Official Journal L 076 , 23/03/1992 P. 0014 - 0020
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0127
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0127
Id-Direttiva Tal-Kunsill 92/13/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi d-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE tas-17 ta’ Settembru 1990 dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni [4] tistabbilixxi regoli għall-proċeduri ta’ akkwist sabiex jiżguraw li fornituri u kuntratturi potenzjali jkollhom opportunità ġusta li jiżguraw l-għoti ta’ kuntratti, iżda ma tikkontjeni ebda dispożizzjonijiet speċifiċi li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tagħha; Billi l-arranġamenti eżistenti kemm fuq livell nazzjonali kemm Komunitarju sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tagħha mhumiex dejjem adegwati; Billi l-assenza ta’ rimedji effettivi jew l-inadegwatezza tar-rimedji eżistenti jistgħu jżommu l-intrapriżi Komunitarji milli jissottomettu offerti; billi, għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jirrimedjaw din is-sitwazzjoni; Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [5], hija limitata għal proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti fil-qasam tad-Direttiva tal-Kunsill 71/305/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 li tikkonċerna l-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet pubbliċi [6], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/531/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika [7], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/531/KEE; Billi l-ftuħ ta’ l-akkwist fis-setturi kkonċernati għall-konkorrenza Komunitarja jimplika li għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet biex jiżguraw li jsiru proċeduri approprjati ta’ reviżjoni disponibbli għall-fornituri jew il-kuntratturi fil-każ ta’ ksur tal-liġi Komunitarja rilevanti jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi; Billi huwa neċessarju li jiġi provdut għal żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni u billi, sabiex ikun hemm effetti tanġibbli, għandhom ikunu disponibbli rimedji effettivi u rapidi; Billi għandu jittieħed kont tan-natura speċifika ta’ ċerti sistemi legali billi l-Istati Membri jiġu awtorizzati jagħżlu bejn l-introduzzjoni ta’ poteri differenti għall-korpi tar-reviżjoni li jkollhom effetti ekwivalenti; Billi waħda minn dawn l-għażliet tinkludi l-poter ta’ intervenzjoni diretta fil-proċeduri ta’ akkwist ta’ l-entitajiet kontraenti billi per eżempju jiġu sospiżi, jew billi jitwarrbu deċiżjonijiet jew klawżoli diskriminatorji f’dokumenti jew pubblikazzjonijiet; Billi l-għażla l-oħra tipprovdi għall-poter li wieħed jeżerċita pressjoni effettiva u indiretta fuq il-partijiet kontraenti sabiex iġegħelhom jikkoreġu xi ksur tal-liġi jew iżommhom milli jikkommettu ksur, u sabiex ikun hemm prevenzjoni kontra l-okkorrenza ta’ ħsara; Billi pretensjonijiet għal kumpens għandhom dejjem ikunu possibbli; Billi, meta ssir pretensjoni għal kumpens li jirrappreżentaw l-ispejjeż ta’ preparazzjoni ta’ offerta jew ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti, il-persuna li tagħmel il-pretensjoni m’għandhiex tkun meħtieġa, sabiex tikseb ir-rimbors ta’ l-ispejjeż tagħha, li tipprova li l-kuntratt kien jingħatalha fl-assenza ta’ dan il-ksur; Billi l-partijiet kontraenti li jikkonformaw mar-regoli ta’ l-akkwist jistgħu jgħarrfu dan permezz ta’ mezzi approprjati; billi dan jeħtieġ eżami, minn persuni indipendenti, tal-proċeduri ta’ akkwist u tal-prattiċi applikati minn dawk il-partijiet; Billi għal dan l-iskop sistema ta’ ċertifikazzjoni, li tippermetti li ssir dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni korretta tar-regoli ta’ l-akkwist pubbliku li għandha ssir f’notifiki ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, hija approprjata; Billi l-partijiet kontraenti għandu jkollhom l-opportunità li jirrikorru għas-sistema ta’ ċertifikazzjoni jekk jixtiequ hekk; billi l-Istati Membri għandhom joffrulhom il-possibilità li jagħmlu dan; billi jistgħu jagħmlu dan jew billi jistabbilixxu s-sistema huma stess jew billi jippermettu li l-partijiet kontraenti jkollhom rikors għas-sistema ta’ ċertifikazzjoni stabbilita minn Stat Membru ieħor; billi jistgħu jgħaddu l-inkarigu ta’ l-eżaminar taħt is-sistema ta’ ċertifikazzjoni, lil persuni, professjonijiet jew impjegati ta’ istituzzjonijiet; Billi l-flessibilità neċessarja fl-introduzzjoni ta’ din is-sistema hija ggarantita billi jiġu stabbiliti r-rekwiżiti essenzjali għaliha f’din id-Direttiva; billi d-dettalji operazzjonali għandhom jiġu provduti fl-Istandards Ewropej li għalihom tirreferi din id-Direttiva; Billii l-Istati Membri jista’ jkollhom il-bżonn li jiddeterminaw id-dettalji operazzjonali, qabel jew f’addizzjoni għar-regoli kontenuti fl-Istandards Ewropej; Billi, meta impriżi, ma jfittxux reviżjoni, ċertu ksur tal-liġi ma jistax jiġi korrett sakemm mekkaniżmu speċifiku ma jiġix stabbilit; Billi, għaldaqstant, il-Kummissjoni meta tikkunsidra li jkun sar ksur tal-liġi ċar u manifest matul il-proċedura ta’ għotja ta’ kuntratt, għandha tkun tista’ tiġbed l-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru u ta’ l-entità kontraenti kkonċernata sabiex jittieħdu passi għall-korrezzjoni minnufih ta’ dak il-ksur; Billi huwa neċessarju li jiġi provdut għall-possibiltà ta’ konċiljazzjoni fuq livell Komunitarju sabiex il-kwistjonijiet jkunu solvuti b’ mod amikevoli; Billi l-applikazzjoni fil-prattika ta’ din id-Direttiva għandha tiġi riveduta fl-istess ħin bħal dik tad-Direttiva 90/531/KEE abażi ta’ l-informazzjoni li għandha tiġi fornita mill-Istati Membri li tikkonċerna l-funzjonament tal-proċeduri nazzjonali tar-reviżjoni; Billi din id-Direttiva għandha tinġieb fis-seħħ fl-istess ħin bħad-Direttiva 90/531/KEE; Billi huwa approprjat li r-Renju ta’ Spanja, r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża jingħataw perjodi addizzjonali adegwati għat-trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, b’kont meħud tad-dati ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 90/531/KEE, f’dawk il-pajjiżi, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: IL-KAPITOLU I Rimedji fuq livell nazzjonali L-Artikolu 1 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-partijiet kontraenti tkun tista’ tiġi riveduta effettivament u b’mod partikolari malajr kemm jista jkun skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2 [8], abażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam ta’ l-akkwist jew regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi fir-rigward; (a) proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/531/KEE; u (b) ta’ konformità ma l-Artikolu 3(2) (a) ta’ dik id-Direttiva fil-każ tal-partijiet kontraenti li għalihom tapplika dik id-dispożizzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn intrapriżi li aktarx jagħmlu pretensjoni għal dannu fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, bħala riżultat tad-distinzjoni magħmula minn din id-Direttiva bejn ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi Komunitarja u regoli nazzjonali oħrajn. 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, ta’ lanqas għal kull persuna li jkollha jew ikun kellha interess f’ li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew qiegħda f’riskju li tiġi danneġġjata minn ksur allegat. B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-persuna li tfittex ir-reviżjoni għandha tkun innotifikat qabel lill-parti kontraenti bil-ksur allegat u bl-intenzjoni tagħha li tfittex reviżjoni. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda dwar il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludu dispożizzjoni għall-poteri: jew: (a) li jieħu, ma’ l-opportunità l-iktar kmieni u bħala proċedura interlokutorja, miżuri interim bl-iskop li jiġi kkoreġut il-ksur allegat jew li jiġi pprevenut dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi assigurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt jew l-implimentazzjoni ta’ kull deċiżjoni meħuda mill-parti kontraenti; u (b) li jwarrab jew jiżgura li jitwarrbu deċiżjonijiet meħuda kontra l-liġi, inkluża t-tneħħija ta’ l-ispeċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjari fin-notifika ta’ kuntratt, in-notifika perjodika indikativa, in-notifika dwar l-eżistenza ta’ sistema ta’ kwalifikazzjoni, l-invit għal offerta, d-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li għandu x’jaqsam mall-proċeudra ta’ l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni; jew (ċ) sabiex jieħdu, fl-opportunità l-iktar kmieni, jekk possibbli permezz ta’ proċeduri interlokutorji u jekk neċessarju permezz ta’ proċedura finali dwar is-sustanza, miżuri ta’ xort’ oħra minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) bl-iskop li jiġi kkoreġut kull ksur identifikat u li jiġi pprevenut dannu għall-interessi konċernati; b’mod partikolari, li ssir ordni għall-ħlas ta’ somma partikolari f’każijiet meta l-ksur ma ġiex korrett jew prevenut. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din l-għażla jew għall-, partijiet kollha kontraenti jew għal kategorijii ta’ entitajiet definiti fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, u f’kull każ jippreservaw l-effettività tal-miżuri stabbiliti sabiex jiġi pprevenut dannu kkawżat lill-interessi kkonċernati; (d) u, fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, sabiex jingħata kumpens lil persuni milquta ħażin minn ksur. Meta jintalab kumpens fuq il-bażi li ttieħdet deċiżjoni illegalment, l-Istati Membri, meta s-sistema tagħhom tal-liġi interna teħtieġ hekk u tipprovdi għal entitajiet li jkollhom il-poteri neċessarji għal dak l-iskop, jipprovdu li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-ewwel titwarrab jew tiġi ddikjarata illegali. 2. Il-poteri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli għal aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni. 3. Il-proċeduri ta’ reviżjoni m’hemmx għalfejn fihom infushom ikollhom effett awtomatiku sospensiv fuq il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt li jirrelataw għalihom. 4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, meta jikkunsidraw jekk jordnawx miżuri interim, l-entità responsabbli tista’ tikkonsidra l-konsegwenzi probabbli tal-miżuri għall-interessi kollha li x’aktarx jintlaqtu ħażin, kif ukoll l-interess pubbliku, u jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux dawn il-miżuri meta l-konsegwenzi negattivi tagħhom jistgħu jeċċedu l-benefiċċji tagħhom. Deċiżjoni li ma jingħatawx miżuri interim m’għandhiex tippreġudika kull pretensjoni oħra tal-persuna li tkun qed tfittex dawn il-miżuri. 5. Is-somma li għandha titħallas skond il-paragrafu 1(ċ) għandha tkun imqiegħda f’livell għoli biżżejjed biex tiddiswadi l-entità kontraenti milli tikkommetti jew tippersisti bi ksur. Il-ħlas ta’ dik is-somma jista jiddependi fuq deċiżjoni finali li l-ksur ikun fil-fatt sar. 6. L-effetti ta’ l-eżerċizzju tal-poteri msemmija fil-paragrafu 1 dwar kuntratt konkluż sussegwenti għall-għoti tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi nazzjonali. Barraminnhekk, minbarra fejn deċiżjoni għandha titwarrab qabel l-għotja tal-kumpens, Stat Membru jista’ jipprovdi li wara l-konklużjoni ta’ kuntratt wara li dan jingħata, il-poteri ta’ l-entità responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu limitati għall-għotja tal-kumpens lil kull persuna li ssirilha ħsara bi ksur. 7. Meta ssir pretensjoni għal kumpens li jirrappreżenta l-ispejjeż tal-preparazzjoni ta’ offerta jew tal-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għotja, il-persuna li tagħmel il-pretensjoni għandha tkun meħtieġa biss tipprova li jkun sar ksur tal-liġi Komunitarja fis-settur ta’ l-akkwist jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi u li hija kien ikollha ċans veru li tirbaħ il-kuntratt u li, bħala riżultat ta’ dak il-ksur, dak iċ-ċans ġie effettwat ħażin. 8. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni jistħgu jiġu inforzati b’mod effetiv. 9. Billi l-entitajiet responsabbli għall-proċeduri tar-reviżjoni mhumiex ta’ natura ġudizzjarja, għandhom dejjem jingħataw raġunijiet bil-miktub għad-deċiżjonijiet tagħhom. Barraminnhekk, f’dan il-każ, għandha ssir dispożizzjoni sabiex tiggarantixxi l-proċeduri li bihom kull miżura allegatament illegali li tkun ittieħdet mill-entità tar-reviżjoni jew kull difett allegat fl-eżerċizzju tal-poteri mogħtija lilha tista’ tkun is-suġġett ta’ reviżjoni ġudizzjarja jew reviżjoni minn entità oħra li hija qorti jew tribunal fis-sens ta’ l-Artikolu 177 tat-Trattat u li tkun indipendenti kemm mill-entità kontraenti u l-entità tar-reviżjoni. Il-membri ta’ l-entità indipendenti msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jinħatru u jispiċċaw il-kariga taħt l-istess kondizzjonijiet bħal membri tal-ġudikatura fir-rigward ta’ l-awtorità responsabbli għall-ħatra tagħhom, il-perjodu tal-mandat tagħhom, u t-tneħħija tagħhom. Mill-inqas il-President ta’ din l-entità indipendenti għandu jkollu l-istess kwalifiki legali u professjonali bħal membri tal-ġudikatura. L-entità indipendenti għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha wara proċedura fejn tisma’ ż-żewġ partijiet, u dawn id-deċiżjonijiet għandhom, permezz tal-mezzi stabbiliti minn kull Stat Membru, jorbtu legalment. IL-KAPITOLU 2 Verifika L-Artikolu 3 L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-partijiet kontraenti l-possibiltà li jkollhom rikors għal sistema ta’ verifika skond l-Artikoli 4 sa 7. L-Artikolu 4 Il-partijiet kontraenti jista’ jkollhom il-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratt tagħhom u l-prattiċi li jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/531/KEE eżaminati perjodikament bl-iskop li jiksbu verifika li, f’dak il-ħin, dawk il-proċeduri u l-prattiċi jkunu inkonformità mal-liġi Komunitarja li tikkonċerna l-għoti ta’ kuntratti u r-regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi. L-Artikolu 5 1. Il-verifikaturi għandhom jirrappurtaw lill-parti kontraenti, bil-miktub, dwar ir-riżultati ta’ l-eżami tagħhom. Għandhom jissodisfaw rwieħhom, qabel ma jikkunsinnaw lill-parti kontraenti msemmija fl-Artikolu 4, li kull irregolarità identifikata fil-proċeduri u l-prattiċi ta’ l-għotja tal-parti kontraenti ġiet ikkoreġuta u ttieħdu miżuri biex jiżguraw li dawk l-irregolaritajiet ma jiġux ripetuti. 2. "Il-parti kontraenti kisbet verifika skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE li, fil…, il-proċeduri u l-prattiċi tagħha għall-għoti ta’ kuntratti kienu konformi mal-liġi Komunitarja u r-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi." L-Artikolu 6 1. Il-verifikaturi għandhom ikunu indipendenti mill-partijiet kontraenti u għandhom ikunu kompletament oġġettivi fil-qadi ta’ dmirijiethom. Huma għandhom joffru garanziji approprjati tal-kwalifiki professjonali u l-esperjenza relevanti. 2. L-Istati Membri jistgħu jidentifikaw kull persuna, professjoni jew istituzzjoni li l-impjegati tagħhom, mitluba biex jaġixxu bħala verifikaturi, jirigwardaw bħala li jissodisfaw il-ħtiġiet tal-paragrafu 1. Għal dawn l-iskopijiet, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu kwalifiki professjonali, ta’ lanqas fil-livell ta’ diploma ta’ edukazzjoni ogħħla fis-sens tad-Direttiva 89/48/KEE [9], li huma jikkonsidraw bħala relevanti, jew jipprovdu li eżamijiet partikolari ta’ kompetenza professjonali organizzati jew rikonoxxuti mill-Istat li joffru dawn il-garanziji. L-Artikolu 7 Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4,5 u 6 għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħtiġiet essenzjali għall-iżvilupp ta’ standards Ewropej dwar il-verifika. IL-KAPITOLU 3 Mekkaniżmu korrettiv L-Artikolu 8 1. Il-Kummissjoni tista’ tinvoka l-proċeduri li dan l-Artikolu jipprovdi għalihom, qabel ma jiġi konkluż kuntratt, meta tikkunsidra li jkun sar ksur ċar u manifest tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku, tul proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li taqa fil-qasam ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/531/KEE jew fir-rigward ta’ l-Artikolu 3(2)(a) ta’ dik id-Direttiva fil-każ tal-partijiet kontraenti li tapplika għalihom dik id-dispożizzjoni. 2. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri u lill-entità kontraenti kkonċernata bir-raġunijiet li jkunu wassluha sabiex tikkonkludi li jkun sar ksur ċar u manifest u titlob li dan jiġi kkoreġut b’mezzi xierqa. 3. Fi żmien tletin ġurnata minn meta jirċievu n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni: (a) il-konferma tagħhom li l-ksur ġie korrett; jew (b) sottomissjoni raġjonata dwar għaliex ma saret ebda korrezzjoni; jew (ċ) notifika li l-effett tal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt ġie sospiż jew mill-entità kontraenti fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew abażi tal-poteri speċifikati fl-Artikolu 2(1)(a). 4. Sottomissjoni raġjonata skond il-paragrafu 3(b) tista’ tkun ibbażata fost affarijiet oħra fuq il-fatt li l-ksur allegat ikun diġà s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji ta’ reviżjoni jew ta’ reviżjoni kif msemmi fl-Artikolu 2(9). F dan il-każ, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-riżultat ta’ dawk il-proċeduri kif dan isir magħruf. 5. Meta tingħata notifika li l-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt tkun ġiet sospiża skond il-paragrafu 3(ċ), l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni meta s-sospensjoni titneħħa jew tinbeda proċedura oħra ta’ kuntratt li tirrelata kompletament jew inparti għall-istess materja. Dik in-notifika l-ġdida għandha tikkonferma li l-ksur allegat ikun ġie korrett jew tinkludi sottomissjoni raġjonata għaliex ma tkun saret l-ebda korrezzjoni. IL-KAPITOLU 4 Konċiljazzjoni L-Artikolu 9 1. Kull persuna li jkollha jew ikun kellha interess li tikseb kuntratt partikolari li jaqa’ fil-qasam ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/531/KEE u li, fir-rigward tal-proċedura għall-għotja ta’ dak il-kuntratt, tikkonsidra li hija sofriet ħsara jew qiegħda f’riskju li ssofri ħsara minn ksur allegat tal-liġi Kmunitarja fil-qasam ta’ l-akkwist jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw dik il-liġi, tista' titlob li ssir l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikoli 10 u 11. 2. It-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi indirizzata bil-miktub lill-Kummissjoni jew lill-awtoritatjiet nazzjonali elenkati fl-Anness. Dawn l-awtoritajiet għandhom jgħaddu t-talbiet lill-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun. L-Artikolu 10 1. Meta l-Kummissjoni tikkonsidra, abażi tat-talba msemmija fl-Artikolu 9, li l-kwistjoni tikkonċerna l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja, hija għandha tistaqsi lill-entità kontraenti sabiex din tiddikjara jekk tkunx lesta tieħu sehem fil-proċedura ta’ konċiljazzjoni. Jekk l-entità kontraenti tirrifjuta li tieħu sehem, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-persuna li tkun għamlet it-talba li l-proċedura ma tistax tinbeda. Jekk l-entità kontraenti taqbel, il-paragrafi 2 sa 7 għandhom japplikaw. 2. Il-Kummissjoni għandha tipproponi, malajr kemm jista’ jkun, konċiljatur magħżul minn lista ta’ persuni ndipendenti akkreditati għal dan l-iskop. Din il-lista għandha titfassal mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Parir Għal Kuntratti Pubbliċi jew, fil-każ ta’ l-attivitajiet ta’ entitajiet kontraenti li huma definiti fl-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 90/531/KEE, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku fit-Telekomunikazzjoni. Kull parti għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandha tiddikjara jekk taċċettax lill-konċiljatur, u għandha tinnomina konċiljatur ulterjuri. Il-konċiljaturi ma jistgħux jistiednu aktar minn żewġ persuni oħrajn bħala esperti sabiex jagħtuhom parir fix-xogħol tagħhom. Il-partijiet għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni u l-Kummissjoni jistgħu jirrifjutaw lil kull espert mistieden mill-konċiljaturi. 3. Il-konċiljaturi għandhom jagħtu lill-persuna li titlob l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, l-entità kontraenti u kull kandidat ieħor jew persuna li tagħmel offerta li tipparteċipa fil-proċedura rilevanti ta’ l-għoti tal-kuntratt, l-opportunità li tagħmel rappreżentazzjonijiet dwar is-suġġett jew verbalment jew bil-miktub. 4. Il-konċiljaturi għandhom jippruvaw malajr kemm jista’ jkun jilħqu ftehim bejn il-partijiet li jkun skond il-liġi Komunitarja. 5. Il-konċiljaturi għandhom jirrapurtaw lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet tagħhom u kull riżultat miksub. 6. Il-persuna li titlob li l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni u l-parti kontraenti għandu jkollhom id-dritt li jtemmu l-proċedura fi kwalunkwe ħin. 7. Sakemm il-partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-persuna li titlob l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni u l-parti kontraenti għandhom ikunu responsabbli għall-ispejjeż tagħhom. Minbarra dan, kull wieħed għandu joħroġ nofs l-ispejjeż tal-proċedura, esklużi l-ispejjeż tal-partijiet interventi. L-Artikolu 11 1. Meta, inkonnessjoni ma’ proċedura partikolari ta’ għoti ta’ kuntratt, persuna interessata fis-sens ta’ l-Artikolu 9, u li mhijiex il-persuna li titlob il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, tkun qed twettaq proċeduri għar-reviżjoni ġudizzjarja jew proċeduri oħrajn ta’ reviżjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva, l-entità kontraenti għandha tinforma lill-konċiljaturi. Dawn għandhom jinfurmaw lill-persuna li tkun saret talba sabiex tiġi applikata l-proċedura ta’ konċiljazzjoni u għandhom jistiednu lil dik il-persuna sabiex tindika fi żmien partikolari jekk hi taqbilx li tipparteċipa f’dik il-proċedura. Jekk dik il-persuna tirrifjuta li tipparteċipa, il-konċiljaturi jistgħu jiddeċiedu, waqt li jaġixxu jekk neċessarju b maġġoranza sabiex itemmu l-proċedura ta’ konċiljazzjoni jekk iqisu li l-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna hija neċessarja sabiex tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni. Huma għandhom jinnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom lill-Kumitat u jagħtu raġunijiet għaliha. 2. Kull azzjoni meħuda skond dan il-Kapitolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għal: (a) kull azzjoni li l-Kummissjoni jew kull Stat Membru jista’ jieħu skond l-Artikoli 169 jew 170 tat-Trattat jew skond il-Kapitolu 3 ta’ din id-Direttiva; (b) d-drittijiet tal-persuni li jitolbu l-proċedura ta’ konċiljazzjoni, tal-parti kontraenti jew ta’ kull persuna oħra. IL-KAPITOLU IV Dispożizzjonijiet finali L-Artikolu 12 1. Mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Kuntratti Pubbliċi, għandha tirrevedi l-mod li bih id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu ġew implimentati u, b’mod partikolari, l-użu ta’ l-istandards Ewropej u, jekk neċessarju, tagħmel proposti għal emendi. 2. Qabel l-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-operazzjoni tal-proċeduri tagħhom ta’ reviżjoni nazzjonali matul is-sena kalendarja preċedenti. In-natura ta’ l-informazzjoni għandha tiġi determinata mill-Kummissjoni b’konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi. 3. Fil-każ ta’ affarijiet li jolqtu lill-partijiet kontraenti li l-attivitajiet tagħhom huma definiti fl-Artikolu (2)(d) tad-Direttiva 90/531/KEE, il-Kummissjoni għandha wkoll tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwist Pubbliku fit-Telekommunikazzjoni. L-Artikolu 13 1. L-Istati Membri għandhom jieħdu qabel l-1 ta’ Jannar 1993, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Ir-Renju ta’ Spanja għandu jieħu dawn il-miżuri sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1995. Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Portugiża għandhom jieħdu dawn il-miżuri sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1997. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza meta jiġu uffiċjalment ippubblikati. Il-metodi li bihom din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, fl-istess dati bħal dawk (stabbiliti fid-Direttiva 90/531/KEE). 3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam rregolat minn din id-Direttiva. L-Artikolu 14 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-25 ta’ Frar, 1992. Għall-Kunsill Il-President Vitor Martins [1] ĠU C 216, tal-31.8.1990, p. 8 uĠU C 179, ta’ l-10.7.1991, p. 18.. [2] ĠU C 106, tat-22.4.1991, p. 82 uĠU C 39, tas-17.2.1992. [3] ĠU C 60, tat-8.3.1991, p. 16. [4] ĠU L 297, tad-29.10.1990, p. 1. [5] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 33. [6] ĠU L 185, tas-16.8.1971, p. 5. [7] ĠU L 13, tal-15.1.1977, p. 1. [8] ĠU L 19, ta’ l-24.1.1989, p. 16. [9] ĠU L 19, ta’ l-24.1.1989, p. 16. -------------------------------------------------- L-ANNESS L-awtoritajiet nazzjonali li jistgħu jiġu indirizzati lilhom talbiet għall-applikazzjoni tal-proċedura ta' konċiljazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 Il-Belġju Services du Premier Ministre Diensten Van de Eerste Minister Ministere des Affaires Economiques Ministerie van Economische Zaken Id-Danimarka Industri- og Handelsstyrelsen (kuntratti ta' provvista) Boligsministeriet (kuntratti ta' xogħol) Il-Ġermanja Bundesministerium fuer Wirtschaft Il-Greċja Ypoyrgeio Viomichanias, Energeias kai Technologias Ypoyrgeio Emporioy Ypoyrgeio Perivallontos, Chorotaxias kai Dimosion Ergon Spanja Ministerio de Economía y Hacienda Franza Commission centrale des marchés L-Irlanda Department of Finance L-Italja Presidenza del Consiglio dei Ministri Politiche Comunitarie Il-Lussemburgu Ministère des travaux publics L-Olanda Ministerie van Economische Zaken Il-Portugall Conselho de mercados de obras publicas e particulares Ir-Renju Unit HM Treasury --------------------------------------------------