31992L0052



Official Journal L 179 , 01/07/1992 P. 0129 - 0130
Finnish special edition: Chapter 11 Volume 19 P. 0216
Swedish special edition: Chapter 11 Volume 19 P. 0216


Id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE

tat-18 ta’ Ġunju 1992

dwar il-formulaetat-trabi u l-formulaetal-prosegwiment maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

Billi r-regoli Komunitarji li jirrigwardaw il-formulae għat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment huma stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 89/398/KEE tat-3 ta’ Mejju 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-oġġetti ta’ l-ikel għall-użu nutrizzjonali partikolari [4] fid-Direttiva tal-Kummissjoni 91/321/KEE; [5]

Billi minħabba n-natura tal-prodotti fil-kwistjoni huwa mixtieq illi r-regoli Komunitarji jew l-istandards internazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-kompożizzjoni tagħhom japplikaw għal dawn il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi;

Billi sabiex jiġi pprevenut l-użu mhux approprjat ta’ dawn il-prodotti li jista’ jippreġudika s-saħħa tat-trabi huwa wkoll mixtieq li tiġi estiża l-applikazzjoni tar-regoli Kommunitarji dwar it-tikkettjar tal-formulae għat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment u ta’ dawk il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi;

Billi l-prodotti li jikkonformaw mad-Direttiva 91/321/KEE jistgħu jitqiegħdu fis-suq fil-Kommunità mill-1 ta’ Diċembru 1992; billi l-ebda liġi ma tipprojbixxi l-esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti lejn pajjiżi terzi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tirrigwarda l-formulae għat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment, kif imfissra fl-Artikolu 1(2)(ċ) u (d) tad-Direttiva 91/321/KEE, u maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiżġuraw illi l-prodotti riferiti fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu esportati mill-Komunità biss jekk jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

1. L-ebda prodott ieħor għajr il-formulae għat-trabi ma jista’ jiġi ppreżentat li huwa xieraq li jissodisfa waħdu l-ħtiġiet nutrijenti tat-trabi normali b’saħħithom matul l-ewwel erba’ xhur u sa sitt xhur tal-ħajja tagħhom.

2. B’żieda ma’ dan il-prodotti li hemm referenza fl-Artikolu 1 iridu jikkonformaw ma’:

(a) l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 tad-Direttiva 91/321/KEE jew ma’ l-istandards relevanti mondjali applikabbli, stabbiliti bil-Codex Alimentarius;

(b) l-Artikolu 7(2) sa (6) tad-Direttiva 91/321/KEE;

(ċ) id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/396/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1989 dwar l-indikazzjonijiet jew il-marki li jidentifikaw il-lott li għalih jappartieni oġġett ta’ l-ikel [6],

għajr jekk ikun mitlub jew stipulat mod ieħor bid-dispożizzjoni stabbiliti mill-pajjiż ta’ l-importazzjoni.

3. Dawn il-prodotti għandhom jiġu ttikkettjati f’lingwa approprjata u b’ mod illi jiġi evitat kull riskju ta’ konfużjoni bejn il-formula għat-trabi u l-formulae tal-prosegwiment.

4. L-istipulazzjonijiet, il-projbizzjonijiet u l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7(2) sa (6) tad-Direttiva 91/321/KEE għandhom japplikaw ukoll għall-preżentazzjoni tal-prodotti interessati u b’mod partikolari għall-għamla, l-aspett jew l-imballaġġ tagħhom u l-materjali użati għall-imballaġġ.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament. Għandhom jgħarrfu minnufih b’dan lill-Kummissjoni. Dawn il-miżuri għandhom jiġu applikati b’mod li jipprojbixxi l-esportazzjonijiet tal-prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, b’effett mill-1 ta’ Ġunju 1994.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati minn din ir-referenza fil-waqt tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

Vitor Martins

[1] ĠU C 124, tas-16.5.1992, p. 14 uĠU C 155,ta’ l- 20.6.1992, p. 18.

[2] ĠU C 125, tat-18.5.1992.

[3] ĠU C 106, tas-27.4.1992, p. 4.

[4] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 27.

[5] ĠU L 175, ta’ l-4.7.1991, p. 35.

[6] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 21. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/238/KEE (ĠU L 107, tas-27.4.1991, p. 50).

--------------------------------------------------