31992L0049



Official Journal L 228 , 11/08/1992 P. 0001 - 0023
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0160
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0160


Id-Direttiva Tal-Kunsill 92/49/KEE

tat-18 ta’ Ġunju 1992

dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi huwa neċessarju li jiġi kkompletat is-suq intern f’assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja mill-punto di vista ta’ kemm id-dritt ta’ stabbiliment u kemm il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, biex ikun aktar faċli għal intrapriżi ta’ assigurazzjoni b’uffiċċji ewlenin fil-Komunità li jkopru riskji li jinstabu fil-Komunità;

(2) Billi t-Tieni Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li tistabbilixxi dispożizzjonijiet biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u temenda d-Direttiva 72/239/KEE (88/357/KEE) [4] diġà kkontribwiet sostanzjalment għall-akkwist tas-suq intern f’assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja billi titolari tal-poloz li, permezz ta’ l-istatus tagħhom, id-daqs tagħhom jew in-natura tar-riskji li għandhom jiġu assigurati, ma jeħtiġux protezzjoni speċjali fl-Istat Membru fejn jinstab riskju, jingħataw libertà kompleta li jagħmlu l-ikbar użu possibbli mis-suq ta’ l-assigurazzjoni;

(3) Billi d-Direttiva 88/357/KEE għalhekk tirrappreżenta stadju importanti fl-għaqda ta’ swieq nazzjonali f’suq integrat u dak l-istadju għandu jiġi ssupplimentat bi strumenti Komunitarji oħrajn bl-iskop li t-titolari kollha tal-poloz, irrispettivament mill-istatus tagħhom, id-daqs tagħhom jew in-natura tar-riskji li għandhom jiġu assigurati, ikollhom rikors għal kull assiguratur bl-uffiċċju ewlieni fil-Komunità li jwettaq in-negozju tiegħu hemmhekk, taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi; waqt li tiggarantilhom protezzjoni adegwata;

(4) Billi din id-Direttiva tifforma parti mill-korp tal-leġislazzjoni Komunitarja diġà fis-seħħ li jinkludi l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjoni jiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (73/239/KEE) [5] u d-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni (91/647/KEE) [6];

(5) Billi l-approċċ adottat jikkonsisti f’li tiġi realizzata din l-armonizzazzjoni kif hu essenzjali, neċessarju u suffiċjenti biex jintlaħaq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ awtorizzazzjonijiet u sistemi ta’ kontroll prudenti, u b’hekk isir possibbli li tingħata awtorizzazzjoni waħda li tkun valida matul il-Komunità kollha u jiġi applikat prinċipju ta’ sorveljanza mill-Istat Membru tal-lokal;

(6) Billi, bħala riżultat, il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ assigurazzjoni għandhom minn issa ’ l quddiem jiġu suġġetti għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni uffiċjali waħda maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-intrapriża ta’ assigurazzjoni jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha; billi din l-awtorizzazzjoni tippermetti li intrapriża ssegwi in-negozju tagħha tul il-Komunità, skond id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi; billi l-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi ma jistax aktar jeħtieġ intrapriżi ta’ assigurazzjoni li jixtiequ jwettqu negozju ta’ assigurazzjoni hemmhekk u li diġà ġew awtorizzati fl-Istat Membru tal-lokalità tagħhom li jfittxu awtorizzazzjoni ġdida; billi d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati skond dawn il-linji;

(7) Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri tal-lokal għandhom minn issa ’ l quddiem ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tas-saħħa finanzjarja ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni, inkluż l-istat tal-likwidità tagħhom, l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet tekniċi adegwati u l-kopertura ta’ dawk id-dispożizzjonijiet b’assi paragunabbli;

(8) Billi ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiddefinnixxu standards minimi; billi Stat Membru tal-lokalità jista’ jistabbilixxi regoli aktar stretti għal intrapriżi ta’ assigurazzjoni awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti proprji;

(9) Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dawn il-mezzi ta’ sorveljanza li huma neċessarji biex jassiguraw l-insegwiment organizzat ta’ negozju minn intrapriżi ta’ assigurazzjoni matul il-Komunità kollha sew jekk imwettqa skond id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi; billi, b’mod partikolari, għandhom ikunu jistgħu jintroduċu salvagwardji approprjati jew jimponu sanzjonijiet immirati biex jipprevienu irregolaritajiet u ksur tad-dispożizzjonijiet dwar sorveljanza ta’ assigurazzjoni;

(10) Billi s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni u jinvolvi aċċess għan-negozju ta’ assigurazzjoni kollha barra minn assigurazzjoni tal-ħajja tul il-Komunità kollha u, għalhekk, il-possibbiltà għal xi assiguratur awtorizzat kif dovut li jkopri kwalunkwe riskju msemmi fl-Anness tad-Direttiva 73/239/KEE; billi, għal dak l-iskop, il-monpolju li jgawdu ċerti korpi f’ċerti Stati Membri fir-rigward ta’ kopertura ta’ ċerti riskji għandu jiġi abolit;

(11) Billi d-dispożizzjonijiet dwar trasferimenti ta’ portfolios għandhom jiġu adattati biex jinġiebu f’konformità mas-sistema ta’ awtorizzazzjoni waħda introdotta b’din id-Direttiva;

(12) Billi d-Direttiva 91/647/KEE diġà effettwat l-armonizzazzjoni neċessarja tar-regoli ta’ l-Istati Membri dwar id-dispożizzjonijiet tekniċi li l-assiguraturi jkunu meħtieġa li jistabbilixxu biex ikopru l-impenji tagħhom, u dik l-armonizzazzjoni tagħmilha possibbli li jingħata rikonoxximent reċiproku ta’ dawk id-dispożizzjonijiet;

(13) Billi r-regoli li jirregolaw it-tixrid, il-lokalizzazzjoni u l-paragun ta’ l-assi użati biex ikopru dispożizzjonijiet tekniċi għandhom jiġu kkoordinati sabiex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tar-regoli ta’ Stati Membri; billi dik il-koordinazzjoni għandha tieħu kont tal-miżuri dwar il-liberalizzazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital previsti fid-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988 għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 67 tat-Trattat (88/361/KEE) [7] u l-progress magħmul mill-Komunità lejn għaqda ekonomika u monetarja;

(14) Billi, madanakollu, l-Istat Membru tal-lokal ma jistax jeħtieġ li intrapriżi ta’ assigurazzjoni jinvestu l-assi li jkopru d-dispożizzjonijiet tekniċi tagħhom partikolarment kategoriji ta’ assi, minħabba li din il-ħtieġa kienet tkun inkompatibbli mal-miżuri dwar il-liberalizzazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital previsti fid-Direttiva 88/361/KEE;

(15) Billi, fl-istennija ta’ l-adozzjoni ta’ Direttiva dwar servizzi ta’ investiment li jarmonizzaw inter alia d-definizzjoni tal-kunċett ta’ suq irregolat, għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva u mingħajr preġudizzju għal din l-armonizzazzjoni futura dak il-kunċett għandu jiġi definit proviżjonalment; billi dik id-definizzjoni tiġi sostitwita b’dik armonizzata fil-livell tal-Komunità li jgħati lill-Istat Membru tal-lokal tas-suq ir-responsabbiltajiet għal dawk il-materji li din id-Direttiva tagħti b’mod transitorju lill-intrapriżi ta’ assigurazzjoni ta’ Stat Membru tal-lokal;

(16) Billi l-lista ta’ partiti li l-marġini ta’ likwidità tagħhom meħtieġa bid-Direttiva 73/239/KEE tista’ ssir għandha tiġi ssuplimentata biex tieħu kont ta’ strumenti ġodda finanzjarji u tal-faċilitajiet mogħtija lill-istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn għall-kostituzzjoni tal-fondi proprji tagħhom;

(17) Billi fil-qafas ta’ suq integrat ta’ assigurazzjoni titolari tal-poloz li, permezz ta’ l-istatus tagħhom, id-daqs tagħhom jew in-natura tar-riskji li għandhom jiġu assigurati, ma jeħtiġux protezzjoni speċjali fl-Istat Membru li fih ikun jintsab ir-riskju għandhom jingħataw libertà sħiħa li jagħżlu l-liġi applikabbli għall-kuntratti tagħhom ta’ assigurazzjoni;

(18) Billi l-armonizzazzjoni tal-liġi dwar il-kuntratt ta’ assigurazzjoni mhijiex kondizzjoni bil-quddiem għall-akkwist tas-suq intern f’assigurazzjoni; billi, għalhekk, l-opportunità mogħtija lill-Istati Membri li jimponu l-applikazzjoni tal-liġi tagħhom għal kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru riskji li jinstabu fit-territorji tagħhom aktarx tipprovdi salvagwardji adegwati għal titolari ta’ poloz li jeħtieġu protezzjoni speċjali;

(19) Billi fil-qafas ta’ suq intern huwa fl-interess ta’ titolari ta’ polza li hu jkollu aċċess għall-firxa l-iktar wiesgħa possibbli ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni disponibbli fil-Komunità sabiex ikun jista’ jagħżel dik li l-aktar tkun tgħodd għall-ħtiġiet tiegħu; billi huwa għall-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju li jassigura li ma jkun hemm xejn li jipprevieni t-tqegħid fis-suq tal-prodotti kollha ta’ assigurazzjoni offerti għall-bejgħ fil-Komunità sakemm dawn ma jkunux f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet legali li jipproteġu l-ġid ġenerali fis-seħħ fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju, u sakemm il-ġid ġenerali ma jkunx salvgwardat bir-regoli ta’ l-Istat Membru tal-lokal, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni għall-intrapriżi kollha li joperaw f’dak l-Istat Membru u jkunu objettivament neċessarji u a proporzjon ta’ l-objettiv segwit;

(20) Billi l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiżguraw li prodotti ta’ l-assigurazzjoni u d-dokumenti kontrattwali użati, taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, biex ikopru riskji li jinstabu fit-territorji tagħhom jikkonformaw ma’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi legali li jipproteġu l-ġid ġenerali skond kif applikabbli; billi s-sistemi ta’ sorveljanza li għandhom jintużaw għandhom jilħqu il-ħtiġiet ta’ suq integrat imma l-użu tagħhom ma jistax jikkostitwixxi kondizzjoni bil-quddiem għall-insegwiment ta’ negozju ta’ assigurazzjoni; billi minn dan il-punt sistemi għall-approvazzjoni minn qabel ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ma jidhrux li huma ġġustifikati; billi huwa għalhekk neċessarju li jiġi previst għal sistemi oħrajn aktar addattati għall-ħtiġiet ta’ suq intern li jippermettu lil kull Stat Membru li jiggarantixxi lil titolari ta’ poloz protezzjoni adegwata;

(21) Billi jekk titolari ta’ polza jkun persuna fiżika, għandu jiġi infurmat mill-intrapriża ta’ assigurazzjoni bil-liġi li għadha tapplika għall-kuntratt u bl-arranġamenti għall-amministrazzjoni ta’ ilmenti ta’ titolari ta’ poloz li jikkonċernaw kuntratti;

(22) Billi f’xi Stati Membri assigurazzjoni privata jew voluntarja dwar is-saħħa isservi bħala alternattiva parzjali jew kompleta għal kopertura tas-saħħa prevista mis-sistemi tas-sigurtà soċjali;

(23) Billi n-natura u l-konsegwenzi soċjali ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni tas-saħħa jiġġustifikaw l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih jinstab riskju filli jeħtieġ notifika sistematika tal-kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali sabiex jiġi vverifikat li dawn il-kuntratti jkunu alternattiva parzjali jew kompleta għall-kopertura tas-saħħa prevista mis-sistema ta’ sigurtà soċjali; billi din il-verifika m’għandhiex tkun kondizzjoni bil-quddiem għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti; billi in-natura partikolari ta’ assigurazzjoni tas-saħħa, li sservi bħala alternattiva parzjali jew kompleta għall-kopertura tas-saħħa prevista mis-sistema ta’ sigurtà soċjali, tiddistingwiha minn klassijiet oħrajn ta’ assigurazzjoni ta’ indennità u assigurazzjoni tal-ħajja sal-limitu li hu neċessarju sabiex jiġi assigurat li titolari ta’ poloz ikollhom aċċess effettiv għal kopertura privata tas-saħħa jew kopertura tas-saħħa maħruġa fuq bażi voluntarja indipendentement mill-età tagħhom jew mill-profil tar-riskju;

(24) Billi għal dan l-iskop xi Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi legali speċifiċi; billi, biex ikun protett il-ġid ġenerali, huwa possibbli li jiġu adottati jew jinżammu fis-seħħ dawn id-dispożizzjonijiet legali sa fejn ma jillimitawx aktar milli jkun hemm bżonn id-dritt ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, waqt li jkun miftiehem li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw b’mod identiku indipendentament minn liema jkun l-Istat Membru ta’ l -intrapriża; billi dawn id-dispożizzjonijiet legali jistgħu ivarjaw fin-natura skond il-kondizzjonijiet f’kull Stat Membru; billi dawn il-miżuri jistgħu jipprovdu għal sħubija miftuħa, b’rata fuq bażi uniformi skond it-tip tal-polza u l-kopertura tal-ħajja; billi dak l-objettiv jista’ wkoll jintlaħaq billi intrapriżi li joffru kopertura tas-saħħa privata jew kopertura tas-saħħa maħruġa fuq bażi volontarja jkunu meħtieġa joffru poloz standard skond il-kopertura prevista mill-iskemi statutorji soċjali tas-sigurtà b’rata ta’ premium ma jew taħt il-massimu preskritt u li jipparteċipaw fi skemi ta’ kumpens b’telf; billi, bħala possibbiltà oħra, jista jkun meħtieġ li l-bażi teknika ta’ kopertura privata tas-saħħa jew kopertura tas-saħħa maħruġa fuq bażi voluntarja tkun simili għal dik ta’ assigurazzjoni tal-ħajja;

(25) Billi, minħabba l-koordinazzjoni effettwata bid-Direttiva 73/239/KEE kif emendata b’din id-Direttiva, il-possibbiltà, mogħtija lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skond l-Artikolu 7(2) (ċ) ta’ l-istess Direttiva, li tipprojbixxi l-operazzjoni simultaneja ta’ assigurazzjoni tas-saħħa u klassijiet oħrajn mhijiex aktar iġġustifikata u għandha għalhekk tiġi abolita;

(26) Billi Stati Membri jistgħu jeħtieġu li kwalunkwe intrapriża ta’ assigurazzjoni li toffri assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti waqt ix-xogħol għar-riskju proprju fit-territorji tagħhom tikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħhom dwar din l-assigurazzjoni; billi, għalhekk, din il-ħtieġa ma tistax tapplika għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw sorveljanza finanzjarja, li huma r-responsabbiltà esklużiva ta’ l-Istat Membru tal-lokalità;

(27) Billi l-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment jeħtieġ li intrapriża żżomm preżenza permanenti fl-Istat Membru tal-fergħa; billi responsabbiltà għall-interessi speċifiċi ta’ persuni assigurati u vittmi fil-każ ta’ responsabbiltà ta’ parti terza fl-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur teħtieġ strutturi adegwati fl-Istat Membru tal-fergħa għall-ġbir ta’ l-informazzjoni kollha neċessarja dwar pretensjonijiet ta’ kumpens li jirrelataw għal dak ir-riskju, b’poteri suffiċjenti biex l-intrapriża tiġi ppreżentata vis-a-vis il-partijiet danneġġati li jistgħu jistennew kumpens, inklużi l-poteri li jitħallas dak il-kumpens, u biex tiġi rappreżentata l-intrapriża jew, jekk neċessarju, biex isiru arranġamenti li tiġi rappreżentata fil-qrati u quddiem l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru inkonnessjoni mal-pretensjonijiet għal kumpens;

(28) Billi fil-qafas tas-suq intern l-ebda Stat Membru ma jista’ jibqa jipprojbixxi l-insegwiment simultanju tan-negozju ta’ assigurazzjoni fit-territorju tiegħu taħt id-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi; billi l-għażla mogħtija lil Stati Membri f’dan ir-rigward bid-Direttiva 88/357/KEE għandha għalhekk tiġi abolita;

(29) Billi għandha ssir disposizzjoni għal sistema ta’ penalitajiet biex jiġu mposti meta, fl-Istat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju, intrapriża ta’ assigurazzjoni ma tkunx konformi ma dawk id-dispożizzjonijiet li jipproteġu l-ġid ġenerali li hu applikabbli għaliha;

(30) Billi uħud mill-Istati Membri ma jissuġġetawx operazzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni għal xi forma ta’ tassazzjoni indiretta, waqt li l-maġġoranza japplikaw taxxi speċjali u forom oħrajn ta’ kontribuzzjoni, inklużi sovrapiżijiet intiżi għal korpi ta’ kumpens; billi l-istrutturi u r-rati ta’ dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet ivarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri li fihom huma applikati; billi huwa mixtieq li jiġu pprevenuti sitwazzjonijiet eżistenti li jwasslu għal distorzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-servizzi ta’ l-assigurazzjoni bejn Stati Membri; billi, fl-istennija ta’ armonizzazzjoni sussegwenti, l-applikazzjoni tas-sistemi tat-taxxa u ta’ forom oħrajn ta’ kontribuzzjoni previsti mill-Istati Membri fejn jinstabu r-riskji aktarx tirrimedja dik il-probelma u hija għall-Istati Membri li jagħmlu l-arranġamenti biex jassiguraw li dawn it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet jinġabru;

(31) Billi aġġustamenti tekniċi għar-regoli dettaljati stabbiliti f’din id-Direttiva jistgħu jkunu neċessarji minn żmien għal żmien biex jieħdu kont ta’ l-iżvilupp futur ta’ l-industrija ta’ assigurazzjoni; billi l-Kummissjoni tagħmel dawk l-aġġustamenti kif u meta neċessarju, wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ l-Assigurazzjoni stabbilit bid-Direttiva 91/675/KEE [8], fl-eżerċizzju ta’ l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lilha bit-Trattat;

(32) Billi huwa neċessarju li jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi intiżi biex jassiguraw transizzjoni faċli mir-regime legali ineżistenza meta din id-Direttiva issir applikabbli għar-regime li hi tintroduċi, bi ħsieb li ma jitqiegħedx piż addizzjonali fuq l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri;

(33) Billi skond l-Artikolu 8ċ tat-Trattat għandu jittieħed kont tal-limiti ta’ sforz li għandu jsir minn ċerti ekonomiji fi stadji diversi ta’ żvilupp; billi, għalhekk, arranġamenti transitorji għandhom jiġu adottati għall-applikazzjoni gradwali ta’ din id-Direttiva minn ċerti Stati Membri,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TITOLU I

ID-DEFINIZZJONIJIET U L-QASAM TA’ L-APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) intrapriża ta’ assigurazzjoni għandha tfisser intrapriża li tkun irċeviet awtorizzazzjoni uffiċjali skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/239/KEE;

(b) fergħa għandha tfisser aġenzija jew fergħa ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni, waqt li jitqies l-Artikolu 3 tad-Direttiva 88/357/KEE;

(ċ) Stat Membru tal-lokalità għandu jfisser l-Istat Membru li fih ikun jinstab l-uffiċċju ewlieni ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni li tkopri riskju;

(d) Stat Membru tal-fergħa għandu jfisser l-Istat Membru li fih il-fergħa li tkopri riskju tkun tinstab;

(e) Stat Membru tal-provvista ta’ servizzi għandu jfisser l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju, kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE, jekk dan ikun kopert minn intrapriża ta’ assugurazzjoni jew fergħa li tkun tinstab fi Stat Membru ieħor;

(f) kontroll għandu jfisser ir-relazzjoni bejn intrapriża prinċipali u sussidjarja, kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE [9], jew relazzjoni simili bejn kull persuna fiżika jew ġuridika u intrapriża;

(g) proprjetà li tikkwalifika għandha tfisser proprjetà diretta jew indiretta f’intrapriża li tirrappreżenta 10 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-voti jew li tippermetti li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq l-amministrazzjoni ta’ l-intrapriża li fiha tinstab il-proprjetà.

Għall-iskopijiet ta’ din id-definizjoni, fil-kuntest ta’ l-Artikoli 8 u 15 u tal-livelli l-oħrajn ta’ proprjetà msemmija fl-Artikolu 15, id-drittijiet tal-voti msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 88/627/KEE [10] għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni;

(h) intrapriża prinċipali għandha tfisser intrapriża prinċipali kif definit fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE;

(i) sussidjarja għandha tfisser intrapriża sussidjarja kif definit fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE; kull sussidjarja ta’ intrapriża sussidjarja għandha wkoll titqies bħala sussidjarja ta’ l-intrapriża li finalment tkun l-intrapriża prinċipali ta’ dawk l-intrapriżi;

(j) suq regolat għandu jfisser is-suq finanzjarju meqjus mill-intrapriża ta’ l-Istat Membru tal-lokalità bħala suq regolat fl-istennija ta’ l-adozzjoni ta’ definizzjoni f’Direttiva dwar servizzi ta’ investiment u ikkaratterizzat minn:

- operazzjoni regolari, u

- l-fatt li regolamenti maħruġa jew approvati mill-awtoritajiet approprjati jiddefinixxu l-kondizzjonijiet għall-operazzjoni tas-suq, il-kondizzjonijiet għal aċċess għas-suq u, meta d-Direttiva tal-Kunsill tal-5 ta’ Marzu 1979 li tikkoordina l-kondizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ titoli għal elenkar uffiċjali tal-borża (79/279/KEE) [11] japplika, il-kondizzjonijiet għal ammissjoni għal elenkar impost f’dik id-Direttiva jew, meta dik id-Direttiva ma tapplikax, il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati bi strument finanzjarju sabiex ikun hemm negozju fihom effettivament fis-suq.

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, suq regolat jista’ jinstab fi Stat Membru jew f’pajjiż terz. Fil-każ ta’ l-aħħar, is-suq għandu jiġi rikonoxxut mill-Istat Membru tal-lokalità u jilħaq ħtiġiet paragunabbli. Kwalunkwe strument finanzjarju li hemm negozju fihom f’dak is-suq għandu jkun ta’ kwalità paragunabbli għal di ta’ l-istrumenti li hemm negozju fihom fis-suq jew fis-swieq regolati ta’ l-Istat Membru inkwistjoni;

(k) awtoritajiet kompetenti għandha tfisser l-awtoritajiet nazzjonali li huma awtorizzati bil-liġi jew b’regolament li jissorveljaw intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni.

L-Artikolu 2

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għat-tipi ta’ assigurazzjoni u intrapriżi msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 73/239/KEE.

2. Din id-Direttiva m’għandha tapplika la għat-tipi ta’ assigurazzjoni jew operazzjonijiet, u lanqas għal intrapriżi jew istituzzjonijiet li ma tapplikax għalihom id-Direttiva 73/239/KEE, lanqas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu kull pass biex jassiguraw li monopolji fir-rigward tal-bidu tan-negozju ta’ ċerti klassijiet ta’ assigurazzjoni, mogħtija lill-korpi stabbiliti fit-territorji tagħhom u msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 73/239/KEE, huma aboliti sa l-1 ta’ Lulju 1994.

IT-TITOLU II

BIDU TAN-NEGOZJU TA’ ASSIGURAZZJONI

L-Artikolu 4

"L-Artikolu 6

Il-bidu tan-negozju ta’ assigurazzjoni diretta għandu jkun suġġett għal awtorizzazzjoni uffiċjali minn qabel.

Din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità minn:

(a) kull intrapriża li tistabbilixxi l-uffiċċju ewlieni taghħa fit-territorju ta’ dak l-Istat;

(b) kull intrapriża li, wara li tkun irċeviet l-awtorizzazzjoni msemmija fl-ewwel sub-paragrafu, testendi n-negozju tagħha għal klassi intiera jew għal klassijiet oħrajn"

L-Artikolu 5

"L-Artikolu 7

1. Awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Komunità kollha. Għandha tippermetti li intrapriża ssegwi n-negozju hemm, taħt jew id-dritt ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

2. Awtorizzazzjoni għandha tingħata għal klassi partikolari ta’ assigurazzjoni. Għandha tkopri l-klassi kollha, sakemm l-applikant ma jkunx jixtieq li jkopri biss ftit mir-riskji li jappartienu għal dik il-klassi, kif elenkat fil-punt A ta’ l-Anness.

Madanakollu:

(a) Stati Membri jistgħu jagħtu awtorizzazzjoni għall-gruppi ta’ klassijiet elenkati fil-punt B ta’ l-Anness, u jorbtu magħhom id-denominazzjonijiet approprjati speċifikati hemmhekk;

(b) awtorizzazzjoni mogħtija għal klassi waħda jew għal grupp ta’ klassijiet għandha wkoll tkun valida għall-iskop li tkopri riskji anċillari inklużi fi klassi oħra jekk il-kondizzjonijiet imposti fil-punt Ċ ta’ l-Anness jiġu ssodisfati."

L-Artikolu 6

"L-Artikolu 8

1. L-Istat Membru tal-lokalità għandu jeħtieġ li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni li hemm bżonn awtorizzazzjoni għaliha:

(a) tadotta waħda minn dawn il-forom:

- fil-każ tar-Renju tal-Belġju: "société anonymenaamloze vennootschap", "société en commandite par actionscommanditaire vennootschap op aandelen", "association d’assurance mutuelleonderlinge verzekeringsvereniging,", "société coopérativecoöperatieve vennootschap";

- fil-każ tar-Renju tad-Danimarka: "aktieselskaber", "gensidige selskaber";

- fil-każ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja: "Aktiengesellschaft", "Versicherungsverein auf Gegenseitigkeit", "Öffentlich-rechtliches Wettbewerbsversicherungsunternehmen";

- fil-każ tar-Repubblika Franċiża: "société anonyme", "société d’assurance mutuelle", "institution de prévoyance régie par le code de la sécurité sociale", "institution de prévoyance régie par le code rural" and "mutuelles régies par le code de la mutualité";

- fil-każ ta’ l-Irlanda: "incorporated companies limited by shares or by guarantee or unlimited";

- fil-każ tar-Repubblika Taljana: "società per azioni", "società cooperativa", "mutua di assicurazione";

- fil-każ tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu: "société anonyme", "société en commandite par actions", "association d’assurances mutuelles", "société coopérative";

- fil-każ tar-Renju ta’ l-Olanda: "naamloze vennootschap", "onderlinge waarborgmaatschappij";

- fil-każ tar-Renju Unit: "incorporated companies limited by shares or by guarantee or unlimited", "societies registered under the Industrial and Provident Societies Acts", "societies registered under the Friendly Societies Acts", "the association of underwriters known as Lloyd’s";

- fil-każ tar-Repubblika Ellenika: "ανώνυμη εταιρία", "αλληλασφαλιστικός υνεταιρισμός";

- fil-każ tar-Renju ta’ Spanja: "sociedad anónima", "sociedad mutua", "sociedad cooperativa";

- fil-każ tar-Repubblika Portugiża: "sociedade anónima", "mütua de seguros".

Intrapriża ta’ assigurazzjoni tista wkoll tadotta l-forma ta’ Kumpannija Ewropea (SE) meta dik tkun ġiet stabbilita.

Barraminnhekk, Stati Membri jistgħu, meta approprjat, jistabbilixxu intrapriżi f’kull forma ta’ liġi pubblika sakemm dawn il-korpi jkollhom bħala objettiv tagħhom operazzjonijiet ta’ assigurazzjoni taħt kondizzjonijiet ekwivalenti għal dawk li joperaw taħthom intrapriżi ta’ liġi privata;

(b) tillimita l-objettivi tagħha għan-negozju ta’ assigurazzjoni u operazzjonijiet li joriġinaw direttament minnhom għall-esklużjoni tan-negozji kummerċjali l-oħrajn kollha;

(ċ) tissottometti skema ta’ operazzjonijiet skond l-Artikolu 9;

(d) tippossiedi l-fond minimu ta’ garanzija previst fl-Artikolu 17(2);

(e) tkun effittivament amministrata minn persuni ta’ reputazzjoni tajba bil-kwalifiki professjonali jew bl-esperjenza approprjati.

2. Intrapriża li teħtieġ awtorizzazzjoni biex testendi n-negozju tagħha għal klassijiet oħrajn jew biex testendi awtorizzazzjoni li tkopri biss ftit mir-riskji marbuta ma’ klassi waħda għandha tkun meħtieġa li tissottometti skema ta’ operazzjonijiet skond l-Artikolu 9.

Għandha, barraminnhekk, tkun meħtieġa li turi prova li tkun tipposjedi l-marġini ta’ likwidità prevista fl-Artikolu 16 u, jekk fir-rigward ta’ dawn il-klassijiet l-oħrajn l-Artikolu 17(2) jeħtieġ fond ta’ garanzija minima ogħla minn qabel, li tippossiedi dak il-minimu.

3. Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jipprevieni Stati Membri milli jżommu fis-seħħ jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jeħtieġu approvazzjoni tal-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni u komunikazzjoni ta’ kull dokument ieħor neċessarju għal eżerċizzju normali ta’ sorveljanza.

L-Istati Membri m’għandhomx, madanakollu, jadottaw dispożizzjonijiet li jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel jew in-notifika sistematika ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ premiums u formoli u dokumenti stampati oħrajn li intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari ta’ poloz.

Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika jew approvazzjoni bil-quddiem ta’ żidiet proposti fir-rati ta’ premiums ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.

Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jipprevieni Stati Membri milli jissoġġettaw intrapriżi li jitolbu jew li jkunu kisbu awtorizzazzjoni għall-klassi 18 fil-punt A ta’ l-Anness għal verifiki fuq ir-riżorsi diretti jew indiretti tagħhom ta’ impjegati u tagħmir, inklużi l-kwalifika tal-gruppi mediċi tagħhom u l-kwalità tat-tagħmir disponibbli għal dawn l-intrapriżi biex jissodisfaw l-impenji tagħhom li joriġinaw minn din il-klassi ta’ assigurazzjoni.

4. Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq ma jistgħux jeħtieġu li applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tiġi kkunsidrata fid-dawl tal-ħtiġiet ekonomiċi tas-suq."

L-Artikolu 7

"L-Artikolu 9

L-iskema ta’ operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1)(ċ) għandha tinkludi dettalji jew prova li tikkonċerna:

(a) in-natura tar-riskji li l-intrapriża tipproponi li tkopri;

(b) il-prinċipji ta’ gwida dwar ir-riassigurazzjoni;

(ċ) il-partiti li jikkositwixxu l-fond minimu ta’ garanzija;

(d) l-estimi ta’ l-ispejjeż tat-twaqqif tas-servizzi amministrattivi u ta’ l-organizzazzjoni għas-sigurtà tan-negozju; ir-riżorsi finanzjarji intiżi biex jissoddisfaw dawk l-ispejjeż u, jekk ir-riskji li għandhom jiġu koperti huma kklassifikati fil-klassi 18 fil-punt A ta’ l-Anness, ir-riżorsi għad-dispożizzjoni ta’ l-intrapriża għall-provvista ta’ l-assistenza imwiegħda

u, b’żieda, għall-ewwel tliet snin finanzjarji:

(e) estimi ta’ spejjeż amministrattivi barra minn spejjeż ta’ istallazzjoni, partikolarment spejjeż u kummissjonijiet kurrenti ġenerali;

(f) estimi ta’ premiums jew kontribuzzjonijiet u pretensjonijiet;

(g) previżjoni ta’ balance sheet;

(h) estimi tar-riżorsi finanzjarji intiżi biex ikopru r-responsabbiltajiet ta’ l-assigurazzjoni u l-marġini ta’ likwidità."

L-Artikolu 8

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità m’għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni lill-intrapriża għall-bidu ta’ negozju ta’ assigurazzjoni qabel ma jkunu ġew infurmati bl-identitajiet tas-sieħba jew tal-membri, diretti jew indiretti, kemm jekk persuni fiżiċi jew ġuridiċi, li jkollhom proprjetà li tikkwalifika f’dik l-intrapriża, u bl-ammonti ta’ dik il-proprjetà.

L-istess awtoritajiet għandhom jirrifjutaw awtorizzazzjoni jekk, meta jieħdu kont tal-ħtieġa li jassiguraw l-amministrazzjoni soda u prudenti ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni, huma ma jkunux sodisfatti bil-kwalifiki tas-sieħba jew tal-membri.

IT-TITOLU III

ARMONIZZAZZJONI TAL-KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW IN-NEGOZJU TA’ ASSIGURAZZJONI

Il-Kapitolu 1

L-Artikolu 9

"L-Artikolu 13

1. Is-sorveljanza finanzjarja ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni, inkluża dik tan-negozju li ssegwi jew permezz ta’ fergħat jew taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għandha tkun ir-responsabbiltà unika ta’ l-Istat Membru tal-lokalità.

2. Dik is-sorveljanza finanzjarja għandha tinkludi verifika, fir-rigward tan-negozju kollu ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni, ta’ l-istat tal-likwidità tagħha, ta’ l-istabbiliment ta’ dispożizzjonijiet tekniċi u ta’ l-assi li jkopruhom skond ir-regoli stabbiliti jew il-prattiki segwiti fl-Istat Membru tal-lokalità skond id-dispożizzjonijiet adottati fil-livell Komunitàrju.

Meta l-intrapriża inkwistjoni tkun awtorizzata li tkopri r-riskji kklassifikati fil-klassi 18 fil-punt A ta’ l-Anness, is-sorveljanza għandha tiġi estiża għall-monitoraġġ tar-riżorsi tekniċi li l-intrapriża jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għall-iskop li jittwettqu l-operazzjonijiet ta’ assistenza li hi tkun intrabtet li twettaq, meta l-liġi ta’ l-Istat Membru tal-lokalità tipprovdi għall-monitoraġġ ta’ dawn ir-riżorsi.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandhom jeħtieġu li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni jkollha proċeduri sodi amministrattivi u ta’ kontabbilità u mekkaniżmi adegwati interni ta’ kontroll."

L-Artikolu 10

"Artikolu 14

L-Istat Membru tal-fergħa għandu jipprovdi li meta intrapriża ta’ l-assigurazzjoni awtorizzata fi Stat Membru ieħor issegwi negozju permezz ta’ fergħa, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità jistgħu, wara li jkunu infurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-fergħa, jwettqu huma stess jew permezz ta’ persuni li huma jaħtru għal dak l-iskop, verifiki fuq il-post ta’ l-informazzjoni neċessarja biex tkun żgurata s-sorveljanza finanzjarja ta’ l-intrapriża.

L-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru tal-fergħa jistgħu jipparteċipaw f’ dik il-verifika."

L-Artikolu 11

"2. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li intrapriżi ta’ assigurazzjoni bl-uffiċċju ewlenin fit-territorji tagħhom iħejju perjodikament ir-returns, flimkien ma’ dokumenti statistiċi, li huma neċessarji għall-iskopijiet ta’ sorveljanza.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lil xulxin b’dokumenti u informazzjoni li huma utli għall-iskopijiet ta’ sorveljanza.

Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi kollha neċessarji biex jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-poteri u l-mezzi neċessarji għas-sorveljanza tan-negozju ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni bl-uffiċini ewlenin tagħhom fit-territorji tagħhom, inkluż in-negozju mwettaq barra dawk it-territorji, skond id-Direttivi tal-Kunsill li jirregolaw dan in-negozju u għall-iskop li jaraw li jkunu implimentati.

Dawk il-poteri u l-mezzi għandhom, partikolarment, jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti li:

(a) jagħmlu inkjesti dettaljati rigward is-sitwazzjoni ta’ l-intrapriża u n-negozju kollu tagħha, inter alia, billi:

- jiġbru informazzjoni jew jeħtieġu s-sottomissjoni ta’ dokumenti li jikkonċernaw in-negozju tagħha ta’ l-assigurazzjoni,

- iwettqu investigazzjonijiet fuq il-post fil-bini ta’ l-intrapriża;

(b) jieħdu kull miżuri fir-rigward ta’ intrapriża, id-diretturi jew l-amministraturi tagħha jew il-persuni li jikkontrollawha, li huma approprjati u neċessarji biex jassiguraw li n-negozju ta’ l-intrapriża jibqa’ jikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li għandha tikkonforma magħhom l-intrapriża f’kull Stat Membru u b’mod partikolari ma l-iskema ta’ operazzjonijiet sakemm din tibqa’ mandatorja, u li jipprevienu jew jirrimedjaw kull irregolarità preġudizzjarja għall-interessi ta’ persuni assigurati;

(ċ) jassiguraw li dawk il-miżuri jitwettqu, jekk jeħtieġ bl-applikazzjoni u fejn xieraq permezz ta’ mezzi ġudizzjarji.

L-Isati Membri jistgħu ukoll jagħmlu dispożizzjoni għall-awtoritajiet kompetenti biex jakkwistaw kull informazzjoni li tirrigwarda kuntratti li jkunu miżmuma minn intermedjarji."

L-Artikolu 12

1. L-Artikolu 11(2) sa (7) tad-Direttiva 88/357/KEE huwa hawnhekk imħassar.

2. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, kull Stat Membru għandu jawtorizza intrapriżi ta’ assigurazzjoni bl-uffiċċju ewlenin fit-territorju tiegħu li jittrasferixxi il-portfolios kollha jew parti minnhom tal-kuntratti, konklużi jew taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, lil uffiċċju li jaċċetta li jkun stabbilit fil-Komunità, jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ta’ l-uffiċċju li jaċċetta jiċċertifika li wara li jittieħed kont tat-trasferiment dan ta’ l-aħħar jippossiedi l-marġini neċessarju ta’ likwidità.

3. Meta fergħa tipproponi li titrasferixxi il-portfolio kollu tagħha jew parti minnu ta’ kuntratti, konklużi jew taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Istat Membru tal-fergħa għandu jiġi kkonsultat.

4. Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ta’ l-intrapriża li titrasferixxi għandu jawtorizza t-trasferiment wara li jakkwista l-kunsens ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikunu jinstabu r-riskji.

5. Wara li jiġu kkonsultati, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jagħtu l-opinjoni jew il-kunsens tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ta’ l-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni li tittrasferixxi, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu t-talba; l-assenza ta’ kull risposta f’dak il-perjodu mill-awtoritajiet ikkonsultati għandha tiġi kkunsidrata ekwivalenti għal opinjoni favorevoli jew kunsens taċitu,

6. Trasferiment awtorizzat skond dan l-Artikolu għandu jiġi ppubblikat kif stabbilit bil-liġi nazzjonali fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju.

Dawn it-trasferimenti għandhom ikunu awtomatikament validi kontra titolari ta’ poloz, persuni assigurati u kull persuna oħra li jkollha d-drittijiet jew l-obbligi li joriġinaw mill-kuntratti trasferiti.

Din id-dispożizzjoni m’għandhiex taffettwa d-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jagħtu lil titolari ta’ poloz l-għażla li jikkanċellaw il-kuntratti fi żmien perjodu fiss wara trasferiment.

L-Artikolu 13

1. "L-Artikolu 20

1. Jekk intrapriża ma tikkonformax ma’ l-Artikolu 15, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità tista tipprojbixxi id-disponiment liberu ta’ l-assi tagħha wara li tkun ikkomunikat l-intenzjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri li fihom jinstabu r-riskji.

2. Għall-iskopijiet tar-restawrar tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ intrapriża li l-marġini tal-likwidità tagħha jkun waqa’ taħt il-minimu meħtieġ taħt l-Artikolu 16(3), l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandha teħtieġ li pjan għar-restawr ta’ pożizjoni finanzjarja soda jiġi sottomess għall-approvazzjoni tagħha.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk l-awtorità kompetenti tkun ta’ l-opinjoni li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-intrapriża tkun sejra li tiddeterjora aktar, din tista’ wkoll tirrestrinġi jew tipprojbixxi id-disponiment liberu ta’ l-assi ta’ l-intrapriża.

Għandha tinforma lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri l-oħrajn li fit-territorji tagħhom l-intrapriża ssegwi n-negozju tagħha dwar b’kull miżura li hi tkun ħadet u dawn ta’ l-aħħar għandhom, fuq talba ta’ dawk ta’ qabel, jieħdu l-istess miżuri.

3. Jekk il-marġini ta’ likwidità jaqa’ taħt il-fond ta’ garanzija kif definit fl-Artikolu 17, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandha teħtieġ li l-intrapriża tissottometti skema finanzjarja għal żmien qasir għall-approvazzjoni tagħha.

Tista’ wkoll tirrestrinġi jew tipprojbixxi id-disponiment liberu ta’ l-assi ta’ l-intrapriża.Għandha tinforma lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri l-oħrajn li fit-territorji tagħhom l-intrapriża ssegwi in-negozju tagħha kif xieraq u dawn ta’ l-aħħar għandhom, fuq talba ta’ dak ta’ qabel, jieħdu l-istess miżuri.

4. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu imbagħad jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jissalvagwardaw l-interessi tal-persuni assigurati fil-kazijiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3.

5. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex ikun jista’, skond il-liġi nazzjonali tiegħu, jipprojbixxi id-disponiment liberu ta’ assi li jinstabu fit-territorju tiegħu fuq it-talba, fil-każijiet previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3, ta’ l-intrapriża ta’ l-Istat Membru tal-lokalità, li għandu jinnomina l-assi li għandhom jiġu koperti b’dawn il-miżuri."

L-Artikolu 14

"L-Artikolu 22

1. Awtorizzazzjoni mogħtija lil intrapriża ta’ l-assigurazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità tagħha tista’ tiġi rtirata minn dik l-awtorità jekk dik l-intrapriża:

(a) ma tagħmilx użu minn dik l-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, tirrinunzja espressament jew tieqaf milli ssegwi negozju għal aktar minn sitt xhur, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel dispożizzjoni biex tiskadi l-awtorizzazzjoni f’dawn il-każijiet;

(b) ma tkunx aktar tissodisfa l-kondizzjonijiet għall-ammissjoni;

(ċ) ma tkunx tista, fiż-żmien allokat, tieħu l-miżuri speċifikati fil-pjan ta’ restorazzjoni jew skema finanzjarja msemmija fl-Artikolu 20;

(d) tonqos serjament mill-obbligu tagħha skond ir-regolamenti li hija soġġetta għalihom.

Fil-każ ta’ l-irtirar jew l-iskadenza ta’ awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħrajn kif xieraq, u dawn għandhom jieħdu l-miżuri approprjati biex jipprevienu l-intrapriża milli tibda operazzjonijiet ġodda fit-territorji tagħhom, jew taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandha, inkonnessjoni ma’ dawk l-awtoritajiet, tieħu l-miżuri kollha neċessarji biex tissalvagwardja l-interessi ta’ persuni assigurati u, b’mod partikolari, għandha tirrestrinġi d-disponiment liberu ta’ l-assi ta’ l-intrapriża skond l-Artikolu 20(1), (2), it-tieni subparagrafu, jew (3), it-tieni subparagrafu.

2. Kull deċiżjoni dwar l-irtirar ta’ awtorizzazzjoni għandha tkun sostnuta b’raġunijiet preċiżi u ikkomunikata lill-intrapriża i kwistjoni."

L-Artikolu 15

1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li kull persuna fiżika jew ġuridika li tipproponi li takkwista, tippossiedi direttament jew indirettament proprjetà li tikkwalifika f’intrapriża ta’ assigurazzjoni li l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità, u tindikalhom id-daqs tal-proprjetà intiża tagħha. Din il-persuna għandha wkoll tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità jekk tipproponi li żżid il-proprjetà kwalifikanti tagħha sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital li hi jkollha jilħaq jew jaqbeż l-20 %, it-33 % jew il-50 % jew sabiex l-intrapriża ta’ assigurazzjoni ssir is-sussidjarja tagħha.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandu jkollhom sa tliet xhur mid-data tan-notifika prevista fl-ewwel subparagrafu biex jopponu għal dan il-pjan jekk, invista tal-ħtieġa li jassiguraw amministrazzjoni soda u prudenti ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, dawn ma jkunux sodisfatti bil-kwalifika tal-persuna msemmija fl-ewwel subparagrafu. Jekk huma ma jopponux għall-pjan inkwistjoni, jistgħu jiffissaw perjodu massimu għall-implimentazzjoni tiegħu.

2. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li kull persuna fiżika jew ġuridika li tipproponi li tiddisponi, direttament jew indirettament, minn proprjetà kwalifikanti f’intrapriża ta’ assigurazzjoni, l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità u tindikalhom id-daqs tal-proprjetà intiża tagħha. Din il-persuna għandha l-istess tinforma lill-awtoritajiet kompetenti jekk tipproponi li tnaqqas il-proprjetà kwalifikanti tagħha sabiex il-proporzjon tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital miżmum minnha jaqa’ taħt l-20 %, it-33 % jew il-50 % jew sabiex l-intrapriża ta’ assigurazzjoni ma tibqax tkun is-sussidjarja tagħha.

3. Malli jsiru konxji tagħhom, l-intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membri tal-lokalità tagħhom b’xi akkwisti jew disponimenti ta’ proprjetà fil-kapital tagħhom li jikkaġunaw li l-proprjetà teċċedi jew tinżel taħt waħda mil-livelli minimi msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Għandhom ukoll, mill-anqas darba fis-sena, jinfurmawhom bl-ismijiet tas-sieħba u tal-membri li jippossiedu proprjetajiet kwalifikanti u bid-daqsijiet ta’ dawn il-proprjetajiet kif murija, per eżempju, mill-informazzjoni riċevuta fil-laqgħat ġenerali annwali tas-sieħba jew tal-membri jew bħala riżultat ta’ konformità mar-regolamenti li jirrigwardaw kumpanniji elenkati fil-boroż.

4. Stati Membri għandhom jeħtieġu li, meta l-influwenza eżerċitata mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1 aktarx topera kontra l-amministrazzjoni prudenti u soda ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandhom jieħdu l-miżuri approprjati biex iwaqqfu dik is-sitwazzjoni.

Dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu, per eżempju, f’inġunzjonijiet, sanzjonijiet kontra diretturi u aministraturi jew is-sospensjoni ta’ l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot marbuta ma l-ishma miżmuma mis-sieħba jew il-membri inkwistjoni.

Miżuri simili għandhom japplikaw għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jonqsu li jikkonformaw ma l-obbligu li jipprovdu informazzjoni bil-quddiem, imposti fil-paragrafu 1

Jekk proprjetà tkun akkwistata minkejja l-opposizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri għandhom, indipendentement minn kull sanzjoni oħra li għandhom jiġu adottati, jipprovdu jew għall-eżerċizzju tad-drittijiet korrispondenti ta’ votazzjoni li għandhom jiġu sospiżi, jew għan-nullità ta’ voti espressi, jew għall-possibbiltà li dawn jiġu annullati.

L-Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll awdituri u l-esperti li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet kompetenti, għandhom ikunu marbuta bl-obbligu tas-segretezzaprofessjonali.

Dan ifisser li l-ebda informazzjoni kunfidenzjali li huma jistgħu jirċievu waqt li jwettqu d-doveri tagħhom ma tista’ tiġi żvelata lil xi persuna jew awtorità liema tkun, ħlief f’forma fil-qosor jew aggregata, hekk li l-intrapriżi ta’ assigurazzjoni individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, mingħajr preġudizzju għal każijiet koperti bil-liġi kriminali.

Madanakollu, meta intrapriża ta’ assigurazzjoni tkun giet dikjarata bħala falluta jew li jkollha tagħlaq, informazzjoni kunfidenzjali li ma tikkonċernax partijiet terzi involuti fi sforzi biex tiġi salvata dik l-intrapriża tista’ tiġi żvelata fi proċeduri ċivili jew kummerċjali.

2. Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevieni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti milli jiskambjaw informazzjoni skond id-Direttivi applikabbli għal intrapriżi ta’ assigurazzjoni. Din l-informazzjoni għandha tkun suġġetta għal kondizzjonijiet ta’ segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafu 1.

3. Stati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim ta’ kooperazzjoni, li jipprovdu għal skambji ta’ informazzjoni, ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi biss jekk l-informazzjoni żvelata tkun soġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali mill-anqas ekwivalenti għal dawk previsti f’dan l-Artikolu.

4. L-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali taħt il-paragrafi 1 jew 2 jistgħu jużawha biss tul id-doveri tagħhom:

- biex jivverifikaw li l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-bidu tan-negozju ta’ assigurazzjoni jintlaħqu u biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-insegwiment ta’ dan in-negozju, speċjalment fir-rigward tal-monitoraġġ ta’ dispożizzjonijiet tekniċi, marġini ta’ likwidità, proċeduri amministrattivi u tal-kontijiet u mekkaniżmi interni ta’ kontroll,

- biex jimponu sanzjonijiet,

- f’appelli amministrattivi kontra deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, jew

- fi proċeduri tal-qorti mibdija taħt l-Artikolu 56 jew taħt dispożizzjonijiet speċjali previsti fid-Direttivi adottati fil-qasam ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni.

5. Il-paragrafi 1 u 4 m’għandhomx jipprekludu l-iskambju ta’ informazzjoni fi Stat Membru, meta jkun hemm tnejn jew aktar awtoritajiet kompetenti fl-istess Stat Membru, jew, bejn Stati Membri, bejn awtoritajiet kompetenti u:

- awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza uffiċjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u organizzazzjonijiet finanzjarji oħrajn u l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji,

- korpi involuti fil-likwidazzjoni u l-falliment ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni u fi proċeduri simili oħrajn, u

- persuni responsabbli għat-twettiq ta’ verifiki statutorji tal-tal-kontijiet ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn,

fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom ta’ sorveljanza, jew fl-iżvelar lil korpi li jamministraw proċeduri ta’ għeluq obbligatorju jew fondi ta’ garanzija ta’ informazzjoni neċessarji għat-twettiq tad-doveri tagħhom.

L-informazzjoni riċevuta minn dawk l-awtoritajiet, il-korpi u persuni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet ta’ segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafu 1.

6. B’żieda, u minkejja l-paragrafi 1 u 4, l-Istati Membri jistgħu, taħt id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, jawtorizzaw l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni lil dipartimenti oħrajn ta’ l-amministrazzjonijiet tal-gvernijiet ċentrali tagħhom responsabbli għal leġislazzjoni dwar is-sorveljanza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, istituzzjonijiet finanzjarji, servizzi ta’ investiment u kumpanniji ta’ assigurazzjoni u għal spetturi li jaġixxu f’isem dawk id-dipartimenti.

Madanakollu, dan l-iżvelar jista’ jsir biss meta neċessarju u għal raġunijiet ta’ kontroll prudenti.

L-Istati Membri għandhom, madanakollu, jassiguraw li informazzjoni riċevuta taħt il-paragrafi 2 u 5 u dik akkwistata permezz ta’ verifika fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 73/239/KEE ma tista’ qatt tiġi żvelata fil-każijiet imsemmija f’dan il-paragrafu ħlief bil-kunsens espress ta’ l-awtoritajiet kompetenti li żvelaw l-informazzjoni jew ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih twettqet il-verifika fuq il-post.

Il-Kapitolu 2

L-Artikolu 17

"L-Artikolu 15

1. L-Istat Membru tal-lokal għandu jeħtieġ li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni tistabbilixxi dispożizzjonijiet tekniċi adegwati fir-rigward tan-negozju kollu tiegħu.

L-ammont ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tekniċi għandu jiġi determinat skond ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 91/674/KEE.

2. L-Istat Membru tal-lokalità għandu jeħtieġ li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni tkopri d-dispożizzjonijiet tekniċi fir-rigward tan-negozju kollu tagħha b’assi paragunabbli skond l-Artikolu 6tad-Direttiva 88/357/KEE. Fir-rigward ta’ riskji li jinstabu fil-Komunità Ewropea, dawk l-assi għandhom jiġu lokalizzati fil-Komunità. Stati Membri m’għandhomx jeħtieġu li intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni jillokalizzaw l-assi tagħhom f’xi Stat Membru partikolari. L-Istat Membru tal-lokalità jista, madanakollu, jippermetti rilassamenti fir-regoli dwar il-lokalizzazzjoni ta’ l-assi.

3. Jekk l-Istat Membru tal-lokalità jippermetti xi dispożizzjonijiet tekniċi li jiġu koperti bi pretensjonijiet kontra riassiguraturi, dan għandu jiffissa l-perċentwali hekk permess. F’dawn il-każijiet, ma jistax jispeċifika l-lokalizzazzjoni ta’ l-assi li jirrappreżentaw dawn il-pretensjonijiet."

L-Artikolu 18

"L-Artikolu 15a

1. Stati Membri għandhom jeħtieġu li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni b’uffiċċju ewlieni fit-territorji tagħhom li tassigura riskji inklużi fil-klassi 14 fil-punt A ta’ l-Anness (hawnhekk iżjed "il quddiem magħrufa bħala" assigurazzjoni ta’ kreditu) twaqqaf riserva ta’ ugwalizzar għall-iskopijiet li tagħmel tajjeb għal kull defiċit tekniku jew porzjon ta’ pretensjonijiet il fuq mill-medja li joriġina f’dik il-klassi f’kull sena finanzjarja.

2. Ir-riserva ta’ ugwalizzar għandha tiġi kkalkolata skond ir-regoli stabbiliti mill-Istat Membru tal-lokalità skond wieħed mill-erba’ metodi stabbiliti fil-punt D ta’ l-Anness, li għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti.

3. Sa l-ammont ikkalkolat skond il-metodi stabbiliti fil-punt D ta’ l-Anness, ir-riserva ta’ ugwalizzar għandha tiġi njorata għall-iskop tal-kalkolu tal-marġini ta’ likwidità.

4. Stati Membri jistgħu jeżentaw intrapriżi ta’ assigurazzjoni b’uffiċċji ewlenin fit-territorji tagħhom mill-obbligu li jistabbilixxu riservi ta’ ugwalizzar għal negozju ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu meta l-premiums jew il-kontribuzzjonijiet li jirċievu fir-rigward ta’ assigurazzjoni ta’ kreditu jkunu anqas minn 4 % ta’ premiums jew il-kontribuzzjonijiet totali li jirċievu huma u anqas minn ECU 2500000."

L-Artikolu 19

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 88/357/KEE huwa hawnhekk imħassar.

L-Artikolu 20

L-assi li jkopru d-dispożizzjonijiet tekniċi għandhom jieħdu kont tat-tip ta’ negozju segwit minn intrapriża b’tali mod li jiġu assigurati s-sigurtà, l-introjtu u l-kummerċjabbiltà ta’ l-investimenti tagħha, li l-intrapriża għandha tassigura li huma diversifikati u mxerrda adegwatament.

L-Artikolu 21

1. L-Istat Membru tal-lokalità ma jistax jawtorizza lill-intrapriżi ta’ assigurazzjoni biex ikopru d-dispożizzjonijiet tekniċi tagħhom ħlief bil-kategoriji ta’ assi li ġejjin:

A. Investimenti

(a) titoli ta’ dejn, bonds u strumenti oħrajn ta’ flus u swieq kapitali;

(b) self;

(ċ) ishma u parteċipazzjonijiet oħra ta’ introjtu varjabbli;

(d) unitajiet f’intrapriżi għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli u fondi oħrajn ta’ investiment;

(e) art, bini u drittijiet ta’ proprjetà immobbli;

B. Dejn u pretensjonijiet

(f) dejn dovut minn riassiguraturi, inklużi ishma ta’ riassiguraturi ta’ dispożizzjonijiet tekniċi;

(g) depositi ma’ u djun dovuti minn intrapriżi li jċedu;

(h) dejn dovut minn titolari tal-poloz u intermedjarji li joriġinaw minn operazzjonijiet diretti u ta’ riassigurazzjoni;

(i) pretensjonijiet li joriġinaw mis-salvataġġ u s-subrogazzjoni;

(j) irkupri ta’ taxxa;

(k) pretensjonijiet kontra fondi ta’ garanzija;

Ċ. Oħrajn

(l) assi tanġibbli fissi, barra minn art u bini, ivvalutati fuq il-bażi ta’ amortizzazzjoni prudenti;

(m) flus fil-bank u fl-idejn, depożiti ma’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u kull korp ieħor awtorizzat li jirċievi depożiti;

(n) spejjeż diferiti ta’ akkwist;

(o) imgħax akkumulat u kera, barra minn introjtu akkumulat u pagamenti bil-quddiem;

Fil-każ ta’ l-assoċjazzjoni ta’ assiguraturi magħrufa bħala Lloyd’s, kategoriji ta’ assi għandhom ukoll jinkludu il-garanziji u l-ittri ta’ kreditu maħruġa minn instituzzjonijiet ta’ kreditu fis- sens tad-Direttiva 77/780/KEE [12] jew minn intrapriżi ta’ assigurazzjoni, flimkien ma’ somom verifikabbli li joriġinaw minn poloz ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, sal-limitu li dawn jirrappreżentaw fondi li jappartienu għal membri.

L-inklużjoni ta’ kull ass jew kategorija ta’ assi elenkati fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tfisser li l-kategorija kollha ta’ assi għandhom awtomatikament ikunu aċċettati bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi. L-Istat Membru tal-lokalità għandu jistabbilixxi regoli aktar dettaljati li jiffissaw il-kondizzjonijiet għall-użu ta’ assi aċċettabbli; f’dan ir-rigward, huwa jista’ jkun jeħtieġ sigurtà ta’ valur jew garanziji, partikolarment fil-każ ta’ djun dovuti minn riassiguraturi.

Fid-determinazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli li jistabbilixxi, l-Istat Membru tal-lokalità għandu, b’mod partikolari, jassigura li jkun hemm konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(i) assi li jkopru dispożizzjonijiet tekniċi għandhom jiġu vvalutati netti minn kull dejn li joriġina mill-akkwist tagħhom;

(ii) l-assi kollha għandhom jiġu valutati fuq bażi prudenti, u jippermettu għar-riskju li xi ammonti ma jkunux realizzabbli.

B’mod partikolari, assi fissi tanġibbli barra minn art u bini jistgħu jiġu aċċettati bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi biss jekk ikunu vvalutati fuq il-bażi ta’ amortizzazzjoni prudenti;

(iii) self, kemm jekk lil intrapriżi, lil awtoritajiet ta’ l-Istat jew organizzazzjonijiet internazzjonali, awtoritajiet reġjonali jew lokali jew persuni fiżiċi, jista’ jiġi aċċettat bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi biss jekk ikun hemm garanziji suffiċjenti dwar is-sigurtà tagħhom, kemm jekk dawn ikunu bbażati fuq l-istatus ta’ min jissellef, l-ipoteki, garanziji tal-bank jew garanziji mogħtija minn intrapriżi ta’ assigurazzjoni jew tipi oħra ta’ sigurtà;

(iv) strumenti derivattivi bħal għażliet, futuri u tpartit in konnessjoni ma’ assi li jkopru dispożizzjonijiet tekniċi jistgħu jintużaw sakemm dawn jikkontribwixxu għal tnaqqis fir-riskju ta’ investimenti jew jiffaċilitaw l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ portfolio.

Dawn għandhom jiġu vvalutati fuq bażi prudenti u jistgħu jitqiesu fil-valutazzjoni ta’ l-assi li huma fil-bażi tagħhom;

(v) titoli trasferibbli li ma jkunx hemm negozju fihom f’suq regolat jistgħu jiġu aċċettati bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi biss jekk dawn jistgħu jiġu realizzati fi żmien qasir;

(vi) self dovut u pretensjonijiet kontra parti terza jistgħu jiġu aċċettati bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi biss wara t-tnaqqis ta’ l-ammonti kollha dovuti lill-istess parti terza;

(vii) il-valur ta’ kull dejn u pretensjoni aċċettati bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi għandu jiġi kkalkulat fuq bażi prudenti, b’permezz xieraq għar-riskju ta’ kull ammont li ma jkunx realizzabbli.

B’mod partikolari, djun dovuti minn titolari tal-poloz u intermedjarji li joriġinaw mill-assigurazzjoni u operazzjonijiet ta’ riassigurazzjoni jistgħu jiġu aċċettati biss sal-limitu li dawn kienu ilhom pendenti għal mhux aktar minn tliet xhur;

(viii) meta l-assi miżmuma jinkludu investiment f’intrapriża sussidjarja li tamministra parti minn jew l-investimenti kollha ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni, f’isem l-intrapriża, l-Istat Membru tal-lokalità għandu, meta japplika r-regoli u l-prinċipji stabbiliti f’dan l-Artikolu, jieħu kont ta’ l-assi bażi miżmuma mill-intrapriża sussidjarja; l-Istat Membru tal-lokalità jista jittratta l-assi tas-sussidjarji l-oħrajn bl-istess mod;

(ix) spejjeż diferiti ta’ akkwist jistgħu jiġu aċċettati bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi biss sal-limitu li dan ikun konsistenti mal-kalkolu tad-dispożizzjonijiet tekniċi għal premiums mhux iggwadanjati.

2. Minkejja l-paragrafu 1, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u fuq it-talba ta’ l-intrapriżi ta’ assigurazzjoni, l-Istat Membru tal-lokalità jista’, temporanjament u skond deċiżjoni raġunata kif xieraq, jaċċetta kategoriji oħrajn ta’ assi bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi, soġġett għall-Artikolu 20.

L-Artikolu 22

1. Fir-rigward ta’ l-assi li jkopru dispożizzjonijiet tekniċi, l-Istat Membru tal-lokalità għandu jeħtieġ li kull intrapriża ta’ l-assigurazzjoni ma tinvestix iktar minn:

(a) 10 % tat-total tad-dispożizzjonijiet tekniċi grossi f’kull biċċa waħda ta’ art jew bini, jew numru ta’ bċejjeċ ta’ artijiet jew bini qrib biżżejjed għal xulxin biex jiġu kkunsidrati effettivament bħala investiment wieħed;

(b) 5 % tat-total tad-dispożizzjonijiet tekniċi grossi f’ishma u titoli oħrajn negozjabbli ttrattati bħala ishma, bonds, titoli ta’ dejn u flus oħra u strumenti tas-suq tal-kapital mill-istess intrapriża, jew f’self mogħti lill-istess persuna, meħud flimkien, u s-self ikun self barra minn dak mogħti lil Stat, awtorità lokali jew reġjonali jew lil organizzazzjoni internazzjonali li tagħha Stat Membru wieħed jew iktar huma membri.

Dan il-limitu jista’ jiżdied sa 10 % jekk intrapriża ma tinvestix aktar minn 40 % tad-dispożizzjonijiet tekniċi grossi fis-self jew fit-titoli tal-korpi li joħorġuhom u dawk li jissellfu li f’kull wieħed minnhom tinvesti mhux aktar minn 5 % ta’ l-assi tagħha;

(ċ) 5 % tat-total tad-dispożizzjonijiet tekniċi grossi f’self mhux assigurat, inkluż 1 % għal kull self singolu mhux assigurat, barra minn self mogħti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu, intrapriża ta’ assigurazzjoni — sakemm l-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/239/KEE jippermetti — u intrapriżi ta’ investiment stabbiliti fi Stat Membru;

(d) 3 % tal-total tad-dispożizzjonijiet tekniċi grossi fil-forma ta’ flus kontanti;

(e) 10 % tat-total tad-dispożizzjonijiet tekniċi grossi f’ishma, titoli oħrajn trattati bħala ishma u titoli ta’ dejn, li ma hemmx negozju fihom f’suq regolat.

2. L-assenza ta’ limitu fil-paragrafu 1 dwar investiment f’kull kategorija partikolari ma jimplikax li l-assi f’dik il-kategorija għandhom jiġu aċċettati bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi mingħajr limitu. L-Istat Membru tal-lokalità għandu jistabbilixxi regoli aktar iddettaljati li jiffissaw il-kondizzjonijiet għall-użu ta’ assi aċċettabli. B’mod partikolari għandu jassigura, fid-determinazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli, li jkun hemm konformità mal-prinċipji li ġejjin:

(i) assi li jkopru dispożizzjonijiet tekniċi għandhom jiġu diversifikati u mxerrda b’tali mod hekk li jassiguraw li ma jkun hemm ebda serħan eċċessiv fuq kwalunkwe kategorija partikolari ta’ assi, suq ta’ l-investiment jew investiment;

(ii) investiment f’tipi partikolari ta’ assi li juru livell għoli ta’ riskju, kemm jekk minħabba n-natura ta’ l-assi jew il-kwalità ta’ min joħroġhom, għandu jiġi ristrett għal livelli prudenti;

(iii) limitazzjonijiet fuq kategoriji partikolari ta’ assi għandhom jieħdu kont tat-trattament ta’ riassigurazzjoni fil-kalkolu ta’ dispożizzjonijiet tekniċi;

(iv) meta l-assi miżmuma jinkludu investiment f’intrapriża sussidjarja li tamministra parti minn jew l-investimenti kollha ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni, f’isem l-intrapriża, l-Istat Membru tal-lokalità għandu, meta japplika r-regoli u l-prinċipji stabbiliti f’dan l-Artikolu, jieħu kont ta’ l-assi bażi miżmuma mill-intrapriża sussidjarja; l-Istat Membru tal-lokalità jista jittratta l-assi ta’ sussidjarji oħrajn bl-istess mod;

(v) il-perċentwali ta’ assi li jkopru dispożizzjonijiet tekniċi li huma s-suġġett ta’ investimenti mhux-likwidi għandu jinżamm f’livell prudenti;

(vi) meta l-assi miżmuma jinkludu self lil jew titoli ta’ dejn maħruġa minn ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-Istat Membru tal-lokalità jista’, meta japplika r-regoli u l-prinċipji stabbiliti f’dan l-artikolu, jieħu kont ta’ l-assi bażi miżmuma minn din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Dan it-trattament jista jiġi applikat biss meta l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha fi Stat Membru, tkun kompletament tappartjeni lil dak l-Istat Membru u/jew l-awtoritajiet lokali ta’ dak l-Istat u n-negozju tagħha, skond il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, jikkonsisti f’li testendi, permezz ta’ l-intermedjarju tagħha, self lil jew iggarantit mill-Istat jew l-awtoritajiet lokali jew self lil korpi marbuta mill-qrib ma l-Istat jew l-awtoritajiet lokali.

3. Fil-kuntest tar-regoli dettaljati li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ assi aċċettabli, l-Istat Membru għandu jagħti trattament aktar limitattiv lil:

- kull self li ma jkunx akkumpanjat minn garanzija bankarja, garanzija maħruġa minn intrapriża ta’ assigurazzjoni, ipoteka jew kull forma oħra ta’ sigurta, meta pparagunata ma’ dan il-kollateral,

- Ucits mhux ikkoordinati fis-sens tad-Direttiva 85/611/KEE [13] u fondi oħrajn ta’ investiment, meta pparagunati ma’ Ucits ikkoordinati fis-sens ta’ dik id-Direttiva,

- titoli li ma hemmx negozju fihom f’ suq regolat, meta pparagunati ma dawk li fihom hemm,

- bonds, titoli ta’ dejn u flus oħra u strumenti ta’ suq kapitali mhux maħruġa minn Stati, awtoritajiet lokali jew reġjonali jew intrapriżi li jappartienu għaż-Żona A kif definiti fid-Direttiva 89/647/KEE [14], jew li dawk li joħorġuhom ikunu organizzazzjonijiet internazzjonali li fosthom, bħala membru, ma jkunx hemm mill-anqas wieħed mill-Istati Membri tal-Komunità, meta pparagunati ma’ l-istess strumenti finanzjarji maħruġa minn dawn il-korpi.

4. Stati Membri jistgħu jgħollu l-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 (b) għal 40 % fil każ ta’ ċerti titoli ta’ dejn meta dawn jinħarġu minn istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju ewlieni fi Stat Membru u li hija suġġetta skond il-liġi għal sorveljanza uffiċjali speċjali maħsuba biex tipproteġi lit-titolari ta’ dawk it-titoli ta’ dejn. B’mod partikolari, somom li jirriżultaw mill-ħruġ ta’ dawn it-titoli ta’ dejn għandhom jiġu investiti skond il-liġi dwar l-assi li, tul il-perjodu kollu tal-validità tat-titoli ta’ dejn, tista’ tkopri pretensjonijiet li jannettu għat-titoli ta’ dejn u li, fil-każ ta’ nuqqas tal-ħruġ, kienu jintużaw fuq bażi ta’ prijorità għar-rimbors tal-prinċipal u l-pagament ta’ imgħax akkumulat.

5. Stati Membri m’għandhomx jeħtieġu li intrapriżi ta’ assigurazzjoni jinvestu f’kategoriji partikolari ta’ assi.

6. Minkejja l-paragrafu 1, f’ ċirkostanzi eċċezzjonali u fuq it-talba ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni, l-Istat Membru tal-lokalità jista, temporanjament u skond deċiżjoni rraġunata kif xieraq, jippermettu eċċezzjonijiet għar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 1 (a) sa (e), soġġett għall-Artikolu 20.

L-Artikolu 23

"8. Intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni jistgħu iżommu assi li ma jaqblux biex ikopru ammont li ma jeċċedix 20 % ta’ l-impenji tagħhom f’munita partikolari.

9. Stat Membru jista’ jippermetti li meta permezz tal-proċeduri preċedenti impenn għandu jiġi kopert b’assi espressi fil-munita ta’ dak l-Istat Membru, dik il-ħtieġa għandha wkoll tiġi kkunsidrata bħala ssoddisfata meta l-assi jkunu espressi f’ECU"

.

L-Artikolu 24

"1. L-Istat Membru tal-lokal għandu jenħtieġ li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni li tistabbilixxi marġini adegwat ta’ likwidità fir-rigward tan-negozju kollu tagħha.

Il-marġini ta’ likwidità għandu jikkorrispondi għall-assi ta’ l-intrapriża libera minn kull responsabbiltà prevista inqas kull oġġett intanġibbli. B’mod partikolari dan li ġej għandu jiġi nkluż:

- il-kapital ta’ ishma mħallsa jew, fil-każ ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni reċiproka, il-fond effettiv inizjali flimkien ma’ xi kontijiet ta’ membri li jissoddisfaw il-kriterji kollha li ġejjin:

(a) il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni għandhom jistipulaw li l-pagamenti jistgħu jsiru minn dawn il-kontijiet lil membri biss sakemm dan ma jikkawżax li l-marġini ta’ likwidità jaqa’ taħt il-livell meħtieġ, jew, wara d-dissoluzzjoni ta’ l-intrapriża, jekk id-dejn l-ieħor kollu ta’ l-intrapriża jkun ġie likwidat;

(b) il-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni għandhom jistipulaw, fir-rigward ta’ kwalunkwe pagament ta’ din ix-xorta, għal raġunijiet barra mit-terminazzjoni individwali ta’ sħubija, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu notifikati mill-anqas xahar bil-quddiem u jistgħu jipprojbixxu l-pagament f’dak il-perjodu u

(ċ) id-dispożizzjonijiet relevanti tal-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni jistgħu jiġu emendati biss wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu iddikjaraw li huma ma jkollhom l-ebda oġġezzjoni għall-emenda, mingħajr preġudizzju għal kriterji dikjarati f’(a) u (b);

- nofs l-ishma mhux imħallsa tal-kapital jew tal-fond inizjali, ladarba l-parti mħallsa tammonta għal 25 % ta’ dak il-kapital ta’ ishma jew fond,

- riservi (riservi statutorji u riservi liberi) li ma jikkorrispondux għal responsabbiltajiet ta’ assigurazzjoni,

- kwalunkwe profitt miġjub’ il quddiem,

- fil-każ ta’ assoċjazzjoni reċiproka jew ta’ tip reċiproku b’kontribuzzjonijiet varjabbli, kull pretensjoni li jkollha kontra l-membri tagħha bħala sejħa għal kontribuzzjoni supplimentari, fis-sena finanzjara, sa nofs id-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet massimi u l-kontribuzzjonijiet attwalment imsejħa, u soġġett għal limitu ta’ 50 % tal-marġini,

- fuq it-talba ta’ u mal-produzzjoni ta’ prova mill-intrapriża ta’ assigurazzjoni, kull riserva moħbija li toriġina mill-valutazzjoni baxxa ta’ assi, sal-limitu li dawk ir-riservi moħbija mhumiex ta’ natura eċċezzjonali,

- kapital ta’ ishma preferenzjali kumulattiv u kapital ta’ self subordinat jista’ jiġi inkluż imma, jekk hekk, biss sa 50 % tal-marġini, li mhux aktar minn 25 % minnu għandu jikkonsisti f’self subordinat b’maturità fissa, jew kapital ta’ ishma preferenzjali kumulattiv ta’ terminu fiss, jekk il-kriterji minimi li ġejjin jiġu sodisfati:

(a) fil-każ ta’ falliment jew likwidazzjoni ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni, għandhom jeżistu ftehim li taħthom il-kapital ta’ self subordinat jew il-kapital ta’ ishma pereferenzjali jiġi wara l-pretensjonijiet tal-kredituri l-oħrajn kollha u m’għandux jitħallas lura qabel ma d-dejn l-ieħor kollu pendenti f’dak iż-żmien jiġi likwidat.

Kapital misluf subordinat għandu jissodisfa l-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(b) biss dawk il-fondi mħallsa kollha għandhom jitqiesu;

(ċ) għal self b’maturità fissa, il-maturità oriġinali għandha tkun mill-anqas ħames snin..

Sa mhux aktar tard minn sena waħda qabel id-data tal-ħlas lura, l-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti għall-approvazzjoni tagħhom, pjan li juri kif il-marġini ta’ likwidità jinżamm, jew jinġieb għal-livell meħtieġ ta’ maturità, sakemm il-limitu li jista’ jasal għalih is-self bħala komponent tal-marġini ta’ likwidità ma jiġix gradwalment imnaqqas tul mill-anqas l-aħħar ħames snin qabel id-data tal-ħlas lura.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-pagament lura kmieni ta’ dan is-self sakemm l-applikazzjoni ssir mill-intrapriża ta’ assigurazzjoni tal-ħruġ u l-marġini ta’ likwidità tagħha ma jaqax taħt il-livell meħtieġ;

(d) self li l-maturità tiegħu ma tkunx iffissata għandu jitħallas lura biss suġġett għal notifika ta’ ħames snin sakemm is-self ma jkunx aktar ikkunsidrat bħala komponent tal-marġini ta’ likwidità jew sakemm il-kunsens bil-quddiem ta’ l-awtoritajiet kompetenti ma jkunx speċifikament meħtieġ għal ħlas lura kmieni.

Fil-każ ta’ l-aħħar, l-intrapriża ta’ assigurazzjoni għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti mill-inqas sitt xhur qabel id-data tal-ħlas lura propost, u tispeċifika il-marġini attwali u meħtieġ tal-likwidità kemm qabel u wkoll wara dak il-ħlas lura.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw ħlas lura biss jekk il-marġini ta’ likwidità ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni ma jinżilx taħt il-livell meħtieġ;

(e) il-ftehim tas-self m’għandux jinkludi xi klawsola li tipprovdi li f’ċirkostanzi speċifikati, barra mill-għeluq ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni, id-dejn isir ripagabbli qabel id-dati miftiehma għar-ripagament.

(f) il-ftehim tas-self jista’ jiġi emendat biss wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu iddikjaraw li huma ma jkollhom l-ebda oġġezzjoni għall-emenda;

- titoli b’ebda data speċifika ta’ maturità u strumenti oħrajn li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin, inklużi ishma kumulattivi preferenzjali barra minn dawk imsemmija fl-inċiż preċedenti, sa 50 % tal-marġini tat-total ta’ dawn it-titoli u l-kapital ta’ self subordinat imsemmi fl-inċiz preċedenti:

(a) ma jistgħux jitħallsu lura fuq l-inizjattiva tal-pussessur jew mingħajr il-kunsens bil-quddiem ta’ l-awtorità kompetenti;

(b) il-kuntratt tal-ħruġ għandu jawtorizza lill-intrapriża ta’ assigurazzjoni biex tippostponi l-ħlas ta’ imgħax fuq is-self;

(ċ) il-pretensjonijiet ta’ min jislef fuq l-intrapriża ta’ assigurazzjoni għandhom jiġu kompletament wara dawk tal-kredituri kollha mhux subordinati;

(d) id-dokumenti li jirregolaw il-ħruġ tat-titoli għandhom jipprovdu għall-kapaċità ta’ l-assorbiment tat-telf tad-dejn u ta’ l-imgħax mhux imħallas, waqt li jippermettu lill-intrapriża ta’ assigurazzjoni biex tkompli bin-negozju tagħha;

(e) l-ammonti mħallsa għal kollox biss għandhom jitqiesu."

L-Artikolu 25

Sa mhux aktar tard minn tliet snin wara d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kumitat ta’ l-Assigurazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ aktar armonizzazzjoni tal-marġini ta’ likwidità.

L-Artikolu 26

"L-Artikolu 18

1. Stati Membri m’għandhomx jippreskrivu regoli dwar l-għażla ta’ assi li m’hemmx bżonn li jintużaw bħala kopertura għad-dispożizzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 15.

2. Soġġett għall-Artikolu 15(2), l-Artikolu 20(1), (2), (3) u (5) u l-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 22(1), Stati Membri m’għandhomx jirristrinġu d-disponiment liberu ta’ dawk l-assi, kemm mobbli kemm immobbli, li jiffurmaw parti mill-assi ta’ intrapriżi awtorizzati ta’ assigurazzjoni.

3. Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jipprekludu miżuri li Stati Membri, waqt li jissalvagwardjaw l-interessi tal-persuni assigurati, huma intitolati li jieħdu bħala sidien jew membri jew bħala sieħba fl-intrapriżi inkwistjoni."

Il-Kapitolu 3

L-Artikolu 27

"(f) fil-każ tar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 73/239/KEE, il-partijiet għall-kuntratt jistgħu jagħżlu kwalunkwe liġi."

L-Artikolu 28

L-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju m’għandux jipprevieni lil titolari ta’ polza milli jikkonkludi kuntratt ma’ intrapriża ta’ assigurazzjoni awtorizzata skond il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/239/KEE, sakemm dan ma jkunx f’konflitt mad-dispożizzjonijiet legali li jipproteġu l-ġid ġenerali fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju.

L-Artikolu 29

Huma jkunu jistgħu jeħtieġu biss notifika mhux sistematika ta’ dawk il-kondizzjonijiet tal-polza u dokumenti oħrajn għall-iskop ta’ verifika tal-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw kuntratti ta’ assigurazzjoni, u dik il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kondizzjoni bil-quddiem biex intrapriża ssegwi in-negozju tagħha.

Stati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu notifika jew approvazzjoni bil-quddiem taż-żidiet proposti fir-rati tal-premium ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.

L-Artikolu 30

1. "(a) Soġġett għas-subparagrafu (ċ), it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(2) għandu japplika meta l-kuntratt ta’ assigurazzjoni jipprovdi kopertura f’żewġ Stati Membri jew aktar, li mill-inqas wieħed minnhom jagħmel l-assigurazzjoni obbligatorja."

2. Minkejja kull dispożizzjoni għall-kuntrarju, Stat Membru li jagħmel l-assigurazzjoni obbligatorja jista’ jeħtieġ li l-kondizzjonijiet ġenerali u speċjali ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja jiġu kkomunikati lill-awtorità kompetenti tiegħu qabel ma jkunu ċċirkolati.

L-Artikolu 31

1. Qabel ma jiġi konkluż kuntratt ta’ l-assigurazzjoni, l-intrapriża ta’ assigurazzjoni għandha tinforma lit-titolari tal-poloz:

- bil-liġi applikabbli għal kuntratt meta l-partijiet ma jkollhomx għażla libera, jew bil-fatt li l-partijiet huma liberi li jagħżlu l-liġi applikabbli u, f’dan il-każ ta’ l-aħħar, il-liġi li assiguratur jipproponi li jagħżel,

- bl-arranġamenti għat-trattament ta’ l-ilmenti ta’ titolari ta’ poloz li jikkonċernaw kuntratti inkluż, meta approprjat, l-eżistenza ta’ korpi ta’ lmenti, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ titolari ta’ poloz li jibdew proċeduri legali.

2. L-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika biss meta t-titolari ta’ polza jkun persuna fiżika.

3. Ir-regoli għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu ddeterminati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju.

IT-TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET RIGWARD ID-DRITT TA’ STABBILIMENT U L-LIBERTÀ LI JIĠU PPROVDUTI SERVIZZI

L-Artikolu 32

"L-Artikolu 10

1. Intrapriża ta’ assigurazzjoni li tipproponi li tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità tagħha.

2. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni li tipproponi li tistabbilixxi fergħa fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, tipprovdi l-informazzjoni li ġejja meta tagħti n-notifika prevista fil-paragrafu 1:

(a) l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tipproponi li tistabbilixxi fergħa;

(b) skema ta’ operazzjonijiet li ssemmi, inter alia, it-tipi ta’ negozju ippjanat u l-organizzazzjoni strutturali tal-fergħa;

(ċ) l-indirizz fl-Istat Membru tal-fergħa li minnha d-dokumunti jistgħu jinkisbu u fejn jistgħu jiġu kkunsinnati, waqt li jkun mifhum li dak l-indirizz għandu jkun dak li fih il-komunikazzjonijiet kollha lill-aġent awtorizzat għandhom jintbagħtu;

(d) l-isem ta’ l-aġent awtorizzat tal-fergħa, li għandu jkollu biżżejjed poteri biex jorbot lill-intrapriża fir-rigward ta’ partijiet terzi u li jirrapreżentaha f’relazzjonijiet ma’ l-awtoritajiet u l-qrati ta’ l-Istat Membru tal-fergħa. Fir-rigward ta’ Lloyd’s, fil-każ ta’ xi litigazzjoni fl-Istat Membru tal-fergħa li tirriżulta minn impenni assigurati, il-persuni assigurati m’għandhomx jiġu trattati inqas favorevolment milli kieku l-litigazzjoni kienet inġiebet kontra negozji ta’ tip konvenzjonali. L-aġent awtorizzat għandu, għalhekk, jippossjedi poteri biżżejjed biex jittieħdu proċeduri kontrih u għandu f’dik il-kapaċità jkun jista jorbot lill-assiguraturi ikkonċernati ta’ Lloyd’s.

Meta l-intrapriża jkollha l-intenzjoni li l-fergħa tagħha tkopri riskji fil-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness, li ma jinkludix ir-responsabbiltà ta’ min jittrasporta, din għandha tipproduċi dikjarazzjoni li hi tkun saret membru tal-bureau nazzjonali u tal-fond nazzjonali ta’ garanzija ta’ l-Istat Membru tal-fergħa.

3. Sakemm l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ma jkollhomx raġuni biex jiddubitaw l-adegwatezza ta’ l-istruttura amministrattiva jew tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-intrapriża ta’ l- assigurazzjoni jew tar-reputazzjoni tajba u l-kwalifiki professjonali jew l-esperjenza tad-diretturi jew ta’ l-amministraturi jew l-aġent awtorizzat, b’kont meħud tan-negozju ppjanat, huma għandhom fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-fergħa u għandhom jinfurmaw lill-intrapriża ikkonċernata kif xieraq.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandhom ukoll jivverifikaw li l-intrapriża ta’ assigurazzjoni jkollha l-marġini minimu ta’ likwidità, kkalkulat skond l-Artikoli 16 u 17.

Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità jirrifjutaw li jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-fergħa għandhom jagħtu r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom lill-intrapriża ikkonċernata fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha inkwistjoni. Dak ir-rifjut jew in-nuqqas ta’ azzjoni jista’ jkun suġġett għad-dritt ta’ applikazzjoni lill-qrati fl-Istat Membru tal-lokalità.

4. Qabel ma l-fergħa ta’ intrapriża ta’ assigurazzjoni tibda tinnegozja, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-fergħa għandhom, fi żmien xahrejn minn meta jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, jinfurmaw lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità, jekk approprjat, bil-kondizzjonijiet li taħthom, fl-interess tal-ġid ġenerali, dak in-negozju għandu jsegwi fl-Istat Membru tal-fergħa.

5. Malli tirċievi komunikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-fergħa, jew, jekk l-ebda komunikazzjoni ma tkun waslet mingħandhom, malli jiskadi l-perjodu previst fil-paragrafu 4, il-fergħa tista’ tiġi stabbilita u tibda n-negozju.

6. Fil-każ ta’ bidla f’xi dettalji kkomunikati taħt il-paragrafu 2 (b), (ċ) jew (d), intrapriża ta’ l-assigurazzjoni għandha tagħti avviż bil-miktub dwar il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità u l-Istat Membru tal-fergħa mill-anqas xahar qabel ma ssir il-bidla sabiex l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità u l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-fergħa jkunu jistgħu iwettqu r-rwoli rispettivi tagħhom skond il-paragrafi 3 u 4."

L-Artikolu 33

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 73/239/KEE huwa hawnhekk imħassar.

L-Artikolu 34

"L-Artikolu 14

Kull intrapriża li jkollha l-ħsieb li ssegwi negozju għall-ewwel darba fi Stat Membru wieħed jew iktar skond il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, għandha l-ewwel tinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità, tindika in-natura tar-riskji li hija tipproponi li tkopri."

L-Artikolu 35

"L-Artikolu 16

1. Fi żmien xahar min-notifika prevista fl-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokal għandhom jikkomunikaw lill-Istat Membru jew l-Istati Membri li fit-territorji tagħhom intrapriża jkollha l-intenzjoni li ssegwi negozju skond il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi:

(a) ċertifikat li jivverifika li l-intrapriża jkollha l-marġini minimu ta’ likwidità ikkalkolat skond l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 73/239/KEE;

(b) il-klassijiet ta’ assigurazzjoni li l-intrapriża tkun ġiet awtorizzata li toffri;

(ċ) in-natura tar-riskji li l-intrapriża tipproponi li tkopri fl-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi.

Fl-istess waqt, huma għandhom jinfurmaw lill-intrapriża kkonċernata kif xieraq.

Kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu intrapriża jkollha l-intenzjoni, skond il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, li tkopri riskji fil-klassi 10 tal-punt A fl-Anness tad-Direttiva 73/239/KEE barra mir-responsabbiltà ta’ trasportatur, jista’ jeħtieġ li l-intrapriża:

- tikkomunika l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant imsemmi fl-Artikolu 12a(4) ta’ din id-Direttiva,

- tipproduċi dikjarazzjoni li l-intrapriża tkun saret membru tal-bureau nazzjonali u tal-fond nazzjonali ta’ garanzija ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi.

2. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ma jikkomunikawx l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 matul il-perjodu stabbilit, huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom lill-intrapriża f’dak l-istess perjodu.

Dak ir-rifjut għandu jkunu soġġett għad-dritt ta’ rikors fil-qrati ta’ l-Istat Membru tal-lokalità.

3. L-intrapriża tista’ tibda negozju fid-data ċertifikata li hija infurmata fiha bil-komunikazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1."

L-Artikolu 36

"L-Artikolu 17

Kull bidla li intrapriża jkollha l-intenzjoni li tagħmel għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14 għandha tkun suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikoli 14 u 16."

L-Artikolu 37

L-Artikolu 12(2), it-tieni u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 12(3) u l-Artikoli 13 u 15 tad-Direttiva 88/357/KEE huma hawnhekk imħassra.

L-Artikolu 38

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-fergħa jew l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi jistgħu jeħtieġu li l-informazzjoni li huma awtorizzati skond din id-Direttiva li jitolbu fir-rigward tan-negozju ta’ intrapriżi ta’ assigurazzjoni li joperaw fit-territorju ta’ dak l-Istat għandha tiġi fornuta lilhom fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat.

L-Artikolu 39

1. L-Artikolu 18 tad-Direttiva 88/357/KEE huwa hawnhekk imħassar.

2. L-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi m’għandux jadotta dispożizzjonijiet li jeħtieġu approvazzjoni minn qabel jew notifika sistematika ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ġenerali u speċjali, skali ta’ premium, jew formoli u dokumenti stampati oħrajn li l-intrapriża jkollha l-ħsieb li tuża fit-trattamenti tagħha ma’ titolari tal-poloz. Huwa jista biss jeħtieġ li intrapriża li tipproponi li ssegwi negozju ta’ assigurazzjoni fit-territorju tiegħu, skond id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu provduti servizzi, tagħmel notifika mhux sistematika ta’ dawk il-kondizzjonijiet ta’ poloz u dokumenti oħrajn għall-iskop ta’ verifika ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw kuntratti ta’ assigurazzjoni, u dik il-ħtieġa ma tistax tikkostitwixxi kondizzjoni bil-quddiem biex intrapriża ssegwi in-nogozju tagħha.

3. L-Istat Membru tal-fergħa jew tal-provvista ta’ servizzi ma jistax iżomm jew jintroduċi notifika jew approvazzjoni bil-quddiem taż-żidiet proposti fir-rati tal-premium ħlief bħala parti minn sistemi ġenerali ta’ kontroll tal-prezzijiet.

L-Artikolu 40

1. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 88/357/KEE huwa hawnhekk imħassar.

2. Kull intrapriża li ssegwi negozju skond id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-liberta li jiġu provduti servizzi għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-fergħa u/jew ta’ l-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi, d-dokumenti kollha meħtieġa minnha għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu sal-limiti li intrapriżi b’uffiċċji ewlenin f’dawk l-Istati Membri huma wkoll obbligati li jagħmlu hekk.

3. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistabbilixxu li intrapriża b’fergħa jew li ssegwi negozju skond il-libertà ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju tiegħu ma tkunx qed tikkonforma mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għaliha f’dak l-Istat, huma għandhom jeħtieġu l-intrapriża kkonċernata tirremedja dik is-sitwazzjoni irregolari.

4. Jekk l-intrapriża inkwistjoni tonqos li tieħu l-azzjoni neċessarja, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità, kif xieraq. Dawn l-awtoritajiet ta’ l-aħħar għandhom, fl-ewwel opportunità possibbli, li jieħdu l-miżuri approprjati kollha biex jassiguraw li l-intrapriża kkonċernata tirremedja dik is-sitwazzjoni irregolari. In-natura ta’ dawk il-miżuri għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ikkonċernat.

5. Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-Istat Membru tal-lokalità jew minħabba li dawk il-miżuri mhumiex adegwari jew jonqsu f’dak l-Istat, l-intrapriża tippersisti f’li tikser id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat, dan ta’ l-aħħar jista’, wara li jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membri tal-lokalità, jieħu miżuri approprjati biex jipprevieni jew jippenalizza aktar ksur, inkluż, sa fejn ikun strettament neċessarju, li jipprevieni lil dik l-intrapriża milli tkompli tikkonkludi kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni fit-territorju tiegħu. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-territorju tagħhom ikun possibbli li jservu d-dokumenti legali neċessarji għal dawn il-miżuri fuq l-intrapriżi ta’ assigurazzjoni.

6. Il-paragrafi 3, 4 u 5 m’għandhomx jaffettwaw il-poter ta’ emerġenza ta’ l-Istati Membri kkonċernati biex jieħdu miżuri approprjati sabiex jipprevienu irregolaritajiet fit-territorji tagħhom. Dan għandu jinkludi l-possibbiltà li intrapriżi ta’ assigurazzjoni jiġu pprevenuti milli jkomplu jikkonkludu kuntratti ġodda ta’ assigurazzjoni fir-territorji tagħhom.

7. Il-paragrafi 3, 4 u 5 m’għandhomx jaffettwaw il-poteri ta’ l-Istati Membri biex jippenalizzaw ksur fit-territorji tagħhom.

8. Jekk intrapriża li tkun ikkommettiet l-offiża jkollha stabbiliment jew tippossiedi proprjetà fl-Istat Membru ikkonċernat, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan ta’ l-aħħar jistgħu, skond il-liġi nazzjonali, japplikaw il-penalitajiet amministrattivi preskritti għal dik l-offiża bħala applikazzjoni kontra dak l-istabbiliment jew proprjetà.

9. Kull miżura adottata skond il-paragrafi 4 sa 8 li tinvolvi penalitajiet jew restrizzjonijiet dwar l-insegwiment ta’ negozju fl-assigurazzjoni għandha tkun irraġunata u kkomunikata kif xieraq lill-intrapriża kkonċernata.

10. Kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat ta’ l-Assigurazzjoni stabbilit bid-Direttiva 91/675/KEE, rapport li jiġbor fil-qosor in-numru u t-tipi ta’ każijiet li fihom, f’kull Stat Membru, awtorizzazzjoni tkun ġiet rifjutata taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 73/239/KEE jew l-Artikolu 16 tad-Direttiva 88/357/KEE kif emendata b’din id-Direttiva jew ikunu ttieħdu miżuri taħt il-paragrafu 5.

Stati Membri għandhom jikkooperaw mal-Kummissjoni billi jipprovdulha l-informazzjoni meħtieġa għal dak ir-rapport.

L-Artikolu 41

Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jfixkel lill-intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni b’uffiċini prinċipali fi Stati Membri milli jirreklamaw is-servizzi tagħhom, permezz tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni disponibbli, f’Istat Membru tal-fergħa jew fl-Istat Membru tal-provvista ta’ servizzi, soġġett għal xi regoli li jirregolaw il-forma u l-kontenut ta’ dan ir-reklamar fl-interess tal-ġid ġenerali.

L-Artikolu 42

1. L-Artikolu 20 tad-Direttiva 88/357/KEE huwa hawnhekk imħassar.

2. Fil-każ li intrapriża ta’ assigurazzjoni tingħalaq, impennj li joriġinaw minn kuntratti assigurati permezz ta’ fergħa jew skond il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandhom jiġu ssodisfati bl-istess metodu bħal dawk li joriġinaw mill-kuntratti l-oħrajn ta’ l-assigurazzjoni ta’ dik l-intrapriża, mingħajr distinzjoni taċ-ċittadinanza sa fejn il-persuni assigurati u l-benefiċjarji jkunu ikkonċernati.

L-Artikolu 43

1. L-Artikolu 21 tad-Direttiva 88/357/KEE huwa hawnhekk imħassar.

2. Meta assigurazzjoni tkun offerta skond id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-titolari tal-polza għandu, qabel ma jidħol f’xi impenn, jiġi nfurmat bl-Istat Membru li fih l-uffiċċju ewlieni jew, meta approprjat, il-fergħa li magħha għandu jiġi konkluż il-kuntratt jinstab.

Kull dokument maħruġ lit-titolari tal-polza għandu jgħaddi l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-obbligi imposti fl-ewwel żewġ subparagrafi m’għandhomx japplikaw għar-riskji msemmija fl-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 73/239/KEE.

3. Il-kuntratt jew kull dokument ieħor li jagħti kopertura, flimkien mal-proposta ta’ l-assigurazzjoni meta din tkun torbot fuq it-titolari tal-polza, għandhom jiddikjaraw l-indirizz ta’ l-uffiċċju ewlieni, jew, meta approprjat, tal-fergħa ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni li tagħti l-kopertura.

Kull Stat Membru jista jeħtieġ li l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant ta’ l-intrapriża ta’ assigurazzjoni msemmija fl-Artikolu 12a(4) tad-Direttiva 88/357/KEE jidhru wkoll fid-dokumenti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

L-Artikolu 44

1. L-Artikolu 22 tad-Direttiva 88/357/KEE huwa mħassar.

2. Kull intrapriża ta’ l-assigurazzjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità tagħha, separatament, fir-rigward ta’ operazzjonijiet imwettqa skond id-dritt ta’ stabbiliment u dawk imwettqa taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bl-ammont ta’ premiums, pretensjonijiet u kummissjonijiet, mingħajr tnaqqis ta’ riassigurazzjoni, minn Stat Membru jew minn grupp ta’ klassijiet, u wkoll fir-rigward tal-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness mad-Direttiva 73/239/KEE, mhux inkluża r-reponsabbiltà tat-trasportatur, il-frekwenza u l-medja ta’ l-ispiża tal-pretensjonijiet.

Il-gruppi tal-klassijiet huma hawnhekk definiti kif ġej:

- inċident u mard (klassijiet 1 u 2),

- vetturi bil-mutur (il-klassijiet 3, 7 u 10, il-figuri għall-klassi 10, eskluża r-responsabbiltà tat-trasportatur, jingħataw separatament),

- nar u ħsarat oħra lill-proprjetà (il-klassijiet 8 u 9),

- avjazzjoni, marittima u trasport (klassijiet 3, 4, 5, 6, 7, 11 u 12),

- responsabbiltà ġenerali (klassi 13),

- kreditu u sigurtajiet (il-klassijiet 14 u 15),

- klassijiet oħrajn (il-klassijiet 16, 17 u 18).

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità għandha tgħaddi dik l-informazzjoni fi żmien raġjonevoli u f’forma miġbura lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru ikkonċernat li jitlob hekk.

L-Artikolu 45

1. L-Artikolu 24 tad-Direttiva 88/357/KEE huwa hawnhekk imħassar.

2. Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jaffettwa d-dritt ta’ Stati Membri li jeħtieġu li intrapriżi li jwettqu n-negozju fit-territorji tagħhom taħt id-dritt ta’ stabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jissieħbu u jipparteċipaw, fuq l-istess kondizzjonijiet bħal intrapriżi awtorizzati hemm, f’kull skema maħsuba biex tiggarantixxi l-ħlas ta’ pretensjonijiet ta’ assigurazzjoni lil persuni assigurati u partijiet terzi danneġġjati.

L-Artikolu 46

1. L-Artikolu 25 tad-Direttiva 88/357/KEE huwa hawnhekk imħassar.

2. Mingħajr preġudizzju għal armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għal taxxi indiretti u piżijiet parafiskali fuq premiums ta’ l-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju kif definit fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE, u wkoll, fil-każ ta’ Spanja, għal sovramposti stabbiliti legalment a favur il-"Consorcio de compensación de Seguros" Spanjol, għal-insegwiment tal-funzjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ kumpens għal telf li joriġina minn avvenimenti straordinarji li jseħħu f’dak l-Istat Membru.

B’deroga mill-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357/KEE, u għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, proprjetà mobbli li tinstab f’bini li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru, ħlief għal oġġetti fi transitu kummerċjali, għandha tkun riskju li jinstab f’dak l-Istat Membru, anke jekk il-bini u l-kontenut tiegħu ma jkunux koperti bl-istess polza ta’ l-assigurazzjoni.

Il-liġi applikabbli għall-kuntratt skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 88/357/KEE m’għandhiex taffettwa l-arranġamenti fiskali applikabbli.

Fl-istennija ta’ armonizzazzjoni futura, kull Stat Membru għandu japplika lil dawk l-intrapriżi li jkopru riskji fit-territorju tiegħu, id-dispożizzjonijiet nazzjonali proprji sabiex jassigura il-ġbir ta’ taxxi indiretti u imposti parafiskali dovuti skond l-ewwel subparagrafu.

IT-TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANSITORJI

L-Artikolu 47

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tippostponi sa l-1 ta’ Jannar 1996 l-applikazzjoni ta’ l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 54(2). Matul dak il-perjodu, id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu li ġej għandhom japplikaw fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 54(2).

Meta l-bażi teknika għall-kalkolu ta’ premiums tkun ġiet ikkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità skond it-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 54(2), dawk l-awtoritajiet għandhom mingħajr dewmien jgħaddu dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju sabiex ikunu jistgħu jikkummentaw. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ma jieħdux kont ta’ dawk il-kummenti, huma għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju kif xieraq, bid-dettal u jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom għal dan.

L-Artikolu 48

L-Istati Membri jistgħu jippermettu intrapriżi ta’ assigurazzjoni b’ uffiċċji ewlenin fit-territorji tagħhom, li l-bini u l-art tagħhom li jkopru id-dispożizzjonijiet tekniċi tagħhom jeċċedu, fil-ħin tan-notifika ta’ din id-Direttiva, il-perċentwali stabbilit fl-Artikolu 22(1)(a), perjodu li jeskadi mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 biex fih jikkonformaw ma dik id-disposizzjoni.

L-Artikolu 49

Ir-Renju tad-Danimarka jista’ jipposponi sa l-1 ta’ Jannar 1999 l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti fuq ix-xogħol. Matul dak il-perjodu ta’ l-esklużjoni previst fl-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 88/357/KEE għal inċidenti fuq ix-xogħol għandha tibqa tapplika fir-Renju tad-Danimarka.

L-Artikolu 50

Spanja, sal-31 ta’ Diċembru 1996, u l-Greċja u l-Portugall, sal-31 ta’ Diċembru 1998, jistgħu joperaw dawn l-arranġamenti transitorji li ġejjin għal kuntratti li jkopru riskji li jinstabu esklussivament f’wieħed minn dawk l-Istati Membri barra dawk definiti fl-Artikolu 5(d) tad-Direttiva 73/239/KEE:

(a) b’deroga mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 73/239/KEE u mill-Artikoli 29 u 39 ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri inkwistjoni jistgħu jeħtieġu il-komunikazzjoni, qabel l-użu, ta’ kondizzjonijiet ta’ politika ta’ assigurazzjoni ġenerali u speċjali;

(b) l-ammont ta’ dispożizzjonijiet tekniċi li jirrelataw għall-kuntratti msemmija fl-Artikolu għandhom jiġu determinati taħt is-sorveljanza ta’ l-Istat Membru ikkonċernat, skond ir-regoli proprji tiegħu jew, fin-nuqqas ta’ dan, skond il-proċeduri stabbiliti fit-territorju tiegħu skond din id-Direttiva.

Kopertura ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tekniċi b’assi ekwivalenti u paragunabbli u l-lokalizzazzjoni ta’ dawk l-assi għandha tiġi effettwata taħt is-sorveljanza ta’ dak l-Istat Membru skond ir-regoli u l-prattiċi proprji adottati skond din id-Direttiva.

IT-TITOLU VI

DIŻPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 51

Dawn l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin li għandhom isiru lid-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE u għal din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 91/675/KEE:

- estensjoni tal-forom legali previsti fl-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 73/239/KEE,

- emendi għal-lista stabbilita fl-Anness tad-Direttiva 73/239/KEE, jew addattament tat-terminoloġija użata f’dik il-lista biex jieħu kont ta’ l-iżvilupp tas-swieq ta’ l-assigurazzjoni,

- kjarifika ta’ l-unitajiet li jikositwixxu l-marġini ta’ likwidità elenkata fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 73/239/KEE biex jieħu kont tal-ħolqien ta’ strumenti finanzjarji ġodda,

- alterazzjoni tal-fond minimu ta’ garanzija previst fl-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 73/239/KEE biex jieħu kont ta’ l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji,

- emendi biex jieħdu kont tal-ħolqien ta’ strumenti ġodda finanazjarji, mal-lista ta’ assi aċċettabli bħala kopertura għal dispożizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Artikolu 21 ta’ din id-Direttiva u għar-regoli dwar it-tixrid ta’ investimenti kif stabbiliti fl-Artikolu 22,

- bidliet fir-rilassamenti fir-regoli li jaqblu stabbliti fl-Anness 1 tad-Direttiva 88/357/KEE, biex jieħdu kont ta’ l-iżvilupp ta’ strumenti ġodda dwar hedging ta’ munita jew progress magħmul lejn unjoni ekonomika u monetarja,

- kjarifika tad-definizzjonijiet sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni uniformi tad-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE u ta’ din id-Direttiva tul il-Komunità kollha.

L-Artikolu 52

1. Fergħat li jkunu bdew in-negozju, skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru ta’ stabbiliment tagħhom, għandhom qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva jitqiesu bħala li kienu suġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10(1) sa (5) tad-Direttiva 73/239/KEE. Dawn għandhom jiġu rregolati, mid-data ta’ dak id-dħul fis-seħħ, bl-Artikoli 15, 19, 20 u 22 tad-Direttiva 73/239/KEE u bl-Artikolu 40 ta’ din id-Direttiva.

2. L-Artikoli 34 u 35 m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet akkwistati minn intrapriżi ta’ assigurazzjoni li jsegwu n-negozju tagħhom taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 53

"L-Artikolu 28a

1. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, kull Stat Membru għandu jawtorizza aġenziji u fergħat stabbiliti fit-territorju tiegħu u koperti minn dan it-Titolu biex jitrasferixxu l-portfolios kollha tagħhom, jew parti minnhom, dwar kuntratti, lil uffiċċju li jaċċetta, stabbilit fl-istess Stat Membru jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jew, jekk approprjat, ta’ l-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 26, jiċċertifikaw li wara li t-trasferimenti jkunu ikkunsidrati, l-uffiċċju li jaċċetta għandu l-marġini ta’ likwidità neċessarju.

2. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, kull Stat Membru għandu jawtorizza aġenziji u fergħat stabbiliti fit-territorju tiegħu u koperti b’dan it-Titolu biex jittrasferixxu il-portfolios kollha tagħhom, jew parti minnhom, dwar kuntratti, lil intrapriża ta’ assigurazzjoni b’uffiċċju ewlieni fi Stat Membru ieħor jekk l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru jiċċertifikaw li wara li t-trasferimenti jiġu kkunsidrati l-uffiċċju li jaċċetta jkollu l-marġini ta’ likwidità neċessarju.

3. Jekk skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali Stat Membru jawtorizza aġenziji u fergħat stabbiliti fit-territorju tiegħu u koperti b’dan it-Titolu biex jitrasferixxu il-portfolios kollha tagħhom, jew parti minnhom, ta’ kuntratti, lil aġenzija jew fergħa koperta b’dan it-Titolu u stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, dan għandu jassigura li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ l-uffiċċju li jaċċetta jew, jekk approprjat, ta’ l-Istat Membru msemmi fl-Artikolu 26, jiċċertifika li wara li t-trasferiment jiġi kkunsidrat, l-uffiċċju li jaċċetta jkollu l-marġini ta’ likwidità neċessarju, li l-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ l-uffiċċju li jaċċetta dan it-trasferiment u li l-Istat ikun qabel li jsir it-trasferiment.

4. Fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 l-Istat Membru li fih tkun tinstab l-aġenzija jew il-fergħa li titrasferixxi, għandu jawtorizza t-trasferiment wara li jakkwista l-ftehim ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih jinstabu r-riskji, jekk dan ma jkunx l-Istat Membru li fih tkun tinstab l-aġenzija jew il-fergħa li tittrasferixxi.

5. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonsultati għandhom jagħtu l-opinjoni jew il-kunsens tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità ta’ l-intrapriża ta’ l-assigurazzjoni li titrasferixxi, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievu talba; l-assenza ta’ kwalunkwe tweġiba mill-awtoritajiet ikkonsultati f’dak il-perjodu għandha titqies ekwivalenti għal opinjoni favorevoli jew kunsens taċitu,

6. Trasferiment awtorizzat skond dan l-Artikolu għandu jiġi ppubblikat, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju. Dawn it-trasferimenti għandhom awtomatikament ikunu validi kontra titolari ta’ poloz, persuni assigurati u kull persuna oħra li jkollha drittijiet jew obbligi li joriġinaw mill-kuntratti trasferiti.

Din id-disposizzjoni m’għandiex taffettwa id-dritt ta’ l-Istati Membri li jagħtu lil titolari ta’ poloz l-għażla li jikkanċellaw il-kuntratti fi żmien perjodu fiss wara t-trasferiment."

L-Artikolu 54

1. Minkejja kull dispożizzjoni għall-kuntrarju, Stat Membru li fih kuntratti li jkopru r-riskji fil-klassi 2 tal-punt 2 ta’ l-Anness mad-Direttiva 73/239/KEE jistgħu iservu bħala alternattiva parzjali jew kompleta għal kopertura tas-saħħa prevista mis-sistema statutorja ta’ sigurtà soċjali, jista’ jeħtieġ li dawk il-kuntratti jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet legali speċifiċi adottati minn dak l-Istat Membru biex jipproteġi l-ġid ġenerali f’dik il-klassi ta’ assigurazzjoni, u li l-kondizzjonijiet ġenerali u speċjali ta’ dik l-assigurazzjoni jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru qabel l-użu.

2. L-Istati Membru jistgħu jeħtieġu li s-sistema ta’ assigurazzjoni tas-saħħa msemmija fil-paragrafu 1 tkun operata fuq bażi teknika simili għal dik ta’ l-assigurazzjoni tal-ħajja meta:

- l-premiums imħallsa jkunu kkalkolati fuq il-bażi tat-tabelli tal-mard u informazzjoni statistika oħra relevanti għall-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju skond il-metodi matematiċi użati fl-assigurazzjoni,

- riserva stabbilita għal żieda fl-età,

- l-assiguratur jista’ jikkanċella l-kuntratt biss tul perjodu fiss determinat mill-Istat Membru li fih jinstab ir-riskju,

- il-kuntratt jipprovdi li l-premiums jistgħu jiżdiedu jew il-pagamenti jitnaqqsu, anke għal kuntratti kurrenti,

- il-kuntratt jipprovdi li t-titolari tal-polza jista’ jbiddel il-kuntratt eżistenti tiegħu f’kuntratt ġdid li jikkonforma mal-paragrafu 1, offert mill-isstess intrapriża ta’ assigurazzjoni jew mill-istess fergħa u li jieħu kont tad-drittijiet akkwistati minnu. B’mod partikolari, għandu jittieħed kont tar-riserva għal żieda fl-età u jista jkun meħtieġ eżami mediku ġdid biss għal kopertura miżjuda.

F’dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandhom jippubblikaw it-tabelli tal-mard u informazzjoni statistika relevanti oħra msemmija fl-ewwel subparagrafu u jittrażmettuhom lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-lokalità. Il-premiums għandhom ikunu suffiċjenti, b’assunzjonijiet attwarjali raġjonevoli, biex intrapriżi jkunu jistgħu jissodisfaw l-impenni kollha tagħhom fir-rigward ta’ l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. L-Istat Membru tal-lokalità għandu jeħtieġ li l-bażi teknika għall-kalkolu ta’ premiums tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu qabel ma l-prodott jiġi ċċirkolat.

Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll meta kuntratti eżistenti jiġu modifikati.

L-Artikolu 55

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li kull intrapriża ta’ assigurazzjoni li toffri, għar-riskju proprju tagħha, assigurazzjoni obbligatorja kontra inċidenti fuq ix-xogħol fit-territorji tagħhom tikkonforma mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi nazzjonali tagħhom li tikkonċerna din l-assigurazzjoni, ħlief għad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw sorveljanza finanzjarja, li għandhom ikunu r-responsabbiltà esklussiva ta’ l-Istat Membru tal-lokalità.

L-Artikolu 56

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta’ intrapriża ta’ l-assigurazzjoni skond il-liġijiet, ir-regolament jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skond din id-Direttiva jistgħu ikunu suġġetti għad-dritt ta’ rikors fil-qrati.

L-Artikolu 57

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità tagħhom ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1993 u jġibuhom fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 1994. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Meta jadottaw dawn il-miżuri, l-Istati Membri għandhom jinkludu referenzi għal din id-Direttiva jew għandhom jagħmlu dawn ir-referenzi meta jippubblikawhom uffiċjalment. Il-mod li bih għandhom isiru dawn ir-referenzi għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 58

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-18 ta’ Ġunju 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Vitor Martins

[1] ĠU C 244, tat-28.9.1990, p. 28 uĠU C 93, tat-13.4.1992, p. 1.

[2] ĠU C 67, tas-16.3.1992, p. 98 uĠU C 150, tal-15.6.1992.

[3] ĠU C 102, tat-18.4.1991, p. 7.

[4] ĠU L 172, ta’ l-4.7.1988, p. 1. L-aħħar emendata bid-Direttiva 90/618/KEE (ĠU L330, tad-9.11.1990, p. 44).

[5] ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3. L-aħħar emendata b’Direttiva 88/357/KEE (ĠU L 172, ta’ l-4.7.1988, p. 1).

[6] ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 7.

[7] ĠU L 178, tat-8.7.1988, p. 5.

[8] ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 32.

[9] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1.

[10] ĠU L 348, tas-17.12.1988, p. 62.

[11] ĠU L 66, tat-13.3.1979, p. 21. L-aħħar emendata bid-Direttiva 82/148/KEE (ĠU L 62, tal-5.3.1982, p. 22).

[12] ĠU L 322, tas-17.12. 1977, p. 30. L-aħħar emendata bid-Direttiva 89/646/KEE (ĠU L 386, tat-30.12.1989, p. 1).

[13] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3. Emendata bid-Direttiva 88/220/KEE (ĠU L 100, tad-19.4.1988, p. 31).

[14] ĠU L 386, tat-30.12.1989, p. 14.

--------------------------------------------------