31992D0353



Official Journal L 192 , 11/07/1992 P. 0063 - 0065
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0078
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 43 P. 0078


Id-Deċiżjoni Tal-Kummissjoni

tal-11 ta’ Ġunju 1992

li tippreskrivi l-kriterji għall-approvazzjoni jew l-għarfien ta’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba stud għal equidae reġistrati

(92/353/KEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/427/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kondizzjonijiet żootekniċi u ġenealoġiċi li jirregolaw il-kummerċ intra-Komunitarju tal-equidae [1], u partikolarment Artikolu 4(2)(a) miġjub fih,

Billi fl-Istati Membri kollha kotba stud jinżammu jew huma stabbiliti jew minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet jew minn dipartimenti uffiċjali; billi, għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu preskritti l-kriterji għall-approvazzjoni jew l-għarfien ta’ l-organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet msemmija;

Billi, skond Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 90/427/KEE, il-kriterji preskritti iridu jagħmluha possibbli li jiġi żgurat li organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet approvati jew magħrufa jikkonformaw mal-prinċipji preskritti mill-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni li żżomm il-ktieb stud tal-oriġini tar-razza;

Billi l-applikazzjoni għall-approvazzjoni jew l-għarfien trid tiġi sottomessa mill-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinstabu l-kwartieri ġenerali;

Billi, meta organizzazzjoni jew assoċjazzjoni tilħaq ċertu kriterji u għandha miri definiti, trid tiġi approvata jew magħrufa mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li għalih ġiet applikata;

Billi il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti taż-Żoteknika,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sabiex jiġu uffiċjalment approvati jew magħrufa, organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet li jżommu jew jistabbilixxu kotba stud iridu jissottomettu applikazzjoni lill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinstabu l-kwartieri ġenerali tiegħu.

Artikolu 2

1. L-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konċernat iridu jagħtu approvazzjoni jew għarfien uffiċjali lil kull organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li żżomm jew tistabbilixxi ktieb stud, basta li tilħaq il-kondizzjonijiet preskritti fl-Anness.

2. Madankollu, fi Stat Membru fejn organizzazzjoni jew assoċjazzjoni waħda jew aktar li hija approvata jew magħrufa uffiċjalment diġà teżisti rigward razza mogħtija, l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru jistgħu jirrifjutaw li jgħarrfu organizzazzjoni jew assoċjazzjoni ġdida:

- jekk tpoġġi fil-periklu l-preservazzjoni tar-razza jew tipperikola l-operat jew il-programm ta’ titjib jew selezzjoni ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni eżistenti, jew

- jekk equidae ta’ dik ir-razza jistgħu jiġu entrati jew reġistrati f’taqsmina speċifika ta’ ktieb stud miżmum minn organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li tgħodd partikolarment għal dik it-taqsmina il-prinċipji preskritti skond il-punt 3 (b) tal-Anness mill-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni li żżomm il-ktieb stud ta’ l-oriġini ta’ dik ir-razza.

3. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull approvazzjoni jew għarfien mogħtija, kif ukoll rifjuti kuntestati.

4. Fejn organizzazzjoni jew assoċjazzjoni fi Stat Membru hija rifjutata approvazzjoni jew għarfien uffiċjali, ir-raġunijiet ta’ dan ir-rifjut iridu jiġu komunikati bil-miktub lill-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjoni.

Artikolu 3

L-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru msemmi għandhom jirtiraw approvazzjoni jew għarfien uffiċjali minn kull organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li żżomm jew tistabbilixxi ktieb stud jekk m’għadhiex tilħaq il-kondizzjonijiet preskritti fl-Anness.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-11 ta’ Ġunju 1992.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 55.

--------------------------------------------------

ANNESS

Sabiex tiġi uffiċjalment approvata jew magħrufa, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li żżomm kotba stud, tistabbilixxi taqsimijet ta’ kotba stud, u tistabbilixxi kotba stud għal equidae reġistrati trid:

1. ikollha personalita legali skond il-leġislazzjoni fis-seħħ fl-Istat Membru fejn l-applikazzjoni tkun saret;

2. tissodisfa l-awtoritajiet kompetenti li:

(a) topera b’mod effiċjenti;

(b) tikkonforma mal-prinċipji preskritti skond il-punt 3 (b) ta’ l-Anness mill-organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li żżomm il-ktieb stud ta’ l-oriġini tar-razza, jekk mhijex organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li hija nnifisha żżomm dak il-ktieb stud ta’ l-oriġini tar-razza;

(ċ) tista’ twettaq l-ispezzjonijiet meħtieġa biex jiġu rekordjati annimali tar-razza;

(d) għandha numru suffiċjenti ta’ equidae biex twettaq programm ta’ titjib jew ta’ selezzjoni jew biex tippreserva r-razza fejn dan huwa kunsidrat meħtieġ;

(e) tista’ tipprovdi d-data (per eżempju fuq il-qadi) meħtieġa biex jitwettaq programm ta’ titjib, selezzjoni jew preservazzjoni;

3. ikollha prinċipji stabbiliti:

(a) is-sistema biex jiġu provvduti l-fatti magħrufa "data" (per eżempju fuq il-qadi) li biha equidae jistgħu jiġu evalwati għall-għan ta’ titjib, selezzjoni u preservazzjoni tar-razza;

(b) fil-każ ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li żżomm ktieb stud ta’ l-oriġini tar-razza:

- is-sistema biex jiġu rekordjati annimali tar-razza,

- id-definizzjoni tal-karatteristiċi tar-razza (jew razez) jew il-popolazzjoni koperta mill-ktieb stud,

- is-sistema biex jiġu identifikati equidae,

- id-definizzjoni ta’ l-oġġettivi bażiċi tagħha ta’ selezzjoni,

- it-tqassim tal-ktieb stud, jekk hemm kondizzjonijiet differenti biex jiġu entrati equidae, jew jekk hemm proċeduri differenti biex jiġu klassifikati equidae entrati fil-ktieb,

- lineages entrati fi ktieb stud wieħed jew aktar, meħtieġ;

4. għandha regoli ta’ proċedura li jipprovdu, partikolarment, għal trattament mhux diskriminatorju ta’ dawk li jrabbu. Madanakollu, fil-każ li għal razza waħda fit-territorju tal-Komunità ikun hemm diversi organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet li jkopru l-intier ta’ dak it-territorju, ir-regoli ta’ proċedura ta’ organizzazzjoni jew assoċjazzjoni jistgħu jipprovdu li equidae irid jitwieled f’territorju msemmi biex jikkwalifika għal għanijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ twelid. Din ir-restrizzjoni ma tgħoddx għal dħul għal għanijiet ta’ riproduzzjoni.

--------------------------------------------------