiex jistabbilizza s-swieq agrikoli skond l-Artikolu 3 (1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta' April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [11].

2. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 6 u 10 għandhom ikunu ffinanzjati f'parti minnhom mit-Taqsima ta' Gwida tal-FAEGG.

3. Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, u b'mod partikolari d-definizzjoni tal-kondizzjonijiet li jridu jintlaħqu qabel ma tista' titħallas l-għajnuna finanzjarja mill-Komunità, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Artikolu 26

1. Għandu jiġi stabbilit Kumitat Maniġerjali tal-Banana (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-"Kumitat") li jikkonsisti mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ġewwa l-Kumitat il-voti ta' l-Istati Membri għandhom ikunu ppeżati skond l-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President ma jivvotax.

Artikolu 27

1. Fejn issir referenza għall-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu, il-President għandu jirreferi l-materja lill-Kumitat jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq dawn il-miżuri fi żmien li jrid jiġi stabbilit mill-President tal-Kumitat skond l-urġenza tal-kwistjonijiet f'konsiderazzjoni. Għandha tiġi adottata opinjoni stabbilita bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat.

3. Il-Kummissjoni għadha tadotta l-miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Madankollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, għandhom jiġu kkomunikati minnufih mill-Kummissjoni lill-Kunsill. F'dan il-każ, il-Kummissjoni tista' tiddiferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li hija tkun adottat għal aktar minn xahar mid-data ta' din il-komunikazzjoni.

Il-Kunsill, b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar.

Artikolu 28

Il-Kumitat jista' jikkunsidra kull kwistjoni oħra riferita lilu mill-President jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

Artikolu 29

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif li teħtieġ sabiex timplimenta dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu ma';

- il-miżuri meħuda sabiex jiġu applikati u kkontrollati standards komuni tal-kwalità,

- l-organizzazzjonijiet tal-produtturi,

- il-kontenut u l-implimentazzjoni tal-qafas tal-programmi reġjonali dwar il-banana,

- id-disposizzjonijiet għall-maniġġjar ta' l-għajnuna kompensatorja,

- il-listi ta' l-operaturi,

- l-informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-prezzijiet,

- il-kwantitajiet tal-banana tal-Komunità, dik tradizzjonali ta' l-AKP, dik mhux tradizzjonali ta' l-AKP u l-banana minn pajjiżi terzi mqiegħda fis-suq fit-territorju tagħhom,

- il-peviżjonijiet dwar il-produzzjoni u l-konsum fis-sena ta' wara.

Artikolu 30

Jekk ikunu meħtieġa miżuri speċifiċi wara Lulju 1993 sabiex jassistu t-transizzjoni mill-arranġamenti eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għal dawk stabbiliti b'dan ir-Regolament u, b'mod partikolari sabiex jegħlbu d-diffikultajiet ta' natura sensittiva, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri transitorji li tħoss li huma meħtieġa filwaqt li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

Artikolu 31

Fl-Artikolu 1 (1) tar-Regolament (KEE) Nru 1319/85:

1. It-tieni inċiż jiġi mibdul b'dan li ġej:

"— spezzjoni dwar il-konformità ma' l-istandards tal-kwalità, jew ċerti ħtiġiet ta' kwalità

(a) tal-prodotti mniżżla fil-lista fl-Anness II mar-Regolament (KEE) Nru 1035/72 li jiġu rtirati mis-suq skond l-Artikoli 15 u 15a jew mixtrija skond l-Artikoli 19 u 19a ta' dan ir-Regolament u

(b) il-prodotti fis-settur tal-banana koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 404/93 [12];"

2. Ir-raba' inċiż għandu jiġi mibdul bi:

"— il-verifika tar-reġistrazzjoni tal-prezzijiet riferiti fl-Artikoli 17 u 24 tar-Regolament (KEE) Nru 1035/72".

Artikolu 32

Mhux iktar tard mit-tmiem tat-tielet sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u f'kull każ meta jiġi rivedut l-introjtu ta' referenza b'rata uniformi riferit fl-Artikolu 12 (4), il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operat ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-rapport għandu jkun fih fost ħwejjeġ oħra analiżi ta' l-iżvilupp tal-kurrenti fis-suq tal-banana tal-Komunità, tal-pajjiżi terzi u ta' l-Istati AKP mill-implimentazzjoni ta' dawn l-arranġamenti. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat fejn meħtieġ bi proposti xierqa.

Il-Kummissjoni għandha terġa' tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta' Diċembru 2001 dwar l-operat ta' dan ir-Regolament u tagħmel proposti xierqa li jirrigwardaw l-arranġamenti l-ġodda sabiex japplikaw wara l-31 ta' Diċembru 2002.

Artikolu 33

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Lulju 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-13 ta' Frar 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Westh

[1] ĠU Nru C 232, ta’ l-10. 9. 1992, pġ. 3.

[2] ĠU Nru C 21, tal-25. 1. 1993.

[3] ĠU Nru C 19, tal-25. 1. 1993, pġ. 99.

[4] ĠU Nru L 137, tas-27. 5. 1985, pġ. 39.

[5] ĠU Nru L 118, ta’ l-20. 5. 1972, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 1754/92 (ĠU Nru L 180, ta’ l-1. 7. 1992, pġ. 23).

[6] ĠU Nru L 356, ta’ l-24. 12. 1991, pġ. 1.

[7] ĠU Nru L 173, tas-27. 6. 1992, pġ. 1.

[8] ĠU Nru L 173, tas-27. 6. 1992, pġ. 13.

[9] ĠU Nru L 185, tal-15. 7. 1988, pġ. 9.

[10] ĠU Nru L 374, tal-31. 12. 1988, pġ. 1.

[11] ĠU Nru L 94, tat-28. 4. 1970, pġ. 13. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2048/88 (ĠU Nru L 185, tal-15. 7. 1988, pġ. 1).

[12] ĠU Nru L 47, tal-25. 2. 1993, pġ. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-kwantitajiet tradizzjonali tal-banana mill-Istati AKP

tunnellati metriċi/użin nett |

Kosta ta' l-Avorju | 155000 |

Kamerun | 155000 |

Suriname | 38000 |

Somalia | 60000 |

Ġamajka | 105000 |

St Lucia | 127000 |

St Vincent u l-Grenadine | 82000 |

Dominica | 71000 |

Belize | 40000 |

Cape Verde | 4800 |

Grenada | 14000 |

Madagaskar | 5900 |

| 857700 |

--------------------------------------------------