31992L0033



Official Journal L 157 , 10/06/1992 P. 0001 - 0009
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 42 P. 0107
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 42 P. 0107


Id-Direttiva Tal-Kunsill 92/33/KEE

tat-28 ta’April 1992

dwar il-marketing ta’ ħxejjex ta’ propagazzjoni u materjal taż-żrigħ, barra ż-żerriegħa

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 dwar dan,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-produzzjoni ta’ ħxejjex għandha post importanti fl-agrikoltura tal-Komunità;

Billi riżultati sodisfaċenti fil-koltivazzjoni tal-ħxejjex jiddependi sa ċertu punt fuq il-kwalità u s-saħħa tal-pjanti mhux biss taż-żerriegħa diġà koperta bid-Direttiva tal-Kunsill 70/458/KEE tad-29 ta’ Settembru 1970 fuq it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa tal-ħxejjex [4] iżda wkoll tal-materjal taż-żrigħ ta’ ħxejjex użat fil-propagazzjoni tagħhom; billi ċerti Stati Membri sussegwentement introduċew regoli maħsuba biex jiggarantixxu l-kwalità u s-saħħa tal-pjanti tal-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-pjanti tal-ħxejjex li jitqegħdu fis-suq;

Billi t-trattament differenti li ngħata lill-propagazzjoni tal-ħxejjex u materjal ta’ pjantar fl-Istati Membri differenti x’aktarx joħloq barrieri fil-kummerċ u b’hekk ifixkel il-moviment ħieles ta’ dawn il-prodotti fil-Komunità; billi, b’kull ħsieb li jinħoloq suq intern, dawn il-barrieri għandhom jitneħħew billi jkunu adottati d-dispożizzjonijiet tal-Komunità biex jieħdu post dawk stabbiliti mill-Istati Membri;

Billi t-twaqqif tal-kondizzjonijiet armonizzati fuq livell tal-Komunità tiżgura li x-xerrejja madwar il-Komunità jirċievu materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li huwa b’saħħtu u ta’ kwalita’ tajba;

Billi, fir-rigward ta’ dak li jikkonċerna s-saħħa tal-pjanti, dawn il-kondizzjonijiet armonizzati għandhom ikunu konsistenti mad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 dwar il-miżuri ta’ ħarsien kontra l-introduzzjoni fl-Istati Membri ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti u lill-prodotti tal-pjanti [5];

Billi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tas-saħħa tal-pjanti tad-Direttiva 77/93/KEE, mhux il-każ li jkunu applikati r-regoli tal-Komunità fuq it-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex meta jintwera li dawn il-prodotti huma maħsuba għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, peress li r-regoli li jgħoddu hemmhekk jistgħu jkunu differenti minn dawk li jinsabu f’din id-Direttiva;

Billi li jkunu stabbiliti l-istandards tas-saħħa u l-kwalità tal-pjanti ta’ kull ġeneru u speċi tal-pjanti tal-ħxejjex jeħtieġu konsiderazzjoni twila u teknikament dettaljata u xjentifika; billi kull proċedura għandha għalhekk tkun imwaqqfa għal dak l-iskop;

Billi l-ewwelnett hija r-responsabbiltà ta’ dawk li qed ifornu l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li jiżguraw li l-prodotti tagħhom jeżawrixxu l-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva;

Billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jridu, meta jwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet, jiżguraw li l-fornituri jeżawrixxu dawk il-kondizzjonijiet;

Billi miżuri ta’ kontroll tal-Komunità għandhom jiddaħħlu biex jiżguraw l-applikazzjoni uniformi f’kull Stat Membru ta’ l-istandards stabbiliti f’din id-Direttiva;

Billi huwa fl-interess tax-xerrejja tal-materjali tal-propagazzjoni tal-ħxejjex u żrigħ li l-ismijiet tal-varjetajiet ikunu magħrufa u l-identità tagħhom tkun salvagwardjata;

Billi, għal dan il-għan, dispożizzjoni għandha ssir sakemm huwa possibbli dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ l-aspett tal-varjetajiet kif stabbilit fir-rigward tat-tqegħid fis-suq taż-żerriegħa tal-ħxejjex;

Billi, sabiex jiġi żgurat l-identità u t-tqegħid ordnat fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u żrigħ tal-ħxejjex, regoli tal-Komunità għadhom ikunu stabbiliti rigward is-separazzjoni ta’ lottijiet, u l-immarkar; billi t-tabelli wżati għandhom jagħtu d-dettalji meħtieġa kemm għall-kontroll uffiċjali u kif ukoll għall-informazzjoni ta’ l-utent;

Billi r-regoli għandhom jitwaqqfu li jippermettu, f’każijiet ta’ diffikultajiet ta’ provvista temporanja, it-tqegħid fis-suq ta’ materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex bla ħsara għall-ħtiġiet inqas stretti minn dawk li jinsabu f’din id-Direttiva;

Billi, bħala l-ewwel pass lejn kondizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri m’għandhomx jitħallew fil-każ tal-ġenera u l-ispeċi li għalihom saret referenza fl-Anness II, li għalihom folji ta’ fatti jiġu mħejjija, li jimponu kondizzjonijiet ġodda jew restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq, għajr dawk li tipprovdi din id-Direttiva;

Billi dispożizzjonijiet għandhom isiru biex jawtorizzaw il-promozzjoni fil-Komunità tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott f’terzi pajjiżi, dejjem sakemm joffri l-istess assigurazzjonijiet bħall-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott fil-Komunità u jħares ir-regoli tal-Komunità;

Billi, sabiex ikunu armonizzati l-metodi tekniċi ta’ l-eżaminazzjoni użati fl-Istati Membri u biex jipparagunaw il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ u l-pjanti tal-ħxejjex prodotti fil-Komunità ma’ dawk prodotti f’terzi pajjiżi, provi ta’ paragun għandhom isiru biex jaraw li dawn il-prodotti jħarsu l-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva;

Billi, sabiex tiffaċilita l-ħidma effettiva ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tkun fdata bl-inkarigu li tadotta l-miżuri għall-implimentazzjoni tagħha u għall-emendi ta’ l-Anness tagħha, u biex tipprovdi kull proċedura għal dak il-għan li tinvolvi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti fuq iż-Żerriegħa u l-Materjal ta’ Propagazzjoni, Agrikoltura, Ortikoltura u Forestrija,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tgħodd għat-tqegħid fis-suq tal-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex, għajr iż-żerriegħa, ġewwa l-Komunità.

2. L-Artikoli 2 sa 20 u 24 għandhom jgħoddu għall-ġenera u l-ispeċi, u l-ibridi tagħhom, li hemm elenkati fl-Anness II.

Stokk ta’ għeruq u partijiet oħra tal-pjanti ta’ ġenera u speċi oħra jew l-ibridi tagħhom wkoll ikunu suġġetti għall-Artikoli hawn fuq imsemmija jekk materjal ta’ wieħed mill-imsemmija ġenera jew speċi, jew l-ibridi tagħhom, huwa, jew irid ikun, imlaqqam fuqhom.

3. Emendi għall-lista ta’ ġenera u l-ispeċi fl-Anness II għandu jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22.

L-Artikolu 2

Din id-Direttiva ma tgħoddx għall-materjal ta’ propagazzjoni jew taż-żrigħ li hu maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, jekk identifikati sew bħala tali u miżmuma iżolati biżżejjed, mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ saħħa stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE.

Miżuri ta’ implimentazzjoni għall-ewwel subparagrafu, b’riferenza partikolari għall-identifikazzjoni u l-iżolament, għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 3

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

materjal ta’ propagazzjoni : partijiet minn pjanti u l-materjal kollu mill-pjanti, inkluż l-istokk ta’ l-għeruq li hu maħsub għall-propagazzjoni u l-produzzjoni ta’ ħxejjex;

materjal taż-żrigħ : pjanti sħaħ u partijiet minn pjanti inklużi, għall-pjanti mlaqqma, il-komponenti mlaqqma, maħsuba għaż-żrigħ għall-produzzjoni tal-ħxejjex;

fornitur : kull persuna naturali jew legali li twettaq professjonalment mill-inqas waħda mill-attivitajiet li ġejjin rigward il-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex: riproduzzjoni, produzzjoni, preservazzjoni u/jew trattament u tqegħid fis-suq;

tqegħid fis-suq : is-sehem disponibbli jew fl-istokk, il-wirja jew l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ u/jew il-forniment lil persuna oħra, f’kull forma li jkun, tal-materjal tal-propagazzjoni jew taż-żrigħ;

korp uffiċjali responsabbli (i) l-awtorità unika u ċentrali, imwaqqfa jew maħtura mill-Istat Membru taħt is-superviżjoni tal-gvern nazzjonali u responsabbli għall-mistoqsijiet dwar il-kwalità;

(ii) kull awtorità ta’ l-Istat imwaqqfa:

- jew fuq livell nazzjonali,

- jew fuq livell reġjonali, taħt is-superviżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istat Membri konċernat.

Il-korpi li għalihom saret referenza f’(i) u (ii) jistgħu, b’mod konformi mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, jiddelegaw l-inkarigi li hemm previst f’din id-Direttiva biex jitlestew taħt l-awtorità u s-superviżjoni tagħhom lil kull persuna legali, kemm jekk iggvernat mil-liġi pubblika jew dik privata, li, taħt il-kostituzzjoni uffiċjali approvata tagħha, hija fdata b’funzjonijiet speċifiċi pubbliċi, kemm it-tali persuna, u l-membri tagħha, m’għandhom l-ebda interess personali mir-riżultat tal-miżuri li jieħdu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn il-korpi li għalihom saret referenza f’(ii) u dawk riferuti f’(i).

Barra minn hekk, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, persuna legali oħra stabbilita f’isem kull korp li għaliħ saret referenza f’(i) u (ii) u li taġixxi taħt l-awtorità u s-superviżjoni tat-dan il-korp tista’ tkun approvata, kemm-il darba tali persuna m’għandhiex interess personali fir-riżultat tal-miżuri li tieħu.

L-Istati Membri jgħandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-korpi uffiċjali responsabbli tagħhom. Il-Kummissjoni għandha twassal dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra;

miżuri uffiċjali : miżuri meħuda mill-korp uffiċjali responsabbli;

spezzjoni uffiċjali : spezzjoni mwettqa mill-korp uffiċjali responsabbli;

prospett uffiċjali : prospett maħruġ minn, jew taħt ir-responsabbiltà ta’, il-korp uffiċjali responsabbli;

lott : kull numru ta’ unitajiet ta’ kull oġġett, li jingħaraf mill-omoġenità tiegħu tal-kompożizzjoni u l-oriġini;

laboratorju : kull entità tal-liġi pubblika jew privata li twettaq analiżi u dijanjosi sewwa, li tippermetti li l-produttur iħares il-kwalità tal-produzzjoni.

L-Artikolu 4

B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 22, kull skeda għandha titwaqqaf fl-Anness I għal kull ġeneru u speċi li għaliha saret referenza fl-Anness II u għall-istokk ta’ l-għeruq ta’ ġenera u speċi oħra jekk il-materjal tal-ġeneru jew l-ispeċi huwa, jew irid ikun, imlaqqam magħhom, b’kull riferenza għall-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-pjanti stabbiliti fid-Direttiva 77/93/KEE li tgħodd għall-ġeneru u/jew l-ispeċi kkonċernata, u tistabilixxi:

(i) il-kondizzjonijiet li l-materjal taż-żrigħ tal-ħxejjex irid jikkonforma magħhom, b’mod partikolari dawk tal-kwalità u l-purità tal-wiċċ tar-raba u, meta jkun il-każ il-karatteristiċi tal-varjetà. Dawn il-ħtiġiet jiġu magħduda ma’ l-Anness I, Parti A;

(ii) il-kondizzjonijiet li l-materjal tal-propagazzjoni jrid iħares, b’mod partikolari dawk rigward is-sistema applikata ta’ propagazzjoni, l-purità tal-wiċċ tar-raba li qed tikber u, fejn xieraq il-karatteristiċi tal-varjetà. Dawn il-kondizzjonijiet jiġu ppreżentati fl-Anness I, Parti B.

L-Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri jieħdu kull miżura li hemm bżonn biex jiggarantixxu l-ħarsien tal-istandards stabbiliti b’din id-Direttiva f’kull stadju tal-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex.

2. Għall-fini tal-paragrafu 1, dawk il-fornituri msemmija jew iwettqu huma stess, jew iqabbdu li jitwettqu minn fornitur akkreditat jew kull korp uffiċjali risponsabbli, spezzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji li ġejjin:

- identifikazzjoni tal-punti kritiċi fil-proċess tagħhom ta’ produzzjoni fuq il-bażi tal-metodi wżati tal-produzzjoni,

- it-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-metodi ta’ sorveljanza u ċċekkjar tal-punti kritiċi msemmija fl-ewwel inċiż,

- teħid ta’ kampjuni għall-analiżi f’kull laboratorju akkreditat minn korp uffiċjali responsabbli bl-iskop li jara l-konformità mal-istandards stabbiliti minn din id-Direttiva,

- li jinżamm kull rekord bil-miktub jew kull rekord reġistrat b’mod li ma jitħassarx ta’ l-informazzjoni li għaliha saret referenza fl-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiż, kif ukoll tar-rekords fuq il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ, biex jinżamm għad-dispożizzjoni tal-korp uffiċjali responsabbli. Dawn id-dokumenti u r-rekords għandhom jinżammu għal perjodu ta’ mill-inqas sena.

Madankollu, fornituri, li l-attività tagħhom f’din il-konnessjoni hija limitata biss għad-distribuzzjoni tal-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott u pakkettat f’lok għajr li mhux tagħhom jintalbu biss li jżommu kull rekord bil-miktub jew kull rekord reġistrat b’mod li ma jitħassarx tax-xiri u l-bejgħ u/jew il-forniment ta’ dawn il-prodotti.

Dan l-paragrafu ma jgħoddx għal fornituri li qed jipprovdu li l-attività tagħhom f’din il-konnessjoni hija limitata għall-provvista ta’ kwantitajiet żgħar tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex lill-konsumaturi finali li mhumiex professjonali.

3. Jekk ir-riżultat ta’ l-ispezzjonijiet tagħhom stess jew kull informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-fornituri li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 jiżvela l-preżenza ta’ wieħed jew aktar organiżmi ta’ ħsara li għaliħ saret referenza fid-Direttiva 77/93/KEE jew fi kwantitajiet aktar milli normalment huwa permess biex jintlaħqu l-istandards, jew ta’ dawk speċifikati fl-iskedi rilevanti mwaqqfa skond l-Artikolu 4, il-fornituri għandhom minnufih jirrapportaw dan lill-korp uffiċjali responsabbli u jieħdu l-miżuri indikati minn dak il-korp jew kull miżura oħra meħtieġa biex tnaqqas ir-riskju li ma jinfirxux dawn l-organiżmi li jagħmlu l-ħsara. Il-fornitur għandu jżomm rekord ta’ kull okkorrenza ta’ l-organiżmi ta’ ħsara fil-lok tiegħu u tal-miżuri kollha li ttieħdu rigward dawn l-okkorrenzi.

4. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tat-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 2 għandhom jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura mwaqqfa fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 6

1. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jakkredita dawk il-fornituri kemm-il darba jiġi vverifikat li l-metodi tagħhom tal-produzzjoni u l-istabbilimenti jilħqu il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva rigward in-natura ta’ l-attivitajiet li jmexxu. L-akkreditazzjoni trid tkun imġedda jekk kull fornatur jiddeċiedi li jwettaq attivitajiet għajr dawk li għalihom ingħata akkreditazzjoni.

2. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jakkredita l-laboratorji kemm-il darba jiġi vverifikat li dawn il-laboratorji, il-metodi tagħhom u l-istabbilimenti tagħhom jilħqu mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva li għandhom ikunu speċifikati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, rigward l-attivitajiet ta’ provi li huma jwettqu. L-akkreditazzjoni trid tkun imġedda jekk kull laboratorju jiddeċiedi li jwettaq attivitajiet għajr dawk li għalihom ingħata akkreditazzjoni.

3. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jieħu l-miżuri meħtieġa jekk il-ħtiġiet li għalihom saret referenza fil-paragrafi 1 u 2 ma jibqgħux jiġu mħarsa. Għal dan il-għan, għandu jikkonsidra l-konklużjonijiet ta’ kull spezzjoni li titwettaq skond l-Artikolu 7.

4. Is-superviżjoni u s-sorveljanza ta’ fornituri, stabbilimenti u laboratorji għandha titwettaq regolarment minn u taħt ir-responsabbiltà tal-korp uffiċjali responsabbli, li f’kull ħin għandu jkollu aċċess ħieles għal kull parti ta’ l-istabbilimenti, sabiex jiżgura konformità mal-ħtiġiiet ta’ din id-Direttiva. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar is-superviżjoni u s-sorveljanza għandhom jiġu adottati, kif meħtieġ, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

Jekk din is-superviżjoni u s-sorveljanza tiżvela li l-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva mhumiex mħarsa, il-korp uffiċjali responsabbli jieħu l-azzjoni li hemm bżonn.

L-Artikolu 7

1. L-esperti tal-Kummissjoni jistgħu b’kooperazzjoni mal-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istati Membri, jagħmlu provi fuq il-lok kemm-il darba din hija meħtieġa biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari biex tivverifika jekk dawk il-fornituri humiex fil-fatt iħarsu l-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva. Kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu qed issir kull prova għandu jagħti l-assistenza kollha meħtieġa lill-esperti biex iwettqu dmirhom. Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Istati Membri bir-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet.

2. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-paragrafu 1 jkunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 8

1. Materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex jista’ jkun imqiegħed fis-suq biss minn dawk akkreditati biex ifornuħ u kemm-il darba iħarsu l-ħtiġijiet stabbiliti fl-iskeda li għaliha saret referenza fl-Artikolu 4.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/93/KEE, il-paragrafu 1 ma jgħoddx għall-materjal ta’ propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex maħsuba għal:

(a) esperimenti jew skopijiet xjentifiċi; jew

(b) xogħol ta’ selezzjoni; jew

(ċ) miżuri mmirati biex tiġi ppriservata d-diversità ġenetika.

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-punti (a) u (b) għandhom jiġu adottati kif meħtieġ b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21. Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-punt (ċ) jiġu adottati preferibbilment qabel l-1 ta’ Jannar 1993, skond l-istess proċedura.

L-Artikolu 9

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2, il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li huwa tal-ġeneru u l-ispeċi elenkat fl-Anness II u wkoll kopert bid-Direttiva 70/458/KEE m’għandux jiġi mqiegħed fis-suq ġewwa l-Komunità kemm-il darba ma jkunx ta’ kull varjetà li hija aċċettata skond id-Direttiva 70/458/KEE.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2 u l-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li huwa tal-ġeneru jew ispeċi elenkat fl-Anness II iżda mhux kopert mid-Direttiva 70/458/KEE m’għandux jiġi mqiegħed fis-suq ġewwa l-Komunità jekk ma jkunux ta’ varjetà li hija uffiċjalment aċċettata minn mill-inqas Stat Membru wieħed.

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4, 5 u 10(3) tad-Direttiva 70/458/KEE għandhom jgħoddu għall-kondizzjonijiet ta’ l-aċċettazzjoni.

L-Artikoli 3(2) u (4), 6, 7, 8, 10(1), (2) u (4) u 11 sa 15 ta’ l-imsemmija Direttiva għandhom jgħoddu mutatis mutandis għall-proċeduri u formalitajiet ta’ l-aċċettazzjoni u ż-żamma ta’ produzzjoni.

Ir-riżultati ta’ l-eżamijiet mhux uffiċjali u l-informazzjoni prattika miġbura waqt iż-żmien tat-tkabbir jista’ jiġi kkunsidrat f’kull istanza.

3. L-Istati Membri għandu jieħu kull pass meħtieġa biex jiżgura li l-aċċettazzjoni uffiċjali tal-varjetajiet li jiġu minn ġenera jew speċi li għalihom saret referenza fil-paragrafu 2 li ngħatat qabel l-1 ta’ Jannar 1993 b’mod konformi mal-prinċipji barra dawk stabbiliti fid-Direttiva 70/458/KEE jew fuq il-bażi tal-fatt li l-materjal tagħhom kien imqiegħed fis-suq fit-territorju tagħhom qabel dik id-data teskadi fit-30 ta’ Ġunju 1998 l-aktar tard, kemm-il darba l-varjetajiet inkwistjoni kienu ġew aċċettati b’mod konformi mal-paragrafu 1 f’dik id-data.

4. Il-varjetajiet aċċettati uffiċjalment skond il-paragrafi 2 u 3 għandhom jiddaħħlu fil-Katalogu Komuni tal-Varjetajiet ta’ l-Ispeċi tal-Ħxejjex li għaliħ saret referenza fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 70/458/KEE. L-Artikoli 16(2) u (3), 17, 18 u 19 għandhom jgħoddu mutatis mutandis.

Il-pubblikazzjoni in kwistjoni għandha taħtar il-varjetajiet aċċettati skond il-paragrafu 3 b’kull riferenza speċifika.

L-Artikolu 10

1. Tul il-perjodu ta’ tkabbir u matul il-qtugħ jew t-tneħħija mill-materjal parenti, il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ għandu jinżamm f’lottijiet separati.

2. Jekk il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex ta’ oriġini differenti jitqegħdu flimkien jew jitħallat waqt l-ippakkettar, il-ħażna, it-vjaġġ jew meta jitwassal, il-fornitur għandu jżomm ir-rekords inkluż l-informazzjoni li ġejja: il-kompożizzjoni tal-lott u l-oriġini tal-komponenti individwali.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mal-ħtiġijiet tal-paragrafi 1 u 2 billi jwettqu spezzjonijiet uffiċjali.

L-Artikolu 11

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2), il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex jgħandu jiġi mpoġġi fis-suq biss f’lottijiet omoġenji biżżejjed u jekk jintgħarfu li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva u jkunu akkumpanjati minn kull dokument magħmul mill-fornitur b’mod konformi mal-kondizzjonijiet stabbliti fl-iskeda stabbilita skond l-Artikolu 4. Jekk kull dikjarazzjoni uffiċjali tidher f’dan id-dokument, din ghandha tiġi separata minn kull kontenut ieħor tad-dokument.

Il-ħtiġiet tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex għal it-tikkettjar u/jew l-issiġillar għandhom jiġu stabbiliti fl-iskeda li għaliha saret referenza fl-Artikolu 4.

2. Fil-każ ta’ provvista minn bejjiegħ bl-imnut tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex għall-konsumatur finali mhux professjonali, il-ħtiġiet dwar it-tikkettjar jistgħu jiġu limitati għall-informazzjoni xierqa tal-prodott.

L-Artikolu 12

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw:

- mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 11, produtturi żgħar li l-produzzjoni u l-bejgħ kollu tagħhom tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex huwa maħsub għall-użu finali minn persuni fuq is-suq lokali li mhumiex involuti professjonalment fil-produzzjoni tal-pjanti ("ċirkolazzjoni lokali").

- mill-kontrolli u l-ispezzjonijiet uffiċjali li hemm provdut fl-Artikolu 18, iċ-ċirkolazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ prodotti minn dawn il-persuni eżentati.

B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, il-miżuri ta’ implimentazzjoni dwar il-ħtiġiet l-oħra dwar l-eżentazzjonijiet li għalihom saret referenza fl-ewwel u t-tieni inċiżi hawn fuq imsemmija, b’mod partikolari rigward il-kunċetti tal-"produtturi żgħar" u s-"suq lokali", u għall-proċeduri rilevanti, għandhom jiġu adottati.

L-Artikolu 13

Fil-każ ta’ diffikoltajiet temporanji fil-provvista tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li jħares il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, miżuri jistgħu jiġu adottati, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, dwar il-promozzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li jħares ħtiġiet inqas stretti, mingħajr preġudizzju għar-regoli tas-saħħa tal-pjanta stabbilita fid-Direttiva 77/93/KEE.

L-Artikolu 14

1. It-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li tħares il-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ikun suġġett għal għall-ebda restrizzjonijiet rigward il-fornitur, is-saħħa tal-pjanta, il-mezz ta’ tkabbir u l-arranġamenti tas-saħħa barra dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

2. It-tqegħid fis-suq tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex li l-varjetà tagħhom tiddaħħal fil-Katalogu Komuni tal-Varjetajiet ta’ l-Ispeċi tal-Ħxejjex ma jkunu suġġetti għal kull restrizzjoni rigward il-varjetà barra dawn stabbiliti jew li għalihom saret referenza f’din id-Direttiva.

L-Artikolu 15

Rigward il-prodotti li għalihom saret referenza fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom joqgħodu lura milli jimponu kondizzjonijiet aktar stretti jew restrizzjonijiet fuq is-suq barra dawk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-iskedi li għalihom saret referenza fl-Artikolu 4 jew, jekk fin-nuqqas ta’ dan, dawk li jeżistu fid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 16

1. B’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, għandu jkun deċiż jekk materjal tal-ħxejjex tal-propagazzjoni u taż-żrigħ prodott f’kull pajjiż terz u li joffri l-istess garanziji dwar l-obbligi fuq il-fornitur, l-identità, il-karatteristiċi, is-saħħa tal-pjanti, il-mezz ta’ tkabbir, l-ippakkjar, l-arranġamenti ta’ l-ispezzjoni, l-immarkar u s-siġillar, hux ekwivalenti f’dawn ir-rispetti kollha mal-materjal tal-ħxejjex tal-propagazzjoni u taż-żrigħ prodott fil-Komunità u jħares il-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2. Sakemm ttieħed deċiżjoni li għaliha saret referenza fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, sa l-1 ta’ Jannar 1993, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/93/KEE, japplikaw għall-importazzjoni tal-materjal tal-ħxejjex tal-propagazzjoni u taż-żrigħ minn pajjiżi terzi kondizzjonijiet li ta’ l-anqas huma ekwivalenti temporanjament jew permanentament fl-iskedi li għalihom saret referenza fl-Artikolu 4. Mejta dawn il-kondizzjonijiet mhumiex stabbiliti fl-iskedi msemmija, il-kondizzjonijiet ta’ l-importazzjoni jridu jkunu mill-inqas daqs dawk applikabbli għal produzzjoni ta’ l-Istat Membru konċernat.

B’ mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, id-data li ghaliha saret referenza fl-ewwel subparagrafu jista’, għal terzi pajjiżi diversi, tkun differita sakemm ttieħed id-deċiżjoni li għaliha saret referenza fil-paragrafu 1.

Il-materjal tal-ħxejjex tal-propagazzjoni u taż-żrigħ importat minn kull Stat Membru skond deċiżjoni meħuda minn dak l-Istat Membru skond l-ewwel subparagrafu għandha tkun suġġett għall ebda restrizzjoni fl-Istati Membri l-oħra rigward il-kwistjonijiet li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispezzjoni uffiċjali permezz ta’ verifiki ta’ kampjuni fuq il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ titwettaq matul il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq, bil-għan li l-konformità tiġi vverifikata mal-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 18

Proċeduri dettaljati ta’ implimentazzjoni għall-kontrolli li għalihom hemm provdut fl-Artikolu 5 u għall-ispezzjoni uffiċjali provduta fl-Artikoli 10 u 17, inklużi l-metodi ta’ kif jittieħdu l-kampjuni, għandhom jiġu adottati, kif meħtieġ, skond il-proċedura provduta fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 19

1. Jekk, matul is-superviżjoni u s-sorveljanza li għalihom hemm previst fl-Artikolu 6(4), l-ispezzjoni uffiċjali li hemm prevista fl-Artikolu 17, jew l-provi li hemm previst fl-Artikolu 20, jinstab li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex ma jħarsux il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, il-korp uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru għandu jieħu l-azzjoni li hemm bżonn biex jiżgura li jħares id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew, jekk dak mhux possibbli, li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ dak il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex fil-Komunità.

2. Jekk jinstab li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex imqiegħed fis-suq minn kull fornitur partkolari ma jikkonformax mal-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru konċernat għandu jiżgura li miżuri xierqa jiġu meħuda kontra l-fornitur. Jekk il-fornitur huwa pprojbit li jqiegħed fis-suq materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex, l-Istat Membru għandu javża lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri.

3. Kull miżura meħuda taħt il-paragrafu 2 tista’ tiġi rtirata hekk kif jiġi stabbilit b’ċertezza adegwata li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex maħsuba għat tqegħid fis-suq mill-fornitur għandha fil-futur, tikkonforma mal-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 20

1. Esperimenti, jew, fejn ikun il-każ, provijigu mwettqa fl-Istati Membri fuq kampjuni biex ikun iċċekkjat li il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex jikkonforma mal-ħtiġiet u l-kondizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, inklużi dawk relatati mas-saħħa tal-pjanta. Il-Kummissjoni tista’ torganizza spezzjonijiet ta’ l-esperimenti minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

2. Jista’ jkun deċiż b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 21 li jkun meħtieġ li jsiru esperimenti tal-Komunità għall-istess skop kif imsemmi fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni tista’ torganizza spezzjonijiet ta’ l-esperimenti tal-Komunità minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni.

3. L-esperimenti jew provi li għalihom saret referenza fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jintużaw biex ikunu armonizzati l-metodi tekniċi ta’ l-eżaminazzjoni tal-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex. Rapporti tal-progress għandhom isiru dwar l-esperimenti jew il-provi u jintbagħtu b’mod kunfidenzjali lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, fejn ikun il-każ, l-arranġamenti biex tikkordina, twettaq u tispezzjona l-esperimenti li għalihom saret referenza fil-paragrafi 1 u 2, u l-istima tar-riżultati tagħhom, isiru fi ħdan il-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 21. Meta problemi tas-saħħa tal-pjanti jiġru, il-Kummissjoni għandha tavża l-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. Jekk hemm bżonn, arranġamenti speċifiċi jiġu adottati. Il-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott f’terzi pajjiżi għandu jiġi inkluż fl-esperimenti.

L-Artikolu 21

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejjuna minn kumitat, riferut bħala l-"Kumitat Permanenti fuq iż-Żerriegħa u l-Pjanti ta’ l-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija", immexxi mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat kull abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jwassal il-fehma tiegħu fuq l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-president jista’jistabilixxi skond l-urġenza ta’ l-affari. Il-fehma titwassal mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill jeħtieġ jadotta fuq kull proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat ikunu mwieżna bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-president m’għandux vot.

3. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li għandhom jibdew jgħoddu minnufih.

Madankollu, jekk dawn il-miżuri mhumiex skond il-fehma tal-kumitat, għandhom ikunu ikkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufiħ. F’dak il-każ il-Kummissjoni tista’ tipposponi l-applikazzjoni tal-miżuri li ddeċidiet fuqhom għal kull perjodu ta’ mhux iktar minn xahar mid-data tat-tali komunikazzjoni.

Il-Kunsill, li jaġixxi b’kull maġġoranza kkwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti fil-limitu ta’ żmien li għaliħ saret referenza fil-paragrafu ta’ qabel.

L-Artikolu 22

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti fuq iż-Żerriegħa u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija, presjeduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat kull abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jwassal l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f’kull limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabilixxi skond l-urġenza ta’ l-affari. Il-fehma tista’ titwassal mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ jadotta fuq kull proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat ikunu peżati fil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-president m’għandux vot.

3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-miżuri maħsuba b’mod konformi mal-fehma tal-kumitat.

Jekk il-miżuri ppjanati mhumiex konformi mal-fehma tal-kumitat, jew jekk l-ebda fehma ma titwassal, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tibgħat lill-Kunsill kull proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’kull maġġoranza kwalifikata.

Jekk, meta jiskadi kull l-perjodu ta’ tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ikun għadu m’aġixxiex, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mil-Kummissjoni.

L-Artikolu 23

Emendi għall-iskedi li għalihom saret referenza fl-Artikolu 4 u għall-kondizzjonijiet u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

L-Artikolu 24

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex prodott fit-territorju tagħhom u maħsub għat-tqegħid fis-suq jikkonformha mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva.

2. Jekk jinstab, waqt kull spezzjoni uffiċjali, li l-materjal tal-propagazzjoni u taż-żrigħ tal-ħxejjex ma jistax, minħabba li mhuwiex konformi ma’ kull kondizzjoni li għandha x’taqsam mas-saħħa tal-pjanti, jiġi mqiegħed fis-suq, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri uffiċjali xierqa biex jelimina kull riskju fuq is-saħħa tal-pjanta li tista’ jirriżulta.

L-Artikolu 25

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1992. Għandhom imbaghad minnufiħ javżaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom kull riferenza għal din id-Direttiva jew jkunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir l-imsemmija riferenza jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. Sa fejn l-Artikoli 5 sa 11, 14, 15, 17, 19 u 24 huma konċernati, id-data ta’ l-applikazzjoni għal kull ġeneru jew speċi li għaliħ sar referenza fl-Anness II jiġi ffissat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, meta l-iskeda li għaliha saret referenza fl-Artikolu 4 titlesta.

L-Artikolu 26

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, it-28 t’April 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Arlindo Marques Cunha

[1] ĠU C 46, tas-27.2.1990, p. 4; u ĠU C 296, tal-15.11.1991, p. 10

[2] ĠU C 240, tas-16.9.1991, p. 193.

[3] ĠU C 182, tat-23.7.1990, p. 19.

[4] ĠU L 225, tat-12.10.1970, p. 7; Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 90/654/KEE (ĠU L 353, tas-17.12.1990, p. 48).

[5] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 20; Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 92/10/KEE (ĠU L 70, tas-17.3.1992, p. 27).

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Il-kondizzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti skond l-Artikolu 4

Punt A

Il-kondizzjonijiet li l-materjal taż-żrigħ iridu jikkonformaw magħhom.

Punt B

Skedi għall-ġenera u l-ispeċi mhux elenkati fid-Direttiva 70/458/KEE li fihom il-kondizzjonijiet li l-materjal ta’ propagazzjoni irid jikkonforma għalih.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Elenku tal-ġenera u l-ispeċi li għaliħ saret referenza fl-Artikolu 1(2)

— Allium ascalonicum | ħaxix mir-razza tal-basal |

— Allium cepa L | basal |

— Allium fistulosum L. | kurrat salvaġġ |

— Allium porrum L. | kurrata |

— Allium sativum | tewm |

— Anthriscus cerefolium (L.) Hoffm. | maxxita |

— Apium graveolens L. | karfusa |

— Asparagus officinalis L. | spraġ |

— Beta vulgaris L. var. vulgaris | mangold |

— Beta vulgaris L. var. conditiva Alef | pitrava ħamra |

— Brassica oleracea L. convar. acephala (DC) Alef. var. sabellica L. | kaboċċi mġiegħda |

— Brassica oleracea L. convar. botrytis (L.) Alef. var. botrytis L. | pastarda |

— Brassica oleracea L. convar. botrytis (L.) Alef. var. cymosa Duch. | brokkli |

— Brassica oleracea L. convar. var. gammifera DC | kaboċċa żgħira |

— Brassica oleracea L. convar. capitata (L.) Alef. var. sabauda L. | kaboċċa Ingliża |

— Brassica oleracea L. convar. capitata (L.) Alef. var. alba DC | kaboċċa |

— Brassica oleracea L. convar. capitata (L.) Alef. var. rubra DC | kaboċċa ħamra |

— Brassica oleracea L. convar. acephala (DC) Alef. var. gongylodes | ġidra |

— Brassica pekinensis L. | kaboċċa Ċiniża |

— Brassica rapa L. var. rapa | nevew |

— Capsicum annuum L. | bżar |

— Chicorium endivia L. | indivja |

— Chicorium intybus L. (partim) | ċikwejra Witloof |

— Citrullus lanatus (Thunb.) Matsum. et Nakai | dulliegħa |

— Cucumis melo L. | bettieħa |

— Cucumis sativus L. | ħjar żgħir għall- immarinar |

— Cucurbita maxima Duchesne | qargħa |

— Cucurbita pepo L | qargħa bagħlija żgħira |

— Cynara cardunculus | kardun |

— Cynara scolymus | qaqoċċa |

— Daucus carota L | zunnarija |

— Foeniculum vulgare P. Mill. | bużbieża |

— Lactuca sativa L. | ħass |

— Lycopersicon lycopersicum (L.) Karsten ex Farw. | tadam |

— Petroselinum crispum (Mill.) Nyman ex A. W. Hill | tursin |

— Phaseolus coccineus L. | fażola ħadra |

— Phaseolus vulgaris L. | fażola |

— Pisum sativum L. (partim) | piżelli ħlief piżelli ta’ l- għalf |

— Raphanus sativus L | ravanelli |

— Rheum | rabarbra |

— Scorzonera hispanica L. | scorzonera |

— Solanum melongena L. | brunġiela |

— Spinacia oleracea L. | spinaċi |

— Valerianelle locusta (L.) Laterr. | insalata tal- qamħ |

— Vicia faba L. (partim) | ful |

--------------------------------------------------