31992L0031



Official Journal L 126 , 12/05/1992 P. 0011 - 0011
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 22 P. 0040
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 22 P. 0040


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 92/31/KEE

tat-28 ta' April 1992

li temenda d-Direttiva 89/336/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-kompatibbiltà elettromanjetika

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ([1]),

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew ([2]),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ([3]),

Billi d-Direttiva 89/336/KEE ([4] [5]) tipprovdi għall-armonizzazzjoni kompleta dwar il-kompatibbiltà elettromanjetika;

Billi l-applikazzjoni uniformi ta' dik id-Direttiva teħtieġ id-disponibbilità ta' standards armonizzati; billi dawn l-istandards mhux ser ikunu disponibbli sad-data ta' l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva;

Billi dik id-Direttiva ma pprovditx għall-perijodu transitorju adegwat li matulu jkun permess li jitqiegħed fis-suq apparat manifatturat skond ir-regoli nazzjonali applikabbli qabel id-data ta' l-applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva;

Billi l-manifatturi għandu jkollhom iż-żmien meħtieġ li jippermetti li apparat maħżun jitqiegħed fis-suq;

Billi d-Direttiva 89/336/KEE għandha għaldaqstant tiġi emendata,,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 89/336/KEE hija b'dan emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 10(3) għandu jitħassar.

2. L-Artikolu 12(1) għandu jiġi supplimentat bil-paragrafu li ġej:

Iżda, l-Istati Membri għandhom, għall-perijodu sal-31 ta' Diċembru 1995, jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq u/jew it-tqegħid fis-servizz ta' apparat previst f'din id-Direttiva li jikkonforma mar-regolamenti nazzjonali fis-seħħ fit-territorju tagħhom fit-30 ta' Ġunju 1992.'

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-adozzjoni tagħha. Għandhom jinfurmaw minnufih b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-28 ta' April 1992.

Għall-Kunsill

Il-President

Arlindo MARQUES CUNHA

[1] ĠU Ċ 126, 21.6.1991, p. 7.

[2] ĠU Ċ 13, 20.4.1992, p. 506 u ĠU Ċ 94, 13.4.1992

[3] ĠU Ċ 339, 31.12.1991, p. 1.

[4] ĠU L 139, 23.5.1989, p. 19.

[5] Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/263/KEE (ĠU L 128, 23.5.1991, p. 1).