31992R3649



Official Journal L 369 , 18/12/1992 P. 0017 - 0024
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0111
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0111


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3649/92

tas-17 ta' Diċembru 1992

dwar dokument ta' sostenn simplifikat għall-ispostament ta' ġewwa l-Komunità ta' prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa li ġew mogħtija għall-konsum fl-Istat Membru ta' dispaċċ

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta' Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għat-taxxa tas-sisa u fuq iż-żamma, spustjar u osservar mill-qrib ta' prodotti bħal dawn [1], u b'mod partikolari Artikolu 7(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Taxxi tas-Sisa,

Billi, għall-prodotti li huma soġġetti għas-sisa li diġà jkunu qegħdin jiġu mogħtija għall-konsum fi Stat Membru, il-moviment ħieles ta' dawk il-prodotti ma għandux ikun ristrett għat-territorju ta' dak l-Istat Membru; f'każijiet fejn dawk il-prodotti jkunu destinati jew immarkati għal skopijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, it-taxxa tas-sisa għandha terġa "tkun intaxxata skond ir-regoli tal-Istat Membru ta' destinazzjoni u għalhekk terġa" twassal għar-rimborż tat-taxxa tas-sisa mħallas fl-Istat Membru ta' dispaċċ;

Billi sabiex ikun żgurat il-kontroll fiskali ta' dawk il-prodotti, Artikolu 7(4) tad-Direttiva 92/12/KEE jipprovdi għal dokument ta' sostenn issimplifikat li jelenka l-informazzjoni essenzjali mid-dokument ta' sostenn li hemm riferenza għalih f'Artikolu 18(1) ta' dik id-Direttiva; billi l-forma u l-kontenut ta' dak id-dokument għandhom ikunu stabbiliti;

Billi n-negozjanti konċernati ma għandhomx joqogħdu għal xi piż addizzjonali fir-rigward ta' dokumenti tat-trasport, u għalhekk għandu jkun hemm provdiment għall-użu ta' dokumenti kummerċjali diġà eżistenti sakemm jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet;

Billi huwa neċessarju li tiġi pprovduta kopja għar-rimborż tat-taxxa tas-sisa mħallsa fl-Istat Membru ta' dispaċċ;

Billi d-dettalji tal-proċedura u n-numru ta' kopji tad-dokument ta' sostenn għandhom jiġu stabbiliti;

Billi huwa neċessarju li ssir dispożizzjoni għal dokument ta' sostenn għall-movimenti kummerċjali ta' alkoħol żnaturat għal kollox,

ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Jekk prodotti li jkunu soġġetti għal taxxa tas-sisa u diġà rilaxxati għall-konsum fi Stat Membru wieħed ikunu maħsubin sabiex jintużaw fi Stat Membru ieħor għall-iskopijiet li hemm riferenza għalihom f'Artikolu 7 tad-Direttiva 92/12/KEE, il-persuna li tkun responsabbli għall-ispustjar ġewwa l-Komunità għandha tfassal dokument ta' sostenn simplifikat. Matul l-ispustjar ta' dawk il-prodotti minn Stat Membru għal Stat Membru ieħor, id-dokument għandu jakkompanja l-kunsinna matul il-moviment u għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għal skopijiet ta' kontroll.

Artikolu 2

1. Jista’ jintuża l-abbozz li jidher fl-Anness, skond in-noti ta' spjega li jidhru fil-kopja 1 tal-abbozz, bħala d-dokument ta' sostenn simplifikat.

2. Dokumenti kummerċjali, eż. fatturi, noti tal-kunsinna, dokumenti tat-trasport tal-oġġetti etċ., jistgħu jintużaw ukoll bħala d-dokument ta' sostenn simplifikat sakemm ikollhom l-istess elementi ta' informazzjoni tad-dokument abbozz li jidher fl-Anness, u n-natura tal-informazzjoni tkun identifikata b'numru li jikkorrispondi man-numru tal-kaxxa relattiva tal-abbozz imsemmi.

Artikolu 3

"Dokument ta' sostenn simplifikat (oġġetti tas-sisa) għal skopijiet ta' kontroll fiskali"

Artikolu 4

Id-dokument ta' sostenn simplifikat għandu jiġi mfassal fi tliet kopji.

Kopja 1 għandha tinżamm mill-fornitur għall-kontroll fiskali.

Kopja 2 għandha takkompanja l-oġġetti matul l-ispustjar u għandha tinżamm mir-riċevitur.

Kopja 3 għandha takkompanja l-oġġetti u għandha tintbagħat lura lill-fornitur b'ċertifikat ta' rċevuta li jindika wkoll it-trattament fiskali iżjed tal-oġġetti fl-Istat Membru ta' destinazzjoni mogħti mir-riċevitur jekk il-fornitur ikun iridha b'mod partikolari għall-iskopijiet ta' rimborż. Din il-kopja għandha tiġi mehmuża ma’ kull applikazzjoni eventwali għal rimborż li għalih hemm provdut f'Artikolu 22(3) tad-Direttiva 92/12/KEE.

Artikolu 5

Id-dokument ta' sostenn simplifikat għandu jintuża wkoll biex jakkompanja l-movimenti kummerċjali ġewwa l-Komunità ta' alkoħol żnaturat għal kollox, li għalih hemm provdut fl-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE [2].

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta' Diċembru 1992.

Għall-Kummissjoni

Christiane Scrivener

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 76, tat-23.3.1992, p. 1.

[2] ĠU L 316, tal-31.10.1992, p. 21.

--------------------------------------------------

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------