31993L0104



Official Journal L 307 , 13/12/1993 P. 0018 - 0024


ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 93/104/KE

tat-23 ta' Novembru 1993

dwar xi aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u partikolarment l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni1,

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew2,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali3,

Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta' direttivi, ħtiġijiet minimi li jinkoraġġixxu it-titjib fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġi żgurat livell aħjar ta' protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem;

Billi, skond dak l-Artikolu, dawn id-direttivi għandhom jevitaw li jimponu irbit amministrattiv, finanzjaru u legali b'mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju.

Billi d-disposizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni tal-miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol4 huma applikabbli fl-intier għal oqsma koperti minn din id-direttiva, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet iktar stretti u/jew speċifiċi li hemm f'din;

Billi l-Karta Komunitarja tad-drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata mill-Kapijiet ta' l-Istat jew tal-Gvern tal-11-il Stat Membru, fil-laqgħa tagħhom tal-Kunsill Ewropew, miżmuma fis-Strasburgu fid-9 ta' Diċembru 1989 tiddikjara, partikolarment fil-punt 7, l-ewwel subparagrafu, u fil-punti 8 u 19, fl-ewwel subparagrafu tagħhom, li:

"7. Il-realizzazzjoni tas-suq intern għandha twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunitá Ewropea. Dan il-proċess għandu jirriżulta minn approssimazzjoni fil-progress ta' dawn il-kundizzjonijiet partikolarment għalli jirrigwarda d-dewmien u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-forom ta' impjieg barra minn dawk għal zmien indeterminat, bħal kuntratti b'terminu fiss, xogħol part-time, xogħol temporanju u xogħol staġjonali.

8. Kull ħaddiem fil-Komunitá Ewropea għandu jkollu dritt għal perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa u għall-leave annwali mħallas, li d-dewmien tiegħu ikun armonizzat progressivament permezz ta' prattiċi nazzjonali.

19. Kull ħaddiem għandu jgawdi minn kundizzjonijiet sodisfaċenti ta' saħħa u sigurtà fl-ambjent tax-xogħol tiegħu. Għandhom jittieħdu miżuri approprjati biex jiġu armonizzati iktar il-kundizzjonijiet f'dan il qasam waqt li jiġi mantnut it-titjib li jkun sar.";

Billi t-titjib fis-sigurtá, fl-iġjene u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol huwa objettiv li m' għandux ikun subordinat għal kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi;

Billi din id-Direttiva hija kuntribuzzjoni prattika lejn il-ħolqien tad-dimensjoni soċjali fis-suq intern;

Billi meta jiġu stabbiliti id-disposizzjonijiet minimi rigward l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, dan x'aktarx itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità;

Billi, biex jiġu żgurati s-saħħa u s-sigurtà fil-Komunitá tal-ħaddiema, huma għandu jkollhom perjodi minimi ta' mistrieħ - ta' kuljum, ta' kull ġimgħa u ta' kull sena - u ta' perjodi ta' pawża adegwati; u billi hu ukoll meħtieġ f'dan il-kuntest li jiġi previst ukoll limitu massimu għas-sigħat ta' xogħol kull ġimgħa;

Billi il-prinċipji ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għandhom ikunu kkunsidrati għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-organizzazzjoni tas-sigħat tax-xogħol, inklużi dawk relatati max-xogħol ta' bil-lejl;

Billi, għal dak li għandu x'jaqsam mal-perjodu ta' serħan ta' kull ġimgħa, jaqbel li jittieħed kont tad-diversità kulturali, etnika, reliġjuża u ta' tip ieħor fl-Istati Membri; billi, finalment, id-deċiżjoni jekk il-Ħadd għandux ikun inkluż fil-perjodu tas-serħan ta' kull ġimgħa għandha tittieħed minn kull Stat Membru, u jekk tittieħed, sa liema limitu;

Billi r-riċerka uriet li l-organiżmu tal-bniedem huwa aktar sensittiv bil-lejl għad-disturbi ambjentali u ukoll li ċerti forom ta' organizzazzjoni tax-xogħol li huma ta' ħsara, u illi perjodi twal ta' xogħol bil-lejl jistghu jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-ħaddiem u dan jipperikola s-sigurtà fuq ix-xogħol;

Billi hemm il-bżonn li jiġi limitat id-dewmien tal-perjodu tax-xogħol bil-lejl, inkluż l-overtime, u li jiġi provdut illi min iħaddem regolarment ħaddiema bil-lejl iwassal din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti li jitolbu dan;

Billi huwa importanti li ħaddiema ta' bil-lejl ikunu intitolati għal eżami tas-saħħa bla ħlas qabel ma jkunu impjegati u wara, f'intervalli regolari u li meta jkun possibbli, ikunu trasferiti għal xogħol tul il-ġurnata li jkun jgħodd għalihom jekk ikunu jbatu minn problemi tas-saħħa;

Billi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta' bil-lejl u dawk tax-shift tirrekjedi li l-livell tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa jkun adattat għan-natura tax-xogħol tagħhom u li l-organizzazzjoni u il-funzjoni tas-servizzi u r-riżorsi ta' protezzjoni u prevenzjoni ikunu effiċjenti;

Billi kundizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol jistgħu ikollhom effett detrimentali fuq is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, billi l-organizzazzjoni tax-xogħol fuq ċertu ritmu għandha tikkonsidra il-prinċipju ġenerali ta' addattament tax-xogħol għal ħaddiem,

Billi, jista' jkun neċessarju li jiġu adottati miżuri separati għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol f'ċerti setturi jew attivitajiet li huma esklużi mill-iskop ta' din id-Direttiva minħabba n-natura speċifika tax-xogħol ikkonċernat;

Billi, minħabba li hemm ċans li titqajjem il-kwistjoni dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol f'intrapriża, u jidher meħtieġ tkun provduta l-flessibilità fl-applikazzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva, waqt li tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

Billi jeħtieġ li jiġi provdut li ċerti disposizzjonijiet ikunu suġġetti għal derogi li jsiru,skond il-każ, mill-Istati Membri jew l-imsieħba soċjali; billi, fil-każ ta' deroga, il-ħaddiema ikkonċernati jingħataw perjodi ta' mistrieħ kumpensatorji,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA I

QASAM TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZJONIJIET

L-Artikolu 1

Skop u qasam ta' applikazzjoni

1. Din id-Direttiva tiffissa rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fl-organizzazzazjoni tal-ħin tax-xogħol.

2. Din id-Direttiva tapplika għal:

(a) perjodi minimi ta' serħan ta' kuljum, serħan ta' kull ġimgħa u leave annwali, għal pawża u ħin massimu ta' xogħol f'ġimgħa; u

(b) ċerti aspetti ta' xogħol ta' bil-lejl, xogħol tax-shift u ritmi tax-xogħol.

3. Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta' attività, kemm pubblika kif ukoll privata, fil-limitu tat-tifsira ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva, bl-eċċezjoni tat-trasport bl-ajru, bil-ferrovija, fit-triq, bil-baħar, bil-kanali interni u fil-lagi, sajd fil-baħar, xogħol ieħor fuq il-baħar u l-attivitajiet ta' tobba waqt li qed jitħarrġu;

4. Id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 89/391/KEE għandhom ikunu applikabbli fl-intier tagħhom għall-oqsma imsemmija fil-paragrafu 2, mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet iktar stretti u/jew speċifiċi li jinsabu f'din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. ħin tax-xogħol tfisser kull perjodu li l-ħaddiem ikun qed jaħdem, għad-disposizzjoni ta' min iħaddem, qed iwettaq l-attivitajiet tiegħu u d-dmirijiet li jtih, skond il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali;

2. perjodu ta' serħan tfisser kull ħin li matulu ma jsirx xogħol;

3. ħin ta' bil-lejl għandha tfisser kull perjodu ta' mhux inqas minn seba' sigħat, kif definit mil-liġi nazzjonali, u li għandu jinkludi f'kull każ il-perjodu bejn nofs il-lejl u il-5 ta' filgħodu;

4. ħaddiem ta' bil-lejl għandha tfisser:

(a) min-naħa waħda, kull ħaddiem, li, tul il-ħin ta' bil-lejl, jaħdem għallinqas tliet sigħat tal-ġurnata tax-xogħol tiegħu bħala ħidma normali; u

(b) min-naħa l-oħra, kull ħaddiem li hemm ċans li jaħdem tul il-lejl biex jaħdem ċertu proporzjon tal-ħin tax-xogħol annwali, kif definit fuq l-għażla tal-Istat Membru konċernat:

(i) bil-leġislazzjoni nazzjonali, wara konsultazzjoni maż-żewġ oqsma ta' l-industrija; jew

(ii) bi ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn żewġ oqsma ta' l-industrija f'livell nazzjonali jew reġjonali;

5. xogħol ta' shift għandha tfisser kwalunkwe metodu ta' organizzazzjoni tax-xogħol fix-shift fejn ħaddiema jieħdu xogħol xulxin fl-istess stazzjon ta' xogħol skond ċertu ritmu, inkluż ritmu ta' rotazzjoni, u li jista' jkun kontinwu jew mhux kontinwu, filwaqt li tinkludi il-ħtieġa li l-ħaddiema jaħdmu f'ħinijiet differenti fuq perjodu mogħti ta' ġranet jew ġimgħat;

6. ħaddiem tax-shift għandha tfisser kull ħaddiem li l-iskeda tax-xogħol tkun parti tax-xogħol ta' shift.

IT-TAQSIMA II

PERJODU TA' SERĦAN MINIMU ASPETTI OĦRA TA' L-ORGANIZAZZJONI TAL-ĦIN TAX-XOGĦOL

L-Artikolu 3

Serħan tal-ġurnata

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta' serħan fil-ġurnata ta' 11-il siegħa konsekuttiva kull 24 siegħa.

L-Artikolu 4

Pawżi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, meta il-ġurnata tax-xogħol hija itwal minn sitt sigħat, kull ħaddiem huwa intitolat għal pawża ta' serħan, li d-dettalji tagħha, li jinkludu dewmien u termini għal liema hija mogħtija, għandhom ikunu stipulati fi ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ oqsma ta' l-industrija jew inkella mil-liġijiet nazzjonali.

L-Artikolu 5

Perjodu ta' serħan tal-ġimgħa

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw illi, għal kull perjodu ta' sebat ijiem, kull ħaddiem huwa intitolat għal perjodu minimu ta' serħan mhux interrott ta' 24 siegħa minbarra l-11-il siegħa ta' serħan kuljum li għalihom jirreferi l-Artikolu 3.

Il-perjodu minimu ta' serħan imsemmi fl-ewwel sottoparagrafu għandu inprinċipju jinkludi l-Ħadd.

0Jekk kundizzjonijiet oġġettivi, tekniċi jew ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol jiġġustifikawh, perjodu minimu ta' serħan ta' 24 siegħa jista' jkun applikat.

L-Artikolu 6

Ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, b'konformità mal-ħtieġa li tiġi protetta s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

1. il-perjodu ta' ħin ta' xogħol huwa limitat permezz ta' liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta' ftehim kollettiv jew bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija;

2. il-medja ta' ħin maħdum għal kull perjodu ta' sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma taqbiżx it-48 siegħa.

L-Artikolu 7

Leave annwali

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali mħallas għall-anqas għal erba' ġimgħat bi qbil mal-kundizzjonijiet tal-intitolament għal, u l-għotja ta', dan il-leave stipulat mil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika.

2. Il-perjodu minimu tal-leave annwali mħallas ma' jistax ikun mibdul b'benefiċċju in lieu, sakemm ir-relazzjoni tax-xogħol ma tkunx terminata.

IT-TAQSIMA III

XOGĦOL TA' BIL-LEJL XOGĦOL TA'SHIFT MUDELLI TAX-XOGĦOL

L-Artikolu 8

Dewmien ta' xogħol ta' bil-lejl

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw illi:

1. is-sigħat normali tax-xogħol għall-ħaddiema ta' bil-lejl ma jaqbżux il-medja ta' tmien sigħat f'kull perjodu ta' 24 siegħa;

2. ħaddiema ta' bil-lejl li xogħolhom jinvolvi periklu speċjali jew strapazz kbir fiżiku jew mentali ma jaħdmux aktar minn tmien sigħat f'kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa li fih jaħdmu xogħol ta' bil-lejl.

Għall-għanijiet imsemmija aktar qabel, ix-xogħol li jinvolvi periklu speċjali jew strapazz kbir fiżiku jew mentali għandu jkun definit mil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ partijiet ta' l-industrija, tenut kont ta' l-effetti speċifiċi u l-periklu tax-xogħol ta' bil-lejl.

L-Artikolu 9

Stima tas-saħħa u trasferiment ta' ħaddiema ta' bil-lejl għal xogħol tal-ġurnata

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw illi:

(a) il-ħaddiema ta' bil-lejl huma intitolati għal stima tas-saħħa bla ħlas qabel ma jiġu impjegati u wara f'intervalli regolari;

(b) ħaddiema ta' bil-lejl li jkunu qed isoffru minn problemi tas-saħħa li jkunu relatati max-xogħol li qed jaħdmu bil-lejl ikunu trasferiti meta jkun possibbli għal xogħol matul il-ġurnata li jkun tajjeb għalihom.

2. L-istima tas-saħħa bla ħlas li għaliha jirreferi il-paragrafu 1 (a) għandha tikkonforma mal-kunfidenzjalità medika

3. L-istima tas-saħħa bla ħlas li għaliha jirreferi il-paragrafu 1 (a) tista' tiġi magħmula fi ħdan is-sistema nazzjonali tas-saħħa.

L-Artikolu 10

Garanziji għall-ħaddiema ta' bil-lejl

L-Istati Membri jistu jissoġġettaw ix-xogħol ta' ċerti kategoriji tal-ħaddiema ta' bil-lejl għal ċerti garanziji, taħt kundizzjonijiet imniżżla mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew prattika, fil-każ ta' ħaddiema li jistgħu jidħlu f'riskji għas-sigurtà u s-saħħa relatati mal-ħidma ta' bil-lejl.

L-Artikolu 11

Notifikazzjoni ta' użu regolari ta' ħaddiema ta' bil-lejl

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li min iħaddem u li jagħmel użu regolari minn ħaddiema ta' bil-lejl iġib din l-informazzjoni għall-attenzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, jekk dawn jitolbu hekk.

L-Artikolu 12

Protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċċessarji sabiex jiżguraw illi:

1. ħaddiema ta' bil-lejl u ħaddiema tax-shift ikollhom il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa xierqa għan-natura tax-xogħol tagħhom;

2. servizzi u faċilitajiet xierqa għall-protezzjoni u l-prevenzjoni għal dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ta' bil-lejl u ħaddiema tax-shift huma ekwivalenti għal dawk applikabbli għall-ħaddiema l-oħra u huma disponibbli l-ħin kollu.

L-Artikolu 13

Il-mudell tax-xogħol

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li min iħaddem u li għandu l-intenzjoni jorganizza xogħol skond ċertu mudell jieħu inkonsiderazzjoni l-prinċipji ġenerali li x-xogħol ikun adattat għall-ħaddiem, bil-ħsieb li, b'mod partikolari, itaffu x-xogħol monotonu u xogħol b'rata ta' xogħol pre-determinata, skond it-tip ta' attività, u l-ħtiġijiet tas-sigurtà u s-saħħa, speċjalment rigward kull pawża waqt il-ħin tax-xogħol.

IT-TAQSIMA IV

PROVIŻJONIJIET MIXXELLANJI

L-Artikolu 14

Disposizzjonijiet tal-Komunità aktar speċifiċi

Id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jistgħu ma japplikawx fejn strumenti oħra tal-Komunità fihom aktar ħtiġijiet speċifiċi li jikkonċernaw ċerti okkupazzjonijiet u attivitajiet ta' xogħol.

L-Artikolu 15

Disposizzjonijiet aktar favorevoli

Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa id-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrativi aktar favorevoli għall- protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew li jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehim kollettiv jew ta' ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija li huma aktar favorevoli għall- protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

L-Artikolu 16

Perjodi ta' Referenza

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw:

1. għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 (perjodu ta' mistrieħ fil-ġimgħa), perjodu ta' referenza ta' mhux aktar minn 14-il ġurnata;

2. għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 6 (ħin massimu ta' xogħol fil-ġimgħa), perjodu ta' referenza ta' mhux aktar minn erba' xhur.

Il-perjodi ta' leave annwali mħallas, mogħti bi qbil ma' l-Artikolu 7, u l-perjodi tal-leave tal-mard ma għandhomx ikunu inklużi jew għandhom ikunu newtrali fil-kalkulazzjoni tal-medja;

3. għall- applikazzjoni ta' l-Artikolu 8 (dewmien ta' xogħol ta' bil-lejl), perjodu ta' referenza definit wara konsultazzjoni maż-żewġ naħat ta' l-indusrija jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konkluż bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Jekk il-perjodu minimu ta' 24 siegħa ta' serħan meħtieġ mill-Artikolu 5 jaqa' taħt dak il-perjodu ta' referenza, m'għandux jingħadd fil-kalkulazzjoni tal-medja.

L-Artikolu 17

Derogi

1. Tenut kont xieraq tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill- Artikoli 3, 4, 5, 6, 8 jew 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta' l-attività konċernata, d-dewmien tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew pre-determinat jew jista' jkun determinat mill-ħaddiema infushom, u b'mod partikolari fil-każ ta' :

(a) eżekuttivi maniġerjali jew persuni oħra bis-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet awtonomi;

(b) ħaddiema tal-familja; jew

(ċ) ħaddiema li jiffunzjonaw f'ċerimonji reliġjużi fil-knejjes u f'komunitajiet reliġjużi.

2. Jistgħu ikunu adottati derogi permezz ta' liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta' ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-indusrija sakemm il-ħaddiema konċernati jingħataw perjodi xierqa ta' mistrieħ b'kumpens jew li, f'każijiet ta' eċċezzjoni fejn mhux possibbli, għal raġunijiet oġġettivi, jagħtu perjodi ekwivalenti ta' serħan b'kumpens, u li l-ħaddiema konċernati huma mogħtija protezzjoni xierqa:

2.1. mill- Artikolu 3, 4, 5, 8 u 16:

(a) f'każ ta' attivitajiet fejn il-post tax-xogħol tal-ħaddiem u l-post tiegħu tar-residenża huma l bogħod minn xulxin u fejn il-postijiet tax-xogħol ta' ħaddiem huma l bogħod minn xulxin;

(b) f'każ ta' l-attivitajiet ta' sigurtà u sorveljanza li jeħtieġu presenza permanenti bil-għan li jiġu protetti l-propjetà jew il-persuni, b'mod partikolari l-gwardji tas-sigurtà u gwardjani u ditti tas-sigurtà;

(ċ) f'każ ta' attivitajiet li jinvolvu il-bżonn tal-kontinwità tas-servizz jew tal-produzzjoni, partikolarment:

(i) servizzi relatati ma' l-ilqugħ, it-trattament u/jew il-kura provduti mill-isptarijiet u stabbilimenti simili, instituzzjonijiet residenzjali u ħabsijiet;

(ii) ħaddiema tal-portijiet jew tal-ajruporti;

(iii) l-istampa, ir-radju, it-televiżjoni, il-produzzjoni ċinematografika, is-servizzi postali u tat-telekommunikazzjoni, l-ambulanzi, is-servizzi tal-protezzjoni kontra n-nar u tal-protezzjoni ċivili;

(iv) gass, produzzjoni ta' l-ilma u tad-dawl, trasmissjoni u distribuzzjoni, ġbir ta' skart domestiku u impjanti ta' inċinerazzjoni;

(v) industriji li fihom ix-xogħol ma jistax jitwaqqaf għal raġunijiet tekniċi;

(vi) attivitajiet ta' riċerka u żvilupp;

(vii) l-agrikultura;

(d) fejn hemm żjieda f'daqqa prevista ta' attività, partikolarment fi:

(i) l-agrikultura;

(ii) it-turiżmu;

(iii) is-servizzi postali;

2.2. mill- Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16:

(a) fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 5 4) tad-Direttiva 89/391/KEE;

(b) fil-każ ta' inċidenti jew riskju imminenti ta' inċidenti;

2.3. mill- Artikoli 3 u 5:

(a) f'każ ta' attivitajiet ta' xogħol bix-shift, kull darba li l-ħaddiem jibdel ix-shift u ma jkunx jista' jieħu l-perjodu tal-mistrieħ tal-ġurnata u/jew tal-ġimgħa ta' bejn it-tmiem tax- shift u l-bidu ta' l-ieħor;

(b) f'każ ta' attivitajiet li jinvolvu perjodi ta' xogħol imqassma tul il-ġurnata, partikolarment dawk tal-ħaddiema ta' l-indafa.

3. Jistgħu isiru derogi mill-Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew, b'konformità mar-regoli stipulati minnhom, permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fl-livell aktar baxx.

Fl-Istati Membri fejn ma hemmx sistema statutorja li tiżgura il-ftehim kollettiv jew il-ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta' l-indusrija fil-livell nazzjonali jew reġjonali, fuq il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt din id-Direttiva, jew f'dawk l-Istati Membri fejn hemm qafas ta' leġislazzjoni speċifiku għal dan l-għan u fil-limiti tagħha, jistgħu, bi qbil mal-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, iħallu derogi mill- Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16 permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija fil-livell xieraq kollettiv.

Id-derogi provduti fl-ewwel u t-tieni sottoparagrafu għandhom ikunu permessi bil-kundizzjoni li perjodi ta' serħan b'kumpens ekwivalenti jingħataw lill- ħaddiema konċernati jew, f'każi ta' eċċezzjoni fejn mhux possibbli għal raġunijiet oġġettivi li jiggarantixxu dawn il-perjodi, il-ħaddiema konċernati jingħataw protezzjoni xierqa.

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw regoli:

għall- applikazzjoni ta' dan il-paragrafu miż-żewġ naħat ta' l-industrija, u

għall-estensjoni tad-disposizzjonijiet tal-ftehim kollettiv jew tal-ftehim milħuq b'konformità ma' dan il-paragrafu lil ħaddiema oħra bi qbil mal-legislazzjoni u/jew prattika nazzjonali.

4. L-għażla tad-deroga mill-punt 2 ta' l-Artikolu 16, provdut fil-paragrafu 2, il-punti 2.1. u 2.2. u fil-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu, ma tistax tirriżulta fi twaqqif ta' perjodu ta' referenza li jaqbeż is-sitt xhur.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom l-għażla, sakemm hija konformi mal-prinċipji ġenerali rigward il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, li jħallu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew għal raġunijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-organizzazzjoni tax-xogħol, sabiex bi ftehim kollettiv jew bi ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija jagħmlu perjodi ta' referenza li ma' jaqbżux it-12-il xahar.

Qabel jiskadi l-perjodu ta' seba' snin mid-data riferita fl-Artikolu 18(1)(a), il-Kunsill għandu, fuq bażi tal-proposta tal-Kummissjoni akkumpanjata minn rapport ta' stima, jerġa' jeżamina d-disposizzjonijiet ta' dan il-paragrafu u jiddeċċiedi x'azzjonijiet għandu jieħu.

L-Artikolu 18

Disposizzjonijiet finali

1. (a) L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sat-23 ta' Novembru 1996, jew għandhom jiżguraw li sa din id-data iż-żewġ naħat ta' l-industrija jwaqqfu l-miżuri meħtieġa bi ftehim, filwaqt li l-Istati Membri jkollhom l-obbligu li jieħdu kull pass neċessarju li jgħinhom biex jiggarantixxu f'kull ħin li d-disposizzjonijiet preskritti b'din id-Direttiva huma mħarsa.

(b) (i) Madankollu, Stat Membru għandu jkollu l-għażla li ma japplikax l-Artikolu 6, waqt li jirrispetta il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, sakemm jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li:

l-ebda persuna li tħaddem ma teħtieġx li ħaddiem jaħdem aktar minn 48 siegħa fuq perjodu ta' sebat ijiem, maħdum bħala medja għal perjodu ta' referenza imsemmi fil-punt 2 ta' l-Artikolu 16, jekk ma jkunx qabel kiseb il-kunsens tal-ħaddiem li jagħmel dan ix-xogħol,

l-ebda ħaddiem ma hu suġġett għal kull detriment minn min iħaddmu għar-raġuni li ma jridx jagħti l-kunsens tiegħu biex jagħmel dan ix-xogħol,

min iħaddem iżomm reġistru kurrenti tal-ħaddiema kollha li jagħmlu dan ix-xogħol,

ir-reġistru jkun disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet konnessi mas-sigurtà u/jew is-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jillimitaw il-possibilità li jinqabżu s-sigħat massimi tax-xogħol fil-ġimgħa,

min iħaddem jipprovdi lill- awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom b'informazzjoni dwar każijiet fejn ingħata l-kunsens mill-ħaddiema biex jagħmlu xogħol li jaqbeż it-48 siegħa fuq perjodu ta' sebat ijiem, maħduma bħala medja għal perjodu msemmi fil-punt 2 ta' l-Artikolu 16.

Qabel jiskadi l-perjodu ta' seba' snin mid-data msemmija f' (a), il-Kunsill għandu, fuq il-bażi tal-proposta tal-Kummissjoni akkumpanjata minn rapport ta' stima, jerġa' jeżamina id-disposizzjonijiet ta' dan il-punt (i) u jiddeċiedi x'azzjonijiet għandu jieħu.

(ii) Bl-istess mod, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla, rigward l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7, li jużaw perjodu transitorju ta' mhux aktar minn tliet snin mid-data msemmija f' (a) sakemm matul dak il-perjodu transitorju:

kull ħaddiem jirċievi tliet ġimgħat leave annwali mħallas bi qbil mal-kundizzjonijiet għall-intitolament ta', u l-għotja ta', dan il-leave kif stipulati mil-legislazzjoni u/jew prattika nazzjonali, u

il-perjodu ta' tliet ġimgħat tal-leave annwali mħallas ma jistax jinbidel b'benefiċċju in lieu, minbarra fejn ir-relazzjoni tax-xogħol tkun intemmet.

(ċ) L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom minnufih.

2. Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

3. Bla ħsara għad-drittijiet tal-Istati Membri li jiżviluppaw, minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi, disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew kuntrattwali fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, sakemm il-ħtiġijiet minimi li għalihom tipprovdi din id-Direttiva huma mħarsa, l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma' għandhiex tikkonstitwixxi raġunijiet validi biex jitnaqqas il-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lil ħaddiema.

4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma diġa' adottaw jew ser jadottaw fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

5. L-Istati Membri għandhom jirraportaw lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni prattika tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva, filwaqt li jagħtu l-opinjoni taż-żewġ naħat ta' l-industrija.

Il-Kummissjoni għandha tinforma biha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Protezzjoni tas-Sigurtà, l-Iġjene u s-Saħħa fuq ix-Xogħol.

6. Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva tenut kont tal- paragrafi 1, 2, 3, 4 u 5.

L-Artikolu 19

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Novembru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

M. SMET

1) ĠU C 254, tad-9.10.1990, p. 4.

2) ĠU C 72, tat-18.3.1991, p. 95 ; u d-Deċiżjoni tas-27 ta' Ottubru 1993 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

3) ĠU C 60, tat-8.3.1991, p. 26.

4) ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.