31992L0119



Official Journal L 062 , 15/03/1993 P. 0069 - 0085
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0213
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 48 P. 0213


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE

tas-17 ta’ Diċembru 1992

li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta’ ċertu mard ta’ l-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-annimali ħajjin huma elenkati fl-Anness II tat-Trattat; billi l-kummerċ ta' l-annimali ħajjin jikkostitwixxi sors importanti ta’ introjtu għall-popolazzjoni agrikola;

Billi huwa meħtieġ illi jiġu stabbiliti l-miżuri tal-kontroll fil-livell Komunitarju li jridu jittieħdu fil-każ tat-tifqigħ tal-mard, sabiex jiżguraw l-iżvilupp fis-settur tal-biedja u jikkontribwixxu għall-protezzjoni tas-saħħa ta' l-annimali fil-Komunità;

Billi t-tifqigħ tal-mard malajr jista' jieħu proporzjonijiet epiżootiċi, li jikkawżaw l-imwiet u d-disturbi li jistgħu jikkompromettu b'mod sever il-profittabbiltà tal-biedja tat-trobbija tal-bhejjem;

Billi l-miżuri tal-kontroll iridu jittieħdu malli tiġi ssuspettata l-preżenza ta’ marda sabiex tkun tista' tiġi applikata azzjoni immedjata u effettiva malli tiġi kkonfermata l-preżenza tagħha;

Billi l-miżuri li jridu jittieħdu jridu jipprevjenu t-tixrid tal-marda, b'mod partikolari b’kontroll għaqli tal-movimenti tal-bhejjem u tal-prodotti li x'aktarx ixerrdu l-infezzjoni;

Billi l-prevenzjoni tal-mard fil-Komunità għandha normalment tkun ibbażata fuq politika li ma jitħalliex isir tilqim; billi, madankollu, huwa importanti illi ssir disposizzjoni dwar it-tilqim meta sitwazzjoni serja tiddomanda din l-azzjoni;

Billi sabiex jiġi żgurat illi l-bhejjem kollha li jitlaqqmu jkunu jingħarfu, huwa meħtieġ illi dawn il-bhejjem jiġu identifikati; billi sabiex jingħataw il-garanziji meħtieġa, il-qawwa tal-vaċċin għandha tkun approvata minn laboratorju ta’ referenza nnominat mill-Komunità;

Billi inkjesta epidemjoloġika bir-reqqa hija essenzjali għalbiex jiġi pprevenut kull tixrid tal-mard; billi l-Istati Membri jridu jistabbilixxu unitajiet speċjali għal dan l-iskop;

Billi sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema tal-kontroll, trid tiġi armonizzata d-dijanjosi tal-mard u għandha titwettaq taħt l-awspiċju ta’ laboratorji responsabbli, li l-kordinament tagħhom ikun jista' jitwettaq minn laboratorju ta’ referenza nnominat mill-Komunità;

Billi l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterinarju [4] tapplika fil-każ li tfaqqa' waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I;

Billi l-miżuri komuni għall-kontroll ta’ dan il-mard jifforma bażi għaż-żamma ta’ standard uniformi tas-saħħa tal-bhejjem;

Billi għandhom jiġu stabbiliti wkoll disposizzjonijiet speċifiċi għal kull marda individwali u, inizjalment, għall-marda vesikulari tal-ħnieżer,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva tiddeffinixxi l-miżuri ġenerali Komunitarji tal-kontroll li jridu jiġu applikati fil-każ li tfaqqa' waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1. qasam: kull stabbiliment (agrikolu jew xort’oħra), lokat fit-territorju ta’ Stat Membru, li fih jinżammu jew jiġu mrobbija l-bhejjem;

2. bhima: kull annimal domestiku ta’ l-ispeċi li x'aktarx li tiġi affettwata direttament bil-marda fil-kwistjoni, jew kull annimal vertebrat selvaġġ li aktarx jipparteċipa fl-epidemjoloġija tal-marda, billi jaġixxi bħala vettur jew jirriżerva l-infezzjoni;

3. vettur: kull annimal selvaġġ vertebrat jew invertebrat li, b’mezzi mekkaniċi jew bijoloġiċi, x'aktarx jittrażmetti u jxerred l-aġent tal-marda fil-kwistjoni;

4. is-sid jew il-kustodju: kull persuna jew persuni, sewwa jekk naturali u sewwa jekk legali, li jkollhom il-pussess tal-bhejjem, jew li jkunu inkarigati li jżommu l-bhejjem imsemmija, sewwa jekk bi qligħ finanzjarju u sewwa jekk le;

5. il-perjodu taż-żmien ta’ l-inkubazzjoni: il-perjodu taż-żmien li x'aktarx jgħaddi bejn l-espożizzjoni għall-aġent tal-marda u l-bidu tas-sintomi kliniċi. It-tul ta’ dan il-perjodu taż-żmien għandu jkun dak indikat fl-Anness I għall-marda fil-kwistjoni;

6. konferma ta’ l-infezzjoni; id-dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-preżenza ta’ kull waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I ibbażata fuq ir-riżultati tal-laboratorju; madankollu, fil-każ ta’ epidemija, l-awtorità kompetenti tista' wkoll tikkonferma l-preżenza tal-marda fuq il-bażi tar-riżultati kliniċi u/jew epidemjoloġiċi;

7. awtorità kompetenti: l-awtorità ċentrali ta’ Stat Membru responsabbli mit-twettiq tal-kontrolli veterenarji jew kull awtorità veterinarja li lilha tkun ġiet iddelegata din ir-responsabbiltà;

8. veterinarju uffiċjali: il-veterinarju maħtur mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi huwa obligatorju li tiġi nnotifikata l-preżenza ssuspettata ta’ kull waħda mill-mardiet riferiti fl-Anness I li trid tiġi nnotifikata minnufih lill-awtorità kompetenti.

Artikolu 4

1. Meta l-bhejjem fuq qasam ikunu ssuspettati li huma infettati jew ikkontaminati b’waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-veterinarju uffiċjali jattiva minnufih l-arranġamenti għal investigazzjoni uffiċjali għalbiex jikkonferma l-preżenza tal-marda fil-kwistjoni jew jiddikjara li ma teżistix u, b'mod partikoli, irid jieħu jew ikun ħa l-kampjuni meħtieġa għal eżami fil-laboratorju. Għal dan l-għan il-bhejjem fil-kwistjoni jistgħu jiġu ttrasportati lejn il-laboratorji taħt is-sorveljanza ta’ l-awtorità kompetenti, li għandha tieħu l-passi approprjati għalbiex tipprevjeni milli l-marda tinxtered.

2. Malli tiġi nnotifikata l-preżenza ssuspettata tal-marda, l-awtorità kompetenti għandha tqiegħed il-qasam taħt is-sorveljanza uffiċjali u b'mod partikolari għandha teħtieġ illi:

(a) jsir ċensiment tal-kategoriji kollha ta’ l-ispeċi tal-bhejjem suxxettibbli u li, rigward kull waħda minn dawn il-kategoriji, jiġi rreġistrat in-numru tal-bhejjem diġà mejta, infettati jew li jistgħu jkunu infettati jew ikkontaminati; iċ-ċensiment irid jinżamm aġġornat biex iqis il-bhejjem li jitwieldu jew imutu matul il-perjodu taż-żmien tas-suspett; it-tagħrif fiċ-ċensiment irid jinżamm aġġornat u jinħareġ fuq talba u jista' jiġi kkontrollat f’kull żjara;

(b) il-bhejjem kollha ta’ l-ispeċe suxxettibbli fuq il-qasam jinżammu fil-postijiet ta’ l-għixien tagħhom jew jiġu magħluqa f'xi post ieħor fejn jistgħu jiġu iżolati filwaqt li jitqies ir-rwol possibbli tal-vetturi, fejn apprprjat;

(ċ) l-ebda bhima ta’ l-ispeċi suxxettibbli ma tidħol jew tħalli l-qasam;

(d) il-movimenti kollha:

- tal-persuni, il-bhejjem u l-ispeċi l-oħra mhux suxxettibbli għall-marda u ta' dawk li jagħmluha ta' vetturi lejn jew minn fuq il-qasam,

- tal-laħam jew tal-karkassi tal-bhejjem, jew ta’ l-għalf tal-bhejjem, tat-tagamir, ta' l-iskart, tal-ħmieġ mill-intestini, taż-żibel, tad-demel, jew ta’ kull ħaġa li tista' tittrasmetti l-marda fil-kwistjoni.

(e) jkun bla ħsara għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti, li għandha tistabbilixxi l-kondizjonijiet għal prevenzjoni ta’ kull riskju li l-marda tixxerred; il-mezzi approprjati tad-diżinfezzjoni jiġu installati fil-postijiet tad-dħul u tal-ħruġ jew fil-postijiet fejn jinżammu l-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli u fuq il-qasam innifsu;

(f) tiġi mwettqa inkjesta epiżootjoloġika skond l-Artikolu 8.

3. Sa dak iż-żmien li fih jiġu inforzati l-miżuri uffiċjali stabbiliti fil-paragrafu 2, is-sid jew il-kustodju ta’ kull bhima li dwarha ikun hemm suspett tal-marda għandhom jieħdu kull azzjoni approprjata għalbiex jiżguraw il-konformità mal-paragrafu 2, għajr għas-sub-paragrafu (f) tiegħu.

4. L-awtorità kompetenti tista' tapplika kull waħda mill-miżuri pprovduti fil-paragrafu 2 għal oqsma oħra jekk il-lokazzjoni tagħhom, il-konfigurazzjoni tagħhom jew il-kuntatti mal-qasam fejn il-marda tkun issusspettata, joħolqu raġuni għalbiex tiġi ssuspettata l-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni.

5. Il-miżuri riferiti fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jiġu rtirati sakemm tiġi eskluża l-preżenza tal-marda mill-veterinarju uffiċjali.

Artikolu 5

1. Ġaladarba jkun ġie uffiċjalment ikkonfermat illi waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I tkun preżenti ġewwa qasam, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, b’żieda mal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 4 (2), l-awtorità kompetenti tkun teħtieġ li jiġu applikati l-miżuri li ġejjin:

(a) il-bhejjem kollha ta’ l-ispeċi suxxettibbli fuq il-qasam għandhom jiġu maqtula fuq il-post, mingħajr dewmien. Il-bhejjem li jkunu mietu jew li jkunu ġew maqtula għandhom jew jiġu maħruqa jew midfuna fuq il-post, jekk possibbli, jew meqruda f’impjant tad-disponiment tal-karkassi. Dawn il-ħidmiet għandhom jitwettqu hekk illi jiġi mminimizzat ir-riskju tat-tixrid ta’ l-aġent tal-marda;

(b) kull sustanza jew skart, bħalma huma l-għalf tal-bhejjem, iż-żibel, id-demel jew id-demel maħlul, li aktarx li jkunu kkontaminati għandhom jiġu meqruda jew ittrattati b'mod approprjat. Dan it-trattament, imwettaq skond l-istruzzjonijiet tal-veterinarju uffiċjali, għandu jiżgura illi kull aġent jew vettur ta’ l-aġent tal-marda jiġi meqrud;

(ċ) wara li jitwettqu l-ħidmiet elenkati fis-sub-paragrafi (a) u (b), il-fond użat għalbiex jinżammu l-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibi, l-inħawi ta’ madwarhom, il-vetturi użati għat-trasport u t-tagħmir kollu li aktarx ikun ikkontaminat għandhom jiġu mnaddfa u ddiżinfettati skond l-Artikolu 16;

(d) għandha titwettaq inkjesta epiżoozjoloġika skond l-Artikolu 8.

2. Meta jsir rikors għad-dfin, dan għandu jkun fil-fond biżżejjed għalbiex ma jħallix lill-annimali karnivori jħaffru u jaqilgħu l-karkassi jew l-iskart riferiti fil-paragrafu 1 (a) u (b) hawn fuq u għandu jsir f’art xierqa sabiex jiġu pprevenuti l-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew kull disturb ambjentali.

3. L-awtorità kompetenti tista' testendi kull miżura pprovduta fil-paragrafu 1 għall-oqsma l-oħra fil-qrib jekk il-lokazzjoni tagħhom, il-konfigurazzjoni tagħhom jew il-kuntatti mal-qasam fejn il-preżenza tal-marda tkun ġiet ikkonfermata, joħolqu raġuni li tkun issuspettata l-possibbiltà ta’ kontaminazzjoni.

4. Il-bini tal-ħażna mill-ġdid tal-merħliet fuq il-qasam għandu jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti, wara l-ispezzjon sodisfaċenti mill-veterinarju uffiċjali tal-ħidmiet tat-tindif u tad-diżinfezzjoni mwettqa skond l-Artikolu 16.

Artikolu 6

Fejn il-bhejjem li jgħixu fis-selvaġġ ikunu infettati jew issuspettati li huma infettati, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi tittieħed l-azzjoni approprjata. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kumitat Permanenti Veterinarju stabbilit bid-Deċiżjoni 68/361/KEE [5], bil-miżuri li jkunu ħadu.

Artikolu 7

1. Fil-każ ta’ l-oqsma li jikkonsistu f’żewġ unitajiet separati tal-produzzjoni jew aktar, l-awtorità kompetenti tista' tidderoga mill-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 5 (1) (a) f’dak li jirrigwarda l-unitajiet b’saħħithom tal-produzzjoni fuq qasam li jkun infettat, sakemm il l-veterinarju uffiċjali jkun ikkonferma illi l-istruttura u d-daqs ta’ dawn l-unitajiet u l-ħidmiet imwettqa fihom ikunu hekk illi dawn ikunu għal kollox separati f’dak li jirrigwarda l-fond, iż-żamma, il-personal, it-tagħmir u l-għalf, sabiex jiġi pprevenut it-tixrid ta’ l-aġent tal-marda minn unità għall-oħra.

2. Fejn isir rikors għall-paragrafu 1, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 88/387/KEE [6] għandhom jiġu applikabbli mutatis mutandis. Dawn ir-regoli jistgħu jiġu emendati għall-marda fil-kwistjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 sabiex titqies in-natura speċifika tal-marda.

Artikolu 8

1. L-inkjesta epiżoozjoloġika għandha tittratta:

(a) it-tul taż-żmien li matulu l-marda setgħet kienet teżisti fuq il-qasam qabel ma kienet ġiet innotifikata jew issuspettata;

(b) l-oriġini possibbli tal-marda fuq il-qasam u l-identifikazzjoni ta’ l-oqsma l-oħra li fihom ikun hemm bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli li jistgħu jkunu ġew infettati jew ikkontaminati;

(ċ) il-movimenti tal-persuni, il-bhejjem, il-karkassi, il-vetturi, it-tagħmir jew kull sustanza oħra li x'aktarx ikunu ġarrew l-aġent tal-marda lejn jew mill-oqsma fil-kwistjoni;

(d) il-preżenza u d-distribuzzjoni tal-vetturi tal-marda kif approprjat.

2. Għandha tiġi stabbilita unità tal-kriżi sabiex tipprovdi kooperazzjoni sħiħa tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw l-eradikazzjoni tal-marda malajr kemm jista' jkun u bl-għan li titwettaq l-inkjesta epiżoozjoloġika.

Ir-regoli ġenerali li jirrigwardaw l-unitajiet nazzjonali tal-kriżi u l-unitajiet ta’ kriżi tal-Komunità għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

1. Fejn il-veterinarju uffiċjali jsib, jew jikkunsidra fuq il-bażi ta' l-informazzjoni kkonfermata, illi l-marda setgħet ġiet introdotta minn oqsma oħra fil-qasam riferit fl-Artikolu 4 jew minn dan ta’ l-aħħar f'oqsma oħra bħala riżultat tal-moviment tal-persuni, il-bhejjem jew il-vetturi jew b’xi mod ieħor, dawn l-oqsma l-oħra għandhom jitqiegħdu taħt is-sorveljanza uffiċjali skond l-Artikolu 4; din is-sorveljanza ma għandhiex titneħħa għajr jekk il-preżenza ssuspettata tal-marda f'dan il-qasam tkun ġiet uffiċjalment eskluża.

2. Fejn il-veterinarju uffiċjali jsib, jew jikkunsidra fuq il-bażi ta' informazzjoni kkonfermata, illi l-marda setgħet ġiet introdotta minn oqsma oħra fuq il-qasam riferit fl-Artikolu 5 jew minn dan ta’ l-aħħar fuq oqsma oħra bħala riżultat tal-moviment tal-persuni, il-bhejjem jew il-vetturi jew b’xi mod ieħor, dawn l-oqsma l-oħra għandhom jitqiegħdu taħt is-sorveljanza uffiċjali skond l-Artikolu 4; din is-sorveljanza ma għandhiex tiġi mneħħija għajr jekk il-preżenza ssuspettata tal-marda fuq dan il-qasam tkun ġiet uffiċjalment eskluża.

3. Fejn qasam ikun ġie bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 2, l-awtorità kompetenti għandha żżomm fis-seħħ id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 fuq dan il-qasam għal mill-anqas il-perjodu massimu taż-żmien ta’ l-inkubazzjoni li jappartjeni għal kull marda wara ż-żmien li fih x'aktarx li tkun ġiet introdotta l-infezzjoni kif stabbilita bl-inkjesta epiżoozjoloġika mwettqa skond l-Artikolu 8.

4. Fejn tikkonsidra illi l-kondizzjonijiet jippermettu, l-awtorità kompetenti tista' tillimita l-miżuri pprovduti fil-paragrafi 1 u 2 fuq parti mill-qasam u mill-bhejjem ikkontaminati li jkunu jinsabu fih sakemm il-qasam jista' jissodisfa l-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 7, jew għall-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli biss.

Artikolu 10

1. Ġaladarba d-dijanjosi ta' waħda mill-mardiet fil-kwistjoni tkun ġiet uffiċjalment ikkonfermata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtorità kompetenti tistabbilixxi madwar il-qasam infettat, żona ta’ protezzjoni ibbażata fuq radju minimu ta’ tliet kilometri, hija nfisha miżmuma f’żona tas-sorveljanza bbażata fuq radju minimu ta’ 10 kilometri. Il-mod dwar kif tiġi stabbilita ż-żona għandu jqis il-fatturi ġeografiċi, amministrattivi, ekoloġiċi u epiżoozjoloġiċi li jirrigwardaw il-marda fil-kwistjoni, u l-faċilitajiet tal-monitorjar.

2. Fejn iż-żoni jkunu lokati fit-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membru interessati għandhom jikkooperaw fl-istabbiliment taż-żoni riferiti fil-paragrafu 1. Madankollu, jekk meħtieġ, iż-żona tal-protezzjoni u ż-żona tas-sorveljanza għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 26.

3. Mat-talba ssostanzjata kif xieraq minn Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jista' jiġi deċiż skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26, illi jiġu mmodifikati (b'mod partikolari għalbiex jitnaqqsu jew jiġu miżjuda, kif approprjat) l-konfini taż-żoni stabbiliti fil-paragrafu 1 jew it-tul taż-żmien tal-miżuri tar-restrizzjoni, billi jitqiesu:

- is-sitwazzjoni ġeografika u l-fatturi ekoloġiċi tagħha,

- il-kondizzjonijiet metereoloġiċi,

- il-preżenza, id-distribuzjoni u t-tipi tal-vetturi tal-marda,

- ir-riżultati ta’ l-istudji epiżoozjoloġiċi mwettqa skond l-Artikolu 8,

- ir-riżultati tat-testijiet fil-laboratorju,

- il-miżuri tal-kontroll attwalment applikati.

Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-miżuri li ġejjin jiġu applikati fiż-żona tal-protezzjoni:

(a) għandhom jiġu identifikati l-oqsma kollha fiż-żona li jkollhom il-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli;

(b) għandu jkun hemm żjajjar perjodiċi fuq l-oqsma li jkollhom il-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibli, eżami kliniku ta’ dawn il-bhejjem inkluż, jekk meħtieġ, il-ġbir tal-kampjuni għall-eżami fil-laboratorju; irid jinżamm reġistru taż-żjajjar u tas-sejbiet, bil-frekwenza taż-żjajjar tkun fil-proporzjon ta’ l-gravità ta’ l-epiżootika fuq dawk l-oqsma fl-akbar riskju;

(ċ) għandhom jiġu pprojbiti l-movimenti kollha u t-trasport tal-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli fuq it-toroq pubbliċi u privati, bl-esklużjoni tat-toroq li jservu l-oqsma; l-awtorità kompeteneti tista', madankollu, tikkonċedi deroga minn din il-projbizzjoni għat-transitu tal-bhejjem bit-triq jew bil-ferrovija mingħajr ħatt jew waqfien;

(d) il-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli jridu jibqgħu fuq il-qasam li fih ikunu miżmuma, għajr għalbiex jiġu ttrasportati taħt is-sorveljanza uffiċjali direttament lejn biċċerija llokalizzata f’din iż-żona għall-qtil ta' emerġenza jew, jekk din iż-żona ma jkollha l-ebda biċċerija taħt is-sorveljanza veterinarja, lejn biċċerija fiż-żona tas-sorveljanza nnominata mill-awtorità kompetenti. Dan it-trasport jista' jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti biss wara li l-veterinarju uffiċjali jkun wettaq eżami tal-bhejjem kollha ta’ l-ispeċi suxxettibbli fuq dan il-qasam u jikkonferma illi l-ebda waħda mill-bhejjem ma tkun issusspettati li hija infettata. L-awtorità kompetenti responsabbli mill-biċċerija għandha tiġi mgħarrfa bl-intenzjoni li jintbagħtu l-bhejjem fiha.

2. Il-miżuri applikati fiż-żona tal-protezzjoni għandhom jinżammu fis-seħħ għal mill-anqas il-perjodu massimu taż-żmien ta’ l-inkubazzjoni li jappartjeni għall-marda fil-kwistjoni wara li l-bhejjem mill-qasam infettat ikunu ġew disponuti skond l-Artikolu 5 u l-ħidmiet tat-tindif u d-diżinfezzjoni jkunu twettqu skond l-Artikolu 16. Madankollu, meta l-mard ikun trasmess b’insett vettur, l-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi t-tul taż-żmien tal-miżuri u tistabbilixxi d-disposizzjonijiet għall-possibbiltà ta’ l-introduzjoni ta' bhejjem sentinella. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, fil-Kumitat Permanenti Veterinarju, bil-miżuri li jkunu ħadu.

Malli jiskadi l-perjodu taż-żmien riferit fl-ewwel sub-paragrafu, ir-regoli li japplikaw għaż-żona tas-sorveljanza għandhom ukoll japplikaw għaż-żona tal-protezzjoni.

Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-miżuri li ġejjin jiġu applikati fiż-żona tas-sorveljanza:

(a) għandhom jiġu identifikati l-oqsma kollha li jkollhom il-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli;

(b) għandu jiġi pprojbit il-moviment tal-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli fuq it-toroq pubbliċi għajr bl-għan li dawn jitwasslu fuq il-mergħa jew fil-fond tal-bhejjem; l-awtorità kompetenti tista', madankollu, tikkonċedi deroga minn din il-projbizzjoni għat-transitu tal-bhejjem bit-triq jew bil-ferrovija mingħajr ħatt jew waqfien;

(ċ) it-trasport tal-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli fiż-żona tas-sorveljanza għandu jkun bla ħsara għall-awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti;

(d) il-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli jridu jibqgħu ġewwa ż-żona tas-sorveljanza għall-perjodu massimu taż-żmien ta’ l-inkubazzjoni wara l-aktar każ reċenti tal-marda rreġistrat. Wara dan, il-bhejjem jistgħu jitneħħew minn din iż-żona għalbiex jiġu ttrasportati taħt is-superviżjoni uffiċjali direttament lejn biċċerija nnominata mill-awtorità kompetenti għall-qtil ta’ emerġenza. Dan it-trasport jista' jiġi awtorizzat mill-awtorità kompetenti biss wara li l-veterinarju uffiċjali jkun wettaq eżami tal-bhejjem kollha ta’ l-ispeċi suxxettibbli fuq dan il-qasam u jikkonferma illi l-ebda wieħed jew waħda mill-bhejjem ma jkunu ssusspettati li huma infettati. L-awtorità kompetenti responsabbli mill-biċċerija għandha tiġi mgħarrfa bl-intenzjoni li jintbagħtu l-bhejjem fiha.

2. Il-miżuri applikati fiż-żona tas-sorveljanza għandhom jinżammu fis-seħħ għal mill-anqas il-perjodu massimu taż-żmien ta’ l-inkubazzjoni wara li l-bhejjem mill-qasam ikunu ġew disponuti skond l-Artikolu 5 u l-ħidmiet tat-tindif u tad-diżinfezzjoni jkunu twettqu skond l-Artikolu 16. Madankollu, meta l-mard jiġi trasmess b’insett vettur, l-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi t-tul taż-żmien tal-miżuri u tistabbilixxi d-disposizzjonijiet għall-introduzjoni possibbli tal-bhejjem sentinella. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, fil-Kumitat Permanenti Veterinarju, bil-miżuri li jkunu ħadu.

Artikolu 13

Meta l-projbizzjonijiet ipprovduti fl-Artikoli 11 (1) (d) u 12 (1) (d) ikunu miżmuma għal aktar minn 30 jum minħabba l-okkorrenza ta’ aktar każi tal-marda u bħala riżultat tal-problemi li joriġinaw fiż-żamma tal-bhejjem, l-awtorità kompetenti tista', wara applikazzjoni mis-sid li tispjega l-bażijiet għal din l-applikazzjoni, tawtorizza t-tneħħija tal-bhejjem minn qasam fiż-żona tal-protezzjoni jew fiż-żona tas-sorveljanza, sakemm:

(a) il-veterinarju uffiċjali jkun ivverifika l-fatti;

(b) jkun ġie mwettaq l-ispezzjon tal-bhejjem kollha fuq il-qasam;

(ċ) il-bhejjem li jridu jiġu ttrasportati jkunu għaddew minn eżami kliniku, b’riżultat negattiv;

(d) kull bhima tkun ġiet immarkata b'marka tal-widna jew tkun ġiet identifikata b’metodu ieħor approvat;

(e) il-qasam tad-destinazzjoni jkun lokat jew fiż-żona tal-protezzjoni jew fiż-żona tas-sorveljanza.

Iridu jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, b'mod partikolari bit-tindif u d-diżinfezzjoni tat-trakkijiet wara t-trasport, sabiex jiġi evitat ir-riskju tat-tixrid ta’ l-aġent tal-marda waqt il-korsa ta’ dan it-trasport.

Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-awtorità kompetenti tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex iżżomm mill-anqas lill-persuni stabbiliti fiż-żoni tal-protezzjoni u tas-sorveljanza mgħarrfa bir-restrizzjonijiet effettivi u li tagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex dawn il-miżuri jiġu implimentati kif approprjat.

2. Fejn, f’reġjun partikolari, l-epiżootika fil-kwistjoni tkun eċċezzjonalment serja, il-miżuri addizzjonali kollha li jridu jittieħdu mill-Istati Membri interessati għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26.

Artikolu 15

Bħala deroga mid-disposizzjonijiet ġenerali stabbiliti f’din id-Direttiva, id-disposizzjonijiet speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-miżuri tal-kontroll u ta' l-eradikazzjoni għal kull waħda mill-mardiet rispettivi:

- ikunu, għall-marda vesikulari tal-ħnieżer, stabbiliti fl-Anness II dwar il-marda vesikulari tal-ħnieżer,

- ikunu, għal kull waħda mill-mard l-ieħor elenkati fl-Anness I, adottati mill-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi:

(a) id-diżinfettanti u l-insettiċidi li jridu jiġu użati u, fejn approprjat, il-konċentrazzjonijiet tagħhom, ikunu uffiċjalment approvati mill-awtorità kompetenti;

(b) il-ħidmiet tat-tindif, tad-diżinfezzjoni u tad-diżinsettizzazzjoni jkunu mwettqa permezz ta’ superviżjoni uffiċjali:

- skond l-istruzzjonijiet mogħtija mill-veterinarju uffiċjali,

u

- b’mod hekk illi jiġi eliminat kull riskju tat-tixrid jew is-sopravivenza ta’ l-aġent tal-marda;

(ċ) mat-twettiq tal-ħidmiet fil-(b), il-veterinarju uffiċjali jagħmel żgur illi l-miżuri jkunu ġew imwettqa kif xieraq u li l-perjodu xieraq taż-żmien, ta’ mhux anqas minn 21 jum, ikun skada għalbiex jiżgura illi l-marda fil-kwistjoni tkun ġiet kompletament eliminata qabel ma l-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibli jiddaħħlu mill-ġdid.

2. Il-proċeduri tat-tindif u tad-diżinfezzjoni fil-qasam infettat:

- huma, għal marda vesikulari tal-ħnieżer, dawk iddikjarati fl-Anness II,

- jiġu stabbiliti, fil-kuntest tat-tħejjija tal-miżuri speċifiċi għal kull marda elenkata fl-Anness I, skond il-proċedura stabbilita fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 15.

Artikolu 17

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi f’kull Stat Membru jiġi nnominat:

(a) laboratorju nazzjonali bil-faċilitajiet u l-personal espert sabiex ikunu jistgħu jgħinu għalbiex dawn ikunu jistgħu juru f’kull waqt, u speċjalment meta l-kwistjoni tal-marda tidher għall-ewwel darba, it-tip, is-sub-tip u l-varjant tal-virus rilevanti u sabiex jikkonfermaw r-riżultati miksuba mil-laboratorji dijanjostiċi reġjonali;

(b) laboratorju nazzjonali li fih jiġu ttestjati r-reaġenti użati fil-laboratorji dijanjostiċi reġjonali.

2. Il-laboratorji nazzjonali nnominati għal kull waħda mill-mardiet riferiti għalihom, għandhom ikunu responsabbli mill-koordinament ta' l-istandards u l-metodi dijanjostiċi, u għall-użu tar-reaġenti.

3. Il-laboratorji nazzjonali nnominati għal kull waħda mill-mardiet riferiti għalihom, għandhom ikunu responsabbli mill-koordinament ta’ l-istandards u l-metodi dijanjostiċi stabbiliti minn kull laboratorju għad-dijanjosi tal-marda fil-kwistjoni, fl-Istat Membru. Għal dan l-għan, huma:

(a) jistgħu jipprovdu r-reaġenti dijanjostiċi lil-laboratorji nazzjonali;

(b) għandhom jikkontrollaw il-kwalità tar-reaġenti dijanjostiċi kollha użati fl-Istat Membru;

(ċ) għandhom perjodikament jirranġaw testijiet komparattivi;

(d) għandhom iżommu l-iżolati tal-virus tal-marda fil-kwistjoni mill-każi kkonfermati fl-Istat Membru;

(e) għandhom jiżguraw il-konformità tar-riżultati pożittivi miksuba fil-laboratorji dijanjostiċi reġjonali.

4. Madankollu, bħala deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri li ma jkollhomx laboratorju nazzjonali kompetenti rigward il-marda fil-kwistjoni, jistgħu jużaw is-servizzi ta’ laboratorju nazzjonali b’kompetenza f’din il-materja ta’ Stat Membru ieħor.

5. Il-lista tal-laboratorji nazzjonali għall-marda vesikulari tal-ħnieżer huma elenkati fl-Anness II.

6. Il-laboratorji nazzjonali nnominati għal kull waħda mill-mardiet riferiti għalihom għandhom jikkoperaw mal-laboratorji tar-referenza Komunitarji rispettivi riferiti fl-Artikolu 18.

7. Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25.

Artikolu 18

1. Il-laboratorju tar-referenza Komunitarju għall-marda vesikulari tal-ħnieżer huwa indikat fl-Anness II.

2. Il-laboratorji tar-referenza Komunitarji għal kull waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I għandhom jiġu nnominati skond il-proċedura stabbilita fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 15 fil-kuntest tat-tħejjija tal-miżuri speċifiċi għal kull marda.

3. Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni 90/424/KEE, u b'mod partikolari l-Artikolu 28 tagħha, il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-laboratorji riferiti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 19

1. It-tilqim kontra l-mard elenkat fl-Anness I ma jistax jitwettaq għajr bħala suppliment tal-miżuri tal-kontroll meħuda meta tkun faqqgħet il-marda fil-kwistjoni, skond id-disposizzjonijiet li ġejjin:

(a) id-deċiżjoni li jiġi introdott it-tilqim bħala suppliment tal-miżuri tal-kontroll għandha tittieħed mill-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma' l-Istat Membru interessat, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26;

(b) din id-deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq il-kriterja li ġejjin b'mod partikolari:

- il-konċentrazzjoni tal-bhejjem ta’ l-ispeċi interessata fiż-żona affettwata,

- il-karatteristiċi u l-kompożizzjoni ta’ kull tilqima użata,

- il-proċedura għas-sorveljanza tad-distribuzzjoni, il-ħażna u l-użu tal-vaċċini,

- l-ispeċi u l-età tal-bhejjem li jistgħu jew għandhom jiġu mlaqqma,

- iż-żoni li fihom jista' jew għandu jitwettaq it-tilqim,

- it-tul taż-żmien tal-kampanja tat-tilqim.

2. Fil-każ riferit fil-paragrafu 1:

(a) għandhom jiġu pprojbiti t-tilqim jew it-tilqim mill-ġdid tal-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli fl-oqsma riferiti fl-Artikolu 4;

(b) għandha tiġi pprojbita l-injezzjoni bis-serum iper-immun.

3. Fil-każ ta’ rikors għat-tilqim, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a) il-bhejjem kollha mlaqqma jridu jiġu identifikati b’marka ċara u leġibbli skond il-metodu approvat mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25;

(b) il-bhejjem kollha mlaqqma jridu jinżammu fiż-żona tat-tilqim għajr jekk ikunu mibgħuta lejn il-biċċerija nnominata mill-awtorità kompetenti għall-qatla minnufih, f’liema każ il-moviment tal-bhejjem jista' jkun awtorizzat biss wara li l-veterinarju uffiċjali jkun wettaq eżami fuq il-bhejjem kollha suxxettibbli fuq il-qasam u jikkonferma illi l-ebda wieħed jew waħda minn dawn il-bhejjem ma jkunu ssuspettati li jkunu infettati.

4. Meta jkunu tlestew il-ħidmiet tat-tilqim, il-movimenti tal-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli fiż-żona tat-tilqim jistgħu jingħataw il-permess skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26, wara perjodu taż-żmien stabbilit bl-istess proċedura.

5. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fuq bażi regolari, fil-Kumitat Permanenti Veterinarju, bil-progress rigward il-miżuri tat-tilqim.

6. Madankollu, bħala deroga mill-paragrafu 1, id-deċiżjoni li tintroduċi t-tilqim ta’ emerġenza tista' tittieħed mill-Istat Membru interessat, wara n-notifika lill-Kummissjoni, sakemm ma jiġux affettwati l-interessi fundamentali tal-Komunità. Din id-deċiżjoni, li trid b'mod partikolari tqis il-grad tal-konċentrazzjoni tal-bhejjem f’ċerti reġjuni, tal-ħtieġa li jkunu protetti r-razez individwali u taż-żona ġeografika li fiha jiġi mwettaq it-tilqim, għandha tiġi eżaminata mill-ġdid minnufih, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26, mill-Kumitat Permanenti Veterinarju, li jista’ jiddeċiedi li jżomm, jimmodifika jew jestendi l-miżuri jew li jwassalhom lejn it-tmiem.

Artikolu 20

1. Kull Stat Membru għandu jfassal pjan ta’ kontinġenza li japplika għall-mard kollu elenkat fl-Anness I, li jispeċifika l-miżuri nazzjonali li jridu jiġu implimentati fil-każ li tfaqqa' waħda minn dawn il-mardiet.

Dan il-pjan irid jippermetti l-aċċess għall-faċilitajiet, għat-tagħmir, għall-personal u għall-materjali approprjati l-oħra kollha meħtieġa għall-eradikazzjoni bil-ħeffa u effiċjenti ta’ kull tifqigħ ta’ marda.

2. Il-kriterja ġenerali li jridu jiġu applikati għat-tħejjija tal-pjani ta’ kontinġenza huma stabbiliti fil-punti 1 sa 5 u 10 ta’ Anness IV, bil-punti 6 sa 9 jirrappreżentaw il-kriterji li jridu jiġu adottati skond il-marda interessata. L-Istati Membri għandhom madankollu jillimitaw lilhom infushom li japplikaw il-kriterji stabbiliti fil-punti 6 sa 9 meta l-kriterji fil-punti 1 sa 5 u 10 ikunu diġà ġew adottati meta l-pjani jkunu ġew sottomessi għall-applikazzjoni tal-miżuri tal-kontroll għal marda oħra.

3. Il-pjani ta’ kontinġenza mħejjija skond il-kriterji elenkati fl-Anness IV għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni:

(i) mhux aktar minn sitt xhur wara din id-Direttiva tkun iddaħħlet fis-seħħ rigward il-marda vesikulari tal-ħnieżer;

(ii) mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-implimentazzjoni tal-miżuri speċifiċi għal kull waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I.

4. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-pjani ta’ kontinġenza sabiex tistabbilixxi jekk dawn jippermettux li jintlaħaq l-għan mixtieq u għandha tissuġġerixxi lill-Istat Membru interessat kull emenda meħtieġa b'mod partikolari sabiex jiżguraw illi dawn ikunu kompatibbli ma' dawk ta’ l-Istati Membri l-oħra.

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-pjani, jekk meħtieġ emendati, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25.

Il-pjani jistgħu sussegwentement jiġu emendati jew supplimentati, skond l-istess proċedura, sabiex jitqiesu l-iżviluppi fis-sitwazzjoni u n-natura speċifika tal-marda fil-kwistjoni.

Artikolu 21

Bħala deroga mill-kondizzjonijiet ipprovduti fl-Artikoli 19 u 20 rigward il-miżuri ta’ kontinġenza li jridu jiġu adottati mill-Istati Membri u għalbiex jitqiesu n-natura, il-kostrizzjonijiet ġeografiċi partikolari għad-Dipartimenti Franċiżi lil hemm mill-baħar, il-Gżejjer Azores u l-Madeira u l-bgħid tagħhom mill-parti ċentrali tat-twerritorju Komunitarju, l-Istat Membru interessat għandu jiġi awtorizzat li japplika miżuri partikolari tal-kontroll speċifiċi għal kull waħda mill-mardiet elenkati fl-Anness I ma’ din id-Direttiva.

L-Istati Membri interessati għandhom, fil-Kumitat Permanenti Veterinarju, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-miżuri li jkun ħa f’dan ir-rigward u b'mod partikolari bil-miżuri tal-kontroll implimentati għalbiex jiżguraw illi l-bhejjem mit-territorji fil-kwistjoni jew il-prodotti minn bhejjem bħal dawn ma jkunux mibgħuta lejn it-territorji l-oħra fil-Komunità.

Wara l-proċedura tat-tagħrif riferita fit-tieni paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 20 mutatis mutandis.

Artikolu 22

L-esperti tal-Kummissjoni jistgħu, b’kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti, u safejn u sakemm huwa meħtieġ illi tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva, jagħmlu kontrolli fuq il-post. Sabiex dan iseħħ, huma jistgħu jikkontrollaw perċentwal rappreżentattiv ta’ l-oqsma għalbiex jaraw jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunux qegħdin jikkontrollaw jekk dawn l-oqsma jkunux qegħdin iwettqu l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membru bir-riżultati tal-kontrolli mwettqa.

Stat Membru li fit-terrirorju tiegħu jkun qiegħed jitwettaq kontroll għandu jagħti l-għajnuna kollha meħtieġa lill-esperti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.

Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat dan l-Artikolu għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25.

Artikolu 23

1. Il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja għall-miżuri konnessi ma' l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva huma stabbiliti fid-Deċiżjoni 90/424/KEE.

2. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE għandu jiġi emendati kif ġej:

(a) il-marda li ġejja għandha tiġi miżjuda mal-lista tal-mard speċifikat fil-paragrafu 1:

"il-marda ta' l-emorraġija taċ-ċriev;";

(b) għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

"2a. L-Istati Membri interessati għandhom ukoll jikkwalifikaw għal kontribuzzjoni finanzjarja Komunitarja fejn, malli tfaqqa' waħda mill-mardiet elenkati fil-paragrafu 1, żewġ Stati jew aktar jikkollaboraw mill-qrib għalbiex jikkontrollaw l-epidemija, b'mod partikolari fit-twettiq ta’ stħarriġ epidemjoloġiku u miżuri tas-sorveljanza għall-marda. Mingħajr preġudizzju għall-miżuri pprovduti skond l-organizzazzjoni komuni tas-swieq interessati, il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika Komunitarja għandha tiġi deċiża skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41."

Artikolu 24

1. L-Annessi I, III u IV għandhom jiġu emendati, kif u meta meħtieġa, mill-Kunsill filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, b'mod partikolari sabiex jitqiesu l-iżviluppi fir-riċerka u fil-proċeduri dijanjostiċi.

2. Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25, temenda l-Anness II, b'mod partikolari sabiex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u l-metodi dijanjostiċi.

Artikolu 25

1. Meta trid tiġi segwita l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu, il-President għandu jirreferi, mingħajr dewmien, il-materja lill-Kumitat Permanenti Veterinarju, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tiġi mogħtija bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet illi l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta dwar il-proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġewwa l-Kumitat għandhom jiġu ppeżati fil-manjiera ddikjarata f’dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li jkollha x'taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, meta jiskadi perjodu taż-żmien ta’ tliet xhur mid-data li fiha s-suġġett ikun ġie rriferit lill-Kunsill, il-Kunsill ikun għandu ma aġġixxiex, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, għajr fejn il-Kunsill ikun iddeċieda b’maġġoranza sempliċi kontra l-miżuri msemmija.

Artikolu 26

1. Fejn il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu trid tiġi segwita, il-materja għandha tiġi rriferita mingħajr dewmien lill-Kumitat Permanenti Veterinarju mill-President tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba ta’ Stat Membru.

2. Ġewwa l-Kumitat, il-voti ta’ l-Istati Membri għandhom jiġu ppeżati kif stabbilit fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat. Il-President ma għandux jivvota.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti abbozz tal-miżuri li jridu jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dawn il-miżuri fi żmien jumejn. L-opinjonijiet għandhom jiġu mogħtija b’maġġoranza ta’ 54 vot.

4. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri u għandha timplementahom minnufih, fejn dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Fejn il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri b’maġġoranza kkwalifikata.

Jekk il-Kunsill ma jkunx adotta kull miżura fi żmien 15-il jum mid-data li fiha l-materja tkun ġiet irreferita lilu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti u għandha timplimentahom minnufih, għajr jekk il-Kunsill jkun ivvota kontra l-miżuri msemmija b’maġġoranza sempliċi.

Artikolu 27

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Ottubru 1993. Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewliena tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

3. Kif tiġi stabbilita t-temma taż-żmien għat-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Ottubru 1993 għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-abolizzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq il-fruntieri pprovduti fid-Direttiva 90/425/KEE.

Artikolu 28

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta’ Diċembru 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Gummer

[1] ĠU C 148, tas-7. 6. 1991, p. 12.

[2] ĠU C 280, tat-28. 4. 1992, p. 124.

[3] ĠU C 339, tal-31. 12. 1991, p. 12.

[4] ĠU L 224, tat-18. 8. 1990, p. 19. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 91/133/KEE (ĠU Nru L 66, tat-13. 3. 1991, p. 18).

[5] ĠU L 255, tat-18. 10. 1968, p. 23.

[6] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/397/KEE tat-12 ta’ Lulju 1988 li tikkordina r-regoli stabbiliti mill-Istati Membri sabiex jiġi applikat l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE (ĠU L 189, tal-20. 7. 1988, p. 25).

--------------------------------------------------

ANNESS I

IL-LISTA OBBLIGATORJA TAL-MARD NOTIFIKABBLI

Il-Marda | Il-Perjodu massimu tmiem ta' l-inkubazzjoni |

Ir-Rinderpest | 21 jum |

Il-Peste de petits ruminants (il-marda ta' l-annimali ż-żgħar li jgerrmu) | 21 jum |

Il-Marda vesikulari tal-ħnieżer | 28 jum |

Il-Marda Bluetongue (il-marda ta' l-ilsien ikħal) | 40 jum |

Il-Marda epiżootika ta' l-emorraġija taċ-ċriev | 40 jum |

Il-Ġidri tan-nagħaġ u l-mogħoż (Capripox) | 21 jum |

L-Istomatite vesikulari | 21 jum |

Il-Marda Teschen | 40 jum |

Il-Marda ta' l-infafet fil-ġilda | 28 jum |

Marda tar-Rift Valley | 30 jum |

--------------------------------------------------

ANNESS II

IL-MIŻURI SPEĊIFIĊI GĦALL-KONTROLL TA’ ĊERTU MARD

B’żieda mad-disposizzjonijiet ġenerali stabbiliti f’din id-Direttiva, id-disposizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw lejn il-marda vesikulari tal-ħnieżer.

1. Id-deskrizzjoni tal-marda

Marda tal-ħnieżer li klinikament ma tistax tiġi magħżula mill-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer, li tikkawża vesikuli fuq l-imnieħer, fuq ix-xoftejn, fuq l-ilsien u fuq il-faxex koronarji tas-swaba'. Il-marda tvarja b'mod konsiderevoli fis-severità u tista' tinfetta merħla ta’ ħnieżer mingħajr ma timmanifesta ruħha b’sinjali kliniċi. Il-virus huwa kapaċi li jibqa' ħaj għal perjodi twal taż-żmien saħansitra fil-laħam frisk; huwa estremament reżistenti għad-diżinfettanti normali u magħruf għall-persistenza u l-istabbiltà tiegħu tul firxa ta’ pH minn 2,5 sa 12. Huma għalhekk meħtieġa t-tindif u d-diżinfezzjoni bir-reqqa b'mod partikolari.

2. Il-perjodu taż-żmien ta’ l-inkubazzjoni

Għall-għan ta’ din id-Direttiva, il-perjodu massimu taż-żmien ta’ l-inkubazzjoni għandu jkun meqjus ta' 25 jum.

3. Il-proċeduri dijanjostiċi għall-konferma u d-dijanjosi differenzjali tal-marda vesikulari tal-ħnieżer

Il-metodi dettaljati għall-ġbir tal-materjali għal dijanjosi, it-testijiet dijanjostiċi fil-laboratorju, il-kixfa ta’ l-antikorpi u l-evalwazzjoni tar-riżultati tat-testijiet fil-laboratorju għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 qabel ma d-Direttiva tidħol fis-seħħ.

4. Il-konferma tal-preżenza tal-marda vesikulari tal-ħnieżer

Bħala deroga mill-Artikolu 2 (6) ta’ din id-Direttiva, il-preżenza tal-marda għandha tiġi kkonfermata:

(a) fuq l-oqsma li fihom il-virus tal-marda vesikulari tal-ħnieżer ikun iżolat jew mill-ħnieżer jew mill-ambjent;

(b) fuq l-oqsma li jkun fihom il-ħnieżer li huma sero-pożittivi għall-marda vesikulari tal-ħnieżer sakemm dawn il-ħnieżer jew oħrajn fuq l-oqsma juru l-ġrieħi karatteristiċi tal-marda vesikulari tal-ħnieżer;

(ċ) fuq l-oqsma li jkun fihom ħnieżer li juru sinjali kliniċi tal-marda jew li jkunu sero-pożittivi, sakemm ikun hemm konnessjoni epidemjoloġika diretta mal-konferma li tkun faqqgħet il-marda;

(d) fil-merħliet l-oħra fejn jiġu mikxufa l-ħnieżer sero-posittivi. Fil-każ ta’ l-aħħar l-awtorità kompetenti għandha, qabel tikkonferma l-preżenza tal-marda, tindaħal għal aktar investigazzjonijiet, b'mod partikolari bit-teħid mill-ġdid tal-kampjuni u b'testijiet mill-ġdid f’intervall taż-żmien ta’ 28 jum mill-anqas bejn il-ġabriet tal-kampjuni. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 għandhom jissoktaw japplikaw sakemm jitlestew aktar investigazzjonijiet. Jekk l-investigazzjonijiet sussegwenti ma juru l-ebda xhieda tal-marda, minkejja illi l-ħnieżer jkunu għadhom sero-pożittivi, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura illi l-ħnieżer li fuqhom ikun sar it-test jiġu maqtula u meqruda taħt is-sorveljanza tagħha jew maqtula taħt is-sorveljanza tagħha f’biċċerija li tkun innominata fit-territorju nazzjonali tagħha.

L-awtorità kompetenti għandha tiżgura illi mal-wasla fil-biċċerija l-ħnieżer jinżammu u jinqatlu separatament mill-ħnieżer l-oħra u li l-laħam tagħhom jintuża esklussivament fis-suq nazzjonali.

5. Il-laboratorji dijanjostiċi

Il-Belġju: | L-Institut national de recherches vétérinaires,Groeselenberg 99,B-1180 Bruxelles |

Id-Danimarka: | L-iStatens Veterinaere Institut for Virusforskning,Lindholm |

Il-Ġermanja: | Il-Bundesforschungsanstalt fuer Viruskrankheiten der Tiere,Paul-Ehrlich-Strasse,7400 Tuebingen |

Franza: | Il-Laboratoire central de recherche vétérinaire,Maisons-Alfort |

Il-Greċja: | L-Institoyto Loimodon kai Parasitikon Nosimaton,Neapoleos 21,Agia Paraskevi· |

L-Irlanda: | L-Institute for Animal Health,Pirbright,Woking,Surrey |

L-Italja: | L-Istituto zooprofilattico sperimentale della Lombardia e dell'Emilia Romagna,Brescia |

Il-Lussemburgu: | L-Institut national de recherches vétérinaires,Groeselenberg 99,B-1180 Bruxelles |

L-Olanda: | Is-Centraal Diergeneeskundig Institut,Lelystad |

Il-Portugall: | Il-Laboratório Nacional de Investigaçao Veterinária,Lisboa |

Spanja: | Il-Laboratorio de Alta Seguridad Biológica (INIA),28130 Madrid |

Ir-Renju Unit | L-Institute for Animal Health,Pirbright,Woking,Surrey |

6. Il-laboratorju Komunitarju ta’ referenza

L-AFRC Institute for Animal Health,Pirbright Laboratory,Ash Road,Pirbright,

Woking,Surrey

GU24 ONF,United Kingdom.

7. Iż-żona ta’ protezzjoni

1. Id-daqs taż-żona tal-protezzjoni għandha tkun kif iddefinita fl-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva.

2. Fil-każ tal-marda vesikulari tal-ħnieżer, bħala deroga, il-miżuri fl-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu mibdula b'li ġej:

(a) għandhom jiġu identifikati l-oqsma kollha ġewwa ż-żona li jkollhom bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli;

(b) għandhom isiru żjajjar perjodiċi fl-oqsma li jkollhom il-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibi, eżami kliniku ta’ dawn il-bhejjem inkluż, jekk meħtieġ, il-ġbir tal-kampjuni għall-eżami fil-laboratorju; irid jinżamm reġistru taż-żjajjar u tas-sejbiet; bil-frekwenza taż-żjajjar tkun ipproporzjonata mal-gravità ta’ l-epiżootika f’dawk l-oqsma li jkunu ta’ l-akbar riskju;

(ċ) għandhom jiġu pprojbiti l-moviment u t-trasport tal-bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli fuq it-toroq pubbliċi jew privati għajr għat-toroq tas-servizz fuq l-oqsma. L-awtorità kompetenti tista', madankollu, tidderoga minn din il-projbizzjoni għat-transitu tal-bhejjem bit-triq jew bil-ferrovija mingħajr ħatt jew waqfien;

(d) madankollu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25, tista' tiġi konċessa eċċezzjoni għall-qatla tal-ħnieżer li jkunu ġejjin minn barra ż-żona tal-protezzjoni u li jkunu fi triqthom lejn biċċerija lokata f’din iż-żona;

(e) it-trakkijiet u l-vetturi l-oħra u t-tagħmir li jkunu użati fiż-żona tal-protezzjoni sabiex jittrasportaw il-ħnieżer jew bhejjem ħajjin oħra jew materjal li jista' jkun ikkontaminat (p.e. l-għalf, id-demel, id-demel likwidu, eċċ.) ma jistgħux joħorġu minn:

(i) qasam lokat fiż-żona tal-protezzjoni;

(ii) iż-żona tal-protezzjoni;

(iii) biċċerija,

mingħajr ma jkunu ġew imnaddfa u ddiżinfettati skond il-proċedura stabbilita mill-awtorità kompetenti. Dawn il-proċeduri għandhom jipprovdu b'mod partikolari illi l-ebda trakk jew vettura li tkun ġiet użata għat-trasport tal-ħnieżer ma tkun tista' tħalli ż-żona mingħajr ma tkun spezzjonata mill-awtorità kompetenti;

(f) il-ħnieżer ma jistgħux jiġu mneħħija minn fuq qasam li fih ikunu miżmuma għal 21 jum wara t-tkomplija tat-tindif u d-diżinfezzjoni preliminari ta’ l-oqsma infettati kif stabbilit fl-Artikolu 16; wara 21 jum, tista' tingħata awtorizzazzjoni sabiex il-ħnieżer jitneħħew minn fuq il-qasam imsemmi:

(i) direttament lejn biċċerija nnominata mill-awtorità kompetenti, preferibbilment fiż-żona tal-protezzjoni jew tas-sorveljanza, sakemm:

- ikun twettaq spezzjon tal-ħnieżer kollha fuq il-qasam,

- ikun twettaq eżami kliniku tal-ħnieżer li jkunu sejrin jittieħdu għall-qatla,

- kull ħanżir jew ħanżira li jkunu ġew immarkat bil-marka tal-widna jew ikunu ġew identifikati b’metodu ieħor approvat,

- il-ħnieżer jiġu ttrasportati f’vetturi ssiġillati mill-awtorità kompetenti.

L-awtorità kompetenti responsabbli mill-biċċerija għandha tiġi mgħarrfa bl-intenzjoni li jintbagħtu l-ħnieżer fiha.

Mal-wasla fil-biċċerija, il-ħnieżer għandhom jinżammu separati mill-ħnieżer l-oħra. Il-vettura u t-tagħmir li jkunu ġew involuti fit-trasport tal-ħnieżer għandhom jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati qabel ma jħallu l-biċċerija.

Matul l-ispezzjon ta’ qabel il-qatla u l-ispezzjon ta' l-awtopsja mwettqa fil-biċċerija nnominata, l-awtorità kompetenti għandha tqis kull sinjal li jkollu x'jaqsam mal-preżenza tal-virus tal-marda vesikulari tal-ħnieżer.

Fil-każ tal-ħnieżer maqtula skond dawn id-disposizzjonijiet, għandu jinġabar kampjun statistiku rappreżentattiv tad-dmija. Fil-każ ta’ riżultat pożittiv li jwassal għall-konferma tal-marda vesikulari tal-ħnieżer, jridu japplikaw il-miżuri fid-9 (3);

(ii) taħt ċirkostanzi eċċezjonali, direttament għall-fond l-ieħor lokat fiż-żona tal-protezzjoni, sakemm:

- ikun twettaq spezzjon tal-ħnieżer kollha fuq l-oqsma,

- ikun twettaq, b'riżultat negattiv, eżami kliniku tal-ħnieżer li jkunu sejrin jiġu mċaqalqa,

- kull ħanżir jew ħanżira jkunu ġew immarkati bil-marka tal-widna jew ikunu ġew identifikati b’metodu ieħor approvat;

(g) il-laħam frisk mill-ħnieżer riferit fil-punt (f) (i) għandu jiġi mmarkat skond l-Anness mad-Direttiva tal-Kunsill 72/461/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 dwar il-problemi tas-saħħa li jaffetwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-laħam frisk [1], u jkun ġie sussegwentement ittrattat skond ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4 (1) tad-Direttiva tal-Kunsill 80/215/KEE tat-22 ta’ Jannar 1980 dwar il-problemi tas-saħħa ta’ l-bhejjem li jaffetwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-prodotti tal-laħam [2]. Dan irid isir fi stabbiliment innominat mill-awtorità kompetenti.

Il-laħam għandu jintbagħat fl-istabbiliment imsemmi bil-kondizzjoni illi l-kunsinja tkun issiġillata qabel it-tluq u tissokta ssiġillata matul it-trasport kollu.

Madankollu, fuq it-talba ta' Stat Membru, akkumpanjata b’ġustifikazzjoni approprjata u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 ta’ din id-Direttiva, jistgħu jiġu adottati soluzjonijiet speċifiċi, b'mod partikolari rigward il-kummerċ fil-laħam u l-użu sussegwenti tiegħu, u d-destinazzjoni tal-prodotti pproċessati.

3. Il-miżuri fiż-żona tal-protezzjoni għandhom jissoktaw jiġu applikati għall-inqas sakemm:

(a) jiġu mwettqa l-miżuri kollha stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva;

(b) l-oqsma kollha fiż-żona jkunu għaddew minn:

(i) eżami kliniku tal-ħnieżer li jkun żvela li ma jkollhom l-ebda sinjal tal-marda li tissuġġerixxi l-preżenza tal-marda vesikulari tal-ħnieżer; u

(ii) eżami seroloġiku ta’ kampjun statistiku tal-ħnieżer mingħajr il-kxif ta’ antikorpi tal-marda vesikulari tal-ħnieżer. Il-programm tas-sorveljanza seroloġika għandu jqis it-trasmissjoni tal-marda vesikulari tal-ħnieżer u l-manjiera li fiha jinżammu l-ħnieżer. Il-programm għandu jiġi ffissat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25 ta’ din id-Direttiva qabel id-data tad-dħul li fiha tkun ġiet imdaħħla fis-seħħ.

L-eżami u l-kampjunar riferit fil-(i) u fit-(ii) ma għandhomx isiru qabel ma jkunu għaddew 28 jum mit-twettiq tal-miżuri preliminari tat-tindif u d-diżinfezzjoni fuq il-qasam infettat.

4. Malli jiskadi l-perjodu taż-żmien riferit fil-punt 2, ir-regoli li japplikaw għaż-żona tas-sorveljanza għandhom japplikaw ukoll għaż-żona tal-protezzjoni.

8. Iż-żona tas-sorveljanza

1. Id-daqs taż-żona tas-sorveljanza għandu jkun kif stabbilit fl-Artikolu 10.

2. Fil-każ tal-marda vesikulari tal-ħnieżer, il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 12 għandhom jiġu mibdula b'li ġej:

(a) għandhom jiġu identifikati l-oqsma kollha li jkollhom bhejjem ta’ l-ispeċi suxxettibbli;

(b) għandu jkun permess kull moviment tal-ħnieżer għajr direttament lejn biċċerija minn qasam fiż-żona tas-sorveljanza, sakemm l-ebda ħanżir jew ħanżira ma jiġu mċaqalqa f’dan il-qasam matul il-21 jum ta' qabel; is-sid jew il-persuna responsabbli mill-bhejjem iridu jirreġistraw il-movimenti kollha tal-ħnieżer;

(ċ) jista' jiġi awtorizzat il-moviment tal-ħnieżer miż-żona tas-sorveljanza mill-awtorità kompetenti, sakemm:

- ikun twettaq spezzjon tal-ħnieżer kollha fuq il-qasam fi żmien 48 siegħa qabel il-moviment,

- ikun twettaq, b'riżultati negattivi, eżami kliniku tal-ħnieżer li jkunu sejrin jiċċaqilqu, fit-48 siegħa ta' qabel il-moviment,

- ikun twettaq eżami seroloġiku ta' kampjun statistiku tal-ħnieżer li jridu jiċċaqilqu mingħajr il-kxif ta’ antikorpi tal-marda vesikulari tal-ħnieżer matul l-14-il jum li jiġu qabel il-moviment. Madankollu, fil-każ tal-ħnieżer għall-qatla, l-eżami seroloġiku jista' jitwettaq fuq il-bażi ta’ kampjuni tad-dmija meħuda fil-biċċerija tad-destinazzjoni nnominata mill-awtorità kompetenti fit-territorju tagħha. Fil-każ ta’ riżultati pożittivi li jikkonfermaw il-preżenza tal-marda vesikulari tal-ħnieżer, għandhom jiġu applikati l-miżuri pprovduti fil-punt 9 (3),

- kull ħanżir jew ħanżira jkunu ġew immarkati b’marka individwali tal-widna jew b’metodu ieħor approvat ta’ identifikazzjoni,

- it-trakkijiet u l-vetturi l-oħra u t-tagħmir użati għat-trasport tal-ħnieżer għandhom jiġu mnaddfa u ddiżinfettati wara kull ħidma ta’ trasport;

(d) it-trakkijiet u l-vetturi l-oħra u t-tagħmir użati għat-trasport tal-ħnieżer jew ta' bhejjem oħra ħajjin jew ta' materjal li jistgħu jkunu kkontaminati u li jkunu ġew użati fiż-żona tas-sorveljanza ma għandhomx ihallu din iż-żona mingħajr ma jkunu ġew imnaddfa u ddiżinfettati skond il-proċedura stabbilita mill-awtorità kompetenti.

3. (a) Id-daqs taż-żona tas-sorveljanza jista' jiġi emendat skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 (3).

(b) Il-miżuri fiż-żona tas-sorveljanza għandhom jiġu applikati mill-inqas sakemm:

(i) ikunu twettqu l-miżuri kollha stabbiliti fl-Artikolu 16;

(ii) ikunu twettqu l-miżuri kollha meħtieġa fiż-żona tal-protezzjoni.

9. Miżuri komuni ġenerali

Għandhom jiġu applikati miżuri addizzjonali fil-każ tal-marda vesikulari tal-ħnieżer kif ġej:

1. fil-każi fejn il-preżenza tal-marda vesikulari tal-ħnieżer tiġi kkonfermata uffiċjalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, b’żieda mal-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 4 (2) u (5) ta’ din id-Direttiva, il-laħam tal-ħnieżer maqtula matul il-perjodu taż-żmien bejn l-introduzzjoni probabbli tal-marda fil-qasam u l-implementazzjoni tal-miżuri uffiċjali jkun, kull fejn possibbli, intraċċjat u meqrud taħt is-sorveljanza uffiċjali hekk illi jiġi evitat ir-riskju tat-tixrid tal-virus tal-marda vesikulari tal-ħnieżer;

2. meta l-veterinarju uffiċjali jkollu raġuni li jissusspetta illi ħnieżer fuq kull qasam setgħu jkunu ġew ikkontaminati bħala riżultat tal-moviment ta’ kull persuna, annimal jew vettura jew b'kull mod ieħor, il-ħnieżer fuq il-qasam għandhom jissoktaw taħt ir-restrizzjonijiet tal-moviment riferiti fl-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva mill-anqas sakemm il-qasam ikun għadda minn:

(a) eżami kliniku tal-ħnieżer, b’riżultati negattivi;

(b) eżami seroloġiku b’kampjun statistiku tal-ħnieżer mingħajr il-kxif ta’ antikorpi tal-marda vesikulari tal-ħnieżer skond is-7 (3) (b) (ii).

L-eżami riferit fil-(a) u fil-(b) ma għandux isir sakemm ikunu għaddew 28 jum mill-kontaminazzjoni possibbli tal-fond bħala riżultat tal-moviment ta’ persuni, bhejjem jew vetturi, jew kull mod ieħor.

3. Jekk il-preżenza tal-marda vesikulari tal-ħnieżer tiġi kkonfermata f’biċċerija, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura illi:

(a) il-ħnieżer kollha fil-biċċerija jiġu maqtula mingħajr dewmien;

(b) il-karkassi u l-ġewwieni infettati u l-ħnieżer ikkontaminati jiġu meqruda taħt is-sorveljanza uffiċjali hekk illi jiġi evitat ir-riskju tat-tixrid tal-virus tal-marda vesikulari tal-ħnieżer;

(ċ) it-tindif u d-diżinfezzjoni tal-fond u tat-tagħmir, inklużi l-vetturi, isiru taħt is-sorveljanza tal-veterinarju uffiċjali, skond l-istruzzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti;

(d) titwettaq inkjesta epidemjoloġika skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva;

(e) l-ebda ħanżir jew ħanżira ma jiddaħħlu mill-ġdid għall-qatla għal mill-anqas 24 siegħa wara t-tkomplija tal-ħidmiet tat-tindif u d-diżinfezzjoni imwettqa skond iċ-(ċ).

10. It-tindif u d-diżinfezzjoni ta’ l-oqsma infettati

B’żieda mal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw ukoll il-miżuri li ġejjin:

1. Il-proċedura għat-tindif u d-diżinfezzjoni preliminari

(a) Hekk kif il-karakassi tal-ħnieżer ikunu ġew imneħħija sabiex jinqerdu, dawk il-partijiet tal-fond li fihom kienu jinżammu l-ħnieżer u kull parti oħra tal-fond li tkun ġiet ikkontaminata matul il-qatla għandhom jiġu mbexxa b’diżinfettant, approvat skond l-Artikolu 16, fil-konċentrazzjoni approprjata għall-marda vesikulari tal-ħnieżer. Id-diżinfettant użat għandu jibqa' fuq il-wiċċ għal mill-anqas 24 siegħa.

(b) Kull tessut jew demm li seta' nxtered matul il-qatla għandhom jiġu miġbura bl-akbar kura u meqruda mal-karkassi (il-qatla għandha dejjem titwettaq fuq uċuħ impervji).

2. Il-proċedura għal aktar tindif u diżinfezzjoni

(a) Id-demel, il-friex, l-ikel ikkontaminat, eċċ., għandhom jitneħħew mill-fond, u jiġu stakkjati u mbexxa b’diżinfettant approvat. Id-demel likwidu għandu jiġi ttrattat b’metodu addattat għalbiex joqtol il-virus.

(b) It-tagħmir tat-twaħħil li jinġarr għandu jiġi mneħħi mill-fond u mnaddaf u ddiżinfettat separatament.

(ċ) Ix-xaħmijiet u l-ħmieġ l-ieħor għandhom jitneħħew minn fuq l-uċuħ kollha billi dawn jiġu mxarrba b'aġent ta’ kontra x-xaħam u mbagħad maħsula bl-ilma taħt pressa.

(d) Għandha mbagħad tintgħamel applikazzjoni oħra tad-diżinfettant billi jitbexxu l-uċuħ kollha.

(e) Il-kmamar li jistgħu jiġu ssiġillati għandhom jiġu ffumigati.

(f) It-tiswijiet ta’ l-art, il-ħitan, eċċ., bil-ħsara, għandhom jiġu miftiehma wara spezzjon minn veterinarju uffiċjali, u mwettqa minnufih.

(g) It-tiswijiet kompletati għandhom jiġu spezzjonati sabiex jiġi żgurat illi jkunu ntgħamlu b'mod sodisfaċenti.

(h) Il-partijiet kollha tal-fond li jkunu ħielsa mill-materjali kombustibbli jistgħu jiġu ttrattati bis-sħana bl-użu ta’ pistola tan-nar.

(i) L-uċuħ kollha għandhom jiġu mbexxa b’diżinfettant alkalin li jkollu pH akbar minn 12,5 jew b'kull diżinfettant ieħor approvat. Id-diżinfettant għandu jiġi maħsul għal kollox wara 48 siegħa.

3. Il-proċedura għat-tindif u d-diżinfezzjoni finali

It-trattament bil-pistola tan-nar jew bid-diżinfettant alkalin (il-punt 2 (h) jew (i)) għandhom jiġu mtennija wara 14-il jum.

11. Il-ħażna mill-ġdid ta’ l-oqsma infettati

B’żieda mal-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 5 (4) ta’ din id-Direttiva, għandhom jiġu applikati wkoll il-miżuri li ġejjin:

1. Il-ħażna mill-ġdid ma għandhiex tibda qabel erba' ġimghat wara t-tkomplija ta’ l-ewwel diżinfezzjoni sħiħa tal-fond, jiġifieri i.e. it-tielet pass tal-proċeduri tat-tindif u diżinfezzjoni.

2. It-tidħil mill-ġdid tal-ħnieżer għandu jqis it-tip tal-biedja pprattikata fuq il-qasam u għandu jkun skond waħda mill-proċeduri li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ l-oqsma fil-miftuħ għall-ħnieżer, il-ħażna mill-ġdid għandha tibda ma' l-introduzzjoni ta’ numru limitat ta’ qżieqeż li jservu bħala sentinella li jkunu ġew eżaminati u misjuba negattivi għall-preżenza ta’ l-antikorpi kontra l-virus tal-marda vesikulari tal-ħnieżer. Il-qżieqeż sentinella għandhom jiġu mqiegħda, skond il-ħtiġiet ta’ l-awtorità kompetenti, ġewwa l-qasam kollu infettat u jridu jiġu eżaminati klinikalment 28 jum wara li jkunu tqiegħdu fuq il-qasam, u bit-teħid tal-kampjuni għat-testijiet seroloġiċi.

Jekk l-ebda qażquż jew qażquża ma juru xhieda klinika tal-marda vesikulari tal-ħnieżer u l-anqas ma jkunu żviluppaw antikorpi kontra l-virus tal-marda, jistgħu jsiru l-ħażniet mill-ġdid;

(b) għall-għamliet l-oħra kollha tat-tkabbir, it-tidħil mill-ġdid tal-ħnieżer għandu jsir jew skond il-miżuri pprovduti fil-paragrafu (a) jew b’ħażniet sħaħ ġodda, sakemm:

- il-ħnieżer kollha jaslu f’perjodu taż-żmien ta’ tmint ijiem u jiġu minn oqsma li jkunu lokati 'l barra miż-żoni ristretti b'riżultat tal-marda vesikulari tal-ħnieżer, u jkunu sero-negattivi,

- l-ebda ħanżir jew ħanżira ma jistgħu jħallu l-qasam għal perjodu taż-żmien ta’ 60 jum wara l-wasla ta’ l-aħħar ħnieżer,

- il-merħla ppopolata mill-ġdid tkun bla ħsara għal eżami kliniku u seroloġiku skond il-ħtiġiet ta’ l-awtorità kompetenti. Dan l-eżami jista' jitwettaq l-aktar kmieni 28 jum wara l-wasla ta’ l-aħħar ħnieżer.

12. L-aktar tard sa l-1 ta’ Ottubru 1997, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport imħejji fuq il-bażi ta’ opinjoni mill-Kumitat Xjentifiku Permanenti Veterinarju dwar l-iżviluppi fir-riċerka u l-proċeduri tad-dijanjosi kif ukoll ta' l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi rigward il-marda vesikulari tal-ħnieżer, flimkien ma' kull proposta approprjata fid-dawl tas-sejbiet ta’ dan ir-rapport. Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq dawn il-proposti b’maġġoranza kwalifikata mhux aktar tard minn sitt xhur wara s-sottomissjoni tagħhom.

[1] ĠU Nru L 302, tal-31. 12. 1972, p. 24. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 91/687/KEE (ĠU Nru L 377, tal-31. 12. 1991, p. 16).

[2] ĠU Nru L 47, tal-21. 2. 1980, p. 4. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 91/687/KEE (ĠU Nru L 377, tal-31. 12. 1991, p. 16).

--------------------------------------------------

ANNESS III

IL-LABORATORJI KOMUNITARJI TA’ REFERENZA GĦALL-MARD INTERESSAT

Il-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-laboratorji Komunitarji ta’ referenza għall-mard interessat għandhom ikunu:

1. li jikkordinaw, b’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-metodi użati fl-Istati Membri sabiex jiddijanjosaw il-mard interessat, speċifikament billi:

(a) jagħtu t-tip, jaħżnu u jfornu r-razez tal-virus tal-mard relevanti għat-testijiet seroloġiċi u t-tħejjija ta' l-antisera;

(b) ifornu s-sera standard u reaġenti oħra ta’ referenza lil-laboratorji nazzjonali ta’ referenza sabiex jiġu standardizzati t-testijiet u r-reaġenti użati fl-Istati Membri;

(ċ) jibnu u jżommu kollezzjoni tar-razez tal-virus u l-iżolati tal-virus tal-marda relevanti;

(d) jorganizzaw testijiet perjodiċi komparattivi tal-proċeduri dijanjostiċi fil-livell Komunitarju;

(e) jiġbru u jikkollataw l-informazzjoni u t-tagħrif dwar il-metodi tad-dijanjosi użati u r-riżultati tat-testijiet imwettqa fil-Komunità;

(f) jikkaratterizzaw l-iżolati tal-virus tal-marda relevanti bil-metodi l-aktar aġġornati disponibbli sabiex jippermettu għarfien iktar dwar l-epiżoozjoloġija tal-mard;

(g) iżommu ruħhom aġġornati ma' l-żviluppi fis-sorveljanza, l-epiżoozjoloġija u l-prevenzjoni tal-mard relevanti fid-dinja kollha;

(h) iżommu l-kompetenza dwar il-virus tal-marda relevanti u l-virusijiet l-oħra pertinenti sabiex jgħinu dijanjosi differenzjali bil-ħeffa;

(i) jiksbu għerf bir-reqqa dwar it-tħejjija u l-użu tal-prodotti ta’ l-immunoloġija veterinarja użati għall-eradikazzjoni u l-kontroll tal-mard relevanti;

2. jgħinu attivament fid-dijanjosi tat-tifqigħ tal-marda relevanti fl-Istati Membri billi jirċievu l-iżolati tal-virusijiet għad-dijanjosi dwar il-konferma, il-karatterizzazzjoni u l-istudji epiżoozjoliġiċi;

3. jiffaċilitaw it-taħriġ jew iż-żamma ta’ l-esperti fid-dijanjosi tal-laboratorji bl-għan li jiġu armonizzati d-dijanjosijiet tekniċi fil-Komunità kollha.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

IL-KRITERJI MINIMI GĦALL-PJANI TA’ KONTINĠENZA

Il-pjani ta’ kontinġenza għandhom mill-anqas jilħqu l-kriterja li ġejjin:

1. li jiġi stabbilit ċentru ta’ kriżi fuq livell nazzjonali, li għandu jikkordina l-miżuri kollha tal-kontroll fl-Istat Membru interessat;

2. għandha tiġi pprovduta lista taċ-ċentri lokali tal-kontroll tal-mard bil-faċilitajiet adegwati għalbiex jikkordinaw il-miżuri tal-kontroll fil-livell lokali;

3. għandu jingħata tagħrif iddettaljat dwar il-personal involut fil-miżuri tal-kontroll, il-ħiliet tagħhom u r-responsabbiltajiet tagħhom;

4. kull ċentru lokali tal-kontroll irid ikun kapaċi jikkuntattja malajr lill-persuni/organizzazzjonijiet li jkunu involuti direttament jew indirettament f’tifqigħa ta’ marda;

5. it-tagħmir u l-materjali għandhom ikunu disponibbli sabiex iwettqu l-miżuri tal-kontroll tal-mard kif jixraq;

6. għandhom jiġu pprovduti l-istruzzjonijiet dettaljati dwar l-azzjoni li trid tittieħed mas-suspett u l-konferma ta’ infezzjoni jew kontaminazzjoni, inklużi l-mezzi proposti għad-disponiment tal-karkassi;

7. għandhom jiġu stabbiliti programmi tat-taħriġ sabiex iżommu u jiżviluppaw il-ħiliet fil-proċeduri ta' fuq il-post u amministrattivi;

8. il-laboratorji dijanjostiċi għandu jkollhom il-faċilitajiet għall-eżami ta' l-awtopsja, il-kapaċità meħtieġa għas-seroloġija, l-istoloġija, eċċ., u jridu jżommu l-ħiliet għal dijanjosi bil-ħeffa. Iridu jsiru l-arranġamenti għat-trasport bil-ħeffa tal-kampjuni;

9. għandhom jiġu pprovduti d-dettalji dwar il-kwantità tal-vaċċin għal kontra l-marda fil-kwistjoni li tkun stmata bħala meħtieġa fil-każ tat-tilqim ta’ l-emerġenza;

10. għandhom jintgħamlu disposizzjonijiet għalbiex jiżguraw il-poteri legali meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-pjani ta’ kontinġenza.

--------------------------------------------------