31993D0510



Official Journal L 238 , 23/09/1993 P. 0045 - 0045
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 52 P. 0158
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 52 P. 0158


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-21 ta’ Settembru 1993

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/197/KEE dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni ta’ equidae reġistrati u equidae għat-tnissil u l-produzzjoni

(93/510/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/426/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni ta’ l-equidae minn pajjiżi terzi [1], kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 92/36/KEE [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 15(a) u l-Artikolu 16 tagħha,

Billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 93/197/KEE [3] tistabbilixxi l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali u ċ-ċertifikazzjoni veterinarja għall-importazzjoni ta’ l-equidae reġistrati u l-equidae għat-tnissil u l-produzzjoni;

Billi, skond din id-deċiżjoni, l-equidae f’dan il-każ jistgħu jiġu impurtati fil-Komunità biss jekk kienu residenti matul perjodu speċifikat fi stabbilimenti taħt superviżjoni fil-pajjiż terz minn fejn ikunu telqu; billi nstabu diffikultajiet fil-prattika minħabba li dan il-perjodu kollu għandu jkun mgħoddi fil-pajjiż terz minn fejn ikunu telqu;

Billi għandu jiġi speċifikat li m’hemmx bżonn li l-perjodu kollu jitqatta’ fil-pajjiz terz minn fejn ikunu telqu jekk l-equidae jkunu ġew impurtati direttament mil-Komunità; billi, għalhekk, hemm bżonn li tkun emendata d-Deċiżjoni 93/197/KEE;

Billi l-miżuri li hemm provediment dwarhom f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Deċiżjoni 93/197/KEE huwa hawnhekk emendat kif ġej:

fil-punt (d) tas-Sezzjoni III taċ-Ċertifikati A, B, C, D u E, it-test fil-parentesi huwa mibdul permezz ta’ ‘jew sa mit-twelid jekk l-annimal jkun ta’ anqas minn tlett xhur jew sa mit-twelid jew sa mid-dħul jekk kien ġie impurtat direttament mill-Komunità matul it-tlett xhur preċedenti’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Settembru 1993.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kumissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 42.

[2] ĠU L 157, ta’ l-10.6.1992, p. 28.

[3] ĠU L 86, tas-6.4.1993, p. 16.

--------------------------------------------------