31993L0096



Official Journal L 317 , 18/12/1993 P. 0059 - 0060


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/96/KEE

tad-29 ta’ Ottubru 1993

dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikulari t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1];

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat jistipula li l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu, kif stipulat fit-Trattat, l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni;

Billi l-Artikolu 8a tat-Trattat jistipula li s-suq intern għandu jkun stabbilit sal-31 ta’ Diċembru 1992; billi s-suq intern jinvolvi żona mingħajr fruntieri interni li fiha jkun assigurat il-moviment liberu tal-merkanzija, il-persuni, is-servizzi u l-kapital skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

Billi, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 128 u 7 tat-Trattat jipprojbixxu kull diskriminazzjoni bejn ċittadini ta’ l-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali fil-Komunità; billi l-aċċess minn ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri għat-taħriġ vokazzjonali fi Stat Membru ieħor jimplika, għall-dik il-persuna, dritt ta’ residenza f’dak l-Istat Membru l-ieħor;

Billi, konsegwentement, sabiex jiġi ggarantit l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li x’aktarx jiffaċilitaw l-eżerċitar effettiv ta’ dak id-dritt ta’ residenza;

Billi d-dritt ta’ residenza għall-istudenti jifforma parti minn sett ta’ miżuri relatati, intiżi sabiex jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali;

Billi l-benefiċjarji tad-dritt ta’ residenza m’għandhomx isiru piż mhux raġonevoli fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti;

Billi, fl-istat preżenti tal-liġi Komunitarja, kif stabbilita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-assistenza mogħtija lill-istudenti, ma’ taqax fl-ambitu tat-Trattat fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 7 tiegħu;

Billi d-dritt ta’ residenza jista’ biss jiġi ġenwinament eżerċitat jekk jingħata wkoll lill-konjugi u l-ulied dipendenti tagħhom;

Billi l-benefiċjari ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu koperti minn arranġamenti amministrattivi simili għal dawk stabbiliti b’mod partikulari fid-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar l-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet dwar il-moviment u r-residenza fil-Komunità għall-ħaddiema ta’ l-Istati Membri u l-familji tagħhom [4] u d-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni tal-miżuri speċjali li jikkonċernaw il-moviment u r-residenza tal-persuni ta’ nazzjonalità barranija li jkunu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ strateġija pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa publika [5];

Billi din id-Direttiva ma tapplikax għall-istudenti li jgawdu d-dritt ta’ residenza permezz tal-fatt li huma jkunu jew kienu effettivament imdaħħla f’attivitajiet ekonomiċi jew ikunu membri tal-familja ta’ ħaddiem emigrant;

Billi, permezz tas-sentenza tagħha tas-7 ta’ Lulju 1992 fil-Każ C-295/90, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-Direttiva tal-Kunsill 90/366/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar id-dritt ta’ residenza għall-istudenti [6], filwaqt li żżomm l-effetti tad-Direttiva annullata sad-dħul fis-seħħ ta’ direttiva adottata fuq bażi legali xierqa;

Billi l-effetti tad-Direttiva 90/366/KEE għandhom jinżammu matul il-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 1993, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-dritt tar-residenza u bil-ħsieb li jigi ggarantit l-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali b’mod mhux diskriminatorju għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkun ġie aċċettat sabiex jattendi kors ta’ taħriġ vokazzjonali fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu d-dritt tar-residenza għal kull student li jkun ċittadin ta’ Stat Membru u li ma jgawdix dak id-dritt taħt dispożizzjonijiet l-oħra tal-liġi Komunitarja, u għall-konjugi ta’ l-istudent u t-tfal dipendenti tagħhom, meta l-istudent jassigura lill-awtorità nazzjonali rilevanti, permezz ta’ dikjarazzjoni jew bill-mezzi alternattivi li l-istudent jagħżel li jkunu mill-anqas ekwivalenti, li jkollu biżżejjed risorsi sabiex jevita li jsir piż fuq is-sistema ta’ l-assistenza soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ residenza tagħhom, dment li l-istudent ikun irreġistrat fi stabbiliment edukattiv rikonoxxut għall-fini prinċipali li jsegwi kors ta’ taħriġ vokazzjonali hemmekk u li jkun kopert minn assigurazzjoni fuq il-mard fir-rigward tar-riskji kollha fl-Istat Membru ospitanti.

L-Artikolu 2

1. Id-dritt ta’ residenza għandu jiġi ristrett għat-tul tal-kors ta’ studji f’dak il-każ.

Id-dritt ta’ residenza għandu jkun muri permezz tal-ħruġ ta’ dokument magħruf bħala "permess ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità", li l-validità tiegħu tista’ tkun illimitata għat-tul tal-kors ta’ studju jew għal sena meta l-kors ikun itwal; f’dan il-każ ta’ l-aħħar għandu jkun imġedded ta’ kull sena. Meta membru tal-familja ma jkollux in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, hu jew hi għandu jinħariġlu dokumkent ta’ residenza ta’ l-istess validità ta’ dak maħruġ liċ-ċittadin li fuqu huwa jew hija jiddependi.

Għall-fini tal-ħruġ ta’ permess jew dokument ta’ residenza, l-Istat Membru jista’ jirrikjedi li l-applikant jippreżenta karta ta’ l-identità valida jew passaport u jipprovdi prova li huwa jew hija jilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1.

2. L-Artikoli 2, 3 u 9 tad-Direttiva 68/360/KEE għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-benefiċjarji ta’ din id-Direttiva.

Il-konjuġi u l-ulied dipendenti ta’ ċittadin ta’ Stat Membru intitolat għad-dritt ta’ residenza fi ħdan it-territorju ta’ Stat Membru għandu jkun intitolat li jieħu kull impieg jew attività awtonoma kullimkien fi ħdan it-territorju ta’ dak l-Istat Membru, anki jekk ma jkunux persuni ta’ nazzjonalità ta’ dak l-Istat Membru.

L-Istati Membri m’għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ strateġija publika, is-sigurtà publika jew is-saħħa publika; f’dak il-każ, l-Artikoli 2 u 9 tad-Direttiva 64/221/KEE għandhom japplikaw.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva ma tistabbilixxi l-ebda intitolament għall-ħlas ta’ għotjiet ta’ manteniment mill-Istati Membri lill-istudenti li jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza.

L-Artikolu 4

Id-dritt ta’ residenza għandu jibqa’ sakemm il-benefiċjarji ta’ dak id-dritt jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar minn tliet snin wara d-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, u f’intervalli ta’ tliet snin minn hemm’ il quddiem, tħejji rapport dwar l-applikar ta’ din id-Direttiva u tissottomettih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikulari għal kull diffikultà li l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu tista’ toħloq fl-Istati Membri; hija għandha, jekk ikun xieraq, tippreżenta proposti lill-Kunsill bil-għan li jinstab rimedju għall-dawn id-diffikultajiet.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1993. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Għall-perjodu ta’ qabel dik id-data, l-effetti tad-Direttiva 90/366/KEE għandhom jinżammu.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif isiru dawn ir-referenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta’ Ottubru 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Urbain

[1] ĠU C 166, tas-17.6.1993. p. 16.

[2] ĠU C 255, ta’ l-20.9.1993, p. 70 u ĠU C 315, tat-22.11.1993.

[3] ĠU C 304, ta’ l-10.11.1993, p. 1.

[4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 13. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1985.

[5] ĠU 56, ta’ l- 4.4.1964, p. 850/64.

[6] ĠU L 180, tat-13.7.1990, p. 30.

--------------------------------------------------