31992R3949



Official Journal L 404 , 31/12/1992 P. 0007 - 0009
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 23 P. 0261
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 23 P. 0261


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KEE) Nru 3949/92

ta' l-21 ta' Diċembru 1992

dwar l-organizzazzjoni ta' stħarriġ dwar l-ispejjeż tax-xogħol fl-industrija u s-settur tas-servizzi

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 213 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi, sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha bit-Trattat, b'mod partikolari dawk iddikjarati fl-Artikoli 2, 3, 117, 118, 122 u 123 tiegħu, il-Kummissjoni għandha tinżamm imgħarrfa bil-ispejjeż tax-xogħol u bid-dħul tal-ħaddiema fl-Istati Membri;

Billi t-tagħrif statistiku disponibbli f'kull Stat Membri ma jipprovdix bażi valida sabiex jiġu pparagunati, b'mod partikolari minħabba d-differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u l-prattiċi amministrattivi ta' l-Istati Membri, u billi l-istħarriġ għandu għalhekk jitwettaq u r-riżultati jiġu pproċessati fuq il-bażi ta' definizzjonijiet u metodi uniformi;

Billi l-aħjar metodu sabiex jiġu stmati l-livell, il-komposizzjoni u x-xejriet kemm ta' l-ispejjeż tax-xogħol u ta' l-introjtu tal-ħaddiema huwa li jitwettqu stħarriġiet speċifiċi, kif sar dan l-aħħar ħafna sabiex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/88 tad-9 ta' Ġunju 1988 li kellu x'jaqsam ma' l-organizzazzjoni ta' l-ispejjeż tax-xogħol fl-industrija, il-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut, il-banek u l-assigurazzjoni ([1]), fuq il-bażi ta' l-informazzjoni dwar il-kontabilità li kellha x'taqsam mas-sena 1988;

Billi, minħabba l-bidliet maġġuri fil-livell u l-istruttura ta' l-ispejjeż mill-impriżi fuq il-pagi u l-kontribuzzjonijiet li għandhom x'jaqsmu magħhom minn min iħaddem, irid jitwettaq stħarriġ ġdid ibbażat fuq l-informazzjoni dwar il-kontabilità għas-sena 1992 fl-industrija, il-kummerċ, il-banek u l-assigurazzjoni, sabiex jaġġorna r-riżultati ta' l-istħarriġ ta' qabel;

Billi, minħabba l-bidliet fl-istrutturi ekonomiċi u s-sitwazzjoni tal-qagħad fl-Istati Membri, l-firxa ta' l-attivitajiet ekonomiċi koperti għandha tiġi estiża, b'mod partikolari fis-settur tas-servizzi;

Billi, minħabba d-daqs tal-qasam kopert, l-istħarriġ għandu jkun imsejjes fuq kampjun sabiex jiġi evitat illi l-impriżi u l-estimi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej u ta' l-Istati Membri jġorru toqol eċċessiv,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Bħala parti mill-istħarriġ perjodiku tagħha dwar il-ispejjeż tax-xogħol u id-dħul tal-ħaddiema, il-Kummissjoni għandha twettaq stħarriġ dwar l-ispejjeż tax-xogħol fl-industrija u ċerti setturi tas-servizzi fis-sena 1993 fuq il-bażi ta' l-informazzjoni tal-kontabilità li għandha x'taqsam mas-sena 1992.

Artikolu 2

1. L-istħarriġ għandu jkopri l-impriżi jew l-unitajiet lokali b'mill-inqas 10 impjegati li jwettqu l-attivitajiet iddefiniti fit-taqsimiet Ċ, D, E, F, G, H u K, id-diviżjonijiet 65 u 66 u l-grupp 63.3 tal-Klassifika Statistika ta' l-Attivitajiet Ekonomiċi ġewwa l-Komunitajiet Ewropej, in-NACE (Rev.1), filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet speċjali ddikjarati fl-Anness ma' dan ir-Regolament.

2. L-istħarriġ għandu jitwettaq permezz tat-teħid tal-kampjuni.

Artikolu 3

Min iħaddem għandu, rigward l-impriżi jew l-unitajiet lokali fil-kampjun, jipprovdi t-tagħrif meħtieġ sabiex jistabbilixxi l-ispejjeż tax-xogħol fuq il-bażi ta' l-informazzjoni dwar il-kontabilità għas-sena 1992 bil-kondizzjonijiet iddikjarati hawn taħt.

Artikolu 4

L-istħarriġ għandu jkopri:

1. l-ispejjeż tal-pagi, inklużi l-bonus u l-allowances, in-nefqa kollha inċidentali, li tinkludi b'mod partikolari l-kontribuzzjoni ta' min iħaddem għas-sigurtà soċjali u l-iskemi supplimentari u l-ħlasjiet l-oħra soċjali, inklużi n-nefqa fuq it-taħriġ vokazzjonali u kull taxxa u sussidju li jkollhom x'jaqsmu direttament ma' l-ispejjeż tax-xogħol;

2. il-personal totali impjegat mill-impriżi jew mill-unitajiet lokali; u

3. is-sigħat tax-xogħol.

Artikolu 5

1. It-tagħrif għandu jinġabar mill-uffiċjali ta' l-istatistika ta' l-Istati Membri, li għandhom ifasslu l-kwistjonarji approprjati.

F'kooperazzjoni ma' dawn l-uffiċjali, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-lista tal-karatteristiċi u tad-definizzjonijiet li għandhom jintużaw fl-istħarriġ.

Il-Kummissjoni għandha wkoll, taħt l-istess kondizzjonijiet, tistabbilixxi d-dati tal-bidu u tat-tmiem ta' l-istħarriġ u t-temmiet taż-żmien għat-tweġib tal-kwestjonarji.

2. Il-persuni meħtieġa li jfornu t-tagħrif għandhom iwieġbu l-kwestjonarji bil-verità, fil-kompletezza tagħhom u fil-limiti ffissati taż-żmien.

Artikolu 6

1. L-uffiċjali ta' l-istatistika ta' l-Istati Membri għandhom jipproċessaw it-tweġibiet għall-kwestjonarji.

Wara li jiġu vverifikati, u skond il-programm ta' l-utilizzazzjoni ddefinit mill-Kummissjoni, għandhom jibagħtu r-riżultati ta' l-istħarriġ inkluża l-informazzjoni ddikjarata kunfidenzjali mill-Istati Membri skond il-leġislazzjoni domestika jew il-prattika li tirrigwarda l-kunfidenzjalità ta' l-istatistika lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej ([2]). Ir-Regolament imsemmi jirregola t-trattament kunfidenzjali tat-tagħrif.

2. Ir-riżultati għandhom jiġu mqassma wieħed wieħed skond is-settur ta' l-attività ekonomika skond in-NACE (Rev.1), skond ir-reġjun u skond il-kategorija tad-daqs ta' l-impriża jew ta' l-unità lokali.

Artikolu 7

Intestaturi individwali tat-tagħrif forniti għall-għanijiet ta' l-istħarriġ jistgħu jintużaw għal għanijiet statistiċi biss.

Ma jistgħux jintużaw għall-għanijiet tax-taxxa jew għal għanijiet oħra jew jiġu kkomunikati lil partijiet terzi.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

D. HURD

ANNESS

DISPOSIZZJONIJIET SPEĊJALI

(Artikolu 2(1))

I. Eċċezzjonijiet għall-iskop ta' l-istħarriġ

1. Għall-Istati Membri kollha: il-klassi 65.11.

2. Għall-Ġermanja: it-taqsima H, id-diviżjonijiet 50, 70 u 71, il-gruppi 51.1 u 63.3 u l-klassi 51.57.

Id-diviżjonijiet 72, 73 u 74 iridu jiġu esklużi għat-territorju ta' dik li qabel kienet ir-Repubblika Demokratika Ġermniża, inkluża Berlin tal-Lvant.

3. Għall-Greċja: it-taqsima F, il-grupp 51.1 u l-klassi 51.57.

4. Għall-Irlanda: it-taqsima H.

II. Tagħrif iktar dettaljat

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-provvista ta' tagħrif iktar iddettaljat, per eżempju billi jagħmlu distinzjoni bejn il-ħaddiema manwali u dawk mhux manwali jew billi jkopru unitajiet ta' inqas minn 10 impjegati.

III. L-użu ta' nomenklatura speċjali

Bi ftehim mal-Kummissjoni, Stat Membru jista' jibgħat ir-riżultati ta' l-istħarriġ fuq il-bażi tal-klassifika tan-NACE (il-verżjoni 70).

[1] ĠU L 145, 11.6.1988, p. 1.

[2] ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.